Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R3188

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3188 tas-16 ta’ Diċembru 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

ST/15799/2024/INIT

ĠU L, 2024/3188, 16.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3188/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3188/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3188

16.12.2024

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3188

tas-16 ta’ Diċembru 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat-8 ta' Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/2642.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni u l-Istati Membri ser ikomplu jsaħħu r-reżiljenza tagħhom u jagħmlu użu sħiħ mis-sett ta' għodod ibridi tal-UE biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għall-attivitajiet ibridi tar-Russja.

(3)

L-Unjoni tibqa' soda fil-kundanna tagħha tal-attivitajiet malinni tar-Russja diretti kontra l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiżdiedu 16-il persuna fiżika u 3 persuni ġuridiċi mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2642 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L, 2024/2642, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2642/oj.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiżdiedu s-subintestatura u t-tabella li ġejjin:

“A.

Persuni fiżiċi

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Artem Sergeevich KUREEV

(bir-Russu: Артём Сергеевич КУРЕЕВ)

Uffiċjal tal-Ħames Servizz tas-Servizz Federali tas-Sigurtà, Kap Editur tal-‘African Initative’, Fundatur ta' ‘Rusafro’

Data tat-twelid: 24.10.1980

Post tat-twelid: USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 4002209800

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (INN): 782500167259

Artem Sergeevich Kureev huwa uffiċjal tas-Servizz Federali tas-Sigurtà Russu involut f'attivitajiet malinni, b'mod partikolari kampanji ta' diżinformazzjoni kkoordinati, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika. Huwa jwettaq kampanji ta' influwenza fl-Ewropa, inkluż billi jorganizza t-tixrid ta' artikli bir-Russu u bit-traduzzjoni tagħhom bl-Ingliż fuq siti web proxy u billi jagħmel pagamenti għall-pubblikazzjoni ta' artikli favur ir-Russja, bl-għan li jxerred id-diżinformazzjoni Russa fl-Ewropa. Huwa waqqaf żewġ mezzi tal-media fl-Afrika u wettaq kampanji intenzjonati ta' diżinformazzjoni bl-għan li jdgħajfu l-proġetti tas-saħħa tal-Punent fl-Afrika permezz tat-tixrid ta' teoriji ta' kospirazzjoni bħall-użu allegat tal-Afrika għal esperimenti ta' gwerra bijoloġika u provi illeċiti ta' diversi drogi minn kumpaniji farmaċewtiċi tal-Punent.

Għalhekk, Artem Sergeevich Kureev qed jimplimenta azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi billi jippjana u jidderieġi l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

2.

Nikolai Aleksandrovich TUPIKIN

(bir-Russu: Николай Александрович ТУПИКИН)

Direttur Eżekuttiv ta' Structura National Technologies magħrufa wkoll bħala GK Struktura

Post tat-twelid: USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (INN): 773402066160

Nikolai Aleksandrovich Tupikin huwa l-kap u l-fundatur ta' Structura National Technologies (GK Struktura). Il-kumpanija kienet involuta fil-kampanja hekk imsejħa ‘Doppelganger’, kampanja diġitali ta’ diżinformazzjoni mmexxija mir-Russja mmirata lejn il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-tixrid tad-diżinformazzjoni b'appoġġ għall-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u mmirata lejn l-Istati Membri tal-Unjoni, l-Istati Uniti u l-Ukrajna. Huwa jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Amministrazzjoni Presidenzjali tal-Federazzjoni Russa. Huwa kien ukoll wieħed mill-persuni ewlenin fil-kampanja ta' diżinformazzjoni tar-Russja fl-Amerka Latina kollha bl-għan li jimmina l-appoġġ għall-Ukrajna.

Għalhekk, Nikolai Aleksandrovich Tupikin qed jimplimenta azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi billi jippjana u jidderieġi l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati. Huwa assoċjat ukoll ma' Sofia Avraamovna Zakharova, kap tad-dipartiment fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa għall-Iżvilupp tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni.

