Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0996

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/996 tat-3 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-Vitamina A, tal-Alpha-Arbutin u tal-Arbutin u ta’ ċerti sustanzi b’karatteristiċi potenzjali li jfixklu s-sistema endokrinali fil-prodotti kożmetiċi

    C/2024/1768

    ĠU L, 2024/996, 4.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/996/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/996/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/996

    4.4.2024

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/996

    tat-3 ta' April 2024

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-Vitamina A, tal-Alpha-Arbutin u tal-Arbutin u ta’ ċerti sustanzi b’karatteristiċi potenzjali li jfixklu s-sistema endokrinali fil-prodotti kożmetiċi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sustanzi “(2E,4E,6E,8E)-3,7-dimetil-9-(2,6,6-trimetilċikloeżen-1-il)nona-2,4,6,8-tetraen-1-ol” (CAS Nru. 11103-57-4/68-26-8), “aċetat tat-[(2E,4E,6E,8E)-3,7-dimetil-9-(2,6,6-trimetilċikloeżen-1-il)nona-2,4,6,8-tetraenil]” (CAS Nru. 127-47-9), u “eżadekanoat tat-[(2E,4E,6E,8E)-3,7-dimetil-9-(2,6,6-trimetiliċikloeżen-1-il)nona-2,4,6,8-tetraenil]” (CAS Nru 79-81-2), li ġew assenjati l-ismijiet “Retinol”, “Retinyl Acetate” u “Retinyl Palmitate”, rispettivament, skont in-Nomenklatura Internazzjonali tal-Ingredjenti Kożmetiċi (INCI) u li huma kollettivament magħrufa bħala vitamina A, ma humiex regolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009. Dawk is-sustanzi jintużaw fi prodotti kożmetiċi bħala aġenti tal-kundizzjonament tal-ġilda.

    (2)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) ikkonkluda, fl-opinjoni tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2016 (2), li l-użu tal-vitamina A huwa sikur iżda rrikonoxxa li l-esponiment ġenerali tal-popolazzjoni għall-vitamina A jista’ jaqbeż il-livell superjuri ta’ konsum stabbilit mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Fl-24-25 ta’ Ottubru 2022, l-SCCS adotta opinjoni xjentifika riveduta dwar il-vitamina A (3) li tikkonkludi li l-vitamina A hija sikura fi prodotti kożmetiċi sa konċentrazzjonijiet ta’ 0,05 % ta’ Ekwivalent tar-Retinol (RE) f’lozzjoni tal-ġisem u 0,3 % ta’ RE fi prodotti oħra li ma jitlaħalħux u li jitlaħalħu. L-SCCS żied li l-kontribuzzjoni tal-vitamina A mill-prodotti kożmetiċi għall-esponiment ġenerali tal-konsumatur, għalkemm baxxa, tista’ tkun ta’ tħassib għall-konsumaturi bl-ogħla esponiment għall-vitamina A (5 % tal-popolazzjoni totali) mill-ikel u mis-supplimenti tal-ikel.

    (3)

    Fid-dawl tal-opinjoni tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tal-vitamina A fil-prodotti kożmetiċi meta l-konċentrazzjoni tagħha taqbeż ċerti livelli. Għalhekk, l-użu tar-Retinol, tal-Retinyl Acetate u tal-Retinyl Palmitate jenħtieġ li jkun ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 0,05 % ta’ RE fil-lozzjoni tal-ġisem u ta’ 0,3 % ta’ RE fi prodotti oħra li ma jitlaħalħux u li jitlaħalħu. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi inkluża twissija biex il-konsumaturi li diġà huma esposti għall-vitamina A jiġu infurmati mill-ikel u mis-supplimenti tal-ikel dwar il-possibbiltà ta’ esponiment eċċessiv mill-użu ta’ tali komposti.

