Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1976

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1976 tad-19 ta’ Lulju 2024 li jniedi investigazzjoni dwar possibilità ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fuq l-importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju kkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

C/2024/4997

ĠU L, 2024/1976, 22.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1976/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1976/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1976

22.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1976

tad-19 ta’ Lulju 2024

li jniedi investigazzjoni dwar possibilità ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fuq l-importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju kkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju (“MSG”) ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, li huma soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(2)

It-talba tressqet fis-7 ta’ Ġunju 2024 minn Ajinomoto Foods Europe.

B.   PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa l-glutamat tal-monosodju, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 (2) taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (kodiċi TARIC 2922420010) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa.

(4)

Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħall-prodott ikkonċernat, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 iżda kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le (kodiċi TARIC 2922420015) (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

C.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri li huma fis-seħħ attwalment u li possibbilment qiegħed ikun hemm iċ-ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 (“il-miżuri eżistenti”).

D.   RAĠUNIJIET

(6)

It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni.

(7)

L-evidenza fit-talba turi dan li ġej.

(8)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, seħħet bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Malażja lejn l-Unjoni.

(9)

Din il-bidla tidher li ġejja minn prattika li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-estensjoni tad-dazju, jiġifieri t-trażbord tal-prodott ikkonċernat permezz tal-Malażja lejn l-Unjoni. Sa fejn hemm xi pproċessar ta’ materjali ta’ input f’MSG fil-Malażja, it-talba allegat li tali pproċessar jammonta għal sempliċi operazzjoni ta’ assemblaġġ / tlestija skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(10)

L-evidenza turi li minħabba l-prattika deskritta hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, hemm provi biżżejjed li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni qegħdin isiru bi prezzijiet dannużi.

(11)

Fl-aħħar, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

(12)

Fl-eventwalità li l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, differenti minn dik imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll.

E.   PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal. hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(14)

Sabiex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, jista’ wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(15)

L-awtoritajiet tal-Malażja u tar-RPĊ se jiġu nnotifikati bil-ftuħ tal-investigazzjoni.

(a)   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

(16)

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u / jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tingħata l-informazzjoni u / jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

(17)

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (3). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

(18)

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

(19)

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

(20)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

(21)

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġ ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawnhekk https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew l-email, jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ) ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3.

(22)

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika mogħti jkun indirizz tal-posta elettronika kummerċjali uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.

(23)

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Email: TRADE-R818-MSG-AC-MALAYSIA@ec.europa.eu

(b)   Ġbir ta’ tagħrif u seduti ta’ smigħ

(24)

Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

(c)   Talba għal eżenzjonijiet

(25)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

(26)

Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Malażja li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fil-Malażja u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE huma disponibbli fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2737. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(27)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet.

G.   PERJODI TAŻ-ŻMIEN

(28)

Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-kwestjonarji, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub jew kwalunkwe informazzjoni oħra li trid tiġi kkunsidrata matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fil-Malażja jitolbu għal eżenzjonijiet mill-miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(29)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta’ żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NONKOOPERAZZJONI

(30)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(31)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif ma għandux jitqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(32)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(33)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

J   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(34)

Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(35)

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar il-proċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.

K   L-UFFIĊJAL TAS-SMIGĦ

(36)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.

(37)

L-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ issir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(38)

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

(39)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Inbdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 ikkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le, (il-kodiċi TARIC 2922420015) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fuq il-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 tal-14 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 19.4.2021. p. 63).

(3)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1976/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top