EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1513

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1513 tal-31 ta’ Mejju 2024 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

C/2024/3487

ĠU L, 2024/1513, 3.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1513/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1513/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1513

3.6.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1513

tal-31 ta’ Mejju 2024

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 (2), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191, li jelenka l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun soġġetti għad-dazju medju tal-kampjun, kien jinkludi l-isem tal-kumpanija Haining Hisener Trade Co., Ltd. (“Hisener”). Din il-kumpanija mhijiex manifattur ta’ elementi tal-irbit, iżda operatur tas-suq u bi żball iddaħħlet fl-Anness minflok l-isem tal-manifattur relatat tagħha tal-elementi tal-irbit Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd.

(3)

Il-Kummissjoni ddivulgat kif xieraq is-sejbiet tagħha, inkluż l-Anness li jelenka l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment li jindika dan l-iżball minn xi parti interessata, li jindikaw li Hisener issemmiet bi żball bħala manifattur ta’ elementi tal-irbit. B’riżultat ta’ dan, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 irid jiġi kkoreġut peress li ma jirriflettix l-isem korrett tal-produttur esportatur li kkoopera mhux inkluż fil-kampjun Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-isem Haining Hisener Trade Co., Ltd. b’Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd. fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 skont dan mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191, jiġifieri t-18 ta’ Frar 2022.

(4)

Minħabba li jenħtieġ li l-importazzjonijiet manifatturati minn Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd. biss jibbenefikaw mir-rata tad-dazju applikabbli għall-kodiċi addizzjonali TARIC C776, il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ li tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jivverifikaw jekk l-importazzjonijiet li saru taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C776 mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 kinux tabilħaqq immanifatturati minn Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd. F’konformità mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191, l-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għal Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd., għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu/isimha u l-kariga tiegħu/tagħha, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda fattura bħal din għall-importazzjonijiet li jsiru taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C776, jenħtieġ li japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha u jenħtieġ li jinġabar mit-18 ta’ Frar 2022.

(5)

Il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għal din il-korrezzjoni fis-27 ta’ Novembru 2023.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-European Fastener Distributor Association (EFDA), li opponew l-effett retroattiv tal-korrezzjoni tal-iżball.

(7)

L-ewwel nett, l-EFDA rreferiet għall-prinċipju ta’ ċertezza legali li jipprekludi li kwalunkwe miżura tal-Unjoni tidħol fis-seħħ minn mument qabel il-pubblikazzjoni tagħha ħlief meta jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet: (i) l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura jitlob li din tiġi applikata b’mod retroattiv; u (ii) l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati jiġu rrispettati kif xieraq. L-EFDA ssostni li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda analiżi jew spjegazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq humiex issodisfati f’dan il-każ.

(8)

It-tieni, l-EFDA enfasizzat li ma jkunx raġonevoli li l-importaturi tal-Unjoni jkunu soġġetti għal dazji ogħla jew pieni kriminali skont il-liġijiet doganali nazzjonali minħabba żball li sar mill-Kummissjoni.

(9)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-argumenti tal-EFDA. Jenħtieġ li l-parti li tirreferi għall-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jkollha ċertu grad ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni li fiha, fil-fehma tagħha, tfeġġ l-aspettattiva leġittima. Hisener kellha tkun taf bl-iżball li jinsab fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 fil-mument tad-divulgazzjoni. Peress li Hisener ma pproduċietx elementi tal-irbit, ma kellhiex tkun elenkata fl-Anness tar-Regolament imsemmi hawn fuq. Madankollu, Hisener ma kkummentatx dwar dan l-iżball. Lanqas wara li ġie ppubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191. Il-protezzjoni tal-prinċipju tal-aspettattiva leġittima ma twaqqafx lill-Kummissjoni milli tikkoreġi l-iżball u ssemmi lil Diaiwei minflok lil Hisener biex tibbenefika mir-rata tad-dazju applikabbli għall-kodiċi addizzjonali TARIC C776 mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-ġbir tar-rata tad-dazju kif suppost isir skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(10)

Għalhekk, l-asserzjonijiet tal-EFDA ġew miċħudin.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 huwa emendat kif ġej:

“Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Haining Hisener Trade Co., Ltd

C776”

huwa sostitwit bi

“Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd.

C776”

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma b’dan mogħtija struzzjonijiet biex jivverifikaw jekk l-importazzjonijiet li saru taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C776 mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 kinux tabilħaqq immanifatturati minn Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd. L-importazzjonijiet magħmula taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C776 li ma kinux manifatturati minn Jiaxing Diaiwei Hardware Technology Co., Ltd. għandhom ikunu soġġetti għad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha u d-differenza fid-dazju għandha tinġabar mit-18 ta’ Frar 2022 f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jkollu effett mit-18 ta’ Frar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1.)


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1513/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top