Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1992

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1992 tas-16 ta’ Lulju 2024 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2024/5164

    ĠU L, 2024/1992, 18.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1992/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1992/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1992

    18.7.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1992

    tas-16 ta’ Lulju 2024

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hi bbażata għalkollox jew parzjalment fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni oħra magħha, u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, biex ikun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu partikolari, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


    (1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1., ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    1.

    Ilbies li joqgħod inkaxxat u li jgħatti l-parti ta’ fuq tal-ġisem, magħmul minn tliet tipi differenti ta’ drapp tessili nnittjat ta’ fibri magħmulin mill-bniedem. Magħmul minn drapp ewlieni u minn diversi panelli mwaħħla mad-drapp ewlieni:

    id-drapp ewlieni (85 % poliester u 15 % elastan) (drapp singolu innittjat tat-tip jersey sempliċi), u

    il-panelli riġidi (100 % poliester) (drapp immaljat), u

    il-panelli mmaljati (92 % poliester u 8 % elastan) (drapp maħdum malja mal-medd).

    L-ilbies għandu għonq tond u kmiem qosra li joqogħdu ssikkati, u fuq in-naħa ta’ wara għandu keffa mal-qiegħ li tinkorpora strixxa tal-lastiku relattivament riġida ta’ wisa’ ta’ madwar 2,5 cm. Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ilbies hemm żewġ panelli riġidi orizzontali li huma mwaħħla mad-drapp ewlieni fil-kwart t’isfel tal-ilbies. Il-wisgħat ta’ dawn il-panelli jikkorrispondu mat-tul tas-sistema ta’ hook-and-eye.

    Id-dahar huwa magħmul minn panell riġidu li jestendi vertikalment tul is-sinsla u li jiftaħ fuq ix-xellug u fuq il-lemin fuq l-ispallejn, imwaħħal ma’ panelli ta’ malji vertikali u mad-drapp ewlieni.

    L-ilbies jinfetaħ s’isfel fuq quddiem u jingħalaq b’żipp, u barra minn hekk, fil-kwart t’isfel tal-fetħa hemm sistema ta’ hook-and-eye taħt iż-żipp.

    Id-disinn tal-ilbies jgħin lid-dahar joqgħod dritt għax jgħin lil min jilbsu biex joqgħod wieqaf.

    (Ara l-istampi taħt 1) (*1)

    6212 90 00

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(a) tal-Kapitolu 61, in-Nota 1 tal-Kapitolu 62, in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6212 u 6212 90 00 .

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9021 bħala apparat ortopediku hija eskluża skont it-tifsira tan-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90, minħabba li dan l-ilbies huwa oġġett ta’ sostenn magħmul minn materjal tessili li l-effett tiegħu fuq l-organu li għandu jiġi sostnut (pereżempju, l-iddrittar tad-dahar) jirriżulta biss mill-elastiċità tal-oġġett. L-elastiċitajiet differenti tal-panelli differenti (anki l-panelli riġidi għandhom ċertu ammont ta’ elastiċità, peress li huma nnittjati) joħolqu l-effett ta’ sostenn tal-ġisem.

    Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 6106 20 00 bħala blawżijiet, qomos, qomos-blawżijiet tan-nisa jew tal-bniet u taħt il-kodiċi NM 6109 90 20 bħala T-shirts, flokkijiet ta’ taħt taċ-ċingi u flokkijiet ta’ taħt oħra hija eskluża, minħabba li primarjament l-oġġett għandu l-karatteristiċi ta’ lbies li jsostni l-ġisem (is-sistema tal-għeluq doppju li tikkonsisti f’żipp u f’għeluq hook-and-eye, l-effetti minħabba l-kombinament tal-panell riġidu nnittjat tul is-sinsla u fuq l-ispalel mal-panelli aktar elastiċi u t-tensjoni fuq il-qagħda ta’ min jilbes l-ilbies maħluqa mill-elastiċitajiet differenti). L-ilbies huwa ddisinjat biex jgħin lid-dahar joqgħod dritt għax jgħin lil min jilbsu biex joqgħod wieqaf.

    Għaldaqstant, l-oġġett huwa ddisinjat bħala lbies li jsostni l-ġisem (ara n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 6212 ) u, għalhekk, huwa eskluż mill-Kapitolu 61 skont it-tifsira tan-Nota 2(a) ta’ dak il-Kapitolu.

    Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6212 90 00 bħala oġġetti simili.

    2.

    Ilbies li joqgħod inkaxxat li jgħatti l-parti ta’ fuq tal-ġisem, magħmul minn żewġ tipi differenti ta’ drapp tessili nnittjat ta’ fibri magħmulin mill-bniedem: il-parti ta’ quddiem tal-ilbies hija magħmula minn drapp tal-pil (tip ta’ drapp terri; 83 % poliester, 17 % elastan) u d-dahar tal-ilbies huwa magħmul minn drapp b’malja (100 % najlon).

    L-ilbies għandu għonq tond. Huwa mingħajr kmiem, jinfetaħ s’isfel fuq quddiem u jingħalaq b’żipp. Barra minn hekk, fin-nofs t’isfel tal-fetħa hemm sistema ta’ hook-and-eye taħt iż-żipp. Fit-terz t’isfel tal-panelli ta’ quddiem hemm saff doppju ta’ drapp tessili (it-tieni saff tad-drapp tessili huwa meħjut mal-parti ta’ ġewwa). Fuq kull naħa tal-ilbies, fuq in-naħa t’isfel tal-panelli ta’ quddiem, hemm meħjuta strixxa tal-lastiku (wiesgħa madwar 10 cm u twila madwar 10 cm). Dawn iż-żewġ strixxi tal-lastiku jservu biex il-parti t’isfel tal-ilbies tiġi ssikkata u jistgħu jitwaħħlu u jiġu aġġustati mal-panelli ta’ quddiem permezz ta’ sistema tat-twaħħil bil-Velcro.