16.12.2024

3.

Sofia Avraamovna ZAKHAROVA

(bir-Russu: София Авраамовна ЗАХАРОВА)

Kap tad-dipartiment fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa għall-Iżvilupp tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni

Post tat-twelid: USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: mara

Sofia Avraamovna Zakharova hija l-kap tad-dipartiment fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa għall-Iżvilupp tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni. Hija kienet involuta fil-kampanja hekk imsejħa ‘Doppelganger’ immirata lejn il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-tixrid tad-diżinformazzjoni b'appoġġ għall-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u mmirata lejn l-Istati Membri tal-Unjoni, l-Istati Uniti u l-Ukrajna. Hija ilha taħdem direttament ma' Ilya Gambashidze u Nikolai Tupikin, kapijiet ta' Social Design Agency u GK Struktura, rispettivament, fuq din l-operazzjoni. Hija kienet ukoll wieħed mill-mexxejja tat-tim u l-membri attivi tal-hekk imsejjaħ ‘Tim I’ immexxi minn Ilya Gambashidze, li tinsab wara l-kampanja tal-Kremlin għad-diżinformazzjoni fil-Punent, li qed tinterferixxi fl-elezzjonijiet ta' pajjiżi differenti, u qed tħejji proġetti biex tiskredita l-oppożizzjoni Russa.

Għalhekk, Sofia Avraamovna Zakharova qed timplimenta azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi billi tippjana u tidderieġi l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

4.

Andrey Vladimirovich AVERYANOV

(bir-Russu: Андрей Владимирович АВЕРЬЯНОВ)

Kmandant tal-unità 29155 tal-GRU

Maġġur Ġeneral

Data tat-twelid: 29.9.1967

Post tat-twelid: USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (INN): 773378888007

Andrey Vladimirovich Averyanov huwa uffiċjal militari għoli tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GRU). Wara l-mewt ta' Yevgeny Prigozhin u r-ristrutturar tal-Wagner Group, il-kmand tal-operazzjonijiet militari Russi fl-Afrika ġie ristrutturat u tqiegħed taħt il-Korp Afrikan taħt il-kappa tal-Ministeru għad-Difiża Russu, u Averyanov tqiegħed responsabbli għall-operazzjonijiet. F'ħafna pajjiżi Afrikani, il-forzi Russi jipprovdu sigurtà lill-ġunti militari li waqqgħu l-gvernijiet demokratiċi leġittimi, u b'hekk aggravaw serjament l-istabbiltà, is-sigurtà u d-demokrazija tal-pajjiżi.

Barra minn hekk, il-forzi Russi fl-Afrika jisfruttaw ir-riżorsi naturali hemmhekk biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom. Fil-bidu tal-2024, il-forzi Russi ħadu l-kontroll tal-minjiera tad-deheb ta' Intahaka fil-Mali.

Għalhekk, Andrey Vladimirovich Averyanov qed jimplimenta azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà f’pajjiżi terzi billi jdgħajjef il-proċess politiku demokratiku fil-pajjiżi Afrikani fejn joperaw il-forzi Russi u billi jisfrutta kunflitt armat, instabbiltà jew nuqqas ta' sigurtà, inkluż permezz tal-isfruttament illeċitu jew il-kummerċ ta' riżorsi naturali u organiżmi selvaġġi f'pajjiż terz.

16.12.2024

5.

Tinatin Givievna KANDELAKI

magħruf ukoll bħala

Tina KANDELAKI

(bir-Russu: Тинатин Гивиевна КАНДЕЛАКИ)

Ġurnalista, figura pubblika, ċelebrità, preżentatriċi u produttriċi tat-TV, Viċi Direttur Ġenerali ta' Gazprom Media Holding

Data tat-twelid: 10.11.1975

Post tat-twelid: Tbilisi, Georgian SSR (issa Georgia)

