EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1130

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1130 tad-19 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 dwar il-mudell tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2024/2051

ĠU L, 2024/1130, 26.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1130/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1130/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1130

26.4.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1130

tad-19 ta’ April 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 dwar il-mudell tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor u mill-pajjiżi terzi u l-verifiki applikabbli għal tali moviment.

(2)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi l-kundizzjonijiet li bihom l-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri l-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi, jistgħu jiġu mċaqilqa għal skopijiet mhux kummerċjali fi Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz. F’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (c), tali annimali domestiċi jrid ikun sarilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-validità stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.

(3)

B’deroga mill-Artikolu 10(1), il-punt (c), l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi li t-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi mhuwiex meħtieġ għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa li jkunu qed jiġu mċaqilqa fi Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz elenkat, fost l-oħrajn, skont l-Artikolu 13(2) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Biex jiġi elenkat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, territorju jew pajjiż terz jenħtieġ li jissottometti applikazzjoni li fiha juri li għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa domestiċi, jissodisfa mill-inqas il-kriterji speċifiċi skont il-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 13(2), sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ sikurezza fir-rigward tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali relatati mat-tali moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi.

(5)

Il-Part 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (2) tistabbilixxi l-lista ta’ territorji u pajjiżi terz li jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(6)

Il-verifiki mwettqa f’dawn l-aħħar snin fil-punti tad-dħul fl-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 urew nuqqasijiet ta’ konformità ripetittivi rigward il-miżuri preventivi tas-saħħa kontra r-rabja fir-rigward tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa domestiċi li jkunu qed jiġu mċaqilqa mill-Belarussja u mir-Russja. Dawk in-nuqqasijiet ta’ konformità jinkludu n-nuqqas ta’ tilqim kontra l-marda tar-rabja u amministrazzjoni mhux xierqa tiegħu kif ukoll tilqim kontra l-marda tar-rabja ddokumentat b’mod falz, li l-validità tiegħu madankollu ġiet iċċertifikata b’mod mhux preċiż fiċ-ċertifikati tal-annimali li jakkumpanjawh.

(7)

Bħala parti mill-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati minn kwalunkwe pajjiż terz fl-applikazzjoni tiegħu għad-dħul fil-lista prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, il-punt (d) ta’ dak l-Artikolu jirrikjedi li r-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tar-rabja jkunu fis-seħħ u jkunu implimentati b’mod effettiv biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ infezzjoni tal-annimali domestiċi, inklużi dawk dwar it-tilqim tal-annimali domestiċi kontra r-rabja.

(8)

Barra minn hekk, is-servizzi ta’ kontroll uffiċjali jridu jiżguraw li l-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi jiġu mċaqilqa b’ċertifikati tas-saħħa tal-annimali mimlija kif xieraq u maħruġa f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013. Dan jimplika l-verifika u ċ-ċertifikazzjoni li t-tali annimali domestiċi jkunu rċevew tilqima kontra r-rabja li tikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(9)

Il-Belarussja u r-Russja pprovdew garanziji għal dan l-għan mal-applikazzjoni tagħhom għad-dħul fil-lista. Madankollu, in-nuqqasijiet ta’ konformità ripetittivi identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-punti tad-dħul fl-Unjoni rigward il-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi li qed jiġu mċaqilqa mill-Belarussja u mir-Russja jirriflettu nuqqasijiet serji fl-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali tagħhom. Dawn in-nuqqasijiet iqajmu dubji sinifikanti dwar l-applikazzjoni kontinwa u l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli dwar il-preċiżjoni u l-kontroll tar-rabja garantiti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi terzi, u wkoll dwar l-akkuratezza taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fil-livell tagħhom.

(10)

Meta titqies il-prevalenza sinifikanti ta’ nuqqas tal-konformità madwar l-istatus tat-tilqim kontra r-rabja tal-annimali domestiċi u l-akkuratezza taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-eżenzjoni għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa domestiċi li joriġinaw mill-Belarussja u mir-Russja biex isirilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja qabel ma jidħlu fit-territorju tal-Unjoni tqajjem tħassib konsiderevoli dwar ir-riskju li tiġi introdotta r-rabja fl-Unjoni, permezz tal-moviment mhux kummerċjali ta’ tali annimali domestiċi.

(11)

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni epidemjoloġika mhux favorevoli fil-Belarussja u fir-Russja fejn ir-rabja għadha preżenti u tiġi identifikata regolarment fil-klieb u fil-qtates kif muri mill-informazzjoni miġbura fil-livell internazzjonali mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, tikkontribwixxi biex ikompli jiżdied ir-riskju li tiġi introdotta r-rabja fl-Unjoni.

(12)

Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u jittaffa r-riskju li tiġi introdotta r-rabja permezz tal-moviment mhux kummerċjali tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa li jiġu mċaqilqa mill-Belarussja u mir-Russja, jixraq li jiġi introdott mill-ġdid ir-rekwiżit li t-tali annimali domestiċi jsirilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja qabel ma jidħlu fit-territorju tal-Unjoni.

(13)

Għalhekk jeħtieġ li tiġi aġġornata l-lista ta’ territorji u pajjiżi terzi stabbilita fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 u jitneħħew l-entrati tal-Belarussja u tar-Russja minn dik il-lista.

(14)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn tal-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 mill-Belarussja u mir-Russja u biex ikun hemm konformità mal-iskeda ta’ żmien prevista fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 biex test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja jiġi rikonoxxut bħala validu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mis-16 ta’ Settembru 2024.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 hija sostitwita bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Settembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/576/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar il-mudell tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/577/oj).


ANNESS

“PARTI 2

Lista tat-territorji u tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013

Kodiċi ISO

Territorju jew pajjiż terz

Territorji inklużi

AC

Il-Gżira ta’ Ascension

 

AE

L-Emirati Għarab Magħquda

 

AG

Antigua u Barbuda

 

AR

L-Arġentina

 

AU

L-Awstralja

 

AW

Aruba

 

BA

Il-Bożnija-Ħerzegovina

 

BB

Barbados

 

BH

Il-Bahrain

 

BM

Bermuda

 

BQ

Bonaire, Sint Eustatius u Saba (il-Gżejjer BES)

 

CA

Il-Kanada

 

CL

Iċ-Ċilì

 

CW

Curaçao

 

FJ

Fiġi

 

FK

Il-Gżejjer Falkland

 

GB

Ir-Renju Unit (*1)

 

GG

Guernsey

 

HK

Hong Kong

 

IM

Isle of Man

 

JM

Il-Ġamajka

 

JP

Il-Ġappun

 

JE

Jersey

 

KN

Saint Kitts u Nevis

 

KY

Il-Gżejjer Cayman

 

LC

Saint Lucia

 

MS

Montserrat

 

MK

Il-Maċedonja ta’ Fuq

 

MU

Mauritius

 

MX

Il-Messiku

 

MY

Il-Malażja

 

NC

New Caledonia

 

NZ

New Zealand

 

PF

Il-Polineżja Franċiża

 

PM

Saint Pierre u Miquelon

 

SG

Singapore

 

SH

Saint Helena

 

SX

Sint Maarten

 

TT

Trinidad u Tobago

 

TW

It-Tajwan

 

US

L-Istati Uniti tal-Amerka

AS — is-Samoa Amerikana

GU — Guam

MP — il-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana

PR — Puerto Rico

VI — il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti

VC

Saint Vincent u l-Grenadini

 

VG

Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi

 

VU

Vanuatu

 

WF

Wallis u Futuna

 


(*1)   * F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87)) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-fini ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1130/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top