Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1506

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1506 tat-22 ta’ Frar 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika ċerti kriterji għall-klassifikazzjoni tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi bħala sinifikanti

    C/2024/906

    ĠU L, 2024/1506, 30.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1506/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1506/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1506

    30.5.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1506

    tat-22 ta’ Frar 2024

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika ċerti kriterji għall-klassifikazzjoni tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi bħala sinifikanti

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(11) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-Regolament għall-klassifikazzjoni tat-tokens irreferenzjati ma’ assi bħala tokens irreferenzjati ma’ assi sinifikanti għandhom japplikaw ukoll għall-klassifikazzjoni tat-tokens tal-flus elettroniċi bħala tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-kriterji msemmija fl-Artikolu 43(1), il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114 anki fir-rigward tat-tokens tal-flus elettroniċi.

    (2)

    Sabiex l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tkun tista’ tiddetermina jekk l-attivitajiet tal-emittent tat-token irreferenzjat mal-assi jew tat-token tal-flus elettroniċi ikunux sinifikanti fuq skala internazzjonali barra mill-Unjoni, u jekk it-tokens irreferenzjati ma’ assi jew it-tokens tal-flus elettroniċi jew l-emittenti tagħhom għandhomx jitqiesu bħala interkonnessi mas-sistema finanzjarja, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-indikaturi ewlenin u dawk anċillari għal tali determinazzjoni. Jenħtieġ li l-indikaturi ewlenin ikopru l-aktar elementi rilevanti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi sinifikanti jew tat-tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti. Jenħtieġ li l-indikaturi anċillari jiġu vvalutati meta l-valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin mill-EBA ma tippermettix lill-EBA tiddetermina b’mod konklużiv li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 43(1), il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114 ikunu ġew issodisfati. L-eżitu tal-valutazzjoni tas-sinifikat jenħtieġ li jkun soġġett għal valutazzjoni olistika taż-żewġ tipi ta’ indikaturi.

    (3)

    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kriterju tas-sinifikat tal-attivitajiet tal-emittent fuq skala internazzjonali barra mill-Unjoni, inkluż l-użu tat-token irreferenzjat ma’ assi jew tat-token tal-flus elettronċi għal pagamenti u rimessi, kif imsemmi fl-Artikolu 43(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li l-EBA tuża indikaturi ewlenin marbuta ma’ attivitajiet transfruntiera bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, mad-daqs tat-token ikkonċernat u mal-attivitajiet tal-emittent fil-livell globali.

    (4)

    It-tranżazzjonijiet transfruntiera, b’mod partikolari dawk li huma assoċjati ma’ użi bħala mezz ta’ skambju, huma t-tranżazzjonijiet bid-dimensjoni internazzjonali li huma l-aktar probabbli li joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja, it-trażmissjoni tal-politika monetarja u s-sovranità monetarja tal-Unjoni. Dawk it-tranżazzjonijiet jirriflettu wkoll l-attività internazzjonali ta’ emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew ta’ token tal-flus elettroniċi fuq skala internazzjonali barra mill-Unjoni fir-rigward tal-użi tagħhom għal pagamenti u rimessi. Għalhekk, jenħtieġ li l-EBA tikkunsidra l-indikaturi tas-sinifikat tas-sehem mis-suq tal-valur tat-tranżazzjonijiet transfruntiera f’token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi lejn u mill-Unjoni u s-sinifikat tas-sehem mis-suq stmat tal-valur ta’ tali tranżazzjonijiet li huma assoċjati mal-użi ta’ tali tokens bħala mezz ta’ skambju. Jenħtieġ li l-indikatur tas-sinifikat tas-sehem mis-suq tal-valur tat-tranżazzjonijiet transfruntiera f’token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi, ikompli jinqasam f’żewġ subindikaturi separati marbuta ma’ tranżazzjonijiet li jidħlu u tranżazzjonijiet li joħorġu, billi l-effetti ta’ kull tip ta’ tranżazzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja u s-sovranità monetarja jistgħu jkunu differenti.