    (4)

    Is-sustanzi “4-Idrossifenil-alfa-D-glukopiranosid” (CAS Nru 84380-01-8) u “4-Idrossifenil-beta-D-glukopiranosid” (CAS Nru 497-76-7), li ġew assenjati l-ismijiet tal-INCI “Alpha-Arbutin” u “Arbutin”, rispettivament, ma humiex regolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009. Dawk is-sustanzi jintużaw fi prodotti kożmetiċi bħala aġenti tal-ibbliċjar tal-ġilda u tal-kundizzjonament tal-ġilda.

    (5)

    Fl-opinjoni tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2015 dwar il-prodotti kożmetiċi u (4) fl-opinjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2015 dwar l-Arbutin (5), l-SCCS ikkonkluda li ż-żewġ sustanzi, meta jintużaw f’konċentrazzjonijiet limitati, kienu sikuri għall-konsumaturi. Madankollu, huwa enfasizza li l-użu kombinat potenzjali ta’ dawk is-sustanzi u ta’ sustanzi oħra li jirrilaxxaw l-idrokinon fil-prodotti kożmetiċi ma ġiex evalwat, u li dan jista’ jkun ta’ tħassib. Fl-31 ta’ Jannar 2023, l-SCCS adotta opinjoni dwar is-sikurezza tal-Alpha-Arbutin u l-Arbutin fil-prodotti kożmetiċi (6) li tikkonferma l-konklużjoni preċedenti tiegħu li Alpha-Arbutin użat fil-krema tal-wiċċ sa konċentrazzjoni massima ta’ 2 % u fil-lozzjonijiet tal-ġisem sa konċentrazzjoni ta’ 0,5 % huwa sikur u li l-Arbutin użat fi kremi tal-wiċċ sa konċentrazzjoni massima ta’ 7 % huwa sikur. L-SCCS ikkonkluda wkoll li l-esponiment aggregat ta’ Alpha-Arbutin ma’ Arbutin jitqies sikur għall-konsumaturi. L-SCCS saħaq ukoll li l-preżenza tal-Idrokinon (CAS Nru 123-31-9) jenħtieġ li tibqa’ baxxa kemm jista’ jkun fil-formulazzjonijiet li fihom l-Alpha-Arbutin u l-Arbutin u jenħtieġ li ma tkunx ogħla mil-livelli ta’ traċċa inevitabbli.

    (6)

    Fid-dawl tal-opinjoni tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu ta’ Alpha-Arbutin u ta’ Arbutin fil-prodotti kożmetiċi meta l-konċentrazzjoni ta’ dawk is-sustanzi taqbeż ċerti livelli. Għalhekk, l-użu ta’ Alpha-Arbutin jenħtieġ li jkun ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 2 % fil-krema tal-wiċċ u għal konċentrazzjoni massima ta’ 0,5 % fil-lozzjonijiet tal-ġisem, filwaqt li l-użu tal-Arbutin jenħtieġ li jkun ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 7 % fil-krema tal-wiċċ. Il-livell tal-idrokinon fil-prodotti kożmetiċi li fihom Alpha-Arbutin jew Arbutin jenħtieġ li ma jkunx ogħla mil-livell ta’ traċċa inevitabbli.

    (7)

    Is-sustanza “3-(4'-metilbenżiliden)-ganfra” (CAS Nru 36861-47-9/38102-62-4), li ġiet assenjata l-isem tal-INCI “4-Methylbenzylidene Camphor”, hija elenkata fl-entrata 18 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u għalhekk hija permessa li tintuża bħala filtru tal-UV fil-prodotti kożmetiċi b’konċentrazzjoni massima ta’ 4 % fil-preparazzjonijiet lesti għall-użu. 4-Methylbenzylidene Camphor għandu funzjonijiet addizzjonali rrapportati bħala “assorbitur tal-UV” u bħala “stabbilizzatur tad-dawl”, li huma permessi, skont l-Artikolu 14(1), il-punt (e)(ii), tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, sa konċentrazzjoni ta’ 4 %.

