Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0903

    Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli)

    PE/73/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/903

    22.3.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/903 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Marzu 2024

    li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni jkunu jistgħu jikkooperaw u jagħmlu s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw b’mod transfruntier. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni informali eżistenti tiġi sostitwita b’qafas legali ċar li jippermetti l-interoperabbiltà fil-livelli u fis-setturi amministrattivi differenti u li jiffaċilita flussi ta’ data transfruntiera u bla xkiel għal servizzi diġitali verament Ewropej li jsaħħu s-suq intern filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku għandha impatt importanti fuq id-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital stipulat fit-Trattati, peress li proċeduri amministrattivi onerużi jistgħu joħolqu ostakli sinifikanti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”).

    (2)

    Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera bejn il-korpi tas-settur pubbliku tista’ tindirizza sfidi komuni, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera, u tista’ tiżgura flussi transfruntiera ta’ data mingħajr xkiel.

    (3)

    L-Unjoni u l-Istati Membri ilhom jaħdmu għal aktar minn għoxrin sena biex jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz tat-trasformazzjoni diġitali u biex irawmu l-interkonnessjonijiet profondi meħtieġa għal spazju diġitali verament Ewropew. Fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni ssottolinjat il-ħtieġa li titħaffef id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sal-2030, inkluż billi tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni u fis-servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi mira ċara ta’ forniment aċċessibbli online sal-2030 ta’ 100 % tas-servizzi pubbliċi ewlenin. Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 żiedet il-veloċità tad-diġitalizzazzjoni, u ħeġġet lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jadattaw għall-mudell online, inkluż għas-servizzi pubbliċi diġitali transfruntieri, kif ukoll għall-użu aktar intelliġenti u aktar ekoloġiku tat-teknoloġiji f’konformità mal-miri klimatiċi u enerġetiċi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dawk l-għanijiet tal-Unjoni billi joħloq qafas ta’ kooperazzjoni strutturat dwar l-interoperabbiltà transfruntiera fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jappoġġa l-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi diġitali, filwaqt li jgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet u biex jiġi ffrankat il-ħin għaċ-ċittadini, għan-negozji u għas-settur pubbliku.

    (4)

    Sabiex tissaħħaħ l-interoperabbiltà transfruntiera fl-Unjoni, huwa imperattiv li jiġi enfasizzat li l-interoperabbiltà, filwaqt li hija tal-akbar importanza, ma tiżgurax, b’mod iżolat, l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej u n-nuqqas ta’ xkiel għalihom. Ekosistema komprensiva u sostenibbli ta’ infrastrutturi diġitali, b’appoġġ finanzjarju adegwat, hija wkoll importanti biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. F’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2021 intitolata “Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE — Għal żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040”, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-estensjoni tal-konnettività għaż-żoni rurali u remoti fl-Unjoni, iż-żoni affettwati minn tranżizzjoni industrijali, u r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti bħal gżejjer, reġjuni transfruntiera u dawk muntanjużi, filwaqt li jiġi żgurat li l-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali jallinjaw mal-inizjattivi stabbiliti tal-Unjoni għal inklużività u konnettività reġjonali msaħħa u jappoġġawhom.

    (5)

    Jenħtieġ li l-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej stipulat f’dan ir-Regolament iqis l-interoperabbiltà legali. Bħala katalizzatur għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà organizzazzjonali, semantika u teknika, l-interoperabbiltà legali tiffaċilita l-ħsad tal-benefiċċji tal-interoperabbiltà transfruntiera b’mod ġenerali, inkluż aċċess rapidu għaċ-ċittadini u n-negozji għall-informazzjoni, proċeduri u servizzi aktar rapidi u t-tnaqqis ta’ ostakli amministrattivi. Barra minn hekk, peress li l-ostaklu lingwistiku huwa wieħed mill-ostakli għall-interoperabbiltà, għall-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet u għall-istabbiliment ta’ servizzi transfruntiera, l-interoperabbiltà semantika hija fundamentali biex tiġi ffaċilitata komunikazzjoni effettiva f’ambjenti multilingwistiċi diversi, inkluż fil-livell reġjonali u dak lokali.

    (6)

    Is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej huma servizzi diġitali pprovduti minn entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku lil xulxin jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fl-Unjoni, u li jeħtieġu interazzjoni bejn il-fruntieri tal-Istati Membri, fost entitajiet tal-Unjoni jew bejn entitajiet tal-Unjoni u korpi tas-settur pubbliku, permezz tan-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom. Is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej jenħtieġ li jinkludu, fost l-oħrajn, is-servizzi pubbliċi ewlenin kif definiti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, li jkopru servizzi essenzjali li huma rilevanti għal avvenimenti tal-ħajja ewlenin għal persuni fiżiċi, bħas-sejbien ta’ impjieg jew studju, u għal persuni ġuridiċi fiċ-ċiklu tal-ħajja professjonali tagħhom. Is-servizzi pubbliċi ewlenin b’rilevanza trans-Ewropea huma maħsuba biex iwasslu għal benefiċċji kbar liċ-ċittadini meta jsiru interoperabbli b’mod transfruntier. Eżempji ta’ servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej huma servizzi li, permezz ta’ skambji transfruntiera ta’ data, jippermettu r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi akkademiċi jew kwalifiki professjonali, skambji ta’ data dwar il-vetturi għas-sikurezza fit-toroq, aċċess għal data dwar is-sigurtà soċjali u s-saħħa inkluż ċertifikatit ta’ pandemija u tilqim, aċċess għal sistemi ta’ tieqa unika, l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mat-tassazzjoni, id-dwana, l-akkreditazzjoni tal-offerti pubbliċi, il-liċenzji tas-sewqan diġitali jew ir-reġistri kummerċjali, u b’mod ġenerali dawk is-servizzi kollha li jimplimentaw il-prinċipju ta’ “darba biss” għall-aċċess u l-iskambju ta’ data transfruntiera.

    (7)

    Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu x’jikkostitwixxi servizzi pubbliċi, l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku huma mħeġġa jirriflettu dwar il-ħtiġijiet u l-aċċessibbiltà tal-utenti fid-disinn u l-iżvilupp ta’ tali servizzi, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (6). Barra minn hekk, l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku huma mħeġġa jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà, l-anzjani u gruppi vulnerabbli oħra jkunu jistgħu jużaw is-servizzi pubbliċi f’livelli ta’ servizz komparabbli ma’ dawk ipprovduti lil ċittadini oħra.

    (8)

    Jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura ġdida ta’ governanza, bil-Bord għal Ewropa Interoperabbli (il-“Bord”) fiċ-ċentru tagħha, u din jenħtieġ li jkollha mandat legali biex tmexxi, flimkien mal-Kummissjoni, l-iżvilupp ulterjuri tal-interoperabbiltà transfruntiera fl-Unjoni, inkluż il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) u soluzzjonijiet komuni oħra ta’ interoperabbiltà legali, organizzazzjonali, semantika u teknika, bħal speċifikazzjonijiet u applikazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi tikketta ċara u li tingħaraf faċilment għal ċerti soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà (soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli). Jenħtieġ li jitrawwem il-ħolqien ta’ komunità vibranti fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġija ta’ gvern miftuħ.

    (9)

    L-awtoritajiet reġjonali u lokali ser jaqdu rwol attiv fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Huma għandhom ifittxu wkoll li jinvolvu lill-SMEs, lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u dawk edukattivi u lis-soċjetà ċivili u jikkondividu l-eżitu ta’ tali skambji.