    (5)

    Sabiex tkopri l-aspett mhux transfruntier tas-sinifikat tal-attivitajiet tal-emittent fuq skala internazzjonali, jenħtieġ li l-EBA tqis ukoll l-indikaturi ewlenin dwar il-kapitalizzazzjoni tas-suq globali ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew ta’ token tal-flus elettroniċi, u dwar il-kapitalizzazzjoni tas-suq globali tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi kollha maħruġa mill-emittent. Jenħtieġ li l-kapitalizzazzjoni tas-suq fuq skala internazzjonali ta’ token tinftiehem li tinkludi l-istess token maħruġ barra mill-Unjoni sabiex issir distinzjoni bejn dik il-kapitalizzazzjoni u l-kapitalizzazzjoni tas-suq imsemmija fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1114.

    (6)

    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kriterju tas-sinifikat tal-interkonnettività tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi jew tal-emittenti tagħhom mas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 43(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li l-indikaturi jkopru l-interkonnettività diretta u indiretta bejn it-tokens u l-emittenti tagħhom u s-sistema finanzjarja. Kemm interkonnettività diretta kif ukoll indiretta jistgħu jirriżultaw f’effetti ta’ kontaġju fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri mill-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi għas-sistema finanzjarja tradizzjonali u viċi versa. Għal dak l-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-indikaturi ewlenin kemm tas-sinifikat tas-sehem tal-assi ta’ riżerva li mhux depożiti li huma strumenti finanzjarji maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll is-sinifikat tas-sehem tal-parteċipazzjonijiet tal-assi tal-emittent meta mqabbel mal-provvista totali ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-indikaturi anċillari li ġejjin: l-istruttura tas-sjieda tal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi, il-konċentrazzjoni tal-kustodja tal-assi ta’ riżerva tal-emittent u s-sovrappożizzjoni tal-portafoll tal-assi ta’ riżerva tal-emittent mal-assi ta’ riżerva ta’ emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi oħrajn u tokens tal-flus elettroniċi oħrajn.

    (7)

    Il-valutazzjoni tas-sinifikat tas-sehem tal-assi ta’ riżerva li mhux depożiti li huma strumenti finanzjarji maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji hija kruċjali fil-valutazzjoni tal-interkonnettività tal-emittent mas-sistema finanzjarja. Dan l-indikatur ewlieni jenħtieġ li jkejjel l-interkonnessjonijiet diretti mas-settur finanzjarju permezz tar-riżerva ta’ assi tal-emittent. Diffikultà fl-istituzzjonijiet finanzjarji li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma inklużi fl-assi ta’ riżerva tista’ taffettwa l-valur tal-assi ta’ riżerva li jsostnu l-pretensjonijiet tad-detenturi tat-token fuq l-emittent biex jifdi t-token. Meta tivvaluta dak l-indikatur, jenħtieġ li l-EBA tqis is-subindikaturi tas-sehem ta’ assi ta’ riżerva li mhux depożiti li huma strumenti finanzjarji, is-sehem ta’ assi ta’ riżerva li mhux depożiti li huma derivattivi fil-każ ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew bonds koperti fil-każ ta’ tokens tal-flus elettroniċi. Is-sehem ta’ assi ta’ riżerva li mhux depożiti li huma derivattivi u s-sehem ta’ bonds koperti huma meħtieġa bħala subindikaturi peress li, minn naħa, il-kontropartijiet tad-derivattivi jistgħu jkunu istituzzjonijiet ta’ kreditu u għalhekk sejħa għall-marġni fuqhom jista’ jkollha effetti sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja, u, min-naħa l-oħra, bejgħ bl-għaġla ta’ bonds koperti mill-emittent jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    (8)

    L-indikatur ewlieni dwar is-sinifikat tas-sehem tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tal-parteċipazzjonijiet tal-assi tal-emittent tat-tokens tal-flus elettroniċi meta mqabbel mal-provvista totali tal-istrumenti finanzjarji speċifiċi, inklużi l-unitajiet ta’ impriża għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u f’bonds sovrani, jenħtieġ li jkopri l-interkonnessjonijiet indiretti bejn, minn naħa, l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi u, min-naħa l-oħra, is-sistema finanzjarja. Tali konnessjonijiet indiretti jistgħu jaffettwaw is-sistema finanzjarja tradizzjonali, b’mod partikolari meta l-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew ta’ token tal-flus elettroniċi jkun kostrett li jbigħ bl-irħis il-parteċipazzjonijiet tal-assi tiegħu minħabba diffikultà finanzjarja. Dan il-bejgħ ta’ emerġenza jista’ jnaqqas il-valur ta’ dawk l-assi u jaffettwa lill-istituzzjonijiet finanzjarji indirettament permezz ta’ tnaqqis fil-valur tal-assi li jkollhom dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji.

