Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2980

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2980 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni dwar l-ekosistema tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

C/2024/8516

ĠU L, 2024/2980, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2980/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2980/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2980

4.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2980

tat-28 ta’ Novembru 2024

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni dwar l-ekosistema tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5a(23) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 910/2014 hu komponent kruċjali fl-istabbiliment ta’ ekosistema tal-identità diġitali sigura u interoperabbli madwar l-Unjoni. Bil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (“kartieri”) bħala l-pedament tal-qafas, dan jimmira li jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplikaw għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(3)

L-Artikolu 5a(23) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jagħti mandat lill-Kummissjoni, meta meħtieġ, biex tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri rilevanti. Dan jinkiseb permezz ta’ erba’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, li jittrattaw il-protokolli u l-interfaċċi: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2982 (5), l-integrità u l-funzjonalitajiet ewlenin: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 (6), id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u l-attestazzjoni elettronika tal-attributi: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2977 (7), kif ukoll in-notifiki tal-Kumimssjoni: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2980 (8). Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti rilevanti għan-notifiki tal-Istati Membri ta’ entitajiet fdati li jistabbilixxu l-affidabbiltà tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali.

(4)

Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. Biex ikun żgurat l-aqwa livell ta’ armonizzazzjoni fost l-Istati Membri għall-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni tal-kartieri, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament jiddependu fuq il-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ ikkoordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (9) u b’mod partikolari l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u taġġorna dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jekk ikun meħtieġ, biex iżżommu konformi mal-iżviluppi dinjin, l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern.

(5)

Biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi stabbilit sors trasparenti u affidabbli ta’ informazzjoni għall-awtentikazzjoni tal-entitajiet fl-ekosistema tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, bħall-fornituri tal-kartieri, il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuni u l-partijiet dipendenti fuq kartiera, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw l-informazzjoni meħtieġa lis-sistema elettronika pprovduta mill-Kummissjoni. F’konformità mal-approċċ li ħadet id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1984 (11) li tiddefinixxi ċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifika fir-rigward tal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika applikabbli għall-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni bl-Ingliż. B’dan il-mod, id-deskrizzjonijiet tal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika jkunu disponibbli bl-Ingliż għal dawn l-iskemi kollha, irrispettivament minn jekk ikunux relatati mal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika jew mal-kartieri.

(6)

Bl-istess objettiv li jiġu stabbiliti sorsi tal-informazzjoni li jippermettu l-awtentikazzjoni tal-entitajiet fl-ekosistema tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi infrastruttura biex tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku b’mod sigur, li jinqara mill-bniedem, ċar u aċċessibbli faċilment, kif ukoll b’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat, inkluż billi toffri interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu nhar it-30 ta’ Settembru 2024.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi b’rabta man-notifiki li jippermettu l-validazzjoni ta’:

(1)

ir-reġistri elettroniċi użati minn Stat Membru biex jippubblika l-informazzjoni dwar il-partijiet dipendenti fuq kartiera li huma rreġistrati f’dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 5b(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (“reġistri tal-partijiet dipendenti fuq kartiera”), il-post tar-reġistri tal-partijiet dipendenti fuq kartiera, u l-identifikazzjoni tar-reġistraturi tal-dipendenti fuq kartiera;

(2)

l-identità tal-partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati;

(3)

l-awtentiċità u l-validità tal-unitajiet tal-kartieri;

(4)

l-identifikazzjoni tal-fornituri tal-kartieri;

(5)

l-awtentiċità tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuni;

(6)

l-identifikazzjoni tal-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuni;

biex jiġu aġġornati b’mod regolari ħalli jibqgħu konformi mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-istandards u mal-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/946, u b’mod partikolari mal-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“fornitur tal-kartieri” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi soluzzjonijiet tal-kartieri;

(2)

“fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna” tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli biex toħroġ u tirrevoka d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u biex tiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna ta’ utent tkun marbuta b’mod kriptografiku ma’ unità tal-kartiera;

(3)

“parti dipendenti fuq kartiera” tfisser parti dipendenti li jkun beħsiebha tistrieħ fuq unitajiet tal-kartiera biex tipprovdi xi servizzi pubbliċi jew privati bl-interazzjoni diġitali;

(4)

“reġistru tal-partijiet dipendenti fuq kartiera” tfisser reġistru elettroniku użat minn Stat Membru biex jagħmel l-informazzjoni dwar il-partijiet dipendenti fuq kartiera li huma rreġistrati f’dak l-Istat Membru disponibbli għall-pubbliku kif stabbilit fl-Artikolu 5b(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(5)