    (10)

    Huwa fl-interess ta’ approċċ koerenti għall-interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni u li jiġi appoġġat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-moviment liberu ta’ data personali u mhux personali fl-Unjoni li r-regoli jiġu allinjati kemm jista’ jkun għall-entitajiet tal-Unjoni u għall-korpi tas-settur pubbliku kollha li jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, u b’hekk jaffettwaw il-kapaċità ta’ dawk l-entitajiet u l-korpi li jikkondividu d-data permezz tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom. Dak l-objettiv jinkludi l-Kummissjoni u entitajiet oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll korpi tas-settur pubbliku fl-Istati Membri fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni: nazzjonali, reġjonali u lokali. L-entitajiet tal-Unjoni għandhom rwol importanti fil-ġbir ta’ data dwar ir-rapportar regolatorju mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-interoperabbiltà ta’ tali data taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (11)

    Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa ssalvagwardjat, b’mod partikolari, bir-Regolamenti (UE) 2016/679 (7) u (UE) 2018/1725 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tipproteġi, barra minn hekk, il-ħajja privata u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, inkluż permezz ta’ kundizzjonijiet għal kwalunkwe ħażna ta’ data personali u mhux personali f’tagħmir terminali u l-aċċess għaliha. Dawk l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jipprovdu l-bażi għall-ipproċessar sostenibbli u responsabbli tad-data, inkluż fejn is-settijiet ta’ data jinkludu taħlita ta’ data personali u mhux personali. Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tiġi applikata jew interpretata b’tali mod li jitnaqqas jew jiġi limitat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jew id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

    (12)

    L-interoperabbiltà transfruntiera ma hijiex permessa biss permezz ta’ infrastrutturi diġitali ċentralizzati fl-Istati Membri, iżda wkoll permezz ta’ approċċ deċentralizzat. Dan jinvolvi l-ħtieġa ta’ fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, li tippermetti l-iskambju ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet lokali fi Stati Membri differenti mingħajr ma neċessarjament jgħaddu minn nodi nazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni ta’ interoperabbiltà li jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw fil-livelli amministrattivi kollha. Is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jinkludu forom differenti li jvarjaw minn għodod ta’ livell ogħla bħal oqfsa kunċettwali u linji gwida għal soluzzjonijiet aktar tekniċi bħal arkitetturi ta’ referenza, speċifikazzjonijiet tekniċi, jew standards. Barra minn hekk, servizzi u applikazzjonijiet konkreti, kif ukoll komponenti tekniċi dokumentati bħall-kodiċi tas-sors, inkluż l-artifatti u l-mudelli tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jkunu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, jekk jindirizzaw aspetti legali, organizzattivi, semantiċi jew tekniċi tal-interoperabbiltà transfruntiera. Il-ħtiġijiet għal interazzjonijiet diġitali transfruntiera qegħdin jiżdiedu, u dan jeħtieġ soluzzjonijiet li jistgħu jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet. Dan ir-Regolament għandu l-intenzjoni li jiffaċilita u jħeġġeġ skambji fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, filwaqt li jiġu megħluba l-ostakli transfruntiera u l-piżijiet amministrattivi, u b’hekk tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni kollha.

    (13)

    L-interoperabbiltà tiffaċilita l-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki, b’mod partikolari dawk b’rabta qawwija mas-settur pubbliku, bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, it-tassazzjoni u d-dwana, it-trasport, l-enerġija, is-saħħa, l-agrikoltura u l-impjiegi, kif ukoll fir-regolamentazzjoni tan-negozju u tal-industrija. Madankollu, perspettiva tal-interoperabbiltà ta‘ settur uniku hija assoċjata mar-riskju li l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet differenti jew inkompatibbli fil-livelli nazzjonali jew settorjali twassal għal ostakli elettroniċi ġodda li jimpedixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-libertajiet assoċjati tal-moviment. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li ddgħajjef il-ftuħ u l-kompetittività tas-swieq u l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali liċ-ċittadini u n-negozji. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiffaċilita, jinkoraġġixxi u japplika wkoll għall-interoperabbiltà transsettorjali, u b’hekk jappoġġa t-tneħħija tal-ostakli, l-inkompatibbiltajiet u l-frammentazzjoni tas-servizzi pubbliċi diġitali.

    (14)

    Sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni fix-xenarju tal-interoperabbiltà fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu promossi fehim komuni tal-interoperabbiltà fl-Unjoni u approċċ olistiku fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Kooperazzjoni strutturata jenħtieġ li tappoġġa miżuri li jippromwovu l-istabbiliment ta’ politika lesta mil-lat diġitali u interoperabbiltà skont id-disinn. Barra minn hekk, jenħtieġ li tippromwovi l-ġestjoni u l-użu effiċjenti tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali u l-komponenti rispettivi tagħhom mill-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi sostenibbli u effiċjenti, bil-għan li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà sal-inqas diviżjoni amministrattiva.

    (15)

    L-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jintroduċu rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Sabiex jiġi żgurat li tali servizzi jkunu jistgħu jiskambjaw id-data b’mod transfruntier, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti l-iskoperta ta’ ostakli legali, organizzattivi, semantiċi u tekniċi għall-interoperabbiltà transfruntiera (“valutazzjoni tal-interoperabbiltà”). Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jiżgura kunsiderazzjoni adegwata tal-aspetti tal-interoperabbiltà transfruntiera fid-deċiżjonijiet kollha li jista’ jkollhom effett fuq id-disinn ta’ tali servizzi.

    (16)

    Sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, huwa importanti li ssir enfasi fuq l-aspett tal-interoperabbiltà mill-aktar fis possibbli fil-proċess tat-tfassil tal-politika skont il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” u l-approċċ ta’ “interoperabbiltà skont id-disinn”. Għalhekk, jenħtieġ li entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku li beħsiebhom jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għal servizz pubbliku diġitali trans-Ewropew wieħed jew aktar dwar l-interoperabbiltà transfruntiera, pereżempju matul id-diġitalizzazzjoni ta’ servizzi pubbliċi ewlenin kif imsemmi fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, iwettqu valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-effiċjenza ta’ dan il-kompitu, Stat Membru jista’ jiddetermina dwar ir-riżorsi interni u l-kollaborazzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku tiegħu meħtieġa biex jappoġġa t-twettiq ta’ dawk il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà.

    (17)

    Valutazzjoni tal-interoperabbiltà hija meħtieġa sabiex jiġi mifhum id-daqs tal-impatt tar-rekwiżiti ppjanati u sabiex jiġu proposti miżuri ħalli jinkisbu l-benefiċċji u jiġu indirizzati l-kostijiet potenzjali. F’sitwazzjonijiet fejn valutazzjoni tal-interoperabbiltà ma tkunx obbligatorja, l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jenħtieġ li jkun jista’ jwettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq bażi volontarja. Dan ir-Regolament għalhekk irawwem -interoperabbiltà b’mod ġenerali..