Ċittadinanza: Georgjana

Sess: mara

Tinatin Givievna Kandelaki hija ġurnalista Russa impjegata mill-kumpanija tal-istat Gazprom Media, u figura pubblika li ilha tuża l-popolarità u l-influwenza tagħha fl-isfera pubblika biex issemma' l-propaganda Russa u biex tiġġustifika l-gwerra ta’aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna. Kienet fost dawk li wettqu l-kunċert tal-istadium ta' Luzhniki tat-18 ta' Marzu 2022 li fakkar it-tmien anniversarju tal-annessjoni illegali tal-Krimea u serva bħala simbolu ta' appoġġ għall-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Wara l-2014, hija appoġġat bis-sħiħ l-annessjoni illegali tal-Krimea. Barra minn hekk, hija Viċi Direttur Ġenerali ta' Gazprom Media Holding, azjenda ta' diversi mezzi tal-media li jxerrdu propaganda kontra l-Ukrajna u jiġġustifikaw l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Diversi stazzjonijiet televiżivi li huma proprjetà ta' Gazprom Media Holding u rregolati minnha ssostitwew l-istazzjonijiet televiżivi Ukreni fuq frekwenzi tat-televiżjoni lokali li qabel kienu ssekwestrati bil-qawwa mir-Russi wara l-invażjoni Russa tal-Krimea u għalhekk ipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tal-annessjoni illegali tal-Krimea.

Għalhekk, Tinatin Givievna Kandelaki hija responsabbli għal, timplimenta, tappoġġa, jew tibbenefika minn, azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Unjoni, f'organizzazzjoni internazzjonali, jew f'pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta' pajjiż terz, billi tippjana, tiddirieġi, tinvolvi ruħha fi, direttament jew indirettament, tappoġġa jew tiffaċilita b'xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni kkoordinati.

16.12.2024

6.

Vladimir Vladimirowich SERGIYENKO

(bir-Russu: Владимир Владимирович СЕРГИЕНКО)

Eks assistent tal-Membru tal-Bundestag Eugen Schmidt

Data tat-twelid: 23.5.1971

Post tat-twelid: Lviv, Ukrainian SSR (issa Ukraine)

Ċittadinanza: Russa /Ukrena

Sess: raġel

Vladimir Vladimirovich Sergiyenko huwa eks assistent parlamentari tal-Membru tal-Bundestag, Eugen Schmidt Ġermaniż. B'mod parallel, Sergiyenko kkollabora b'mod attiv mal-uffiċjali tal-intelligence Russi li fittxew li jisfruttaw l-aċċess parlamentari u politiku privileġġat tiegħu għad-detriment tal-proċess politiku demokratiku u l-ordni kostituzzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għalhekk, Vladimir Vladimirovich Sergiyenko implimenta u appoġġa azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sigurtà fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi involva ruħu fi, direttament jew indirettament, it-tfixkil jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku.

16.12.2024

7.

Denis Alexandrovich SMOLYANINOV

(bir-Russu: Денис Александрович СМОЛЯНИНОВ)

Kurunell tal-GRU

Data tat-twelid: 26.8.1976

Post tat-twelid: Chelyabinsk, USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 672904784466

Denis Alexandrovich Smolyaninov huwa kurunell tal-GRU, li jispeċjalizza f'operazzjonijiet psikoloġiċi. Huwa inkarigat mid-direzzjoni Ukrena tal-GRU. Listi ta' merċenarji li għandhom jintbagħtu lid-Donbass għaddew mid-direzzjoni Ukrena. Huwa ssorvelja wkoll żewġ kumpaniji militari privati (PMCs) assoċjati mal-Ministeru għad-Difiża: Longifolia, kumpanija militari ta' bosses tal-kriminalità mis-snin 90, li permezz tagħha ġew stabbiliti kuntatti mal-PMCs tal-Punent, u Convoy, il-kumpanija tas-sigurtà militari. Ftit qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, huwa bagħat network ta' aġenti fl-Ukrajna. Huwa juża l-mezzi ta' Telegram biex ixerred id-diżinformazzjoni, inkluż fl-Ukrajna. Permezz tal-media soċjali huwa jirrekluta aġenti għal attivitajiet ta' sabotaġġ fl-Unjoni u attivitajiet oħra mmirati lejn il-ħolqien ta' tensjonijiet bejn il-pajjiżi tan-NATO.