    (8)

    Is-sustanzi “Genisteol 4',5,7-Triidrossiisoflavon” (CAS Nru 446-72-0), “Daidzeol 7,4'- Diidrossiisoflavon” (CAS Nru 486-66-8) u “5-Idrossi-2-(idrossimetil)-4H-piran-4-on” (CAS Nru 501-30-4), li ġew assenjati l-ismijiet tal-INCI “Genistein”, “Daidzein” u “Kojic Acid” rispettivament, ma humiex regolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009. Genistein u Daidzein jintużaw fil-prodotti kożmetiċi bħala aġenti tal-kundizzjonament tal-ġilda, aġenti ta’ protezzjoni u antiossidanti, filwaqt li l-Kojic Acid jintuża fi prodotti kożmetiċi bħala aġent li jdawwal il-ġilda, aġent tat-tibjid, jew aġent għat-tneħħija tal-pigmentar.

    (9)

    Is-sustanza “5-Kloro-2-(2,4-diklorofenossi)fenol” (CAS Nru 3380-34-5), li ġiet assenjata l-isem tal-INCI “Triclosan”, bħalissa hija elenkata fl-entrata 25 tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u għalhekk hija permessa li tintuża bħala preservattiv fi prodotti kożmetiċi b’konċentrazzjoni massima ta’ 0,3 % fit-toothpastes, fis-sapun tal-idejn, fis-sapun tal-ġisem/fil-ġellijiet tad-doċċa, fid-deodoranti (mhux sprejs), fit-trab tal-wiċċ u fil-blemish concealers, u fi prodotti tad-dwiefer għat-tindif tad-dwiefer tas-swaba’ tal-idejn u tas-swaba’ tas-saqajn qabel l-applikazzjoni ta’ sistemi tad-dwiefer artifiċjali, u b’konċentrazzjoni massima ta’ 0,2 % fil-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq.

    (10)

    Is-sustanza “1-(4-Klorofenil)-3-(3,4-diklorofenil)urea” (CAS Nru 101-20-2), li ġiet assenjata l-isem tal-INCI “Triclocarban”, bħalissa hija elenkata fl-entrata 23 tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u għalhekk hija permessa li tintuża bħala preservattiv fi prodotti kożmetiċi b’konċentrazzjoni massima ta’ 0,2 %. Barra minn hekk, Triclocarban hija elenkata fl-entrata 100 tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament u għalhekk hija permessa għal skopijiet oħra għajr it-trażżin tal-iżvilupp ta’ mikroorganiżmi fi prodotti li jitlaħilħu b’konċentrazzjoni massima ta’ 1,5 %.

    (11)

    Fid-dawl ta’ tħassib relatat mal-karatteristiċi potenzjali ta’ tfixkil endokrinali ta’ “4-Methylbenzylidene Camphor”, “Genistein”, “Daidzein”, “Kojic Acid”, “Triclosan” u “Triclocarban”, il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għad-data fl-2019. L-industrija ppreżentat evidenza xjentifika biex turi s-sikurezza ta’ dawk is-sustanzi meta jintużaw fi prodotti kożmetiċi. Il-Kummissjoni talbet lill-SCCS biex iwettaq valutazzjoni tas-sikurezza ta’ dawk is-sustanzi fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-industrija.

    (12)