    (9)

    L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi jistgħu jkunu interkonnessi wkoll mas-sistema finanzjarja permezz tal-istruttura tas-sjieda. Dan l-indikatur anċillari jenħtieġ li jipprovdi stampa sħiħa tal-effetti potenzjali li diffikultà finanzjarja jista’ jkollha fis-sistema finanzjarja, mhux biss minn perspettiva purament ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja iżda wkoll b’rabta mar-riskji għar-reputazzjoni. Diffikultà finanzjarja jew avvenimenti kritiċi fl-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi jistgħu, bir-rabta tagħhom mal-emittent permezz tal-istruttura tas-sjieda, ikollhom effett sinifikanti f’istituzzjonijiet li jmexxu attivitajiet finanzjarji oħra. Meta tivvaluta dak l-indikatur, l-EBA jenħtieġ li tiffoka fuq jekk l-emittent għandux sjieda mifruxa jew ikkonċentrata, jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi b’parteċipazzjonijiet kwalifikanti humiex istituzzjonijiet finanzjarji jew le u l-kumplessità tal-istruttura tas-sjieda.

    (10)

    Jista’ jinħoloq kanal addizzjonali ta’ interkonnettività bejn, minn naħa, l-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew ta’ token tal-flus elettroniċi, u, min-naħa l-oħra, is-sistema finanzjarja, permezz tal-konċentrazzjoni ta’ assi ta’ riżerva f’għadd żgħir ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Aktar ma tkun għolja d-diversifikazzjoni tal-assi ta’ riżerva tal-emittent, aktar ikunu baxxi l-effetti potenzjali ta’ kontaġju u r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja tal-emittent. Għalhekk, l-allokazzjoni ta’ assi ta’ riżerva f’għadd baxx ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew fi grad ikkonċentrat ħafna hija indikazzjoni ta’ interkonnettività ogħla mas-sistema finanzjarja. Minħabba r-rilevanza speċifika tal-interkonnettività li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni tad-depożiti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huwa xieraq li jiġu stabbiliti żewġ subindikaturi taħt l-indikatur anċillari tal-konċentrazzjoni tal-assi ta’ riżerva tal-emittent fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Jenħtieġ li sottoindikatur wieħed ikopri il-konċentrazzjoni ta’ assi ta’ riżerva f’istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li sottoindikatur ieħor ikopri biss id-depożiti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    (11)

    Jenħtieġ li jinqabdu l-mekkaniżmi ta’ kontaġju li jistgħu jirriżultaw minn każijiet meta jkun hemm emittenti differenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi li jżommu assi simili. Sitwazzjoni bħal din, bħala konsegwenza, tista’ toħloq diffikultà finanzjarja minħabba l-bejgħ ta’ emerġenza ta’ emittent wieħed li jista’ jkollu effetti negattivi fuq emittenti oħra. Jenħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit indikatur anċillari tas-sovrappożizzjoni tal-portafoll tal-assi ta’ riżerva tal-emittent mal-assi ta’ riżerva ta’ emittenti oħra,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Article 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “istituzzjoni finanzjarja” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    istituzzjoni ta’ kreditu;

    (b)

    ditta tal-investiment;

    (c)

    istituzzjoni tal-flus elettroniċi;

    (d)

    istituzzjonijiet ta’ pagament;

    (e)

    kumpanija maniġerjali tal-UCITS;

    (f)

    maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv;

    (g)

    impriża tal-assigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, il-punt (1) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

    (h)

    impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, il-punt (4) tad-Direttiva 2009/138/KE;

    (i)

    “istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali” kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

    (2)

    “perjodu rilevanti” tfisser il-perjodu msemmi fl-Artikolu 43(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114, jew il-perjodu msemmi fl-Artikolu 43(2), il-punt (b), tal-istess Regolament.