    (18)

    Rekwiżit vinkolanti jista’ jinkludu kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kundizzjoni, kriterju, jew limitu ta’ natura legali, organizzattiva, semantika jew teknika fi ħdan liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva, kuntratt, sejħa għall-offerti, jew dokument uffiċjali ieħor. Ir-rekwiżiti vinkolanti jaffettwaw kif is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej u n-networks u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom użati għall-forniment tagħhom jiġu ddisinjati, akkwistati, żviluppati u implimentati, u b’hekk jinfluwenzaw il-flussi tad-data deħlin jew ħerġin ta’ dawk is-servizzi. Madankollu, kompiti bħall-manutenzjoni evoluttiva li ma jintroduċux bidla sostantiva, aġġornamenti tekniċi jew tas-sigurtà, jew l-akkwist sempliċi ta’tagħmir standard ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) ma jaffettwawx normalment l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, u għalhekk ma jirriżultawx f’valutazzjoni obbligatorja tal-interoperabbiltà skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

    (19)

    L-approċċ għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jkun proporzjonat u differenzjat f’konformità mal-livell u l-kamp ta’ applikazzjoni li fih jitwettqu. F’xi ċirkostanzi,jista’ jkun raġonevoli u ekonomiku li s-suġġett ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà jkun usa’ minn proġett wieħed, inkluż meta l-korpi tas-settur pubbliku jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu applikazzjoni komuni jew pjattaforma tal-ipproċessar. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ ħafna li l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà tmur lil hinn mill-ilħuq tal-objettivi ta’ Ewropa Interoperabbli lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-interoperabbiltà. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti għall-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà mwettqa fil-livell tal-implimentazzjoni ta’ proġett uniku, bħal f’awtorità lokali, jenħtieġ li jkunu pragmatiċi u jippermettu enfasi dejqa, filwaqt li jitqies il-fatt li l-benefiċċji usa’ tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà ġeneralment jinħasdu fl-istadji bikrija tat-tfassil tal-politika u l-iżvilupp tal-arkitettura, l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ referenza. Meta l-Bord jadotta linji gwida dwar il-kontenut tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà, jenħtieġ li huwa jqis, inter alia, il-kapaċità tal-korpi reġjonali u lokali tas-settur pubbliku u jevita piż amministrattiv eċċessiv.

    (20)

    Fil-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dawk affettwati direttament jew mar-rappreżentanti tagħhom, jenħtieġ li l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu użu minn prattiki ta’ konsultazzjoni stabbiliti u mid-data attwali.

    (21)

    Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà tevalwa l- effetti tar-rekwiżiti vinkolanti ppjanati għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej dwar l-interoperabbiltà transfruntiera, pereżempju, jitqiesu l-oriġini, in-natura, il-partikolarità u l-iskala ta’ dawk l-effetti. Jenħtieġ li l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni jitqies meta jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa li jeħtieġ li jittieħdu sabiex jiġu stabbiliti jew immodifikati r-rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.

    (22)

    Jenħtieġ li l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jippubblikaw rapport dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’post pubbliku deżinjat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew mill-koordinaturi tal-interoperabbiltà għall-entitajiet tal-Unjoni, mill-inqas f’sit web uffiċjali f’format li jinqara mill-magni. Jenħtieġ li l-pubblikazzjoni tar-rapport ma tikkompromettix id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew is-sigrieti kummerċjali, u jenħtieġ li tiġi ristretta fejn ikun ġustifikat abbażi tal-ordni jew tas-sigurtà pubblika. Jenħtieġ li jiġi mħares id-dritt tal-Unjoni li jirregola l-protezzjoni ta’ data personali. Jenħtieġ li l-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku jikkondividu l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà b’mod elettroniku mal-Bord. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Bord janalizza u jipprovdi proposti sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Jenħtieġ li l-proposti tal-Bord jiġu ppubblikati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    (23)

    Hija meħtieġa lista ta’ kontroll komuni għar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà biex jiġu ffaċilitati l-kompiti tal-entitajiet tal-Unjoni u tal-korpi tas-settur pubbliku li jwettqu dawk il-valutazzjonijiet u biex il-Bord ikun jista’ jfassal rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-eżiti tagħhom sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera. Għaldaqstant, ir-rapport li jirrappreżenta l-eżitu tal-proċess tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-rekwiżit ivvalutat fuq id-dimensjonijiet legali, organizzazzjonali, semantiċi, tekniċi u ta’ governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera, flimkien mat-tip ta’ soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli wżata biex jiġu indirizzati tali effetti u l-ostakli li jifdal li jkunu għadhom ma ġewx indirizzati. Jenħtieġ li l-użu ta’ dik il-lista ta’ kontroll komuni jiġi spjegat aktar permezz ta’ linji gwida adottati mill-Bord.

    (24)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi mezzi faċli għall-utent li bihom tindirizza u tittrażmetti l-eżitu tal-valutazzjonijiet, inkluż f’format li jinqara mill-magni. Għodda online għar-rapporti tal- valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà jenħtieġ għandha sservi l-għan li tipprovdi interfaċċa sempliċi u faċli għall-utent biex jiġu prodotti u ppubblikati tali rapporti. Jista’ jintuża output standardizzat tar-rapportar f’format li jinqara mill-magni għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Jenħtieġ li tali għodda tiffaċilita wkoll it-traduzzjoni awtomatika u jenħtieġ li tiġi integrata fil-portal Ewropa Interoperabbli. Biex trawwem l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni bla xkiel, jenħtieġ ukoll li l-għodda online tadotta u tikkonforma aktar ma’ mudell ta’ data miftuħa derivat mil-lista ta’ kontroll komuni għar-rapporti tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà. Il-forniment ta’ interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet huwa kruċjali, li jippermetti l-integrazzjoni tal-għodda fil-pjattaformi ta’ rapportar eżistenti, u b’hekk jimmassimizza l-utilità u l-effiċjenza għall-partijiet ikkonċernati kollha. Filwaqt li l-użu tal-għodda online jenħtieġ li jkun volontarju, billi jissottomettu d-data meħtieġa u jippermettu l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-portal Ewropa Interoperabbli, l-obbligu ta’ entità tal-Unjoni jew ta’ korp tas-settur pubbliku li jippubblikaw rapport li jippreżenta l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’post pubbliku jenħtieġ li jitqies issodisfat.

    (25)

    L-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku li jfittxu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu mingħand entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku oħra s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li dawk il-korpi jew l-entitajiet jużaw bħal prattiki tajbin, speċifikazzjonijiet, u kodiċi tas-software, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata. Jenħtieġ li l-kondiviżjoni ssir prestabbilita. Barra minn hekk, l-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jfittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà jew li jiżviluppaw aktar is-soluzzjonijiet eżistenti ta’ interoperabbiltà. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li huma jipprijoritizzaw soluzzjonijiet li ma jkollhomx termini ta’ liċenzjar restrittivi, fejn tali soluzzjonijiet jkunu ekwivalenti. Madankollu, jenħtieġ li l-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ma tinftiehemx bħala rekwiżit għall-entitajiet tal-Unjoni u għall-korpi tas-settur pubbliku li jċedu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom.

    (26)

    Fejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkondividu s-soluzzjonijiet tagħhom ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn jew mal-pubbliku, huma jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku. Dan huwa saħansitra aktar rilevanti għat-teknoloġiji innovattivi: Pereżempju, il-kodiċi miftuħ jagħmel l-algoritmi trasparenti u jippermetti awditi indipendenti u elementi kostitwenti riproduċibbli. Il-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi jenħtieġ li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ ekosistema miftuħa ta’ teknoloġiji diġitali għas-settur pubbliku li jistgħu jipproduċu benefiċċji multipli.

    (27)

    Meta jimmonitorja l-koerenza tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rrakkomandati u jipproponi miżuri sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mas-soluzzjonijiet eżistenti bi skop komuni, il-Bord jenħtieġ li jqis l-iskadenza tas-soluzzjonijiet.