    Fl-opinjoni tiegħu tat-29 ta’ April 2022 (7), l-SCCS ma setax jikkonkludi dwar is-sikurezza ta’ 4-Methylbenzylidene Camphor minħabba li l-informazzjoni pprovduta ma kinitx biżżejjed biex il-ġenotossiċità potenzjali tiġi evalwata bis-sħiħ. Madankollu, l-SCCS osserva li hemm biżżejjed evidenza li l-4-Methylbenzylidene Camphor jista’ jaġixxi bħala sustanza kimika li tfixkel is-sistema endokrinali u għandha effetti kemm fuq is-sistemi tat-tirojdi kif ukoll fuq tal-estroġen u li ma huwiex possibbli li tinkiseb konċentrazzjoni massima għall-użu sikur tas-sustanza. Fid-dawl tal-opinjoni tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu ta’ 4-Methylbenzylidene Camphor bħala filtru UV fil-prodotti kożmetiċi. Għalhekk, jenħtieġ li s-sustanza ma tibqax permessa bħala filtru UV fil-prodotti kożmetiċi. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda bażi xjentifika li l-konklużjonijiet tal-SCCS dwar is-sikurezza ta’ 4-Methylbenzylidene Camphor ma japplikawx meta dik is-sustanza tintuża fi prodotti kożmetiċi bil-funzjonijiet addizzjonali rrapportati bħala aġent “assorbitur tal-UV” u “stabbilizzatur tad-dawl”. Sabiex jiġi żgurat li 4-Methylbenzylidene Camphor ma jibqax jintuża fi prodotti kożmetiċi għal skopijiet għajr bħala filtru tal-UV, li jippreżentaw ukoll riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem kif identifikat fl-opinjoni tal-SCCS, is-sustanza jenħtieġ li tiġi pprojbita għall-użu kollu fil-prodotti kożmetiċi.

    (13)

    Fl-opinjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2022, l-SCCS ikkonkluda (8) li kemm Genistein kif ukoll Daidzein huma sikuri għall-użu fi prodotti kożmetiċi sa konċentrazzjoni massima ta’ 0,007 % u 0,02 %, rispettivament. Meta titqies l-opinjoni tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu ta’ Genistein u Daidzein fi prodotti kożmetiċi meta l-konċentrazzjoni ta’ dawk is-sustanzi taqbeż ċerti livelli. Għalhekk, l-użu ta’ Genistein u Daidzein fi prodotti kożmetiċi jenħtieġ li jkun ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 0,007 % u 0,02 %, rispettivament.

    (14)

    Fl-opinjoni tiegħu tal-15-16 ta’ Marzu 2022, l-SCCS ikkonkluda (9) li l-Kojic Acid huwa sikur meta jintuża bħala aġent li jiċċara l-ġilda fi prodotti kożmetiċi sa konċentrazzjoni massima ta’ 1 %. Meta titqies l-opinjoni tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tal-Kojic Acid fil-prodotti kożmetiċi meta l-konċentrazzjoni tiegħu taqbeż ċerti livelli. Għalhekk, l-Kojic Acid jenħtieġ li jkun ristrett biex jintuża bħala aġent li jiċċara l-ġilda fi prodotti tal-wiċċ u tal-idejn b’konċentrazzjoni massima ta’ 1 %.

    (15)

    L-SCCS ikkonkluda f’parir xjentifiku dwar Triclosan adottat fl-24-25 ta’ Ottubru 2022 (10) li l-użu ta’ Triclosan bħala preservattiv fi prodotti kożmetiċi applikati b’mod dermali huwa sikur sa konċentrazzjoni massima ta’ 0,3 % kemm għat-tfal (0,5-18 snin) kif ukoll għall-adulti, bl-eċċezzjoni tal-lozzjoni tal-ġisem. Ikkonkluda wkoll li l-użu ta’ Triclosan bħala preservattiv fit-toothpaste b’konċentrazzjoni ta’ 0,3 % huwa sikur kemm għat-tfal (0,5-18-il sena) kif ukoll għall-adulti iżda li l-użu tas-sustanza bħala preservattiv fit-toothpaste ma huwiex sikur għal tfal taħt it-3 snin meta jintuża flimkien ma’ prodotti kożmetiċi oħra li fihom it-Triclosan. Skont l-SCCS, l-użu ta’ Triclosan bħala preservattiv fil-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq huwa sikur għall-adulti f’konċentrazzjoni massima ta’ 0,2 % meta jintuża individwalment iżda mhux meta jintuża flimkien ma’ prodotti kożmetiċi oħra li fihom it-Triclosan, filwaqt li għat-tfal u l-adolexxenti, ma huwiex sikur f’livell ta’ 0,2 % fil-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq, anki meta jintuża individwalment.