    Fuq in-naħa ta’ wara tal-ilbies hemm imwaħħla tliet biċċiet Velcro għat-twaħħil (kull biċċa hija wiesgħa madwar 5 cm u twila madwar 9 cm). Tnejn minn dawk il-biċċiet jinsabu fuq id-dahar, lejn truf l-ispallejn u t-tielet biċċa tinsab ftit aktar fil-baxx, fin-nofs tad-dahar fejn hemm il-kolonna vertebrali. Permezz ta’ dawk il-biċċiet Velcro, wieħed jista’ jwaħħal żewġ strixxi tal-lastiku fuq in-naħa ta’ barra tal-ilbies. Iż-żewġ strixxi tal-lastiku (100 % poliester; wiesgħa madwar 8 cm u twal madwar 45 cm) jingħataw mal-ilbies u jistgħu jitwaħħlu mal-biċċiet Velcro fuq l-ispalel u mal-biċċa Velcro fin-nofs. Huma maħsuba biex jestendu b’mod djagonali mill-ispalel ‘’l isfel mad-dahar sal-ġenb tal-ilbies fl-għoli tal-qadd, fejn jistgħu jiġu aġġustati (imwaħħla mal-materjal ta’ quddiem u ssikkati skont kemm meħtieġ).

    Fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ilbies hemm żewġ strixxi tal-lastiku magħmula minn plastik ċellulari (wesgħin madwar 5 cm u twal madwar 30 cm), bin-naħa l-qasira ta’ kull waħda minnhom meħjuta ma’ waħda miż-żewġ biċċiet Velcro fuq l-ispalel. Kull waħda minn dawn iż-żewġ strixxi tal-lastiku testendi fuq l-ispalla u tinżel sas-sider ta’ kull panell ta’ quddiem, fejn kull strixxa hija meħjuta bin-naħa l-qasira tagħha man-naħa ta’ ġewwa tal-panell ta’ quddiem. Dawn l-istrixxi tal-lastiku jinżammu f’posthom bi tliet ċrieki tessili mwaħħla man-naħa ta’ ġewwa ta’ kull panell ta’ quddiem tal-ilbies.

    Fuq in-naħa ta’ wara tal-ilbies hemm strixxa (magħmula minn plastik ċellulari; wiesgħa madwar 3,5 cm) imwaħħla man-naħa ta’ ġewwa tul il-parti t’isfel tal-ilbies.

    Id-disinn tal-ilbies jgħin lid-dahar joqgħod dritt għax jgħin lil min jilbsu biex joqgħod wieqaf.

    (Ara l-istampi taħt 2) (*1)

    6212 90 00

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(a) tal-Kapitolu 61, in-Nota 1 tal-Kapitolu 62, in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6212 u 6212 90 00 .

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9021 bħala apparat ortopediku hija eskluża skont it-tifsira tan-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90, minħabba li dan l-ilbies huwa oġġett ta’ sostenn magħmul minn materjal tessili li l-effett tiegħu fuq l-organu li għandu jiġi sostnut (pereżempju, l-iddrittar tad-dahar) jirriżulta biss mill-elastiċità tal-oġġett. L-istrixxi tal-lastiku aġġustabbli joħolqu l-effett ta’ sostenn tal-ġisem.

    Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 6109 90 20 bħala T-shirts, flokkijiet ta’ taħt taċ-ċingi u flokkijiet ta’ taħt oħrajn jew taħt il-kodiċi NM 6110 30 99 bħala sdieri tan-nisa jew tal-bniet jew oġġetti simili hija eskluża wkoll, minħabba li l-oġġett għandu primarjament il-karatteristiċi ta’ lbies għas-sostenn tal-ġisem (is-sistema tal-għeluq doppju li tikkonsisti minn żipp u minn għeluq hook-and-eye, l-effetti minħabba t-tensjoni fuq dahar min jilbes l-ilbies maħluq miż-żewġ strixxi tal-lastiku aġġustabbli li jestendu b’mod dijagonali mill-ispalla sal-qadd, u t-tensjoni fuq id-dahar li joħolqu l-istrixxi tal-lastku fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ilbies). L-ilbies huwa ddisinjat biex jgħin lid-dahar joqgħod dritt għax jgħin lil min jilbsu biex joqgħod wieqaf.

    Għaldaqstant, l-oġġett huwa ddisinjat bħala lbies li jsostni l-ġisem (ara n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 6212 ) u, għalhekk, huwa eskluż mill-Kapitolu 61 skont it-tifsira tan-Nota 2(a) ta’ dak il-Kapitolu.

    Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6212 90 00 bħala oġġetti simili.

    1.

    Image 1

    Image 2

    Tliet drappijiet differenti: it-tliet drappijiet kif jidhru fil-mikroskopju:

    Image 3

    2.

    Image 4

    Image 5

    Iż-żewġ strixxi tal-lastiku mwaħħla mad-dahar:

    Image 6

    Quddiem (ta’ ġewwa barra):

    Wara (ta’ ġewwa barra):

    Image 7

    Image 8


    (*1)  L-istampi huma purament għall-informazzjoni.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1992/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top