Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1849

    Regolament (UE) 2024/1849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manufattura (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/53/2024/REV/1

    ĠU L, 2024/1849, 10.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1849/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1849/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1849

    10.7.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/1849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Ġunju 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manufattura

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni kellha tivvaluta u tirrapporta dwar il-ħtieġa li l-Unjoni tirregola l-emissjonijiet tal-merkurju u komposti tal-merkurju mill-krematorji, il-fattibbiltà tat-tneħħija gradwali tal-użu tal-amalgama dentali fl-Unjoni fit-tul, u preferibbilment sal-2030, u l-benefiċċji ambjentali u l-fattibbiltà tal-projbizzjoni tal-manifattura u l-esportazzjoni ta’ prodotti oħra miżjudin bil-merkurju li huma pprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u jiġu importati fl-Unjoni.

    (2)

    Il-merkurju huwa sustanza kimika ta’ tħassib globali għall-ambjent minħabba t-trasport atmosferiku fuq distanza twila tiegħu, il-persistenza tiegħu wara l-introduzzjoni antropoġenika tiegħu fl-ambjent u l-ħila tiegħu li jakkumula fl-ekosistemi. Il-merkurju għandu wkoll effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u jgħaddi mill-ommijiet lit-tfal permezz tal-plaċenta jew permezz tat-treddigħ. It-tniġġis tal-ambjent bil-merkurju jista’ jirriżulta minn attivitajiet antropoġeniċi, inkluż ġestjoni insuffiċjenti tal-iskart tal-merkurju, il-kremazzjoni jew implimentazzjoni mhux korretta tas-separaturi obbligatorji fil-kliniki dentali.

    (3)

    Il-Kummissjoni, wara l-konklużjoni li waslet għaliha fir-rapport tagħha tas-17 ta’ Awwissu 2020 dwar ir-rieżamijiet meħtieġa skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/852 dwar l-użu tal-merkurju fl-amalgama dentali u fil-prodotti ppreżentat proposta leġiżlattiva, f’konformità mal-Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament, dwar it-tneħħija gradwali tal-użu tal-amalgama dentali u l-projbizzjoni tal-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali u ta’ ċerti lampi li fihom il-merkurju.

    (4)

    L-użu ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju, inkluż l-użu tal-amalgama dentali u ta’ lampi li fihom il-merkurju, jirrappreżenta l-akbar użu intenzjonat li fadal tal-merkurju fl-Unjoni. Madankollu, l-alternattivi ħielsa mill-merkurju saru ekonomikament u teknikament fattibbli u huma disponibbli faċilment.

    (5)

    Filwaqt li jitqies li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (4) tal-2013 (“il-Konvenzjoni”) u minħabba li jenħtieġ li jittieħdu miżuri mill-Partijiet għall-Konvenzjoni biex jinkoraġġixxu l-prevenzjoni tat-taħsir dentali u l-promozzjoni tas-saħħa dentali, u b’hekk tiġi minimizzata l-ħtieġa għal restawr dentali bħala miżura addizzjonali biex jappoġġaw it-tneħħija gradwali tal-użu tal-amalgama dentali, u meta jitqiesu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’, u t-tranżizzjoni attwali għal, alternattivi mingħajr merkurju f’bosta Stati Membri, huwa xieraq li jiġi pprojbit l-użu tal-amalgama dentali għat-trattament dentali fl-Unjoni, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li tintuża l-amalgama dentali għal pazjenti bi bżonnijiet mediċi speċifiċi meta jitqies strettament meħtieġ mill-prattikant dentali.

    (6)

    Filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika, sabiex jiġi limitat l-impatt soċjoekonomiku tal-eliminazzjoni gradwali tal-amalgama dentali b’mod partikolari fuq il-pazjenti b’introjtu baxx, l-Istati Membri fejn l-amalgama dentali huwa l-uniku materjal rimborżat pubblikament b’rata ta’ mill-inqas 90 % skont il-liġi nazzjonali, u fejn tali rimborż għadu mhuwiex possibbli għal alternattivi mingħajr merkurju mill-1 ta’ Jannar 2025, jenħtieġ li permezz ta’ deroga mir-rekwiżit previst f’dan ir-Regolament li l-amalgama dentali titneħħa gradwalment sa dik id-data, ikollhom aktar żmien biex isibu soluzzjonijiet xierqa biex jadattaw is-sistema tal-kura tas-saħħa tagħhom u għalhekk jenħtieġ li jitħallew ikollhom data ta’ tneħħija gradwali aktar tard għall-amalgama dentali. It-tneħħija gradwali tal-amalgama dentali jenħtieġ li, meta jkun xieraq, tkun akkumpanjata minn taħriġ professjonali għad-dentisti bil-għan li jaġġustaw għal tekniki ġodda.