    (16)

    Fid-dawl tal-parir xjentifiku tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu ta’ Triclosan fi prodotti kożmetiċi meta l-konċentrazzjoni tiegħu taqbeż ċerti livelli, meta jkun hemm użu kkombinat ta’ prodotti kożmetiċi differenti li jkun fihom dik is-sustanza u meta jintuża minn ċerti gruppi ta’ età. Għalhekk, l-użu ta’ Triclosan bħala preservattiv fil-prodotti kożmetiċi jenħtieġ li jibqa’ ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 0,3 % għat-toothpaste, għas-sapun tal-idejn, għas-sapun tal-ġisem/għall-ġelijiet tad-doċċa, għad-deodoranti (mhux sprejs), għat-trab tal-wiċċ u għall-blemish concealers, fi prodotti tad-dwiefer għat-tindif tad-dwiefer tas-swaba’ tal-idejn u tas-swaba’ tas-saqajn qabel l-applikazzjoni ta’ sistemi tad-dwiefer artifiċjali. Triclosan la jenħtieġ li jkun permess għall-użu fil-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq, u lanqas f’toothpaste li jkun maħsub għal tfal taħt it-3 snin. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll rekwiżiti ta’ tikkettar, biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi u biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri.

    (17)

    L-SCCS ikkonkluda f’parir xjentifiku dwar il-projbizzjoni għal Triclocarban adottat fl-24-25 ta’ Ottubru 2022 (11) li l-użu ta’ Triclocarban bħala preservattiv sa konċentrazzjoni massima ta’ 0,2 % huwa sikur fi prodotti kożmetiċi applikati b’mod dermali kemm għat-tfal (0,5-18-il sena) kif ukoll għall-adulti iżda la huwa sikur fil-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq għall-adulti u t-tfal, u lanqas fit-toothpaste għat-tfal taħt l-età ta’ 6 snin. L-SCCS ikkonkluda wkoll li t-Triclocarban li jintuża għal skopijiet oħra minbarra l-inibizzjoni tal-iżvilupp tal-mikroorganiżmi huwa sikur sa konċentrazzjoni massima ta’ 1,5 % fi prodotti li jitlaħalħu kemm għat-tfal (0,5-18-il sena) kif ukoll għall-adulti.

    (18)

    Fid-dawl tal-parir xjentifiku tal-SCCS, jista’ jiġi konkluż li hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu ta’ Triclocarban fi prodotti kożmetiċi meta l-konċentrazzjoni tiegħu taqbeż ċerti livelli f’xi prodotti kożmetiċi u meta jintuża għal ċerti gruppi ta’ età. Għalhekk, l-użu ta’ Triclocarban bħala preservattiv fil-prodotti kożmetiċi jenħtieġ li jibqa’ ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 0,2 %, filwaqt li jenħtieġ li ma jkunx permess l-użu fil-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq. L-użu ta’ Triclocarban fi prodotti kożmetiċi għal skopijiet oħra jenħtieġ li jibqa’ ristrett għal konċentrazzjoni massima ta’ 1,5 % fi prodotti li jitlaħilħu. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jkunx permess fit-toothpaste għat-tfal taħt is-6 snin. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll rekwiżiti ta’ tikkettar, biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi u biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri.

