Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2054

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2054 tat-22 ta’ Lulju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2061 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2021–2026)

    ST/11662/2024/INIT

    ĠU L, 2024/2054, 25.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2054/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2054/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/2054

    25.7.2024

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/2054

    tat-22 ta’ Lulju 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2061 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2021–2026)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 (1), il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2) (il-“Ftehim”) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (il-“Protokoll”) tiegħu ġew iffirmati fil-15 ta’ Novembru 2021 u applikati b’mod proviżorju minn dak iż-żmien.

    (2)

    Fit-18 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/1448 (3) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova l-emendi għall-Protokoll f’isem l-Unjoni.

    (3)

    Fir-rigward tal-kategorija tas-sajd 1 (Bastimenti li jistadu għall-krustaċji għajr l-awwista), il-punt 5 tal-iskeda tad-data tal-kategorija tas-sajd 1 fl-Appendiċi 2 tal-Protokoll (l-“iskeda tad-data”) jipprevedi li l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati fl-istess ħin ma jridx jaqbeż il-15.

    (4)

    Fl-11 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2061 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll (4).

    (5)

    F’konformità mal-punt 5 tal-iskeda tad-data l-Artikolu 1, il-punt (1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/2061 jipprevedi li mhux aktar minn 15-il bastiment jistgħu joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania fil-kategorija tas-sajd 1 fl-istess ħin.

    (6)

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Konġunt li jopera skont il-Ftehim u l-Protokoll emenda l-punt 5 tal-iskeda tad-data, u żied l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati li joperaw fl-istess ħin għal 18 għall-kategorija tas-sajd 1, mingħajr modifika tal-qabdiet totali permissibbli (TAC) attwali għal dik il-kategorija tas-sajd. Dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni mwettqa mill-Kumitat Xjentifiku Konġunt Indipendenti dwar l-effetti potenzjali ta’ żieda fl-għadd ta’ bastimenti fuq l-istokk tal-krustaċji. B’riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kumitat Xjentifiku Konġunt Indipendenti wasal għall-konklużjoni li żieda fl-isforz tas-sajd tkun possibbli fi ħdan it-TAC attwali.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 1, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2021/2061 jiġi emendat biex jirrifletti ż-żieda fl-għadd ta’ bastimenti li jitħallew joperaw fl-istess ħin fil-kategorija tas-sajd 1 skont il-Protokoll.

    (8)

    Iż-żieda fl-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti biex joperaw fl-istess ħin fil-kategorija tas-sajd 1 jenħtieġ li tapplika mid-data tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li jemenda l-Protokoll, jiġifieri t-8 ta’ Diċembru 2023. L-applikazzjoni retroattiva tagħha se tgħin biex jiġi ottimizzat l-użu tal-opportunità tas-sajd taħt il-kategorija 1. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll jibda japplika mit-8 ta’ Diċembru 2023. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati li joperaw fil-kategorija tas-sajd 1 qed jiżdied. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2021/2061 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(1)

    Kategorija 1 — Bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji għajr l-awwista:

    Spanja

    4 150 tunnellata

    L-Italja

    600 tunnellata

    Il-Portugall

    250 tunnellata

    F’din il-kategorija, ma jistax ikun hemm iktar minn 18-il bastiment li joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania fl-istess ħin.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-8 ta’ Diċembru 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 439, 8.12.2021, p. 1: ELI http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2123/oj).

    (2)   ĠU L 439, 8.12.2021, p. 3.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 228, 2.9.2022, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1448/oj).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2021-2026) (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2061/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2054/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top