Il-GRU huwa responsabbli għat-tħejjija attiva ta' splużjonijiet, ħruq, u ħsara lill-infrastruttura fit-territorju tal-Unjoni, bl-għan li jnaqqas ir-ritmu tal-provvista ta' armi lill-Ukrajna u li joħloq diżgwid u l-apparenza ta' nuqqas ta' sodisfazzjon bl-appoġġ għall-Ukrajna fl-Ewropa.

Għalhekk, Denis Alexandrovich Smolyaninov huwa responsabbli għal, jimplimenta, jappoġġa, jew jibbenefika minn, azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi, billi jippjana u jidderieġi atti ta' vjolenza, u billi jiffaċilita l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

8.

Vladimir/Volodymyr LIPCHENKO

(bir-Russu: Володимир ЛИПЧЕНКО)

Uffiċjal tal-GRU

Data tat-twelid: 28.9.1974

Post tat-twelid: Mykolaiv, Ukrainian SSR (issa Ukraine)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 4015400649

Vladimir Lipchenko huwa uffiċjal tal-GRU responsabbli għall-attakki ibridi fl-Ewropa taħt il-psewdonimu tiegħu ‘Wlodek Lyakh’. Huwa parti minn dipartiment speċjali mmexxi mill-Kurunell tal-GRU Denis Alexandrovich Smolyaninov, stabbilit biex iwettaq attivitajiet ta' sabotaġġ fil-pajjiżi tal-Punent. Huwa rrekluta persuna biex tagħti n-nar lill-Mużew tal-Okkupazzjoni f'Riga billi jwaddab bombi Molotov lejh.

Għalhekk, Vladimir Lipchenko huwa responsabbli għal jew jimplimenta azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, billi jippjana u jidderieġi atti ta' vjolenza.

16.12.2024

9.

Yuriy SIZOV

(bir-Russu: Юрий СИЗОВ)

Uffiċjal militari tal-GRU

Data tat-twelid: 17.2.1988

Post tat-twelid: St. Petersburg, USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 784805190577

Yuriy Sizov huwa uffiċjal militari tal-GRU. Huwa jservi fl-unità militari Nru 92154. Personalment ta struzzjonijiet għar-reklutaġġ ta' aġenti biex jimmiraw supermarkets kbar fi Kiev u rreġistra tutorial vidjo dwar l-installazzjoni ta' apparat splussiv f'wieħed mill-ħwienet tal-istess katina fir-reġjun ta' Moska. Huwa kien responsabbli wkoll għall-organizzazzjoni tas-sabotaġġ fl-Ukrajna fir-reġjun ta' Lviv, fi Frar 2024. Huwa ssorvelja u ta ordnijiet lill-aġenti tal-intelligence Russi involuti fl-attività ta' sabotaġġ ippjanata.

Għalhekk, Yuriy Sizov huwa responsabbli għal, jimplimenta, jappoġġa, jew jibbenefika minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, billi jippjana u jidderieġi atti ta' vjolenza.

16.12.2024

10.

Visa Nokhayevich MIZAEV

(Виса Нохаевич МИЗАЕВ)

magħruf ukoll bħala

Vishan Nochaevic MIZAYEV;

Vysa Nokhaevich MIZAEV;

Visa Nokhaievych MIZAIEV;

Oleg SHISHKIN

Imprenditur

Data tat-twelid: 9.7.1963

Post tat-twelid: Grozny, USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Nru tal-Passaport 753870064 (Russian Federation)

Nru tal-Passaport PRE0018440 (Federation of Saint Christopher and Nevis)

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (INN): 481101523410

Visa Nokhayevich Mizaev huwa imprenditur Russu. Huwa kellu rwol ewlieni f'operazzjoni tal-intelligence Russa kontra s-Servizz Federali tal-Intelligence Ġermaniż (BND) li fiha instiga lill-kompliċi tiegħu biex jakkwistaw informazzjoni ta' kunfidenzjalità għolja mill-BND u biex għaddiha lis-Servizz Federali tas-Sigurtà tal-Federazzjoni Russa (FSB).