    (19)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) 1223/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (20)

    L-industrija jenħtieġ li tingħata perjodi ta’ żmien raġonevoli biex tadatta għar-rekwiżiti l-ġodda, inkluż billi tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-formulazzjonijiet tal-prodott biex tiżgura li l-prodotti kożmetiċi biss li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda jitqiegħdu fis-suq. L-industrija jenħtieġ li tingħata wkoll perjodu ta’ żmien raġonevoli biex tirtira l-prodotti kożmetiċi li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti. B’mod partikolari għall-projbizzjoni ta’ 4-Methylbenzylidene Camphor, ir-riformulazzjoni ta’ prodotti li fihom dak il-filtru UV hija teknikament diffiċli fid-dawl tal-disponibbiltà li qed tiċkien ta’ filtri tal-UV disponibbli, filwaqt li huwa meħtieġ li titkejjel l-effikaċja tal-fattur ta’ protezzjoni mix-xemx tal-prodotti riformati. Għalhekk, l-industrija jenħtieġ li tingħata perjodi ta’ tranżizzjoni itwal biex tiżgura l-konformità tal-prodotti li fihom 4-Methylbenzylidene Camphor. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu permessi perjodi ta’ tranżizzjoni itwal biex tiġi żgurata l-konformità tal-prodotti kożmetiċi li fihom Retinil, Retinyl Acetate u Retinyl Palmitate, peress li ma hemm l-ebda tħassib immedjat dwar is-saħħa għal dawk is-sustanzi, minħabba li l-konċentrazzjonijiet tal-użu tagħhom fil-prodotti kożmetiċi attwalment disponibbli fis-suq ma jaqbżux il-konċentrazzjonijiet li l-SCCS iqis sikuri u peress li skadenzi iqsar iwasslu għall-irtirar u l-qerda ta’ prodotti kożmetiċi b’kostijiet finanzjarji u ambjentali sproporzjonati.

    (21)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi II, III, V u VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punt (4) tal-Anness għandu japplika minn 1 ta' Mejju 2025.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 3 ta' April 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

    (2)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Opinion on Vitamin A (Retinol, Retinyl Acetate, Retinyl Palmitate), SCCS/1576/16, 20 ta’ April 2016, verżjoni finali tas-6 ta’ Ottubru 2016, RETTIFIKA fit-23 ta’ Diċembru 2016, SCCS/1576/16.

    (3)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Revision of the scientific Opinion (SCCS/1576/16) on vitamin A (Retinol, Retinyl Acetate, Retinyl Palmitate), verżjoni preliminari tal-10 ta’ Diċembru 2021, verżjoni finali tal-24-25 ta’ Ottubru 2022, SCCS/1639/21SCCS/1639/21.

    (4)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Opinion on α-arbutin, is-27 ta’ Mejju 2015, SCCS/1552/15.

    (5)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Opinion on β-arbutin, SCCS/1550/15, il-25 ta’ Marzu 2015.

    (6)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Opinion on the safety of alpha- (CAS No. 84380-018, EC No. 617-561-8) and beta-arbutin (CAS No. 497-76-7, EC No. 207-8503) in cosmetic products, verżjoni preliminari tal-15-16 ta’ Marzu 2022, verżjoni finali tal-31 ta’ Jannar 2023, SCCS/1642/22.

    (7)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur),Scientific opinion on 4-Methylbenzylidene camphor (4-MBC), verżjoni preliminari tat-22 ta’ Diċembru, verżjoni finali tad-29 ta’ April 2022, SCCS/1640/21.

    (8)  SCCS (Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Scientific opinion on genistein and daidzein, verżjoni preliminari tat-12 ta’ Jannar 2022, verżjoni finali tas-16 ta’ Settembru 2022, rettifika tal-11 ta’ Ottubru 2022, SCCS/1641/22.

    (9)  SCCS (il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Scientific opinion on Kojic acid, verżjoni preliminari tas-26-27 ta’ Ottubru 2021, verżjoni finali tal-15-16 ta’ Marzu 2022, Rettifika tal-10 ta’ Ġunju 2022, SCCS/1637/2.

    (10)  SCCS (Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Request for a scientific advice on the safety of triclocarban (CAS No. 101-20-2, EC No. 202-924-1) and triclosan (CAS No. 3380-34-5, EC No. 222-182-2) as substances with potential endocrine disrupting properties used in cosmetic products, verżjoni preliminari tal-15-16 ta’ Marzu 2022, verżjoni finali tal-24-25 ta’ Ottubru 2022, SCCS/1643/22.