    (28)

    Il-EIF jenħtieġ li jiżgura l-koerenza u jenħtieġ li jiġi rikonoxxut bħala l-punt uniku ta’ referenza għall-approċċ tal-Unjoni għall-interoperabbiltà fis-settur tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ setturi, oqsma jew livelli amministrattivi speċifiċi. Dawk l-oqfsa, li huma ta’ natura mhux vinkolanti, jenħtieġ li jippromwovu aktar l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u l-approċċ ta’ interoperabbiltà skont id-disinn.

    (29)

    Jenħtieġ li l-FEI, fost l-oħrajn, jippromwovi l-prinċipju tal-multilingwiżmu fis-settur pubbliku.

    (30)

    Jenħtieġ li l-EIF jiġi żviluppat mill-Bord. Il-Bord jenħtieġ li jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jinsabu fiċ-ċentru tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-EIF. Jenħtieġ li l-Bord jaġġorna l-EIF fejn meħtieġ.

    (31)

    L-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà maħruġa biex jikkomplementaw l-EIF jenħtieġ li jqisu u ma jfixklux l-oqfsa eżistenti speċifiċi għas-settur żviluppati fil-livell tal-Unjoni, bħal fis-settur tas-saħħa.

    (32)

    L-interoperabbiltà hija marbuta direttament u tibbaża fuq l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards miftuħa. Għalhekk, jenħtieġ li s-settur pubbliku tal-Unjoni jitħalla jaqbel dwar speċifikazzjonijiet miftuħa trażversali u soluzzjonijiet oħrajn għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-qafas il-ġdid jipprevedi proċess ċar dwar l-istabbiliment u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rakkomandati fil-futur, bit-tikketta “Soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli”. B’dan il-mod, is-settur pubbliku ser ikollu vuċi aktar koordinata biex jidderieġi l-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u l-valuri pubbliċi f’diskussjonijiet usa’. Jenħtieġ li l-Bord jaqbel dwar kriterji ġenerali li bihom għandhom jintlaħqu s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Il-Bord għandu jkun jista’ jirtira r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Meta l-Bord jirtira r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, jenħtieġ li t-tikketta “Soluzzjoni Ewropa Interoperabbli” titneħħa mis-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rilevanti u dawk is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jitħassru mill-portal Ewropa Interoperabbli.

    (33)

    Bosta speċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà użati mis-settur pubbliku jistgħu jiġu derivati mid-dritt eżistenti tal-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn l-ispeċifikazzjonijiet kollha għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej li huma obbligatorji skont id-dritt tal-Unjoni. Mhux dejjem huwa faċli għall-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni li jsibu r-rekwiżiti fl-aktar format reċenti u li jinqara mill-magni. Punt uniku ta’ dħul fil-forma tal-portal “Ewropa Interoperabbli” u regoli ċari dwar il-metadata tal-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba li jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku biex jiżguraw li l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali tagħhom jikkonformaw mar-regoli eżistenti u futuri.

    (34)

    Jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli ikun żviluppat fuq il-bażi ta’ inizjattivi eżistenti u għandu jiġi stabbilit bħala punt ta’ referenza aċċessibbli faċilment għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, valutazzjonijiet, għarfien u komunità. Jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli jiġi stabbilit bħala link għas-sorsi uffiċjali iżda jenħtieġ li jkun miftuħ għal kontribut mill-Komunità għal Ewropa Interoperabbli stabbilit b’dan ir-Regolament.

    (35)

    Jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli jagħmel is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jsegwu l-prinċipji tal-EIF ta’ ftuħ, aċċessibbiltà, newtralità teknika, użu mill-ġdid, sigurtà u privatezza disponibbli għall-pubbliku u li jkunu jistgħu jinstabu minnu. Jenħtieġ li jkun hemm distinzjoni ċara bejn soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, li huma rakkomandati mill-Bord, u soluzzjonijiet oħra ta’ interoperabbiltà, bħal dawk kondiviżi b’mod proattiv għall-użu mill-ġdid mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, dawk marbuta mal-politiki tal-Unjoni u soluzzjonijiet rilevanti minn portali nazzjonali. Jenħtieġ li l-każijiet ta’ użu fil-portal Ewropa Interoperabbli ikunu jistgħu jiġu mfittxija skont il-pajjiż jew skont it-tip ta’servizz pubbliku li jappoġġaw. Jenħtieġ li l-Bord jiġi kkonsultat dwar il-mod kif is-soluzzjonijiet għandhom jiġu kkategorizzati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    (36)

    Peress li sors miftuħ jippermetti li l-utenti jivvalutaw u jispezzjonaw b’mod attiv l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta’ soluzzjonijiet, huwa importanti li s-sors miftuħ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ liċenzji ta’ sors miftuħ sabiex jittejbu ċ-ċarezza legali u r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fl-Istati Membri. Bil-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (EUPL) il-Kummissjoni diġà tipprovdi soluzzjoni għal tali liċenzjar. Il-portali tal-Istati Membri li jiġbru soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ li huma marbuta mal-portal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jippermettu l-użu tal-EUPL, filwaqt li ma jeskludux il-possibilità li tali portali jistgħu jippermettu l-użu ta’ liċenzji oħra b’sors miftuħ.

    (37)

    Is-servizzi pubbliċi tal-Unjoni li huma mogħtija jew ġestiti b’mod elettroniku attwalment spiss jiddependu minn fornituri mhux tal-Unjoni. Huwa fl-interess strateġiku tal-Unjoni li tiżgura li żżomm u tiżviluppa kapaċitajiet teknoloġiċi essenzjali sabiex tiżgura s-Suq Uniku Diġitali tagħha, u b’mod partikolari sabiex tiżgura l-għoti ta’ servizzi, tipproteġi s-sistemi kritiċi tan-networks u tal-informazzjoni, u tipprovdi servizzi pubbliċi ewlenin. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli jgħinu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevolvu u jkunu kapaċi jinkorporaw sfidi ġodda u oqsma ġodda f’kuntesti transfruntieri. L-interoperabbiltà hija kundizzjoni għall-evitar tal-lock-in teknoloġiku, l-iffaċilitar ta’ żviluppi tekniċi, u t-trawwim tal-innovazzjoni, li għandha tagħti spinta lill-kompetittività globali, lir-reżiljenza u lill-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni.

    (38)

    Huwa neċessarju li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ governanza li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni b’mod li jiżgura l-interoperabbiltà. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jiffoka fuq l-implimentazzjoni diġitali interoperabbli tal-politiki ladarba jkunu ġew adottati fil-forma ta’ atti legali u jenħtieġ li jservi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fuq bażi xprunata mill-ħtiġijiet. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu jappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku. Il-proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika biex jappoġġaw il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jiġu proposti mill-Bord lill-Kummissjoni li jenħtieġ li tiddeċiedi jekk tistabbilixxix il-proġetti ta’ appoġġ, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-ħtieġa potenzjali għal verżjonijiet mhux awtorevoli u eżegwibbli mill-magni tal-politika, bħal mudelli jew kodiċi ta’ implimentazzjoni ta’ referenza, li jistgħu jerġgħu jintużaw fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni..

    (39)

    Jenħtieġ li l-livelli kollha tal-amministrazzjoni jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet innovattivi, inkluż kumpaniji u entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, fid-disinn, fl-iżvilupp u fl-operat tas-servizzi pubbliċi. L-appoġġ għall-kooperazzjoni tal-GovTech bejn il-korpi tas-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet edukattivi u tar-riċerka, in-negozji ġodda u l-SMEs innovattivi, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CivicTech), huwa mezz effettiv ta’ appoġġ għall-innovazzjoni tas-settur pubbliku, il-flessibbiltà u l-promozzjoni tal-użu ta’ għodod ta’ interoperabbiltà fost is-settur privat u dak pubbliku. L-appoġġ ta’ ekosistema miftuħa tal-GovTech fl-Unjoni li tlaqqa’ flimkien atturi pubbliċi u privati bejn il-fruntieri u li tinvolvi livelli differenti tal-amministrazzjoni jenħtieġ li jippermetti l-iżvilupp ta’ inizjattivi innovattivi fir-rigward tad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà tal-GovTech.

