Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1415

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1415 tal-14 ta’ Marzu 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-viża

C/2024/1759

ĠU L, 2024/1415, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1415/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1415/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1415

22.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1415

tal-14 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-viża

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(9) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 16(9) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa li tirrevedi l-ammonti tat-tariffi tal-viża stabbiliti f’dak ir-Regolament, billi qieset kriterji oġġettivi.

(2)

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni analizzat l-iżviluppi fir-rata ġenerali tal-inflazzjoni għall-Unjoni kollha u l-medja ponderata tas-salarji tal-impjegati taċ-ċivil tal-Istati Membri bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u l-1 ta’ Lulju 2023. Hija kkonkludiet li hemm bżonn li l-ammont tat-tariffi tal-viża jiżdied bi 12,5 %.

(3)

Billi d-Danimarka ddeċidiet li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen fil-liġi nazzjonali tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka hija marbuta skont id-dritt internazzjonali li timplimenta dan ir-Regolament.

(4)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(5)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4).

(6)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

(7)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8).

(8)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(9)

Fir-rigward tal-Belġju u r-Rumanija dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, il-paragrafi 1, 2 u 2a huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘1.

L-applikanti għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta’ EUR 90.

2.

Tfal mill-età ta’ sitt snin sa mhux aktar minn 12-il sena għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta’ EUR 45.

2a.

Għandha tapplika tariffa tal-viża ta’ EUR 135 jew EUR 180 jekk tiġi adottata deċiżjoni ta’ implimentazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 25a(5), il-punt (b). Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal tfal taħt l-età ta’ 12-il sena.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/810/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(3)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(5)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(7)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1415/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top