    (7)

    L-Istati Membri li jibbenefikaw mid-deroga għall-eliminazzjoni gradwali prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu l-użu tal-amalgama dentali f’ċirkostanzi speċifiċi ħafna sat-30 ta’ Ġunju 2026. Għaldaqstant, l-importazzjoni u l-manufattura tal-amalgama dentali jenħtieġ li jiġu pprojbiti biss mill-1 ta’ Lulju 2026. Madankollu, mill-1 ta’ Lulju 2026, l-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali jenħtieġ li jkomplu jkunu possibbli biss jekk l-użu ta’ tali amalgama ikun neċessarju biex jiġu koperti ħtiġijiet mediċi speċifiċi.

    (8)

    Sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa kontinwa għall-użu tal-amalgama dentali fir-rigward ta’ ħtiġijiet mediċi speċifiċi, l-importaturi u l-manifatturi jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti kull sena bil-kwantitajiet importati jew manifatturati għal tali ħtiġijiet mediċi speċifiċi. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Diċembru 2029, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk għadx huwiex neċessarju li tinżamm id-deroga għall-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali użata għal pazjenti bi ħtiġijiet mediċi speċifiċi, filwaqt li titqies id-disponibbiltà ta’ alternattivi mingħajr merkurju għall-gruppi ta’ pazjenti rilevanti.

    (9)

    Il-krematorji huma sors sinifikanti tal-emissjonijiet ta’ merkurju fl-atmosfera u, minkejja t-tneħħija gradwali tal-amalgama dentali previsti f’dan ir-Regolament, il-krematorji ser ikomplu jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija. Jeħtieġ li tiġi żviluppata gwida dwar it-teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju mill-krematorji u li tinġabar informazzjoni dwar il-miżuri implimentati abbażi ta’ dik il-gwida fl-Istati Membri, sabiex tinkiseb prevenzjoni xierqa tat-tniġġis u jittaffa l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

    (10)

    L-użu illegali tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-prodotti kożmetiċi jippersisti fil-livell globali. Il-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (“Konferenza tal-Partijiet”) għalhekk iddeċidiet fid-Deċiżjoni MC-5/5 li tiġbor informazzjoni mill-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-isfidi li jiffaċċjaw fil-prevenzjoni tal-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-kożmetiċi elenkati fil-Parti I tal-Anness A tal-Konvenzjoni. Fid-dawl tal-effetti detrimentali tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, l-esponiment u l-emissjonijiet jenħtieġ li jkomplu jiġu minimizzati kemm jista’ jkun. Rapporti reċenti juru li kumpaniji li joperaw fl-Unjoni qed jimmanifatturaw u jesportaw komposti tal-merkurju li jirriżulta f’użu illegali tal-merkurju, b’mod partikolari fil-kożmetiċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżviluppi skont il-Konvenzjoni fir-rigward tat-tneħħija gradwali tal-użu illegali tal-merkurju fil-prodotti kożmetiċi, filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Partijiet għall-Konvenzjoni f’konformità mad-Deċiżjoni MC-5/5. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-użi li jifdal tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju, bħall-użu tiegħu fil-porosimetrija, il-fanali tal-portijiet u l-vaċċini, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi estiża l-lista ta’ sorsi kbar ta’ skart, u, meta jkun xieraq, tissuġġerixxi miżuri biex dawn l-użi jitneħħew gradwalment u biex jiġu rregolati l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-merkurju għal tali finijiet.

