This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R2174
Commission Implementing Regulation (EU) 2024/2174 of 2 September 2024 laying down rules for the application of Regulation (EU) 2024/573 of the European Parliament and of the Council as regards the format of the labels for certain products and equipment containing fluorinated greenhouse gases and repealing Commission Implementing Regulation (EU) 2015/2068
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2174 tat-2 ta’ Settembru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format tat-tikketti għal ċerti prodotti u tagħmir li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2068
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2174 tat-2 ta’ Settembru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format tat-tikketti għal ċerti prodotti u tagħmir li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2068
C/2024/5983
ĠU L, 2024/2174, 3.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2174/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
01/01/2025
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2174 |
3.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2174
tat-2 ta’ Settembru 2024
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format tat-tikketti għal ċerti prodotti u tagħmir li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2068
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(17) tiegħi,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/573 fih rekwiżiti tat-tikkettar għal ċerti prodotti u tagħmir li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq dawn il-gassijiet. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2024/573 ħa post ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u biddel uħud mir-regoli dwar it-tikkettar għall-prodotti u t-tagħmir li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2068 (3) stabbilixxa l-format tat-tikketti tal-prodotti u tat-tagħmir li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014, dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġi sostitwit ukoll. |
|
(3) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jixraq jiġi stabbilit il-kliem tal-informazzjoni li trid tingħata fuq it-tikketti msemmija fl-Artikolu 12(1) u (5) tar-Regolament (UE) 2024/573 u li jiġu stabbiliti rekwiżiti li jiżguraw il-viżibbiltà u l-leġġibbiltà ta’ dawk it-tikketti fir-rigward tat-tqassim u t-tqegħid tagħhom, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet tal-ispazju fuq ċerti tipi ta’ prodotti. |
|
(4) |
Biex jiżguraw li tintuża tikketta unika għall-prodotti li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma soġġetti wkoll għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod partikolari għat-tikkettar tal-kontenituri bħaċ-ċilindri, it-tankijiet u l-bawżers tat-triq u ferrovjarji, l-informazzjoni tat-tikkettar stabbilita fir-Regolament (UE) 2024/573 jenħtieġ li tiġi indikata fit-taqsima għall-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. |
|
(5) |
Għall-prodotti żgħar li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti (f) sa (h) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2024/573, jeħtieġ jiġu previsti modi prattikabbli biex l-informazzjoni meħtieġa titwassal lill-utenti, inkluż b’links leġibbli b’mod diġitali għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3), il-punti (b) u (c). Biex jitqiesu r-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar tal-prodotti u tat-tagħmir għal użi mediċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u tar-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004 (6), (UE) 2019/6 (7) u (UE) 2017/745 (8) u stabbiliti f’dawk l-atti legali, jenħtieġ li jiġu previsti metodi addizzjonali kif l-informazzjoni meħtieġa tiġi ppreżentata lill-utenti fir-rigward ta’ dawk il-prodotti u t-tagħmir. |
|
(6) |
L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita f’konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/573. |
|
(7) |
L-infurzar tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis il-proċessi regolatorji għat-tibdil tar-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar jew il-proċess tat-tikkettar mill-ġdid tat-tagħmir jew tal-prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq tal-UE. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbilit bl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2024/573, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Format tat-tikketti
1. L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tidher b’mod ċar fuq l-isfond tat-tikketta u għandu jkollha daqs u spazju tali li tkun leġibbli b’mod ċar. Meta l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament tiżdied ma’ tikketta eżistenti, id-daqs tat-tipa ma għandux ikun iżgħar mid-daqs minimu tal-informazzjoni l-oħra fuq dik it-tikketta jew, kif rilevanti, fuq il-pjanċi tal-isem eżistenti, fuq tikketti jew fuljetti oħra b’informazzjoni dwar il-prodott.
2. It-tikketta kollha u l-kontenut tagħha għandhom jiġu ddisinjati b’mod li jiżgura li dawn jibqgħu f’posthom fuq il-prodott jew it-tagħmir u għandhom ikunu leġibbli faċilment f’kundizzjonijiet operattivi normali, fil-mument tat-tqegħid fis-suq u tul il-perjodu kollu meta l-prodott jew it-tagħmir ikun fih il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew meta l-funzjonament tiegħu jkun jiddependi fuq dawn il-gassijiet.
3. It-tikketta għandha tinkludi l-kliem li ġej: “Fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra”.
4. L-informazzjoni dwar il-piż tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, meta meħtieġ, għandha tiġi espressa f’kilogrammi jew grammi u l-ekwivalenti tas-CO2 għandha tiġi espressa f’tunnellati, bil-valuri potenzjali tat-tisħin globali tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra kif elenkati fil-kolonna “GWP” fl-Annessi I, II u III tar-Regolament (UE) 2024/573.
