This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025D00436
Decision of the General Court of 5 February 2025 on the broadcasting of the delivery of judgments or Opinions under Article 110a(8) and Article 219(8) of the Rules of Procedure [2025/436]
Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2025 dwar ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet skont l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura [2025/436]
Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2025 dwar ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet skont l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura [2025/436]
ĠU L, 2025/436, 3.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/436/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/436 |
3.3.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-QORTI ĠENERALI
tal-5 ta’ Frar 2025
dwar ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet skont l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura
[2025/436]
IL-QORTI ĠENERALI,
Wara li kkunsidrat l-Artikoli 110(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni u fid-dawl tan-neċessità li l-ġustizzja Ewropea titqarreb iktar lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jixxandru wħud mill-attivitajiet ġudizzjarji tagħha fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
Ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet relatati ma’ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jsegwu, mill-bogħod, dawn l-attivitajiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali. |
|
(3) |
L-Artikoli 110a u 219 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedu l-possibbiltà ta’ xandir tas-seduti, rispettivament, fir-rikorsi diretti u fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari. L-imsemmija artikoli jipprevedu, fil-paragrafi 8 rispettivi tagħhom, li l-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina r-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(4) |
L-Artikolu 246(5) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 110a u 219 dwar ix-xandir tas-seduti jkunu applikabbli biss mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 110a(8) u fl-Artikolu 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
(5) |
F’dan l-istadju, huwa għalhekk xieraq li jiġu previsti r-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet, bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti dwar ir-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali. |
|
(6) |
Konformement mal-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biss it-test tas-sentenza jew tal-konklużjonijiet bil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun il-każ, b’lingwa oħra awtorizzata bis-saħħa tal-Artikolu 46(8) tal-imsemmija Regoli li huwa awtentiku. |
|
(7) |
Il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi żgurata fix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-fatt li jista’ jsir riferiment għall-informazzjoni dwar il-proċeduri ġudizzjarji ppubblikati fl-internet, u sussegwentement jinstab permezz ta’ muturi ta’ tfittxija, tinġibed l-attenzjoni tal-partijiet u tal-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għall-Artikoli 66, 66a u 201 tar-Regoli tal-Proċedura, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-deċiżjoni tiddetermina r-regoli u l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tax-xandir fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet relatati ma’ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali.
2. Il-President tal-Qorti Ġenerali, wara li jinstema’ l-President tal-Awla, għandu jiddetermina s-sentenzi li l-għoti tagħhom għandu jixxandar. Bl-istess mod, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, huwa jiddetermina l-konklużjonijiet li l-preżentazzjoni tagħhom għandha tixxandar.
Artikolu 2
Modalitajiet ta’ xandir
1. Il-partijiet u l-persuni ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu informati li l-għoti ta’ sentenza jew il-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet ikunu ser jixxandru.
2. Ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet isir b’mod dirett fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3. Dan ix-xandir jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni jew sottotitoli.
Artikolu 3
Aspetti tekniċi
1. Ix-xandir jiġi żgurat mid-dipartimenti kompetenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sistema sigura ġestita jew użata mill-istituzzjoni.
2. Ix-xandir ikun aċċessibbli għal kull utent tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel.
Artikolu 4
Disponibbiltà u ħażna ta’ reġistrazzjonijiet tal-videos
1. Ir-reġistrazzjoni tal-video ta’ għoti ta’ sentenzi jew ta’ preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet għandha tibqa’ disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal perijodu ta’ tliet xhur wara d-data tal-għoti jew tal-preżentazzjoni, sakemm il-President tal-Qorti Ġenerali ma jiddeċidix mod ieħor.
2. Meta l-għoti ta’ sentenzi jew il-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet jixxandru, ir-reġistrazzjoni tal-video tinħażen fuq is-servers użati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3. Ir-reġistrazzjonijiet tal-video maħżuna konformement mal-paragrafu preċedenti jistgħu jintużaw mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ komunikazzjoni jew jiġu trażmessi, fuq talba, lil terzi.
Artikolu 5
Protezzjoni tad-data personali
1. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandu jiżgura l-osservanza tad-data personali.
2. Il-mekkaniżmi interni ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali mwettaq fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali japplikaw għall-miżuri adottati sabiex jiġi implimentat ix-xandir.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Frar 2025.
Ir-Reġistratur
V. DI BUCCI
Il-President
M. VAN DER WOUDE
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/436/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)