Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1962

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1962 tat-18 ta’ Lulju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fir-rigward tal-istandards 7 u 8 tal-KAAT u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475 fir-rigward tal-forniment ta’ ċerta data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Istati Membri

    C/2024/4968

    ĠU L, 2024/1962, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1962/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1962/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1962

    19.7.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1962

    tat-18 ta’ Lulju 2024

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fir-rigward tal-istandards 7 u 8 tal-KAAT u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475 fir-rigward tal-forniment ta’ ċerta data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Istati Membri

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 117 u l-Artikolu 143(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2024/1468 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) 2021/2115, fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu derogi temporanji minn standards ta’ Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin (KAAT) u fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċerti standards tal-KAAT stabbiliti fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (3) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni. L-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġi emendat biex jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu l-għażla fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li tippermetti lill-bdiewa jissodisfaw l-istandard 7 tal-KAAT permezz tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel.

    (3)

    Minħabba li r-Regolament (UE) 2024/1468 ħassar l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT mill-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar l-elementi relatati ma’ dan ir-rekwiżit li għandhom jiġu stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jitħassru wkoll mill-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289.

    (4)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1475 (4) jistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u l-għoti ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-kompletezza tal-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw data lill-Kummissjoni għal kull sena dwar l-implimentazzjoni tad-derogi temporanji mill-istandards tal-KAAT imsemmija fl-Artikolu 13(2a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1468. Jenħtieġ li dawn ir-rapporti jinkludu informazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali u materjali ta’ dawn id-derogi temporanji, dwar it-tul ta’ żmien u r-raġunijiet għad-derogi temporanji, kif ukoll dwar il-bdiewa u benefiċjarji oħra kkonċernati mid-derogi temporanji. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat it-trasferiment ta’ din id-data lill-Kummissjoni, bħall-frekwenza, iż-żmien u l-korp responsabbli għat-trasferiment tad-data.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2024/1468 introduċa obbligu għall-Istati Membri biex jistabbilixxu u jipprovdu appoġġ għall-ekoskemi li jkopru, fuq raba’ li jinħadem, prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, u għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ, imsemmija fl-Artikolu 31(1a) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja u tevalwa dawn l-ekoskemi, minħabba l-importanza tal-kontribut ta’ tali prattiki għall-objettiv speċifiku relatat mal-bijodiversità stabbilit fl-Artikolu 6(1)(f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li jiġi previst li l-Istati Membri jridu jirrapportaw data dwar l-għadd ta’ ettari eliġibbli mħallsa għal dawn il-prattiki. Sabiex tiġi ffaċilitata evalwazzjoni tal-prattiki differenti koperti minn dawn l-ekoskemi, id-data jenħtieġ li tiġi pprovduta separatament għall-ekoskemi li jkopru żoni mhux produttivi u għall-ekoskemi li jistabbilixxu karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ, fuq ir-raba’ li jinħadem. Għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2024/1468 li jemendaw l-istandard 8 tal-KAAT għas-sena tat-talba 2024, l-obbligu li jirrapportaw id-data għall-ekoskemi rilevanti jenħtieġ li tapplika mis-sena tat-talba 2024.

    (6)

    Peress li r-Regolament (UE) 2024/1468 ħassar l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT mill-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-obbligu għall-Istati Membri li jirrapportaw id-data dwar dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jitħassar mill-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475.

    (7)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2024/1468 biex japplikaw ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fir-rigward tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fir-rigward tal-istandards 7 u 8 tal-KAAT għas-sena tat-talba 2024 u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkomplu jirrapportaw id-data dwar l-implimentazzjoni tal-istandard 8 tal-KAAT imsemmi fit-Taqsima 4, il-punt (q), tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475 għas-snin tat-talba 2023 u 2024.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 u (UE) 2022/1475 jiġu emendati skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289

    Fl-Anness I, it-Taqsima 3, is-subtaqsima 3.1., il-punt (e), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289, il-punti (vii) u (viii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(vii)

    għall-KAAT 7:

    sommarju tal-prattika fl-azjenda agrikola li jispeċifika l-prattiki ta’ newba u d-definizzjoni ta’ għelejjel u għelejjel sekondarji;

    sommarju, meta applikabbli, tal-prattika fl-azjenda agrikola għad-diversifikazzjoni tal-għelejjel mis-sena tat-talba 2025;

    it-tip ta’ bdiewa kkonċernati inklużi l-eżenzjonijiet applikati msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    meta Stat Membru jawtorizza prattiki relatati man-newba mtejba tal-għelejjel b’għelejjel leguminużi u mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel f’reġjuni speċifiċi tat-territorju tagħhom kif imsemmi fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna tal-KAAT 7 fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, spjegazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ dawn il-prattiki għall-preservazzjoni tal-potenzjal ta-ħamrija skont l-objettivi tal-KAAT abbażi tad-diversità tal-metodi tal-biedja u tal-kundizzjonijiet agroklimatiċi fir-reġjuni kkonċernati u ġustifikazzjoni tal-għażla li saret;

    (viii)

    għall-KAAT 8, mis-sena tat-talba 2025:

    il-lista tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ ikkonċernati mill-istandard dwar iż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ;

    il-miżuri biex jiġu evitati speċijiet ta’ pjanti invażivi fejn applikabbli;”.