5. Meta t-tagħmir ikun iċċarġjat minn qabel bil-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew meta l-funzjonament tiegħu jkun jiddependi fuq dawn il-gassijiet, u dawn il-gassijiet ikunu jistgħu jiġu miżjuda barra s-sit tal-manifattura u l-kwantità totali riżultanti ma tkunx definita mill-manifattur, it-tikketta għandha tinkludi l-kwantità ċċarġjata fis-sit tal-manifattura, jew il-kwantità li għaliha jkun iddisinjat it-tagħmir, u għandu jitħalla spazju fuq it-tikketta għall-kwantità miżjuda barra mis-sit tal-manifattura kif ukoll għall-kwantità totali riżultanti tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li jrid idaħħal il-fornitur jew, meta applikabbli, l-installatur tat-tagħmir qabel ma t-tagħmir jibda jitħaddem.
6. Anki prodott, inkluż kontenitur, li jkun fih il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew xi poliol mħallat minn qabel, għandu jiġi ttikettat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3), (5) u (7) sa (15) tar-Regolament (UE) 2024/573, kif applikabbli, għandha tingħata fil-parti maħsuba għall-informazzjoni supplimentari fuq it-tikketta msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
7. Meta l-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jkunu reklamati jew riċiklati jew maħsuba biex iservu għal ċerti użi f’konformità mal-Artikolu 12(7) sa (13) tar-Regolament (UE) 2024/573, it-tikketta fuq il-kontenitur għandu jkollha t-test li ġej, kif rilevanti:
|
(a) |
“Irriċikati 100%”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra rriċiklati li huma elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2024/573 li ma fihom l-ebda sustanza verġni; |
|
(b) |
“Reklamati 100%”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra reklamati li huma elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2024/573 li ma fihom l-ebda sustanza verġni jew, fil-każ tat-taħlitiet, li ż-żieda ta’ sustanzi verġni biex tiġi aġġustata l-kompożizzjoni tat-taħlita ma taqbiżx l-10% tal-massa tat-taħlita; |
|
(c) |
“Għall-qerda biss”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/573 u mqiegħda fis-suq, magħmula disponibbli jew fornuti għall-qerda; |
|
(d) |
“Għall-esportazzjoni diretta barra mill-UE biss”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/573 u fornuti minn produttur jew importatur lil impriża għal esportazzjoni diretta bil-massa barra mill-Unjoni; |
|
(e) |
“Għall-użu biss f’tagħmir militari”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/573 u mqiegħda fis-suq, magħmula disponibbli jew fornuti għall-użu f’tagħmir militari; |
|
(f) |
“Għall-inċiżjoni/għat-tindif fl-industrija tas-semikondutturi biss”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2024/573 u mqiegħda fis-suq, magħmula disponibbli jew fornuti għall-inċiżjoni/għat-tindif fl-industrija tas-semikondutturi; |
|
(g) |
“Għall-użu biss bħala materjal tal-għalf”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/573 u mqiegħda fis-suq, magħmula disponibbli jew fornuti għall-użu bħala materjal tal-għalf; |
|
(h) |
“Għall-produzzjoni tal-MDI biss”: għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra li huma elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/573 u mqiegħda fis-suq, magħmula disponibbli jew fornuti għall-manifattura tal-MDI. Meta l-kontenituri jkun fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti minn (c) sa (g), u jkunu elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/573, mat-test li jrid jingħata fuq it-tikketti kif previst f’dawk il-punti għandha ssir id-dikjarazzjoni li ġejja: “Eżentati mill-kwota skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”. |
8. It-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2024/573, li jkun insulat bil-fowm minfuħ bil-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, għandu jiġi mmarkat b’tikketta li jkun fiha t-test li ġej: “Il-fowm fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra”.
9. It-tikketti għandhom jitqiegħdu f’konformità mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2024/573 u, meta possibbli, ħdejn il-pjanċi tal-isem eżistenti jew it-tikketti tal-informazzjoni dwar il-prodott li jkun hemm fuq il-prodott jew it-tagħmir li jkun fihom il-gass fluworurat b’effett ta’ serra.
10. Meta d-daqs ta’ prodott imsemmi fil-punti minn (f) sa (h) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2024/573 ma jippermettix il-leġibbiltà tal-informazzjoni sħiħa msemmija fl-Artikolu 12(3) f’konformità mal-Artikolu 12(4), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, mat-test “Fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra” bil-lingwi diġà użati fuq il-prodott jista’ jingħata link leġibbli b’mod diġitali għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2024/573.