Għalhekk, Visa Nokhayevich Mizaev jimplimenta u jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sigurtà fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi pprova jiddestabbilizza l-ordni kostituzzjonali.

16.12.2024

11.

Olga Alekseevna BELYAVTSEVA

(Ольга Алексеевна БЕЛЯВЦЕВА)

magħrufa wkoll bħala

Olha Oleksiyivna BIELIAVTSEVA;

Olga Alekseevna BELJIAWZEWA;

Olga Aleksevna MIZAEV

Imprenditriċi

Data tat-twelid: 25.10.1969

Post tat-twelid: Lipetsk, USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: mara

Nru tal-Passaport 768613166 (Russian Federation)

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (INN): 481100083621

Olga Alekseevna Belyavtseva hija imprenditriċi Russa. Hija l-mara u s-sieħba fin-negozju ta' Visa Nokhayevich Mizaev. Hija assoċjata ma' Visa Nokhayevichshe Mizaev permezz tas-sjieda konġunta taż-żewġ Kumpaniji b'Responsabbiltà Limitata bbażati fir-Russja ‘OOO Agronom-sad’ u ‘OOO Biplast’. Hija waqqfet dawk il-kumpaniji u kienet l-unika azzjonista qabel ma ttrasferiet 30 % tal-ishma għal kull kumpanija wara li żżewġu fl-2018. Barra minn hekk, Belyavtseva u Mizaev kellhom arranġament ta' sjieda simili fuq il-kumpanija Agronom-Sad Trading qabel Mizaev biegħ l-ishma tiegħu lil Belyavtseva fit-22 ta' Frar 2023 eżattament fl-istess żmien tal-involviment ta' Visa Mizaev fl-operazzjoni tal-intelligence Russa kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u biex b'hekk Mizaev kiseb likwidità addizzjonali u ħeba l-bażi tal-assi tiegħu.

Għalhekk, Olga Alekseevna Belyavtseva tappoġġa persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija assoċjata wkoll ma' Visa Nokhayevich Mizaev.

16.12.2024

12.

Timofey Vyacheslavovich BORDACHEV

(bir-Russu: Тимофей Вячеславович БОРДАЧЕВ)

Espert fix-xjenza politika

Data tat-twelid: 28.1.1973

Post tat-twelid: St. Petersburg, USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Timofey Vyacheslavovich Bordachev huwa espert fix-xjenza politika Russu u jispeċjalizza fl-affarijiet internazzjonali. Huwa d-Direttur tal-Programm ta' Valdai Discussion Club, Kontrollur Akkademiku taċ-Ċentru għall-Istudji Ewropej u Internazzjonali Komprensivi fl-Università Nazzjonali tar-Riċerka - L-Iskola Superjuri tal-Ekonomija, kif ukoll membru tal-Kunsill għall-Politika Estera u ta' Difiża.

Permezz tal-attivitajiet tiegħu, huwa jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-bażi ideoloġika u r-razzjonalizzazzjoni tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-politiki aggressivi tal-Kremlin, inkluż billi jippromwovi l-fehma li la l-Ukrajna bħala stat u lanqas il-gvern tagħha ma huma leġittimi.

Għalhekk, Timofey Vyacheslavovich Bordachev huwa responsabbli għal jew jappoġġa azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza tal-Ukrajna billi involva ruħu fi u appoġġa l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

13.

Harouna DOUAMBA

Negozjant, direttur tal-Groupe Panafricain pour le Commerce et l'investissement

Data tat-twelid: 8.1.1973

Post tat-twelid: Cocody, Ivory Coast

Ċittadinanza: Ivorjana

Sess: raġel

Harouna Douamba huwa negozjant Avorjan, u l-kap ta' network ta' diżinformazzjoni pro-Russu u kontra l-Punent fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) u l-Burkina Faso.