    (11)  SCCS (Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur), Request for a scientific advice on the safety of triclocarban (CAS No. 101-20-2, EC No. 202-924-1) and triclosan (CAS No. 3380-34-5, EC No. 222-182-2) as substances with potential endocrine disrupting properties used in cosmetic products, verżjoni preliminari tal-15-16 ta’ Marzu 2022, verżjoni finali tal-24-25 ta’ Ottubru 2022, SCCS/1643/22.


    ANNESS

    L-Annessi II, III, V u VI għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huma emendati kif ġej:

    (1)

    Fl-Anness II, tiżdied din l-annotazzjoni:

    Numru ta’ referenza

    Identifikazzjoni tas-sustanza

    Isem kimiku/INN

    Numru CAS

    Numru KE

    a

    b

    c

    d

    “1730

    3-(4'-metilbenżiliden)-ganfra (*1);

    [INCI: 4-Methylbenzylidene Camphor]

    36861-47-9/38102-62-4

    253-242-6/-

    (2)

    Fl-Anness III, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

    Numru ta’ referenza

    Identifikazzjoni tas-sustanza

    Restrizzjonijiet

    Kliem li għandu jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu u fit-twissijiet

    Isem kimiku/INN

    Isem fil-Glossarju tal-Ingredjenti Komuni

    Numru CAS

    Numru KE

    Tip ta’ prodott, partijiet tal-ġisem

    Konċentrazzjoni massima fil-preparazzjoni lesta għall-użu

    Oħrajn

    a

    b

    c

    d

    e

    f

    g

    h

    i

    “373

    Genisteol; 4',5,7-Triidrossiisoflavon; 5,7-diidrossi-3-(4-idrossifenil)-4-benżopiron (*2)

    Genistein

    446-72-0

    207-174-9

     

    0,007 %

     

     

    374

    Daidzeol; 4',7-Diidrossisoflavon; 7-idrossi-3-(4-idrossifenil)-4-benżopiron (*2)

    Daidzein

    486-66-8

    207-635-4

     

    0,02 %

     

     

    375

    5-Idrossi-2-(idrossimetil)-4H-piran-4-on (*2)

    Kojic Acid

    501-30-4

    207-922-4

    Prodotti tal-wiċċ u tal-idejn

    1 %

     

     

    376

    (2E,4E,6E,8E)-3,7-dimetil-9-(2,6,6-trimetilċikloeżen-1-il)nona-2,4,6,8-tetraen-1-ol (*3)

    Retinol

    11103-57-4/

    68-26-8

    234-328-2/

    200-683-7

    (a)

    Lozzjoni tal-ġisem

    (b)

    prodotti oħra li ma jitlaħalħux u li jitlaħalħu

    (a)

    0,05 % Ekwivalenti għar-Retinol (RE)

    (b)

    0,3 % RE

     

    Għal kwalunkwe prodott kożmetiku li fih Retinol, Retinyl Acetate jew

    Retinyl Palmitate, it-tikkettar huwa obbligatorju: “Fih il-Vitamina A. Qabel l-użu, qis id-doża ta’ kuljum tiegħek”.

    aċetat tat-[(2E,4E,6E,8E)-3,7-dimetil-9-(2,6,6-trimetilċikloeżen-1-il)nona-2,4,6,8-tetraenil] (*3)

    Retinyl Acetate

    127-47-9

    204-844-2

    eżadekanoat tat-[(2E,4E,6E,8E)-3,7-dimetil-9-(2,6,6-trimetilċikloeżen-1-il)nona-2,4,6,8-tetraenil] (*3)

    Retinyl Palmitate

    79-81-2

    201-228-5

    377

    4-Idrossifenil-alfa-D-glukopiranosid (*2)

    Alpha-Arbutin

    84380-01-8

    617-561-8

    (a)

    Kremi tal-wiċċ

    (b)

    Lozzjoni tal-ġisem

    (a)

    2 %

    (b)

    0,5 %

    Il-livelli ta’ idrokinon għandhom jibqgħu baxxi kemm jista’ jkun f’formulazzjonijiet li fihom Alpha-Arbutin u ma għandhomx ikunu ogħla mil-livell ta’ traċċa inevitabbli.

