Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1003

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/1003 tal-4 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tal-aċidi xaħmin ta’ 3-MCPD fil-formula tat-trabi, fil-formula ta’ prosegwiment u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u fil-formuli għat-tfal żgħar

C/2024/1991

ĠU L, 2024/1003, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1003/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1003/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1003

5.4.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1003

tal-4 ta’ April 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tal-aċidi xaħmin ta’ 3-MCPD fil-formula tat-trabi, fil-formula ta’ prosegwiment u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u fil-formuli għat-tfal żgħar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (2) jistabbilixxi l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti, inkluż għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tal-aċidi xaħmin ta’ 3-MCPD fl-ikel.

(2)

Meta l-livelli massimi għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tal-aċidi xaħmin ta’ 3-MCPD fil-formuli tat-trabi, fil-formuli tal-prosegwiment u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u fil-formuli għat-tfal żgħar ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1322 (3), ġie stipulat li dawk il-livelli massimi kellhom jiġu rieżaminati bil-ħsieb li jitbaxxew fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Fl-2018 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-preżenza ta’ esteri ta’ 3-MCPD u esteri gliċidiliċi f’ċerti oġġetti tal-ikel kienet ta’ tħassib għas-saħħa, b’mod partikolari fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar (4).

(4)

Il-livelli massimi għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tal-aċidi xaħmin ta’ 3-MCPD fil-formuli tat-trabi, fil-formuli tal-prosegwiment u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u fil-formuli għat-tfal żgħar ġew stabbiliti bir-Regolament (UE) 2020/1322 u dawn il-livelli massimi ġew integrati fir-Regolament (UE) 2023/915.

(5)

Data reċenti dwar l-okkorrenzi mill-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri u disponibbli fil-bażi tad-data tal-Awtorità tas-snin ta’ kampjunar 2020–2022 tindika li livelli aktar baxxi ta’ 3-MCPD u ta’ esteri tal-aċidi xaħmin ta’ 3-MCPD fil-formuli tat-trabi, fil-formuli tal-prosegwiment u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u fil-formuli għat-tfal żgħar diġà jistgħu jinkisbu permezz ta’ prattiki tajbin. Għalhekk, dawk il-livelli massimi jenħtieġ li jitbaxxew sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/915 jiġi emendat skont dan.

(7)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jixraq li jingħata żmien raġonevoli sakemm jibdew japplikaw il-livelli massimi l-ġodda. Jixraq ukoll li jiġi previst perjodu tranżizzjonali għall-ikel introdott fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/915 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-ikel elenkat fl-Anness introdott legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2025, jista’ jibqa’ fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data tal-iskadenza tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1322 tat-23 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli massimi tat-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD), tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi u tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi f’ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 310, 24.9.2020, p. 2).

(4)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2018. Scientific Opinion on the update of the risk assessment on 3-monochloropropane diol and its fatty acid esters (EFSA Journal 2018;16(1):5083, 48 pp.,https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5083).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/915, it-taqsima 5, l-entrata 5.3.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.3.3

Formuli tat-trabi, formuli tal-prosegwiment u ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar(3) u formuli tat-tfal żgħar(4)

 

Il-livell massimu japplika għall-prodott kif imqiegħed fis-suq.

5.3.3.1

imqiegħed fis-suq bħala trab

80

 

5.3.3.2

imqiegħed fis-suq bħala likwidu

12”

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1003/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top