    Artikolu 2

    Indikaturi għall-valutazzjoni tas-sinifikat fuq skala internazzjonali

    1.   Biex tivvaluta jekk il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 43(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 huwiex issodisfat, l-EBA għandha tivvaluta l-indikaturi ewlenin kollha li ġejjin:

    (a)

    is-sinifikat tas-sehem mis-suq tal-valur tat-tranżazzjonijiet transfruntiera f’tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi fl-Unjoni u mill-Unjoni;

    (b)

    is-sinifikat tas-sehem mis-suq stmat tal-valur tat-tranżazzjonijiet transfruntiera f’tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi fl-Unjoni u mill-Unjoni li huma assoċjati mal-użi bħala mezz ta’ skambju;

    (c)

    il-grad ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq fuq skala internazzjonali ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi fl-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti;

    (d)

    il-grad ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq fuq skala internazzjonali tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi kollha maħruġa mill-emittent jew mill-emittenti kkonċernati fl-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), l-EBA għandha tikkunsidra s-subindikaturi kollha li ġejjin:

    (a)

    is-sehem mis-suq tal-valur tat-tranżazzjonijiet transfruntiera f’tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi fl-Unjoni (tranżazzjonijiet li jidħlu);

    (b)

    is-sehem mis-suq tal-valur tat-tranżazzjonijiet transfruntiera f’tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi mill-Unjoni (tranżazzjonijiet li joħorġu).

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), f’konformità mal-formula li ġejja:

    il-valur totali aggregat ta' tranżazzjonijiet li l – pagatur tagħ hom jinsab barra l – Unjoni u l – benefiċjarju fl – Unjoni f' token partikolari rreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi matul il – perjodu rilevanti

    il – valur totali aggregat ta' tranżazzjonijiet li l – pagatur tagħ hom jinsab barra l – Unjoni u l – benefiċjarju fl – Unjoni fit – tokens kollha rreferenzjati ma' assi u tokens tal – flus elettroniċi matul il – perjodu rilevanti

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali aggregat ta' tranżazzjonijiet li l – pagatur tagħ hom jinsab fl – Unjoni u l – benefiċjarju barra l – Unjoni f' token partikolari rreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi matul il – perjodu rilevanti

    il – valur totali aggregat ta' tranżazzjonijiet li l – pagatur tagħ hom jinsab fl – Unjoni u l – benefiċjarju barra l – Unjoni fit – tokens kollha rreferenzjati ma' assi u tokens tal – flus elettroniċi matul il – perjodu rilevanti

    3.   L-EBA għandha tikkalkula s-sehem mis-suq stmat imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali aggregat stmat tat – tranżazzjonijiet transfruntiera f' token partikolari rreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi lejn l – Unjoni u mill – Unjoni li huma assoċjati mal – użi tagħom bħala mezz ta' skambju matul il – perjodu rilevanti

    il – valur totali aggregat stmat tat – tranżazzjonijiet transfruntiera fit – tokens kollha rreferenzjati ma' assi u t – tokens tal – flus elettroniċi lejn l – Unjoni u mill – Unjoni li huma assoċjati mal – użi tagħhom bħala mezz ta' skambju matul il – perjodu rilevanti

    Artikolu 3

    Indikaturi għall-valutazzjoni tal-interkonnettività mas-sistema finanzjarja

    1.   Biex tivvaluta jekk il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 43(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114 huwiex issodisfat, l-EBA għandha tivvaluta l-indikaturi ewlenin kollha li ġejjin:

    (a)

    is-sinifikat tas-sehem tal-assi ta’ riżerva li mhux depożiti ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi li huma strumenti finanzjarji maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji;

    (b)

    is-sinifikat tas-sehem tal-parteċipazzjonijiet tal-assi tal-emittent relattiv għall-provvista totali ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), l-EBA għandha tikkunsidra s-subindikaturi li ġejjin:

    (a)

    is-sehem tal-assi ta’ riżerva li mhux depożiti ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi li huma strumenti finanzjarji maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji;

    (b)

    fil-każ ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi, is-sehem ta’ assi ta’ riżerva li mhux depożiti ta’ token irreferenzjat ma’ assi li huma derivattivi; jew

    (c)

    fil-każ ta’ tokens tal-flus elettroniċi, is-sehem tal-assi ta’ riżerva li mhux depożiti ta’ token tal-flus elettroniċi li huma bonds koperti.