Fl-2011, Douamba waqqaf organizzazzjoni mhux governattiva msejħa Aimons Notre Afrique (ANACOM) fir-RĊA. Dik l-organizzazzjoni rċeviet finanzjament mingħand Lobaye Invest, li kienet assoċjata mal-Grupp Wagner. Fl-2022, Harouna Douamba stabbilixxa l-Groupe Panafricain pour le Commerce et l'Investissement (GPCI) fil-Burkina Faso. Il-GPCI kien involut f'operazzjonijiet ta' influwenza moħbija.

In-networks ta' diżinformazzjoni ta' Harouna Douamba ġew żarmati minn Meta f'Mejju 2021, u aktar tard f'Mejju 2023. Minkejja dan, il-gruppi ta' diżinformazzjoni relatati mal-GPCI għadhom attivi u jmexxu kampanji strutturati u kkoordinati ta' diżinformazzjoni, bl-użu ta' network vast ta' ktajjen ta' informazzjoni. Dawk il-kampanji huma mmirati b'mod partikolari lejn Franza, inkluż permezz ta' akkużi ta' konfoffa, terroriżmu, operazzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni jew it-tħejjija ta' kolpi ta' stat kontra l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

Għalhekk, Harouna Douamba qed jappoġġa u jimplimenta azzjonijiet jew politiki tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fi Stat Membru jew f'pajjiż terz billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew jiffaċilita b’xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

14.

Anatolii PRIZENKO

Negozjant, impjegat fil-kumpanija Oriflame Cosmetics S.A.

Data tat-twelid: 26.11.1974

Post tat-twelid: Moldovan SSR (issa Moldova)

Ċittadinanza: Moldovana

Sess: raġel

Anatolii Prizenko huwa negozjant Moldovan li jaħdem għall-kumpanija Oriflame Cosmetics S.A.. Lejn l-aħħar ta' Ottubru 2023, huwa kkoordina t-trasport ta' diversi ċittadini tal-Moldova lejn Franza, fejn pittru stilel ta' David fit-toroq bi skambju għal kumpens finanzjarju. Dik l-operazzjoni ġiet irrappurtata b'mod wiesa' mill-media u kellha effett destabbilizzanti sinifikanti, fil-kuntest tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Ħamas wara l-attakki tas-7 ta' Ottubru 2023. L-immaġnijiet ta' dik l-operazzjoni l-ewwel infirxu min-network tal-media Recent Reliable News, li huwa assoċjat mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa u użat minn atturi Russi biex iwettqu kampanji ta' diżinformazzjoni.

Anatolii Prizenko pubblikament ħa r-responsabbiltà għar-rwol tiegħu ta' organizzatur ta' dik l-operazzjoni. Skont rapporti tal-media, dik l-operazzjoni destabbilizzanti twettqet għall-benefiċċju tas-servizz tal-intelligence militari Russu, il-GRU, u kellha l-għan li żżid it-tensjonijiet fis-soċjetà Franċiża.

Għalhekk, Anatolii Prizenko huwa responsabbli għal, jimplimenta, jappoġġ jew jibbenefika minn azzjonijiet jew politiki tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà fi Stat Membru u għalhekk, fl-Unjoni billi jippjana, jidderieġi, jew jinvolvi ruħu, direttament u indirettament fi, l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

15.

Alesia MILORADOVICH jew Alesya MILORADOVICH jew Olesya MILORADOVIC

Алеся МИЛОРАДОВИЧ jew Олеся МИЛОРАДОВИЧ

Impjegata tal-Gvern Russu,

‘Faċilitatur tal-Affarijiet Barranin’

Soċju tal-proġett ‘Ġurnalisti barranin għar-Russja’ (‘Инностранные журналисты за Россию’)

Data tat-twelid: 10.3.1968

Post tat-twelid: Angarsk, USSR (issa Russian Federation)

Ċittadinanza: Russa

Sess: mara

Alesya Miloradovich hija kollaboratur tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa fi Franza, u ssejjaħ lilha nnifisha ‘faċilitatur tal-affarijiet barranin’.