     

    “378

    4-Idrossifenil-beta-D-glukopiranosid (*2)

    Arbutin

    497-76-7

    207-850-3

    Kremi tal-wiċċ

    7 %

    Il-livelli ta’ idrokinon għandhom jibqgħu baxxi kemm jista’ jkun f’formulazzjonijiet li fihom Arbutin u ma għandhomx ikunu ogħla mil-livell ta’ traċċa inevitabbli.

     

    (3)

    Fl-Anness V, l-entrati 23 u 25 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    Numru ta’ referenza

    Identifikazzjoni tas-sustanza

    Kundizzjonijiet

    Kliem li għandu jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu u fit-twissijiet

    Isem kimiku/INN

    Isem fil-Glossarju tal-Ingredjenti Komuni

    Numru CAS

    Numru KE

    Tip ta’ prodott, partijiet tal-ġisem

    Konċentrazzjoni massima fil-preparazzjoni lesta għall-użu

    Oħrajn

    a

    b

    c

    d

    e

    f

    g

    h

    i

    “23

    1-(4-Klorofenil)-3-(3,4-diklorofenil)urea (*4)  (*5)

    Triclocarban

    101-20-2

    202-924-1

    Il-prodotti kosmetiċi kollha, bl-eċċezzjoni tal-likwidu għat-tlaħliħ tal-ħalq.

    0,2 %

    Kriterji tal-purità:

    3,3',4,4'-Tetrakloroażobenżen ≤ 1 ppm

    3,3',4,4'-Tetrakloroażossibenżen ≤ 1 ppm

    Ma għandux jintuża f’toothpaste maħsub għal tfal taħt is-6 snin.

    Għat-toothpaste li jkun fih Triclocarban, it-tikkettar li ġej huwa obbligatorju: “Ma għandux jintuża għal tfal taħt is-6 snin”.

    25

    5-Kloro-2- (2,4- diklorofenossi) fenol (*4)

    Triklosan

    3380-34-5

    222-182-2

    Toothpastes; Sapun għall-idejn; Sapun għall-ġisem/ġellijiet għad-doċċa; Deodoranti (mhux sprejs); Terra għall-wiċċ u blemish concealers; Prodotti tad-dwiefer għat-tindif tad-dwiefer tal-idejn u tas-saqajn qabel l-applikazzjoni tas-sistemi tad-dwiefer artifiċjali;

    0,3 %

    Ma għandux jintuża f’toothpaste għat-tfal taħt it-3 snin.

    Għat-toothpaste li jkun fih Triclosan, it-tikkettar li ġej huwa obbligatorju: “Ma għandux jintuża għat-tfal taħt it-3 snin”.

    (4)

    fl-Anness VI, l-entrata 18 titħassar.


    (*1)  Minn 1 ta' Mejju 2025, il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Minn 1 ta' Mejju 2026, il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni”.

    (*2)  Minn 1 ta' Frar 2025, il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Minn 1 ta' Novembru 2025, il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”

    (*3)  Minn 1 ta' Novembru 2025, il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Minn 1 ta' Mejju 2027, il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”

    (*4)  Il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet jistgħu, dment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet applikabbli fi 23 ta' April 2024, jitqiegħdu fis-suq sa 31 ta' Diċembru 2024 u, jekk ikunu diġà tqiegħdu fis-suq qabel dik id-data, jibqgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni sa 31 ta' Ottubru 2025.

    (*5)  Għal użi oħrajn għajr bħala preservattiv, ara l-Anness III, Nru 100.”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/996/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top