Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1172

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1172 tad-19 ta’ April 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    ST/7945/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1172, 19.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1172/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1172/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1172

    19.4.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1172

    tad-19 ta’ April 2024

    li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998.

    (2)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, (ir-“Rappreżentant Għoli”) f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

    (3)

    Fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli enfasizza t-tħassib tal-Unjoni dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra l-Palestinjani minn abitanti ta’ insedjamenti estremisti fix-Xatt tal-Punent okkupat, li laħaq livelli mingħajr preċedent. L-Unjoni kompliet ittenni l-kundanna qawwija tagħha tal-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti u appellat għar-responsabbiltà. L-Unjoni appellat ukoll lil Iżrael biex jipprevjeni l-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti u biex jiżgura li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli. Mill-attakki terroristiċi tal-Ħamas kontra Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti żdiedet drastikament.

    (4)

    F’dak il-kuntest, jenħtieġ li erba’ persuni u żewġ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.


    ANNESS

    L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi taħt l-intestatura A. “Persuni fiżiċi”:

     

    Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

    Ismijiet

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    “106

    Neria BEN PAZI

    magħruf ukoll bħala Naria BEN FAZI

     

    Data tat-twelid: 28.11.1993

    Nazzjonalità: Iżraeljana

    Sess: raġel

    Numru tal-ID: 311509004

    Neria Ben Pazi stabbilixxa erbgħa mill-aktar ċentri mbiegħda vjolenti fix-Xatt tal-Punent fl-2019.

    Huwa wieħed mill-awturi ewlenin tal-ispostament furzat tal-komunità Bedwina ta’ Wadi Seeq viċin Ramallah. Neria Ben Pazi ilu akkużat mill-2021 li attakka ripetutament il-Palestinjani f’Wadi Seeq u f’Deir Jarir u l-azzjonijiet tiegħu ġew imqabbla mat-tortura.

    Fit-12 ta’ Ottubru 2023, huwa pparteċipa f’attakk vjolenti f’Wadi Seeq, fejn Palestinjani ġew imsawta b’mod sever, manettati u fotografati bil-ħwejjeġ ta’ taħt. L-abitanti tal-insedjamenti għaddew l-urina fuqhom u tfew is-sigaretti fuqhom.

    Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Palestinjani, inkluż it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    19.4.2024

    107

    Yinon LEVI

     

    Data tat-twelid: 12.12.1992

    Nazzjonalità: Iżraeljana

    Sess: raġel

    Numru tal-ID: 203807276

    Yinon Levi ħa sehem f’diversi atti vjolenti kontra villaġġi ġirien mir-residenza tiegħu fl-insedjament illegali tal-isfruttament agrikolu ta’ Mitarim.

    Dan jinkludi b’mod partikolari li kien jidħol għal għarrieda u jagħmel il-ħsara fi djar tal-familji Palestinjani, inkluż fil-preżenza tan-nisa u t-tfal, kif ukoll li kien jitlaq il-klieb fuq rgħajja Palestinjani biex jattakkawhom fiżikament filwaqt li jħalli l-merħla tiegħu tirgħa fuq l-artijiet privati tagħhom.

    Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem immirati lejn id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    19.4.2024

    108.

    Meir Mordechai ETTINGER

    מאיר אטינגר

    (Ortografija bil-Lhudi)

    Pożizzjoni(jiet): membru ta’ Hilltop Youth

    Data tat-twelid: 4.10.1991

    Post tat-twelid: Kiryat Moshe, Jerusalem, Israel

    Nazzjonalità: Iżraeljana

    Sess: raġel

    Entità assoċjata: Hilltop Youth

    Meir Ettinger huwa meqjus bħala figura ewlenija ta’ Hilltop Youth, grupp radikali taż-żgħażagħ li jikkonsisti minn membri magħrufa għal atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom fix-Xatt tal-Punent.

    Hilltop Youth jinsab fuq l-għoljiet fix-Xatt tal-Punent u jinvolvi ruħu fi vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti permezz tal-hekk imsejħa ‘price tag attacks’. Il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-fastidju fiżiku u psikosoċjali, is-swat, il-qtil u t-twaqqigħ tal-proprjetà, kontra l-Palestinjani hija ta’ natura sistematika.

    Meir Ettinger jinkoraġġixxi u jinċita attakki u jipparteċipa f’intimidazzjoni biex iġiegħel lill-Palestinjani jitilqu minn arthom. Huwa kkontribwixxa għall-istabbiliment ta’ insedjamenti u ċentri illegali fuq artijiet Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, billi uża u skuża tattiċi ta’ intimidazzjoni, fastidju u vjolenza..

    Meta kien diġà meqjus bħala parti minn Hilltop Youth, fl-2015 huwa kien involut f’attakk ta’ ħruq doluż fatali fuq dar tax-Xatt tal-Punent Palestinjan li qatel żewġ ġenituri u binhom ta’ 18-il xahar.

