Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1428

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1428 tas-17 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    ST/9626/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1428, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1428/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1428/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1428

    17.5.2024

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1428

    tas-17 ta’ Mejju 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1429 tas-17 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3).

    (3)

    Fis-17 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1429, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u ddikjara li bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja kienet qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħhom.

    (5)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, fost oħrajn, għal operazzjonijiet ta’ interferenza u influwenza barranija, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq atturi statali u mhux statali ostili.

    (6)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u tat-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u d-dritt inerenti ta’ awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa. Huwa appella wkoll għal aktar passi biex tiddgħajjef il-kapaċità tar-Russja li tkompli għaddejja bil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, inkluż bit-tisħiħ ta’ sanzjonijiet.

    (7)

    Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perjodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, lil dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, lill-minoranzi etniċi Russi, lill-minoranzi tal-ġeneru u lill-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

    (8)

    Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li jgħawġu u jimmanipulaw b'mod gravi l-fatti.

    (9)

    Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda għaddew minn għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ’l quddiem u jappoġġaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.

    (10)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta’ tali mezzi tal-media fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    (11)

    B’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha, rispettivament, il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ma jżommux lil dawk il-mezzi tal-media kkonċernati u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. B’mod partikolari, dawn il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

    (12)

    Sabiex jiżgura l-konsistenza mal-proċess previst fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK biex jiġu sospiżi l-liċenzji tax-xandir, jenħtieġ li l-Kunsill jeżerċita setgħat ta’ implimentazzjoni biex jiddeċiedi jekk, wara eżami tal-każijiet rispettivi, il-miżuri restrittivi għandhomx isiru applikabbli fid-data speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 833/2014, fir-rigward ta’ diversi entitajiet elenkati fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

    (13)

    Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

    (14)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament. Dik l-emenda għandha tapplika fir-rigward ta’ waħda jew aktar mill-entitajiet imsemmija fih mill-25 ta’ Ġunju 2024, dment li l-Kunsill, wara li jkun eżamina l-każijiet rispettivi ta’ dawk l-entitajiet, jiddeċiedi hekk, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU L, 2024/1429, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1429/oj.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


    ANNESS

    Fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, jiżdiedu l-entitajiet li ġejjin:

    “Voice of Europe

    RIA Novosti

    Izvestija

    Rossiiskaja Gazeta”.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1428/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top