“reġistratur tal-partijiet dipendenti fuq kartiera” tfisser il-korp maħtur minn Stat Membru li jkun responsabbli biex jistabbilixxi u jżomm il-lista tal-partijiet dipendenti fuq kartiera li jkunu rreġistrati u stabbiliti f’dak it-territorju;

(6)

“unità tal-kartiera” tfisser konfigurazzjoni unika ta’ soluzzjoni tal-kartieri li tinkludi l-istanzi tal-kartiera, l-applikazzjonijiet kriptografiċi siguri tal-kartieri u l-apparati kriptografiċi siguri tal-kartieri pprovduti minn fornitur tal-kartieri lil utent individwali tal-kartiera;

(7)

“soluzzjoni tal-kartieri” tfisser taħlita ta’ software, hardware, servizzi, u konfigurazzjonijiet, inkluż l-istanzi tal-kartiera, applikazzjoni kriptografika sigura waħda jew aktar tal-kartieri, u apparat kriptografiku sigur wieħed jew aktar tal-kartieri;

(8)

“istanza tal-kartiera” tfisser l-applikazzjoni installata u kkonfigurata fuq l-apparat jew l-ambjent ta’ utent tal-kartiera, li hu parti minn unità tal-kartiera, u li l-utent tal-kartiera juża biex jinteraġixxi mal-unità tal-kartiera;

(9)

“applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri” tfisser applikazzjoni li timmaniġġja l-assi kritiċi billi tkun marbuta mal-funzjonijiet kriptografiċi u mhux kriptografiċi pprovduti mill-apparat kriptografiku sigur tal-kartieri, u tużahom;

(10)

“apparat kriptografiku sigur tal-kartieri” tfisser apparat reżistenti għat-tbagħbis li jipprovdi ambjent li jkun marbut mal-applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri biex jipproteġi l-assi kritiċi u jipprovdi funzjonijiet kriptografiċi għall-eżekuzzjoni sigura ta’ operazzjonijiet kritiċi, u li jintuża minnhom;

(11)

“assi kritiċi” tfisser assi fi ħdan jew b’rabta ma’ unità tal-kartiera li jkollhom importanza tant straordinarja li meta d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità jew l-integrità tagħhom jiġu kompromessi, dan iħalli effett debilitanti serju ħafna fuq il-kapaċità li wieħed jiddependi fuq dik l-unità tal-kartiera;

(12)

“utent tal-kartiera” tfisser utent li jkollu l-kontroll tal-unità tal-kartiera;

(13)

“fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha mandat mingħand Stat Membru biex toħroġ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera lil partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati f’dak l-Istat Membru;

(14)

“ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” tfisser ċertifikat għal siġilli jew firem elettroniċi li jawtentikaw u jivvalidaw lil parti dipendenti fuq kartiera, u li jinħareġ minn fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera.

Artikolu 3

Sistema tan-notifiki

1.   Fi żmien tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tagħmel sistema elettronika sigura tan-notifiki disponibbli għall-Istati Membri biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jinnotifikaw l-informazzjoni dwar il-korpi u l-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 5a(18) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

2.   Is-sistema elettronika sigura tan-notifiki għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Notifiki mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema elettronika sigura tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 3(1) biex jissottomettu mqar l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu n-notifiki mill-inqas bl-Ingliż. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jittraduċu xi dokument li jappoġġa n-notifiki meta dan ikun joħloq piż amministrattiv jew finanzjarju mhux raġonevoli.

3.   Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali mingħand l-Istati Membri għall-fini tal-verifika tal-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni notifikata.

Artikolu 5

Pubblikazzjonijiet mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, iżżomm u tippubblika lista li tiġbor l-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri dwar ir-reġistraturi tal-partijiet dipendenti fuq kartiera u dwar ir-reġistri tal-partijiet dipendenti fuq kartiera kif imsemmi fit-Taqsima 1 tal-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, iżżomm u tippubblika lista li tiġbor l-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri dwar il-fornituri tal-kartieri, il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuni u l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera, kif imsemmi fit-taqsimiet 2, 3 u 4 tal-Anness II.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-listi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu jistgħu jiġu aċċessati:

(a)

kemm f’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat, u anki fuq sit web li jista’ jinqara mill-bniedem disponibbli mqar bl-Ingliż;

(b)

mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni jew awtentikazzjoni biex ikunu jistgħu jinkisbu jew jinqraw il-listi;

(c)

b’mod sikur bi kriptaġġ tas-saff komunikattiv mill-aktar avvanzat.