    (40)

    L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-innovazzjoni kondiviżi u l-enfasi tal-isforzi komuni tal-GovTech u tal-esperimentazzjoni bejn il-fruntieri jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku tal-Unjoni jikkondividu r-riskji, it-tagħlimiet meħuda, u r-riżultati tal-miżuri għall-innovazzjoni. Dawk l-attivitajiet ser jisfruttaw b’mod partikolari r-riżerva rikka tal-Unjoni ta’ negozji ġodda u ta’ SMEs tat-teknoloġija. Proġetti ta’ GovTech li jirnexxu u miżuri ta’ innovazzjoni mmexxija minn miżuri ta’ innovazzjoni għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jgħinu biex jiżdiedu l-għodod ta’ GovTech u s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-użu mill-ġdid.

    (41)

    Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli jistgħu jibbenefikaw minn spazji sikuri għall-esperimentazzjoni, filwaqt li jiżguraw innovazzjoni u integrazzjoni responsabbli ta’ miżuri u salvagwardji xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Sabiex jiġi żgurat qafas legali li jkun favorevoli għall-innovazzjoni, li jibqa’ validu għall-futur u reżiljenti għat-tfixkil, jenħtieġ li jkun possibbli li tali proġetti jsiru f’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jikkonsistu f’ambjenti ta’ ttestjar kontrollati li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi qabel ma tali soluzzjonijiet jiġu integrati fin-network u fis-sistemi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jimmiraw li jrawmu l-interoperabbiltà permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi billi jistabbilixxu ambjent ikkontrollat ta’ esperimentazzjoni u ta’ ttestjar bil-għan li jiġi żgurat l-allinjament ta’ dawk is-soluzzjonijiet ma’ dan ir-Regolament u ma’ liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni nazzjonali, biex isaħħu ċ-ċertezza legali għall-innovaturi u għall-awtoritajiet kompetenti u biex iżidu l-fehim tal-opportunitajiet, tar-riskji emerġenti u tal-impatti tas-soluzzjonijiet il-ġodda. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha u jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu s-setgħa li jimponi multi amministrattivi lill-entitajiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 58(2), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (42)

    Huwa meħtieġ li jiġu previsti regoli għall-użu ta’ data personali miġbura għal skopijiet oħrajn sabiex jiġu żviluppati ċerti soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-interess pubbliku fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/679, u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). L-obbligi l-oħra kollha tal-kontrolluri tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva (UE) 2016/680 jibqgħu applikabbli. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma jipprovdix bażi legali skont it-tifsira tal-Artikolu 22(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-Artikolu 24(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dan ir-Regolament għandu biss l-għan li jipprevedi biss l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà. Kwalunkwe pproċessar ieħor ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun jeħtieġ bażi legali separata.

    (43)

    Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-ipproċessar tad-data personali mill-entitajiet tal-Unjoni u mill-korpi tas-settur pubbliku, jenħtieġ li l-portal Ewropa Interoperabbli jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà, f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

    (44)

    Huwa meħtieġ li jittejjeb fehim tajjeb tal-kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà, speċjalment fost l-impjegati tas-settur pubbliku. It-taħriġ kontinwu huwa kruċjali f’dan ir-rigward u l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar is-suġġett jenħtieġ li jiġu mħeġġa. Lil hinn mit-taħriġ dwar soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, fejn ikun xieraq, l-inizjattivi kollha jenħtieġ li jibnu fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza u tas-soluzzjonijiet u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, jew ikunu akkumpanjati minnhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa korsijiet ta’ taħriġ u materjali ta’ taħriġ, u jenħtieġ li tippromwovi l-iżvilupp ta’ programm ta’ ċertifikazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà sabiex tippromwovi l-aħjar prattiki, il-kwalifiki għar-riżorsi umani u kultura ta’ eċċellenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkontribwixxi għaż-żieda tad-disponibbiltà ġenerali u l-adozzjoni ta’ taħriġ dwar l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, f’konformità mal-istrateġiji tal-Unjoni għall-ħiliet diġitali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jrawmu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, f’termini tat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament

    (45)

    Sabiex jinħoloq mekkaniżmu li jiffaċilita proċess ta’ tagħlim reċiproku fost l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-proċess ta’ rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li r-rieżami bejn il-pari jwassal għal għarfien u rakkomandazzjonijiet siewja għall-korp tas-settur pubbliku li jkun qed isirlu tali rieżami. B’mod partikolari, huwa jista’jikkontribwixxi għal faċilitazzjoni tat-trasferiment ta’ teknoloġiji, għodod, miżuri u proċessi fost il-parteċipanti tar-rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li r-rieżami bejn il-pari joħloq mogħdija funzjonali għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri kollha u l-entitajiet tal-Unjoni b’livelli differenti ta’ maturità fl-interoperabbiltà. Għandu jkun possibbli li jitwettaq rieżami bejn il-pari fuq bażi volontarja fuq talba ta’ entità tal-Unjoni jew ta’ korp tas-settur pubbliku meta jkun meħtieġ. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta’ rieżami bejn il-pari jkun kosteffettiv u jipproduċi riżultati ċari u konklużivi, u jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tadotta linji gwida dwar il-metodoloġija u l-kontenut tar-rieżami bejn il-pari, abbażi tal-ħtiġijiet li jseħħu u wara li tikkonsulta mal-Bord.

    (46)

    Il-Bord jenħtieġ li jiffaċilita l-iżvilupp tad-direzzjoni ġenerali tal-kooperazzjoni strutturata għal Ewropa Interoperabbli fil-promozzjoni tal-interkonnessjoni diġitali u tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, u sabiex jiġu ssorveljati l-attivitajiet strateġiċi u ta’ implimentazzjoni relatati ma’ dik il-kooperazzjoni. Il-Bord jenħtieġ li jwettaq il-kompiti tiegħu filwaqt li jqis ir-regoli u s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera li diġà huma implimentati għan-network u għas-sistemi tal-informazzjoni eżistenti.

    (47)

    Ċerti entitajiet tal-Unjoni, bħall-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data u l-Bord għall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, inħolqu u ngħataw il-kompitu, inter alia, li jtejbu l-interoperabbiltà f’dominju jew f’livell ta’ politika speċifiku. Madankollu, l-ebda waħda mill-entitajiet eżistenti ma għandha l-kompitu li tindirizza rekwiżiti vinkolanti għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Jenħtieġ li l-Bord jappoġġa lill-entitajiet tal-Unjoni li jaħdmu fuq politiki, azzjonijiet u soluzzjonijiet rilevanti għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, pereżempju fl-interoperabbiltà semantika għall-portabbiltà u l-użu mill-ġdid tal-ispazji tad-data. Jenħtieġ li l-Bord jinteraġixxi mal-entitajiet rilevanti kollha tal-Unjoni sabiex jiżgura l-allinjament u s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera u dawk speċifiċi għas-settur. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, bħala l-President tal-Bord, tista’ tistieden esperti b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda, inkluż rappreżentanti minn awtoritajiet reġjonali u lokali u mill-komunitajiet ta’ sors miftuħ u ta’ standardizzazzjoni.