    Għalhekk, Meir Ettinger huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif ukoll ksur jew abbużi tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u għall-appoġġ u l-inkoraġġiment ta’ tali atti. Dawk l-abbużi u l-ksur huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    19.4.2024

    109.

    Elisha YERED

    אלישע ירד

    (Ortografija bil-Lhudi)

    Pożizzjoni(jiet): membru ta’ Hilltop Youth

    Data tat-twelid: 2001

    Nazzjonalità: Iżraeljana

    Sess: raġel

    Entità assoċjata: Hilltop Youth

    Elisha Yered huwa attivista Iżraeljan tal-abitanti tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u magħruf bħala affiljat ma’ Hilltop Youth, grupp radikali taż-żgħażagħ li jinvolvi ruħu f’atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom fix-Xatt tal-Punent.

    Hilltop Youth jinvolvi ruħu fi vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti permezz tal-hekk imsejħa ‘price tag attacks’. Din il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-fastidju fiżiku u psikosoċjali, is-swat, il-qtil u t-twaqqigħ tal-proprjetà, kontra l-Palestinjani hija ta’ natura sistematika.

    Elisha Yered jinkoraġġixxi atti bħal dawn u jipparteċipa fihom. Huwa jinċita regolarment il-vjolenza kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent inkluż billi jqassam messaġġi biex, pereżempju, ‘jiġi eliminat’ villaġġ Palestinjan.

    Huwa personalment ta fastidju lil familja Palestinjana, bl-użu ta’ lingwaġġ intimidanti u ta’ theddid biex jimpedixxi l-libertà ta’ moviment tagħhom fuq l-art tagħhom stess u huwa involut fil-qerda tal-proprjetà tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent.

    Elisha Yered kien parti minn grupp ta’ abitanti ta’ insedjamenti armati li fl-4 ta’ Awwissu 2023 imxew ’il quddiem mid-direzzjoni taċ-ċentru illegali ta’ Oz Zion għall-villaġġ Palestinjan ta’ Burqa viċin Ramallah. L-abitanti ta’ insedjamenti sparaw balal lejn il-Palestinjani, li wasslu għall-mewt ta’ Palestinjan ta’ 19-il sena, Qusai Jammal Mi’tan u darbu għadd ta’ Palestinjani oħra.

    Għalhekk, Elisha Yered huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif ukoll ksur jew abbużi tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u għall-appoġġ u l-inkoraġġiment ta’ tali atti, u huwa responsabbli għall-promozzjoni ta’ mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, l-ostilità jew il-vjolenza. Dak il-ksur jew l-abbużi huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    19.4.2024”

    (2)

    l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi taħt l-intestatura B. “Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

     

    Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

    Ismijiet

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    “27.

    Lehava

    magħruf ukoll bħala Prevention of Assimilation in the Holy Land

    להב“ה

    (Ortografija bil-Lhudi)

    Telefown: 079-9130000

    Email: o.leava@gmail.com

    Sit web:

    www.lehava-us.com;

    vod.leava.co.il

    Lehava huwa grupp supremist Lhudi radikali tal-lemin immexxi mill-fundatur tiegħu Ben-Zion ‘Bentzi’ Gopstein.

    Lehava juża l-vjolenza u jinċita l-vjolenza kontra l-Palestinjani, l-Insara u l-Lhud Messianiċi, pereżempju,. membri ta’ Lehava kantaw b’mod ripetut il-‘mewt għall-Għarab’ u appellaw biex jiġbru l-armi waqt il-manifestazzjonijiet. Lehava jorganizza protesti vjolenti kontra t-tiġijiet bejn il-Lhud u l-Musulmani u l-komunità LGBTQI. Il-membri ta’ Lehava jagħtu fastidju u jattakkaw koppji mħallta ta’ Għarab u Lhud.

    Għalhekk, Lehava huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-promozzjoni sistematika ta’ mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għal diskriminazzjoni, ostilità jew vjolenza li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    19.4.2024

    28.

    Hilltop Youth

    magħruf ukoll bħala No’ar HaGva’ot

    נוער הגבעות

    (Ortografija bil-Lhudi)

    Individwi assoċjati:

    Meir Mordechai ETTINGER; Elisha YERED

    Hilltop Youth huwa grupp radikali taż-żgħażagħ li jikkonsisti minn membri magħrufa għal atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom fix-Xatt tal-Punent.

    Il-grupp jinsab fuq l-għoljiet fix-Xatt tal-Punent u jinvolvi ruħu fi vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti permezz tal-hekk imsejħa ‘price tag attacks’. Din il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-fastidju fiżiku u psikosoċjali, is-swat, il-qtil u t-twaqqigħ tal-proprjetà, kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom hija ta’ natura sistematika.

    Għalhekk, Hilltop Youth huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fosthom it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif ukoll ksur jew abbużi serji tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja tal-familja u dik privata tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    19.4.2024”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1172/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top