    Artikolu 2

    Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 8, jiddaħħal il-punt li ġej wara l-punt (b):

    “(ba)

    data dwar derogi temporanji mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2a) tar-Regolament (UE) 2021/2115;”;

    (2)

    l-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 11:

    “Artikolu 11a

    Data dwar derogi temporanji mir-rekwiżiti tal-istandards tal-KAAT

    Id-data dwar derogi temporanji mir-rekwiżiti tal-istandards tal-KAAT, mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull deroga mogħtija:

    (a)

    l-istandard tal-KAAT u r-rekwiżit ikkonċernat mid-deroga temporanja;

    (b)

    ir-raġunijiet għad-deroga temporanja;

    (c)

    il-bidla fil-prattika tal-azjenda agrikola mogħtija mid-deroga temporanja;

    (d)

    il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-deroga temporanja;

    (e)

    iż-żona koperta mid-deroga temporanja (f’ettari);

    (f)

    l-għadd ta’ bdiewa u benefiċjarji oħra kkonċernati mid-deroga temporanja;

    (g)

    it-tipi ta’ bdiewa u benefiċjarji oħra koperti mid-deroga temporanja;

    (h)

    it-tul ta’ żmien tad-deroga temporanja.”;

    (3)

    fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena d-data dwar id-derogi temporanji msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (ba), sal-15 ta’ Marzu tas-sena N fir-rigward tad-derogi temporanji mogħtija fis-sena kalendarja N-1. L-ewwel sena ta’ rappurtar għandha tkun l-2025.”

    ;

    (4)

    L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Id-data msemmija fl-Artikolu 8, il-punti (a), (b), (ba), (d) u (e), għandha tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni permezz tas-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni msejħa “SFC2021”, li għaliha r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri huma stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (*1).

    Id-data msemmija fl-Artikolu 8(c), għandha tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni permezz tas-sistema bbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (*2).

    (*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2289/oj)."

    (*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1185/oj).”;"

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Għall-proporzjon fuq l-art bil-ħaxix permanenti u d-data dwar derogi temporanji mir-rekwiżiti tal-istandards tal-KAAT, id-data li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8(b) u (ba), għandha tiġi ttrasferita mill-aġenzija tal-pagamenti jew mill-korp ta’ koordinazzjoni.”

    ;

    (5)

    L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fit-Taqsima 2(d), il-punti li ġejjin jiddaħħlu wara l-punt (i):

    “(ia)

    M101: l-għadd ta’ ettari ta’ art eliġibbli li tinħadem li tiġi mħallsa għal prattiki għall-manutenzjoni ta’ żoni mhux produttivi, tali art mistrieħa kif stabbilit fl-Artikolu 31(1a) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (ib)

    M102: l-għadd ta’ ettari ta’ raba’ li jinħadem li jiġi mħallas għal prattiki tal-istabbiliment ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ kif stabbilit fl-Artikolu 31(1a) tar-Regolament (UE) 2021/2115;”;

    (b)

    fit-Taqsima 4, jitħassar il-punt (q).

    Artikolu 3

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   L-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2024/1468 fir-rigward tal-emendi tal-istandards 7 jew 8 tal-KAAT, għandhom japplikaw l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għall-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għas-sena tat-talba 2024.

    2.   L-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2024/1468 fir-rigward tal-emenda tal-istandard 8 tal-KAAT għas-sena tat-talba 2024, għandhom jirrapportaw id-data msemmija fl-Artikolu 2(5)(a), ta’ dan ir-Regolament, lill-Kummissjoni mis-sena tat-talba 2024, jekk japplikaw xi waħda minn dawk l-ekoskemi biex jikkonformaw mal-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament.

    3.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data msemmija fl-Anness IV, it-Taqsima 4, il-punt (q), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1475 għas-snin tat-talba 2023 u 2024.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1468 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u l-penali (ĠU L 2024,/1468, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1468/oj).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2289/oj).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1475 tas-6 ta’ Settembru 2022 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u l-għoti ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (ĠU L 232, 7.9.2022, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1475/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1962/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top