    (48)

    L-avvanz tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku jeħtieġ l-involviment attiv u l-impenn tal-esperti, il-prattikanti, l-utenti u ċ-ċittadini interessati fl-Istati Membri kollha. Dak l-isforz ikopri l-livelli kollha tal-amministrazzjoni - nazzjonali, reġjonali u lokali - u jinvolvi sħab internazzjonali, istituzzjonijiet ta’ riċerka u edukattivi, kif ukoll komunitajiet rilevanti, u s-settur privat. Sabiex jiġu sfruttati l-għarfien espert, il-ħiliet u l-kreattività tagħhom, il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, forum dedikat, jenħtieġ li tgħin sabiex jinġabru l-feedback, il-ħtiġijiet tal-utenti u dawk operazzjonali, jiġu identifikati oqsma għal żvilupp ulterjuri u l-prijoritajiet tal-kooperazzjoni fejn tidħol l-interoperabbiltà fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jappoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi strateġiċi u operazzjonali ewlenin għall-interoperabbiltà.

    (49)

    Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li tkun miftuħa għall-partijiet interessati kollha. L-aċċess għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jsir faċli kemm jista’ jkun, filwaqt li jiġu evitati ostakli u piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Jenħtieġ li l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inklużi ċ-ċittadini, b’għarfien espert fil-qasam tal-interoperabbiltà transfruntiera, li jkunu ġejjin minn sfondi differenti, bħall-akkademja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-istandardizzazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet, in-negozji u l-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha. Jenħtieġ li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva fil-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, inkluż billi jiġu identifikati miżuri ta’ appoġġ u opportunitajiet ta’ finanzjament.

    (50)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jinħatru awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. F’bosta Stati Membri, xi entitajiet diġà għandhom ir-rwol li jiżviluppaw l-interoperabbiltà. Dawk l-entitajiet jenħtieġ li ikunu jistgħu jieħdu r-rwol tal-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u fejn ikun hemm aktar minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda, jenħtieġ li jinħatar punt uniku ta’ kuntatt minn fosthom.

    (51)

    Jenħtieġ li tiġi żviluppata Aġenda għal Ewropa Interoperabbli bħala l-istrument ewlieni tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-investimenti pubbliċi f’soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u li tistabbilixxi l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-possibiltajiet ta’ finanzjament u l-impenji ta’ finanzjament fil-qasam, filwaqt li tintegra, fejn ikun xieraq, il-programmi tal-Unjoni relatati. Jenħtieġ li din tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sinerġiji u għall-koordinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju relatat mal-iżvilupp tal-interoperabbiltà u l-evitar tad-duplikazzjoni fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni.

    (52)

    Jenħtieġ li tinġabar informazzjoni sabiex tiggwida l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni li tappoġġa l-ħidma tal-Bord, u kontributi għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza li ġejjin, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud, b’enfasi speċifika fuq l-impatt ta’ dan ir-Regolament dwar l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej bħala faċilitatur għal servizzi pubbliċi diġitali bla xkiel u aċċessibbli, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-ħtieġa għal kwalunkwe miżura u politika addizzjonali fil-livell tal-Unjoni. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun ukoll il-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji, wara konsultazzjoni mal-Bord, il-metodoloġija, il-proċess u l-indikaturi għall-monitoraġġ. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jitfassal biex jimminimizza l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri billi jerġa’ juża kemm jista’ jkun possibbli s-sorsi tad-data eżistenti u joħloq sinerġiji mal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti, bħall-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku u t-trajettorji tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 2030 stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

    (53)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissottometti u tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-interoperabbiltà fl-Unjoni. Jenħtieġ li dak ir-rapport jinkludi l-progress lejn l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, l-ostakli u l-ixprunaturi għall-implimentazzjoni, u r-riżultati miksuba maż-żmien, f’konformità mas-suġġetti ta’ monitoraġġ elenkati f’dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-indikaturi li għalihom id-data ma tkunx disponibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu d-data fil-ħin permezz tal-Bord biex jiżguraw it-twettiq effettiv tar-rapport. Il-kwalità ta’ dak ir-rapport tiddependi fuq id-disponibbiltà f’waqtha tad-data.

    (54)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

    (55)

    Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri it-tisħiħ tas-suq uniku permezz tal-promozzjoni tal-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi diġitali trans-Ewropej fi ħdan is-servizzi pubbliċi, ma jistax tintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati.

    (56)

    L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita għal tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex l-Istati Membri u l-entitajiet tal-Unjoni jingħataw biżżejjed żmien sabiex iħejju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali differiment huwa meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-Bord u l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli u jinħatru koordinaturi tal-interoperabbiltà. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jagħti żmien lill-Istati Membri u lill-entitajiet tal-Unjoni biex iħejju għall-implimentazzjoni effettiva tal-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà u biex kull Stat Membru jaħtar awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar u punt uniku ta’ kuntatt. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt jenħtieġ li japplikaw disa’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (57)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-13 ta’ Jannar 2023 (13).

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li jippromwovu l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej u b’hekk jikkontribwixxi għall-interoperabbiltà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom sottostanti billi jistabbilixxi regoli komuni u qafas ta’ governanza.

    2.   Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet tal-Unjoni u għall-korpi tas-settur pubbliku li jirregolaw, jipprovdu, jiġġestixxu jew jimplimentaw is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.

    3.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu x’jikkostitwixxi servizzi pubbliċi jew għall-kapaċità tagħhom li jistabbilixxu regoli proċedurali għal, jew ifornu, jimmaniġġjaw jew jimplimentaw dawk is-servizzi.

    4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali.

    5.   Dan ir-Regolament ma jinvolvix il-forniment ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà pubblika, tad-difiża jew tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “interoperabbiltà transfruntiera” tfisser il-kapaċità tal-entitajiet tal-Unjoni u tal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri li jinteraġixxu ma’ xulxin bejn il-fruntieri billi jikkondividu d-data, l-informazzjoni u l-għarfien permezz ta’ proċessi diġitali f’konformità mar-rekwiżiti legali, organizzattivi, semantiċi u tekniċi relatati ma’ tali interazzjoni transfruntiera;

    (2)

    “servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej” tfisser servizzi diġitali pprovduti minn entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku lil xulxin, jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fl-Unjoni, u li jeħtieġu interazzjoni bejn il-fruntieri tal-Istati Membri, fost l-entitajiet tal-Unjoni jew bejn entitajiet tal-Unjoni u korpi tas-settur pubbliku permezz tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom;

    (3)

    “network u sistema tal-informazzjoni” tfisser network u sistema tal-informazzjoni kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

    (4)

    “soluzzjoni ta’ interoperabbiltà” tfisser beni li jista’ jerġa’ jintuża li jirrigwarda rekwiżiti legali, organizzazzjonali, semantiċi jew tekniċi li jippermettu l-interoperabbiltà transfruntiera, bħal pereżempju oqsfa kunċettwali, linji gwida, arkitetturi ta’ referenza, speċifikazzjonijiet tekniċi, standards, servizzi u applikazzjonijiet, kif ukoll komponenti tekniċi dokumentati, bħall-kodiċi tas-sors;

    (5)

    “entitajiet tal-Unjoni” tfisser l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti mit-TUE, mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, jew fuq il-bażi tagħhom;

    (6)

    “korp tas-settur pubbliku” tfisser korp tas-settur pubbliku kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

    (7)

    “data” tfisser data kif definita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

    (8)

    “format li jinqara mill-magni” tfisser format li jinqara mill-magni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2019/1024;

    (9)

