Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1307

    Regolament (UE) 2024/1307 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/52/2024/REV/1

    ĠU L, 2024/1307, 14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1307/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1307/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1307

    14.5.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/1307 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ April 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), flimkien mal-Artikolu 114(1), tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi reġim temporanju fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali disponibbli pubblikament għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, sakemm jitħejja u jiġi adottat qafas legali fit-tul li jindirizza l-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (il-“qafas legali fit-tul”). Dak ir-Regolament japplika sat-3 ta’ Awwissu 2024.

    (2)

    Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, li l-Kummissjoni adottat fil-11 ta’ Mejju 2022, għandha l-għan li tipprovdi l-qafas legali fit-tul. Madankollu, in-negozjati interistituzzjonali dwar dik il-proposta għadhom ma nbdewx u ċertament mhux ser jiġu konklużi fil-ħin biex il-qafas legali fit-tul, inkluż kwalunkwe emenda għar-Regolament (UE) 2021/1232 li jista’ jkun fih, jiġi adottat, jidħol fis-seħħ u japplika sal-4 ta’ Awwissu 2024.

    (3)

    Huwa importanti li l-abbuż sesswali tat-tfal online jkun jista’ jiġi miġġieled b’mod effettiv, f’konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1232, u mingħajr interruzzjoni, sakemm jiġu konklużi n-negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta għall-qafas legali fit-tul, u l-adozzjoni, id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tiegħu. Il-koleġiżlaturi jesprimu l-impenn tagħhom li jilħqu qbil dwar il-qafas legali fit-tul malajr kemm jista’ jkun, u bil-ħsieb li tiġi evitata kwalunkwe estensjoni ulterjuri tar-Regolament (UE) 2021/1232 fil-futur.

    (4)

    Għalhekk, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1232 jiġi emendat biex jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu għal perjodu ta’ żmien li jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju biex jiġi adottat il-qafas legali fit-tul u biex dan jidħol fis-seħħ. Huwa kruċjali li jiġi nnutat li dik l-estensjoni hija eċċezzjonali u jenħtieġ li ma tistabbilixxix preċedent għal estensjonijiet ulterjuri. Ir-Regolament (UE) 2021/1232 inizjalment tfassal bħala strument tranżitorju u temporanju li jservi bħala konnessjoni bejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li ġabet lis-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) mill-21 ta’ Diċembru 2020 ’l quddiem, u l-istabbiliment tal-qafas legali fit-tul. Għall-kuntrarju tal-aspettattiva tal-koleġiżlaturi, l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1232 għandha bżonn tiġi estiża, minħabba fin-nuqqas ta’ qafas legali fit-tul maqbul.

    (5)

    Skont ir-Regolament (UE) 2021/1232, sabiex tapplika d-deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri huma meħtieġa jippubblikaw u jissottomettu lill-awtorità superviżorja kompetenti u lill-Kummissjoni rapport dwar l-ipproċessar tad-data personali skont dak ir-Regolament.

    (6)

    Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1232, huwa neċessarju li jittejjeb ir-rappurtar lill-Kummissjoni kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1232 fi żmien opportun.

    (7)

    Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar mill-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li r-rapporti tagħhom ikunu jistgħu jinqraw mill-magni u jkunu faċilment aċċessibbili, jenħtieġ li jiġi stabbilit format ta’ rappurtar komuni għal dawk ir-rapporti.

    (8)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(1), il-punt (g)(vii), tar-Regolament (UE) 2021/1232, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (9)

    Meta titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata, fi żmien opportun, iċ-ċertezza legali u meta titqies in-natura limitata tal-emendi previsti f’dan ir-Regolament, jiġifieri l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-reġim temporanju u l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-fini li jiġi stabbilit format ta’ rappurtar komuni, huwa xieraq li jiġi previst li dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

    (10)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Jannar 2024.

    (11)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1232 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2021/1232 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 3 jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Id-data inkluża fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (g)(vii), għandha tiġi pprovduta bil-miktub permezz ta’ formola standard. Sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ dik il-formola permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni tista’ taqsam il-kategoriji tad-data elenkati fil-paragrafu 1, il-punt (g)(vii), f’subkategoriji.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 9a(2).

    ”;

    (2)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Abbażi tar-rapporti sottomessi skont l-Artikolu 3(1), il-punt (g)(vii), u l-istatistika provduta skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha, sal-4 ta’ Settembru 2025, tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottomettih u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    ”;

    (3)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 9a

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun Kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ”;

    (4)

    fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandu japplika sat-3 ta’ April 2026.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)  L-Opinjoni tas-17 ta’ Jannar 2024 (għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41).

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

    (5)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1307/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top