    (11)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw sistemi ta’ ġbir xierqa għall-prodotti miżjudin bil-merkurju fi skart mhux elettroniku u elettroniku u li jiġbru dawn il-prodotti separatament u b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, skont id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (12)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċertu tagħmir elettriku u elettroniku li fih il-merkurju. L-Anness III ta’ dik id-Direttiva jelenka, fost affarijiet oħrajn, ċerti lampi miżjudin bil-merkurju li huma eżentati minn dik il-projbizzjoni sad-dati speċifikati fih. Dik l-eżenzjoni skadiet fit-13 ta’ April 2016 għal lampi mhux lineari tal-alofosfati, fl-24 ta’ Frar 2023 għal ċerti lampi fluworexxenti kompatti, u fl-24 ta’ Awwissu 2023 għal lampi fluworexxenti lineari għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali. Għal lampi fluworexxenti trifosforiċi mhux lineari, l-eżenzjoni tiskadi fl-24 ta’ Frar 2025. L-eżenzjoni għall-biċċa l-kbira tal-lampi tas-sodju (gass) taħt pressjoni għolja għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali b’indiċi li għandhom indiċi tal-kulur imtejjeb li skadiet fl-24 ta’ Frar 2023, filwaqt li għal lampi tas-sodju (gass) taħt pressjoni għolja għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali oħra li fadal, elenkati fl-entrata 4 tal-Anness III għad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tiskadi fl-24 ta’ Frar 2027.

    (13)

    Barra minn hekk, ċerti lampi fluworexxenti lineari għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali ġew elenkati, bil-ħsieb li jiġu pprojbiti,fid-Deċiżjoni MC-4/3 adottata fir-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li saret mill-21 sal-25 ta’ Marzu 2022, u ġew stabbiliti dati ta’ tneħħija gradwali għalihom fid-Deċiżjoni MC-5/4 adottata fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, li saret mit-30 ta’ Ottubru sat-3 ta’ Novembru 2023. Dawk id-Deċiżjonijiet kienu appoġġati mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2022/549 (7) u (UE) 2023/2417 (8).

    (14)

    Peress li huwa xieraq li tkun projbita mill-aktar fis possibbli l-esportazzjoni mill-Unjoni tal-lampi miżjudin bil-merkurju li fadal, u peress li xi wħud minn dawk il-lampi bħalissa ma humiex koperti mill-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852, jenħtieġ li, għall-finijiet ta’ konsistenza, jiġu inklużi fih biex tiġi pprojbita l-manifattura u l-esportazzjoni tagħhom mid-dati stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE u mhux aktar tard mid-dati l-aktar ambizzjużi inklużi fid-Deċiżjoni MC-4/3. Barra minn hekk, jistgħu jinkisbu kobenefiċċji sinifikanti bit-tneħħija gradwali tal-esportazzjoni ta’ lampi miżjudin bil-merkurju mill-aktar fis possibbli, peress li l-alternattivi mingħajr merkurju huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u għalhekk jipprevjenu r-rilaxx ta’ tunnellati ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

    (15)

    Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (16)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/852 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2017/852 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-amalgama dentali ma għandhiex tintuża għat-trattament dentali fl-Unjoni, ħlief meta titqies strettament meħtieġa mill-prattikant dentali abbażi tal-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjent.

    B’rispett sħiħ tal-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika, u b’deroga mill-ewwel subparagrafu, fi Stati Membri fejn l-amalgama dentali hija l-uniku materjal rimborżat pubblikament b’rata ta’ mill-inqas 90 % skont il-liġi nazzjonali għal pazjenti li mhumiex eliġibbli għal materjali rimborżati oħra ta’ mili dentali u persuni b’introjtu baxx huma affettwati soċjoekonomikament b’mod sproporzjonat mid-data ta’ tneħħija gradwali tal-1 ta’ Jannar 2025, l-amalgama dentali tista’ tintuża għall-kura dentali sat-30 ta’ Ġunju 2026. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku spjegazzjonijiet motivati għall-użu tad-deroga, inkluż il-miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati sat-30 ta’ Ġunju 2026, u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Awwissu 2024.”

    ;

    (b)

    jinżdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-esportazzjoni tal-amalgama dentali għandha tkun ipprojbita.

    Mill-1 ta’ Lulju 2026, l-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali għandhom ikunu pprojbiti.

    B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali għandhom ikunu permessi għal ħtiġijiet mediċi speċifiċi kif msemmi fil-paragrafu 2a, l-ewwel subparagrafu.”