Alesya Miloradovich organizzat missjoni ta' hekk imsejħa ‘osservazzjoni elettorali’ fit-territorji Ukreni okkupati illegalment mir-Russja, fil-kuntest tar-referendum dwar l-annessjoni ta' dawk ir-reġjuni mar-Russja, u rreklutat ċittadini Franċiżi li pparteċipaw fil-missjoni. Hija ammettiet pubblikament li għamlet dan għall-benefiċċju tal-Gvern Russu.

Hija kienet ukoll koorganizzatriċi ta' vjaġġi għal tfal Franċiżi lejn iċ-Ċentru Internazzjonali tat-Tfal ta' Artek fil-Krimea annessa illegalment, li kienu ffinanzjati mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Hija kienet involuta wkoll fil-proġett ta' propaganda Russa ‘Ġurnalisti barranin għar-Russja’ u pparteċipat fit-tixrid ta' fehmiet favur ir-Russja, inkluż billi sostniet li s-soċjetà Franċiża u dik tal-Punent jappoġġaw l-azzjonijiet Russi kontra l-Ukrajna.

Għalhekk, Alesya Miloradovich hija responsabbli għal, timplimenta, tappoġġa jew tibbenefika minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà f'pajjiż terz billi tippjana, tidderieġi, tinvolvi ruħha, direttament jew indirettament fi, jew tiffaċilita b'xi mod ieħor it-tfixkil jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku ta' pajjiż terz, inkluż billi tipprova tiddestabbilizza l-ordni kostituzzjonali tiegħu.

16.12.2024

16.

Oleg Sergeevich EREMENKO

(bir-Russu: Олег Сергеевич ЕРЕМЕНКО)

Rappreżentant tal-Uffiċjali tar-Russja, eks uffiċjal tal-GRU

Data tat-twelid: 18.5.1978

Post tat-twelid: Bischkek, Kyrgyz SSR (issa Kyrgyzstan)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Oleg Sergeevich Eremenko huwa eks uffiċjal tal-GRU u membru attiv ta' diversi gruppi ta' influwenza Russa. B'mod partikolari, huwa membru ta' Officers of Russia, organizzazzjoni li tintuża mis-servizzi militari u tas-sigurtà Russi biex jinfluwenzaw il-politika domestika billi jikkultivaw rabtiet ma' veterani fost id-dijaspora Russa u ma' persunal militari u membri tas-sigurtà rtirati ta' forzi armati alleati tal-eks Unjoni Sovjetika, fejn huwa jservi bħala r-rappreżentant ewlieni tagħhom fil-Ġermanja. F'dik il-kapaċità, Oleg Sergeevich Eremenko huwa assoċjat mal-entitajiet deżinjati mill-UE Rossotrudnitschestvo, li huwa l-operatur tar-‘Russian House’ f'Berlin, u l-Grupp Wagner. Fir-rwol tiegħu bħala mibgħut tal-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-istat Russu, Oleg Sergeevich Eremenko qed jikkultiva rabtiet ma' organizzazzjonijiet antidemokratiċi fil-Ġermanja u jappoġġahom. Huwa konness sew ma' gruppi antidemokratiċi tax-xellug estrem u ma' gruppi illegali ta' eks persunal ta' servizzi tas-sigurtà tal-GDR u veterani ta' formazzjonijiet militari tal-GDR, bħal Desant e.V., assoċjazzjoni pro-Russa ta' eks paraxutisti.

Għalhekk, Oleg Sergeevich Eremenko qed jappoġġa azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi jdgħajfu l-proċess politiku demokratiku, inkluż billi jipprovaw jiddestabbilizzaw l-ordni kostituzzjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

16.12.2024”;

(2)

jiżdiedu s-subintestatura u t-tabella li ġejjin:

“B.

Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Unità 29155 tal-GRU

ФКУ ‘Войсковая Часть 29155’

Post tar-reġistrazzjoni: 105077, Moscow 11th Parkovaya Street, 38A

Nru tar-Reġistrazzjoni: 7719737879

OGRN: 1097746770395

L-Unità 29155 tal-GRU hija unità sigrieta fl-aġenzija tal-intelligence militari Russa (GRU), magħrufa għall-involviment tagħha f'assassinji barranin u attivitajiet ta' destabbilizzazzjoni madwar l-Ewropa. Permezz ta' kolpi ta' stat, qtil, attakki bil-bombi, u attakki ċibernetiċi kontra pajjiżi oħra madwar id-dinja b'rabta mal-gwerra fl-Ukrajna, hija fittxet li toħloq kaos u tiddestabbilizza l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Billi twettaq tali azzjonijiet, hija tfittex li tgħin u tkun ta' benefiċċju għar-Russja. L-Unità 29155 tal-GRU wettqet attakki ċibernetiċi u attakki oħra kontra l-infrastruttura kritika. Għalhekk, hija responsabbli għal, timplimenta, tappoġġa jew tibbenefika minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruhu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew jiffaċilita b'xi mod ieħor atti ta' vjolenza, kif ukoll jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruhu fi, jappoġġa jew jiffaċilita b'xi mod ieħor kwalunkwe azzjoni mmirata lejn l-interferenza fi, il-ħsara jew il-qerda ta' infrastruttura kritika, inkluż permezz ta' sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, bħala parti minn attivitajiet ibridi.

16.12.2024

2.

Groupe Panafricain pour le Commerce et l'Investissement

GPCI

Post tar-reġistrazzjoni: Lomé, Togo

Data tar-reġistrazzjoni: Jannar 2022

Groupe Panafricain pour le Commerce et l'Investissement (GPCI) huwa network ta' diżinformazzjoni li jwettaq operazzjonijiet ta' influwenza moħbija pro-Russa, b'mod partikolari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Burkina Faso. Il-GPCI ġie żarmat minn Meta f'Mejju 2023. Minkejja dan, il-GPCI għadu attiv u jmexxi kampanji strutturati u kkoordinati ta' diżinformazzjoni, bl-użu ta' network vast ta' ktajjen ta' informazzjoni. Dawk il-kampanji huma mmirati b'mod partikolari lejn Franza, inkluż permezz ta' akkużi ta' konfoffa, terroriżmu, operazzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni jew it-tħejjija ta' kolpi ta' stat kontra l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Il-GPCI ġie ffinanzjat indirettament mill-Grupp Wagner.

Għalhekk, il-GPCI huwa responsabbli għal, jimplimenta u jappoġġa azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew jiffaċilita b'xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024

3.

African Initiative

Post tar-reġistrazzjoni: Moscow, Russia

Data tar-reġistrazzjoni: Settembru 2023

African Initiative hija aġenzija tal-aħbarijiet li topera fil-kontinent Afrikan. Hija kienet involuta fit-tixrid ta' propaganda u diżinformazzjoni Russi kontra l-Punent, u impjegat ġurnalisti u influwenzaturi għall-fini tat-tixrid tal-propaganda Russa. Hija organizzat ukoll żjarat għall-istampa għal ġurnalisti Afrikani fit-territorji okkupati illegalment tal-Ukrajna, li matulhom ġew imxerrda narrattivi pro-Russi dwar il-gwerra. African Initiative organizzat ukoll avvenimenti li jservu l-interessi tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, inkluż billi ffaċilitat l-aċċess għar-riżorsi minerali.

Għalhekk, African Initiative hija responsabbli għal jew tappoġġa azzjonijiet u politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jew f'pajjiż terz billi tippjana, tidderieġi, tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fi, tappoġġa jew tiffaċilita b’xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

16.12.2024”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3188/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top