    “GovTech” tfisser kooperazzjoni bbażata fuq it-teknoloġija bejn l-atturi tas-settur pubbliku u dak privat li tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tas-settur pubbliku;

    (10)

    “standard” tfisser standard kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

    (11)

    “speċifikazzjoni teknika tal-ICT” tfisser speċifikazzjoni teknika tal-ICT kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

    (12)

    “liċenzja ta’ sors miftuħ” tfisser liċenzja li biha l-użu mill-ġdid, ir-ridistribuzzjoni u l-modifika tas-software jkunu permessi għall-użi kollha fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni unilaterali mid-detentur tad-dritt, li tista’ tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, u fejn il-kodiċi tas-sors tas-software jkun disponibbli għall-utenti b’mod indiskriminat;

    (13)

    “l-ogħla livell ta’ maniġment” tfisser maniġer, maniġment jew korp ta’ koordinazzjoni u sorveljanza fl-aktar livell amministrattiv għoli, filwaqt li jitqiesu l-arranġamenti ta’ governanza ta’ livell għoli f’kull entità tal-Unjoni;

    (14)

    “ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà” tfisser ambjent ikkontrollat stabbilit minn entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku għall-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, fejn xieraq f’kundizzjonijiet tad-dinja reali, li jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej għal perjodu ta’ żmien limitat taħt superviżjoni regolatorja.

    (15)

    “rekwiżit vinkolanti” tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kundizzjoni, kriterju jew limitu ta’ natura legali, organizzazzjonali, semantika jew teknika, li huwa stabbilit minn entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku dwar servizz pubbliku diġitali trans-Ewropew wieħed jew aktar u li għandu effett fuq l-interoperabbiltà transfruntiera.

    Artikolu 3

    Valutazzjoni tal-interoperabbiltà

    1.   Qabel tittieħed deċiżjoni dwar rekwiżiti vinkolanti ġodda jew sostanzjalment modifikati, entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku għandhom iwettqu valutazzjoni tal-interoperabbiltà.

    Meta, fir-rigward ta’ rekwiżiti vinkolanti, tkun diġà twettqet valutazzjoni tal-interoperabbiltà jew meta jiġu implimentati rekwiżiti vinkolanti minn soluzzjonijiet ipprovduti minn entitajiet tal-Unjoni, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat ma għandux ikun meħtieġ iwettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà ulterjuri fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti. Tista’ titwettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà unika sabiex jiġi indirizzat sett ta’ rekwiżiti vinkolanti.

    L-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat jista’ jwettaq ukoll il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’każijiet oħra.

    2.   Valutazzjoni tal-interoperabbiltà għandha, b’mod xieraq, tidentifika u tivvaluta dawn li ġejjin:

    (a)

    l-effetti tar-rekwiżiti vinkolanti fuq l-interoperabbiltà transfruntiera, bl-użu tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà imsemmija fl-Artikolu 6 (EIF) bħala għodda ta’ appoġġ;

    (b)

    il-partijiet ikkonċernati li għalihom ir-rekwiżiti vinkolanti huma rilevanti;

    (c)

    is-soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli imsemmija fl-Artikolu 7 li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti vinkolanti.

    L-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandu jippubblika rapport, f’format li jinqara mill-magni li jiffaċilita t-traduzzjoni awtomatika, li jippreżenta l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà, inkluż il-punti elenkati fl-Anness, fuq sit web uffiċjali,. Huwa għandu jikkondividi dak ir-rapport b’mod elettroniku mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli stabbilit skont l-Artikolu 15 (“il-Bord”). Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu ma għandhomx jirrestrinġu r-regoli eżistenti tal-Istati Membri dwar l-aċċess għad-dokumenti. Il-pubblikazzjoni ta’ dak ir-rapport ma għandhiex tikkomprometti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew is-sigrieti kummerċjali, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà.

    3.   L-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jiddeċiedu liema korp għandu jipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex titwettaq il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għodod tekniċi biex tappoġġa l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà, inkluż għodda online biex tiffaċilita t-tlestija tar-rapport u l-pubblikazzjoni tiegħu fuq il-portal Ewropa Interoperabbli imsemmi fl-Artikolu 8.

    4.   L-entità tal-Unjoni jew il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandhom jikkonsultaw lir-riċevituri tas-servizzi affettwati direttament, inkluż iċ-ċittadini, jew ir-rappreżentanti tagħhom. Dik il-konsultazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà ta’ dawn is-servizzi.

    5.   Sat-12 ta’ Jannar 2025, il-Bord għandu jadotta il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 15(5), il-punt (a).

    Artikolu 4

    Il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà bejn l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku

    1.   Entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu disponibbli għal kwalunkwe entità jew korp tas-settur pubbliku oħra tal-Unjoni li jitolbuha soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li tappoġġa servizz pubbliku diġitali trans-Ewropew, inkluż id-dokumentazzjoni teknika, u fejn applikabbli, l-istorja tal-verżjoni, il-kodiċi tas-sors dokumentat u r-referenzi għal standards miftuħa jew speċifikazzjonijiet tekniċi użati.

    L-obbligu ta’ kondiviżjoni ma għandu japplika għall-ebda waħda mis-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li ġejjin, jiġifieri dawk:

    (a)

    li jappoġġaw proċessi li jaqgħu barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-entità tal-Unjoni jew tal-korp tas-settur pubbliku kkonċernati kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħrajn, jew, fin-nuqqas ta’ tali regoli, kif definit f’konformità mal-prattika amministrattiva komuni fl-entitajiet tal-Unjoni jew fl-Istat Membru inkwistjoni, dment li l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami;

    (b)

    li għalihom partijiet terzi għandhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirrestrinġu l-possibbiltà tat-tqassim tas-soluzzjoni għall-użu mill-ġdid;

    (c)

    li l-aċċess għalihom ikun eskluż jew ristrett għal raġunijiet ta’:

    (i)

    informazzjoni kritika sensittiva relatata mal-protezzjoni tal-infrastruttura kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (18);

    (ii)

    il-protezzjoni tal-interessi tad-difiża, jew tas-sigurtà pubblika, inkluż l-infrastruttura kritika nazzjonali.

    2.   Sabiex l-entità ta’ użu mill-ġdid tkun tista’ tiġġestixxi s-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà b’mod awtonomu, l-entità ta’ kondiviżjoni għandha tispeċifika kwalunkwe kundizzjoni li tapplika għall-użu mill-ġdid tas-soluzzjoni, inkluż kwalunkwe garanzija pprovduta lill-entità ta’ użu mill-ġdid fir-rigward ta’ kooperazzjoni, appoġġ u manutenzjoni. Tali kundizzjonijiet jistgħu jinkludu l-esklużjoni tar-responsabbiltà tal-entità tal-kondiviżjoni fil-każ ta’ użu ħażin tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà mill-entità ta’ użu mill-ġdid. Qabel ma tadotta s-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà, l-entità ta’ użu mill-ġdid għandha, wara talba, tipprovdi lill-entità ta’ kondiviżjoni valutazzjoni tas-soluzzjoni li tkopri l-kapaċità tagħha li tiġġestixxi b’mod awtonomu ċ-ċibersigurtà u l-evoluzzjoni tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li tkun qed tintuża mill-ġdid.