4.   Minbarra l-pubblikazzjonijiet tal-listi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tippubblika:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-Kummissjoni tuża għall-istruttura tal-listi;

(b)

id-dettalji tal-URL fejn jiġu ppubblikati l-listi;

(c)

iċ-ċertifikati li jridu jintużaw għall-verifika tal-firma jew tas-siġill fuq il-listi;

(d)

id-dettalji dwar il-mekkaniżmi użati għall-validazzjoni tal-bidliet fil-pożizzjoni msemmija fil-punt (b) jew fiċ-ċertifikati msemmija fil-punt (c).

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2982 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-protokolli u l-interfaċċi li għandhom jiġu appoġġati mill-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2982, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2982/oj) .

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-integrità u l-funzjonalitajiet ewlenin tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2979, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2979/oj). .

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2977 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2977, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2977/oj).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2980 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni dwar l-ekosistema tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2980, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2980/oj) .

(9)   ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/946/oj.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).

(11)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1984 tat-3 ta’ Novembru 2015 li tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifika skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 289, 5.11.2015, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1984/oj).


ANNESS I

Rekwiżiti għas-sistema tan-notifiki tal-Kummissjoni

1.   

L-interfaċċa tas-sistema elettronika sigura tan-notifiki għandha tkun mill-inqas bl-Ingliż.

2.   

Is-sistema elettronika sigura tan-notifiki pprovduta mill-Kummissjoni għandha tkun iddisinjata biex:

(a)

l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-istess informazzjoni darba biss, billi jerġgħu jużaw l-informazzjoni sottomessa qabel meta xieraq;

(b)

tkun tista’ tiġi sottomessa informazzjoni kemm b’interfaċċi li jistgħu jiġu pproċessati mill-magni kif ukoll b’interfaċċi li jistgħu jintużaw mill-bniedem;

(c)

tappoġġa kontrolli xierqa tal-aċċess u ġestjoni tal-kontroll tal-aċċess, filwaqt li tiddelega lill-Istati Membri s-setgħa li jagħtu aċċess lil rappreżentanti kompetenti fir-rigward tan-notifiki;

(d)

tappoġġa n-notifiki tal-informazzjoni speċifikata fl-Anness II;

(e)

tippermetti lill-Istati Membri jaraw l-informazzjoni notifikata;

(f)

tirrikonoxxi l-wasla tan-notifiki tal-informazzjoni b’mezzi elettroniċi;

(g)

iżżomm rekord storiku ta’ kull bidla f’kull informazzjoni notifikata, u tippermetti lill-Istati Membri jarawh.


ANNESS II

REKWIŻITI GĦAN-NOTIFIKI TAL-ISTATI MEMBRI

1.   Notifiki tal-informazzjoni dwar ir-reġistraturi u r-reġistri

(1)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar ir-reġistraturi u r-reġistri tagħhom:

(a)

isem ir-reġistru;

(b)

imqar URL wieħed fejn ir-reġistru jkun disponibbli għall-aċċess, li għandu juża kriptaġġ tas-saff komunikattiv mill-aktar avvanzat;;

(c)

isem ir-reġistratur li jkun responsabbli għal dak ir-reġistru;

(d)

meta applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tar-reġistratur;

(e)

l-Istat Membru li fih ikun stabbilit ir-reġistratur;

(f)

l-email u n-numru tat-telefown tar-reġistratur għal kuntatt dwar kwistjonijiet relatati mar-reġistru;

(g)

meta applikabbli, il-URL ta’ paġna web għal informazzjoni addizzjonali dwar ir-reġistratur u r-reġistru;

(h)

il-URL tal-paġna web bil-politika tar-reġistrazzjoni li tapplika għar-reġistru u l-informazzjoni relatata;

(i)

ċertifikat wieħed jew aktar konformi mal-IETF RFC 3647 li jistgħu jintużaw għall-verifika tal-firma jew tas-siġill maħluqa mir-reġistratur meta fuq id-data tar-reġistru u li d-data tal-identità ċċertifikata għalih tkun tinkludi isem ir-reġistratur u, meta applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tar-reġistratur, kif mogħtija fil-punti (c) u (d), rispettivament.

(2)

Dik l-informazzjoni msemmija fil-punt (1) għandha tingħata għal kull reġistru u reġistratur.