11. Minbarra jew minflok il-metodu tal-għoti l-informazzjoni stabbilit fil-paragrafu 10, għall-inalaturi b’doża mkejla msemmija fl-Artikolu 12(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2024/573, l-indikazzjoni “Fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra” tista’ titqiegħed fuq l-imballaġġ ta’ barra kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (24), tad-Direttiva 2001/83/KE jew fl-Artikolu 4, il-punt (26), tar-Regolament (UE) 2019/6, jew fuq l-imballaġġ tal-bejgħ tal-apparat mediku msemmi fl-Artikolu 1(9) tar-Regolament 2017/745, kif applikabbli, u tinkiteb imqar bil-lingwi użati għat-tikkettar ta’ informazzjoni oħra fuq l-imballaġġ ta’ barra jew, kif applikabbli, fuq l-imballaġġ tal-bejgħ, diment li l-fuljett tal-informazzjoni jew l-istruzzjonijiet tal-użu jkun fihom l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/573.
12. It-tikketta tal-prodotti u tat-tagħmir imsemmija fl-Artikolu 12(15) tar-Regolament (UE) 2024/573 għandha, mid-dati tal-projbizzjoni speċifikati fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament, tkun tinkludi t-test li ġej:
|
(a) |
għat-tagħmir imsemmi fil-punti 2(b), 4, 5(c), 7(b), (c) u (d), 8(b) sa (e), 9(b) sa (f), u 11(c) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573: “Ipprojbit li jitħaddem, sakemm ma jkunx meħtieġ minn xi rekwiżiti tas-sikurezza li jridu jiġu applikati fis-sit tal-operazzjoni”, u tingħata referenza għar-rekwiżit tas-sikurezza applikabbli li jagħmel l-użu tiegħu meħtieġ, jew, meta ma jkunx fattibbli li jiġi speċifikat qabel it-tqegħid fis-suq ir-rekwiżit tas-sikurezza għas-sit speċifiku tal-operazzjoni, u jingħata spazju fuq it-tikketta biex tiddaħħal din l-ispeċifikazzjoni mill-fornitur jew, meta applikabbli, mill-installatur jew l-operatur tat-tagħmir qabel ma t-tagħmir jibda jitħaddem; |
|
(b) |
għall-fowms imsemmija fil-punti 16 u 17(a) u (b) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573: “Ipprojbit li jintuża sakemm ma jkunx meħtieġ minn xi standard nazzjonali tas-sikurezza”, u jiġu speċifikati l-istandards nazzjonali tas-sikurezza, b’deskrizzjoni qasira tal-kundizzjonijiet li l-użu tiegħu jagħmluh meħtieġ; |
|
(c) |
għall-fowms imsemmija fil-punt 17(c) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573: “Ipprojbit li jintuża sakemm ma jkunx meħtieġ minn xi rekwiżit tas-sikurezza”, u jiġu speċifikati r-rekwiżiti tas-sikurezza, b’deskrizzjoni qasira tal-kundizzjonijiet li l-użu tiegħu jagħmluh meħtieġ; |
|
(d) |
għall-ajrusoli tekniċi imsemmija fil-punt 19(a) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573: “Ipprojbit li jintuża sakemm ma jkunx meħtieġ minn xi standard(s) nazzjonali tas-sikurezza”, u jiġu speċifikati l-istandard(s) nazzjonali tas-sikurezza, b’deskrizzjoni qasira tal-kundizzjonijiet li l-użu tiegħu jagħmluh meħtieġ; jew, meta jintuża għall-applikazzjonijiet mediċi: “Għall-użu mediku biss”; |
|
(e) |
għall-ajrusoli tekniċi imsemmija fil-punt 19(b) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573: “Ipprojbit li jintuża sakemm ma jkunx meħtieġ minn xi rekwiżit(i) tas-sikurezza”, u jiġu speċifikati r-rekwiżit(i) tas-sikurezza, b’deskrizzjoni qasira tal-kundizzjonijiet li l-użu tiegħu jagħmluh meħtieġ; jew, meta jintuża għall-applikazzjonijiet mediċi: “Għall-użu mediku biss”; |
|
(f) |
għat-tagħmir li jintuża għat-tkessiħ tal-ġilda msemmi fil-punt 21 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573: “Għall-użu mediku biss”. |
Artikolu 2
Tħassir
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2068 jitħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2068 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/517/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2068 tas-17 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-format tat-tikketti għal prodotti u tagħmir li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (ĠU L 301, 18.11.2015, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2068/oj).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).
(5) Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).
(8) Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
|
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2068 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikolu 1 |
— |
|
Artikolu 2(1) |
Artikolu 1(1) |
|
Artikolu 2(2) |
Artikolu 1(2) |
|
Artikolu 2(3) |
Artikolu 1(3) |
|
Artikolu 2(4) |
Artikolu 1(4) |
|
Artikolu 2(5) |
Artikolu 1(5) |
|
Artikolu 2(6) |
Artikolu 1(6) |
|
Artikolu 2(7) |
Artikolu 1(7) |
|
Artikolu 2(8) |
Artikolu 1(8) |
|
Artikolu 2(9) |
Artikolu 1(9) |
|
Artikolu 3 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 3 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2174/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)