Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2040

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2040 tad-29 ta’ Lulju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri tranżizzjonali għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ 25-idrossikolekalċiferol prodott minn Saccharomyces cerevisiae CBS 146008

    C/2024/5348

    ĠU L, 2024/2040, 30.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2040/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2040/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/2040

    30.7.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2040

    tad-29 ta’ Lulju 2024

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri tranżizzjonali għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ 25-idrossikolekalċiferol prodott minn Saccharomyces cerevisiae CBS 146008

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ 25-idrossikolekalċiferol prodott minn Saccharomyces cerevisiae CBS 146008 ġiet imġedda għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv fl-għalf tal-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u tal-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li għandhom effett simili” għat-tiġieġ tas-simna, għad-dundjani tas-simna, għal pollam ieħor u għall-ħnieżer bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1070 (2).

    (2)

    Il-karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva 25-idrossikolekalċiferol stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 tispeċifika li l-kompost prekursur tagħha, 5,7,24-kolestatrienol, huwa prodott minn Saccharomyces cerevisiae CBS 146008. Dik l-ispeċifikazzjoni ma kinitx inkluża fl-awtorizzazzjoni preċedenti tal-preparat ta’ 25-idrossikolekalċiferol, li ngħatat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 887/2009 (3). Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 jipprevedi termini aktar stretti tal-awtorizzazzjoni għall-addittiv tal-għalf. Madankollu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 ma stabbilixxiex miżuri tranżizzjonali li jippermettu lill-partijiet interessati jadattaw għat-termini aktar stretti tal-awtorizzazzjoni.

    (3)

    Billi r-raġunijiet tas-sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifika tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-addittiv li tirriżulta mit-tiġdid tiegħu għat-tiġieġ tas-simna, għad-dundjani tas-simna, għal pollam ieħor u għall-ħnieżer bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070, jixraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali għall-partijiet interessati biex iħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw minn dak it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Sabiex jiġi evitat it-tfixkil tas-suq u l-konsegwenzi detrimentali għall-operaturi kkonċernati kkawżati minn projbizzjoni, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070, ta’ 25-idrossikolekalċiferol prodott minn razez għajr Saccharomyces cerevisiae CBS 146008, minħabba n-nuqqas ta’ miżuri tranżizzjonali mogħtija minn dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070

    Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1070 jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

    “Artikolu 3a

    Miżuri tranżizzjonali

    1.   L-addittiv tal-għalf 25-idrossikolekalċiferol, kif awtorizzat bir-Regolament (KE) Nru 887/2009, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li jkunu prodotti u ttikkettati qabel il-5 ta’ Novembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-5 ta’ Mejju 2024, jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għat-tiġieġ tas-simna, għad-dundjani tas-simna, għal pollam ieħor u għall-ħnieżer.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jkunu prodotti u ttikkettati qabel il-5 ta’ Mejju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-5 ta’ Mejju 2024, jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għat-tiġieġ tas-simna, għad-dundjani tas-simna, għal pollam ieħor u għall-ħnieżer.”

    Artikolu 2

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-5 ta’ Mejju 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1070 tat-12 ta’ April 2024 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ 25-idrossikolekalċiferol prodott mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 146008 għat-tiġieġ tas-simna, għad-dundjani tas-simna, għall-pollam ieħor u għall-ħnieżer u l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat għar-ruminanti u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 887/2009 (ĠU L 2024/1070, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1070/oj).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 887/2009 tal-25 ta’ Settembru 2009 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ forma stabilizzata tal-25-idrossikolekalċiferol bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin, dundjani għat-tismin, tjur ieħor u ħnieżer (ĠU L 254, 26.9.2009, p. 68, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/887/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2040/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top