    ;

    (2)

    L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(f)

    sommarju tal-informazzjoni miġbura skont il-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu kif ukoll l-informazzjoni dwar l-ammonti ta’ merkurju użati għal ħtiġijiet mediċi speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 10(2a);

    (g)

    informazzjoni dwar il-miżuri implimentati abbażi tal-gwida tal-Kummissjoni dwar teknoloġiji ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju mill-krematorji msemmija fl-Artikolu 19(2a), il-punt (a).”

    ;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Sal-31 ta’ Mejju ta’ sena kalendarja partikolari, l-importaturi u l-manifatturi tal-amalgama dentali għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti tagħhom għas-sena kalendarja preċedenti l-ammont tal-amalgama dentali li huma importaw jew immanifatturaw skont l-Artikolu 10(7), it-tielet subparagrafu.”

    ;

    (3)

    L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, id-data “31 ta’ Diċembru 2024” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2029”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

    (a)

    l-implimentazzjoni u l-impatt tal-gwida, żviluppata mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025, dwar it-teknoloġiji għat-tnaqqis għall-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju mill-krematorji applikati fl-Istati Membri;

    (b)

    il-ħtieġa li tinżamm l-eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq l-użu tal-amalgama dentali msemmija fl-Artikolu 10(2a), l-ewwel subparagrafu, filwaqt li jitqies l-impatt fuq is-saħħa tal-pazjenti b’mod ġenerali u tal-pazjenti dipendenti fuq il-mili tal-amalgama, u l-ħtieġa li tinżamm id-deroga għall-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali kif imsemmi fl-Artikolu 10(7), it-tielet subparagrafu;

    (c)

    l-iżviluppi skont il-Konvenzjoni fir-rigward tat-tneħħija gradwali tal-użu illegali tal-merkurju fil-kożmetiċi, filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Partijiet għall-Konvenzjoni f’konformità mad-Deċiżjoni MC-5/5 tal-Konferenza tal-Partijiet dwar it-tħejjija ta’ rapport dwar il-kożmetiċi;

    (d)

    il-ħtieġa li jitneħħew gradwalment l-użi tal-merkurju li fadal;

    (e)

    il-ħtieġa li tiġi estiża l-lista tas-sorsi ta’ skart tal-merkurju stabbilita fl-Artikolu 11;

    (f)

    il-ħtieġa li tiġi estiża l-lista ta’ komposti tal-merkurju stabbilita fl-Anness I, billi jiżdied, pereżempju, l-klorur ażanid tal-merkurju (HgNH2Cl).”

    ;

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapporti tagħha msemmija f’dan l-Artikolu.”

    ;

    (4)

    L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)   ĠU C, C/2024/894, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/894/oj.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2024.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).

    (5)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (riformulazzjoni) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

    (6)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 tas-17 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 78).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2417 tat-23 ta’ Ottubru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L, 2023/2417, 6.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2417/oj).


    ANNESS

    Il-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852 hija emendata kif ġej:

    (1)

    tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    Prodotti miżjudin bil-merkurju

    Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti

    “3b.

    Il-lampi fluworexxenti kompatti (CLFs) l-oħra kollha għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li mhumiex inklużi fl-entrati 3 u 3a

    31.12.2025”;

    (2)

    jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

    Prodotti miżjudin bil-merkurju

    Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti

    “4a.

    Lampi trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li mhumiex inklużi fl-entrata 4, il-punt (a).

    31.12.2026

    4b.

    Lampi tal-fosfori alofosfati għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li mhumiex inklużi fl-entrata 4, il-punt (b).

    31.12.2025

    4c.

    Lampi mhux lineari trifosforiċi.

    31.12.2026

    4d.

    Lampi mhux lineari tal-fosfori alofosfati.

    31.12.2025”;

    (3)

    tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    Prodotti miżjudin bil-merkurju

    Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti

    “5a.

    Lampi tas-sodju (gass) taħt pressjoni għolja (HPS) għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li għandhom:

    (a)

    P ≤ 105 W b’aktar minn 16 mg Hg;

    (b)

    105 W < P ≤ 155 W b’aktar minn 20 mg Hg;

    (c)

    P > 155 W b’aktar minn 25 mg Hg.

    31.12.2025”.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1849/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top