2.   Notifiki tal-informazzjoni dwar il-fornituri tal-kartieri u dwar il-mekkaniżmi tal-validazzjoni tal-awtentiċità u tal-validità tal-unitajiet tal-kartieri

(1)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar il-fornituri tal-kartieri:

(a)

isem il-fornitur tal-kartiera;

(b)

meta applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-fornitur tal-kartiera;

(c)

meta applikabbli, l-isem tal-korp responsabbli mill-forniment tas-soluzzjoni tal-kartieri;

(d)

l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur tal-kartiera;

(e)

l-email u n-numru tat-telefown tal-fornitur tal-kartiera għal kuntatt dwar kwistjonijiet relatati mas-soluzzjonijiet tal-kartieri li jipprovdi;

(f)

meta applikabbli, il-URL ta’ paġna web għal informazzjoni addizzjonali dwar il-fornitur tal-kartiera u s-soluzzjoni tal-kartiera;

(g)

il-URL tal-paġna web bil-politiki, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur tal-kartiera li japplikaw għall-forniment u l-użu tas-soluzzjoni tal-kartiera li jipprovdi;

(h)

ċertifikat wieħed jew aktar konformi mal-IETF RFC 3647 li jistgħu jintużaw għall-awtentikazzjoni u għall-validazzjoni tal-unità tal-kartiera li tipprovdi l-kartiera, u li d-data tal-identità ċċertifikata għalih tkun tinkludi isem il-fornitur tal-kartiera u, meta applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-fornitur tal-kartiera, kif mogħtija fil-punti (a) u (b), rispettivament;

(i)

għal kull soluzzjoni tal-kartiera pprovduta mill-fornitur tal-kartiera, l-isem u n-numru ta’ referenza tas-soluzzjoni tal-kartiera li dan jipprovdi, għax il-Kummissjoni għandha tippubblika din l-informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 5d tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(2)

Dik l-informazzjoni msemmija fil-punt (1) għandha tingħata għal kull fornitur.

3.   Notifiki tal-informazzjoni dwar il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u dwar il-mekkaniżmi li jippermettu l-awtentikazzjoni u l-validazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna

(1)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna:

(a)

isem il-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna;

(b)

meta applikabbli, numru tar-reġistrazzjoni tal-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna;

(c)

meta applikabbli, l-isem tal-korp responsabbli biex ikun żgurat li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna tkun assoċjata mal-unita tal-kartiera;

(d)

l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuni;

(e)

l-email u n-numru tat-telefown tal-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, għal kuntatt dwar kwistjonijiet relatati mad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li jipprovdi;

(f)

meta applikabbli, il-URL tal-paġna web bl-informazzjoni addizzjonali dwar il-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna;

(g)

il-URL tal-paġna web bil-politiki, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li japplikaw għall-forniment u l-użu tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li jipprovdi;

(h)

ċertifikat wieħed jew aktar konformi mal-IETF RFC 3647 li jistgħu jintużaw għall-verifika tal-firma jew tas-siġill maħluqa mill-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna fuq id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li jipprovdi, u li d-data tal-identità ċċertifikata għalih tkun tinkludi isem il-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u, meta applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, kif mogħtija fil-punti (a) u (b), rispettivament.

(2)

Dik l-informazzjoni msemmija fil-punt (1) għandha tingħata għal kull fornitur.

4.   Notifiki tal-informazzjoni dwar il-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera

(1)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar il-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera:

(a)

isem il-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(b)

meta applikabbli, numru tar-reġistrazzjoni tal-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(c)

l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(d)

l-email u n-numru tat-telefown tal-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera, għal kwistjonijiet relatati maċ-ċertifikati tal-aċċess li jipprovdi lill-partijiet dipendenti fuq kartiera;

(e)

meta applikabbli, il-URL tal-paġna web tal-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera li jkun fiha informazzjoni addizzjonali dwar il-fornitur u ċ-ċertifikati tal-aċċess li jipprovdi lill-partijiet dipendenti fuq kartiera;

(f)

il-URL tal-paġna web bil-politiki, it-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-forniment u l-użu taċ-ċertifikati tal-aċċess li jipprovdi lill-partijiet dipendenti fuq kartiera;

(g)

ċertifikat wieħed jew aktar konformi mal-IETF RFC 3647 li jistgħu jintużaw għall-verifika tal-firma jew tas-siġill maħluqa mill-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera fuq iċ-ċertifikat tal-aċċess li jipprovdi lill-partijiet dipendenti fuq kartiera, u meta applikabbli, bl-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ ssir distinzjoni bejn iċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera u ċertifikati oħrajn.

(2)

L-informazzjoni msemmija fil-punt (1) għandha tingħata għal kull fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2980/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top