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali tal – istrumenti finanzjarji maħruġa mill – istituzzjonijiet finanzjarji li jagħmlu parti mir – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi

    (il – valur totali tar – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi) – (il – valur totali tad – depożiti fir – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi)

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali tad – derivattivi li jagħmlu parti mir – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi

    (il – valur totali tar – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi) – (il – valur totali tad – depożiti fir – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi)

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali ta' bonds koperti maħruġa mill – istituzzjonijiet ta' kreditu li jagħmlu parti mir-riżerva tal-assi tat-token tal-flus elettroniċi

    (il – valur totali tar – riżerva tal-assi tat – token tal-flus elettroniċi) – (il – valur totali tad-depożiti fir-riżerva tal-assi tat – token tal-flus elettroniċi)

    3.   L-EBA għandha tikkalkula s-sehem tal-parteċipazzjonijiet tal-assi tal-emittent imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali tal – parteċipazzjonijiet tal – emittent ta' token irreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi ta' tip ta' strument finanzjarju

    il – provvista totali ta' dak it-tip ta' strument finanzjarju

    4.   Meta l-valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin imsemmija fil-paragrafu 1 ma twassalx għal determinazzjoni konklużiva fir-rigward tal-kriterju ta’ interkonnettività stabbilit fl-Artikolu 43(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-EBA għandha tivvaluta l-indikaturi anċillari kollha li ġejjin:

    (a)

    l-istruttura tas-sjieda tal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi;

    (b)

    il-grad ta’ konċentrazzjoni tal-assi ta’ riżerva tal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi f’istituzzjonijiet finanzjarji;

    (c)

    il-grad ta’ sovrappożizzjoni tal-portafoll tal-assi ta’ riżerva tal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi mal-assi ta’ riżerva ta’ emittenti oħra ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi u ta’ tokens tal-flus elettroniċi.

    5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, il-punt (a), l-EBA għandha tqis dawn il-fatturi kollha li ġejjin:

    (a)

    jekk l-emittent għandux struttura ta’ sjieda mxerrda jew ikkonċentrata;

    (b)

    jekk persuna fiżika jew ġuridika b’parteċipazzjoni kwalifikanti hijiex istituzzjoni finanzjarja;

    (c)

    il-kumplessità tal-istruttura tas-sjieda.

    6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, il-punt (b), l-EBA għandha tqis dawn is-subindikaturi kollha li ġejjin:

    (a)

    il-konċentrazzjoni tal-assi ta’ riżerva tal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi f’istituzzjonijiet finanzjarji;

    (b)

    il-konċentrazzjoni ta’ depożiti miżmuma f’istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi.

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    Konċentrazzjoni = s1 2+s2 2+s3 2+…sn 2

    fejn sn = is-sehem tal-assi ta’ riżerva miżmuma fl-istituzzjonijiet finanzjarji n (espress bħala numru sħiħ).

    L-EBA għandha tikkalkula s-subindikatur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    Konċentrazzjoni = c1 2+c2 2+c3 2+…cn 2

    fejn cn = is-sehem tad-depożiti miżmuma fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu n (espress bħala numru sħiħ).

    7.   L-EBA għandha tikkalkula l-indikatur anċillari msemmi fil-paragrafu 4, il-punt (c), fir-rigward tal-aħħar jum kalendarju tal-perjodu rilevanti f’konformità mal-formula li ġejja:

    il – valur totali tal – assi ta' riżerva ta' token irreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi li huma wkoll miżmuma fir-riżervi tal – assi ta' emittenti oħra ta' tokens irreferenzjati ma' assi jew tokens tal – flus elettroniċi

    il – valur totali tar – riżerva tal – assi tat – token irreferenzjat ma' assi jew token tal – flus elettroniċi

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

    (2)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2009/138/oj?locale=mt).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2016/2341/oj?locale=mt).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1506/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top