    3.   L-obbligu fil-paragrafu 1 jista’ jiġi ssodisfat billi jiġi ppubblikat il-kontenut rilevanti fuq il-portal Ewropa Interoperabbli jew portal, katalgu jew repożitorju konness mal-portal Ewropa Interoperabbli. F’dak il-każ, il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-entità ta’ kondiviżjoni. Fuq it-talba tal-entità tal-kondiviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kontenut rilevanti fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    4.   Entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku jew parti terza li tuża mill-ġdid soluzzjoni ta’ interoperabbiltà tista’ tadattaha għall-ħtiġijiet tagħha stess, sakemm id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma minn parti terza ma jirrestrinġux l-adattament tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà. Jekk is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà hija ippubblikata skont il-paragrafu 3, is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà adattata għandha tiġi ppubblikata bl-istess mod.

    5.   L-entitajiet kondividenti u li jużaw mill-ġdid jistgħu jikkonkludu ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet għal żviluppi futuri tas-soluzzjoni tal-interoperabbiltà.

    6.   Meta jiddeċiedu dwar l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, l-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jipprijoritizzaw l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li ma jkollhomx termini restrittivi ta’ liċenzjar, bħal soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ, meta tali soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà huma ekwivalenti f’termini ta’ funzjonalitajiet, il-kost totali, iċ-ċentralità tal-utent, iċ-ċibersigurtà jew kriterji oġġettivi rilevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ fl-identifikazzjoni ta’ tali soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, kif previst fl-Artikolu 9.

    7.   Il-Bord għandu jadotta linji gwida dwar il-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà.

    Kapitolu 2

    Faċilitaturi tal-Interoperabbiltà Ewropea

    Artikolu 5

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli u EIF fuq il-portal Ewropa Interoperabbli, b’mezzi elettroniċi, f’formati li jkunu miftuħa, li jinqraw mill-magni, aċċessibbli, għal persuni b’diżabilità f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 (19) u (UE) 2019/882 (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistgħu jinstabu u li jistgħu jerġgħu jintużaw, jekk applikabbli, flimkien mal-kodiċi tas-sors dokumentat u mal-metadata tagħhom. Il-verżjonijiet tradotti b’mod awtomatiku tas-soluzzjonijiet tal-Ewropa Interoperabbli għandhom jiġu ppubblikati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Il-Bord għandu jimmonitorja l-koerenza ġenerali tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rakkomandati, u jipproponi miżuri biex, fejn xieraq, jiżgura l-kompatibbiltà tagħhom ma’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà oħrajn li għandhom skop komuni, filwaqt li jappoġġa, fejn rilevanti, il-komplementarjetà ma’ teknoloġiji ġodda jew it-tranżizzjoni lejhom.

    Artikolu 6

    Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà

    1.   Il-Bord għandu jiżviluppa Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF). Għandu jissottometti l-EIF lill-Kummissjoni għall-adozzjoni.. F’każ li l-Kummissjoni tadotta l-EIF, hi għandha tippubblika l-EIF f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-EIF għandu jipprovdi mudell u sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-interoperabbiltà legali, organizzazzjonali, semantika u teknika, kif ukoll għall- governanza tagħha, li jkunu indirizzati lill-entitajiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bl-għan li jiġu ffaċilitati l-interazzjonijiet ma’ xulxin permezz tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom. L-EIF għandu jitqies fil-valutazzjoni tal-interoperabbiltà imsemmija fl-Artikolu 3 u fl-Anness.

    3.   Wara li tikkonsulta mal-Bord, il-Kummissjoni tista’ tadotta oqfsa oħra għall-interoperabbiltà (“oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà”) li jimmiraw lejn il-ħtiġijiet ta’ setturi jew livelli amministrattivi speċifiċi. L-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà għandhom ikunu bbażati fuq l-EIF. Il-Bord għandu jivvaluta l-allinjament tal-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà mal-EIF. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    4.   Meta Stat Membru jiżviluppa qafas nazzjonali għall-interoperabbiltà, u politiki, strateġiji jew linji gwida nazzjonali rilevanti oħrajn, huwa għandu jqis bis-sħiħ l-EIF.

    Artikolu 7

    Soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli

    1.   Il-Bord għandu jirrakkomanda soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Meta il-Bord jagħmel tali rakkomandazzjoni, dik is-soluzzjoni għandha jkollha t-tikketta “soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli” u għandha tiġi ppubblikata fuq il-portal Ewropa Interoperabbli, filwaqt li tagħmel distinzjoni ċara bejn soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli u soluzzjonijiet oħra. Meta il-Bord jirtira r-rakkomandazzjoni tiegħu, it-tikketta “soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli” għandha titneħħa u, fejn meħtieġ, is-soluzzjoni għandha titħassar mill-portal Ewropa Interoperabbli

    2.   Is-soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli għandhom jaderixxu mal-prinċipji tat-trasparenza u tal-użu mill-ġdid u għandhom jissodisfaw il-kriterji imsemmija fl-Artikolu 15(5), il-punt (i)..

    Artikolu 8

    Portal Ewropa Interoperabbli

    1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi portal bħala punt uniku ta’ dħul għall-informazzjoni relatata mal-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej (“il-portal Ewropa Interoperabbli”). Il-portal Ewropa Interoperabbli għandu jkun aċċessibbli b’mod elettroniku għaċ-ċittadini kollha, inkluż il-persuni b’diżabilità, u dan l-aċċess għandu jkun mingħajr ħlas. Il-portal Ewropa Interoperabbli għandu jkollu tal-inqas il-funzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-għoti ta’ aċċess għal soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, b’mod faċli għall-utent, u mill-inqas li jistgħu jiġu mfittxija għal kull Stat Membru u għal kull servizz pubbliku;

    (b)

    l-għoti ta’ aċċess għal soluzzjonijiet oħra ta’ interoperabbiltà li ma jkollhomx it-tikketta “Soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli”, bħal dawk:

    (i)

    kondiviżi skont l-Artikolu 4(3);

    (ii)

    previsti skont politiki oħra tal-Unjoni;

    (iii)

    ippubblikati fuq portali, katalogi jew repożitorji oħra konnessi mal-portal Ewropa Interoperabbli.

    (c)

    l-għoti ta’ aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

    (d)

    l-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji ta’ interoperabbiltà msemmija fl-Artikoli 11 u 12, meta jkun ġie identifikat xi riskju kbir għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll aċċess għal informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ rispons biex jittaffa minnufih dak ir-riskju, inkluż, fejn xieraq, żvelar tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data;

    (e)

    it-trawwim tal-iskambju tal-għarfien bejn il-membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, imsemmi fl-Artikolu 16, bħad-disponibbiltà ta’ sistema ta’ feedback biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar miżuri proposti mill-Bord jew għall-espressjonijiet ta’ interess li jipparteċipaw f’azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

    (f)

    l-elenkar tal-aħjar prattiki u l-kondiviżjoni tal-għarfien li jappoġġaw l-interoperabbiltà inkluż fejn xieraq gwida dwar l-akkwist pubbliku, iċ-ċibersigurtà, l-integrazzjoni tal-IT u l-governanza tad-data;

    (g)

    l-għoti ta’ aċċess għad-data li tirriżulta minn monitoraġġ relatat mal-interoperabbiltà mwettaq skont l-Artikolu 20;

    (h)

    il-possibbiltà li ċ-ċittadini, in-negozji, b’mod partikolari l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu feedback dwar il-kontenut ippubblikat.

    2.   Il-Bord jista’ jipproponi li il-Kummissjoni tippubblika soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà oħrajn fuq il-portal Ewropa Interoperabbli jew li tagħmel referenza għalihom fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    3.   Is-soluzzjonijiet aċċessibbli permezz tal-portal Ewropa Interoperabbli għandhom:

    (a)

    ma jkunux soġġetti għal drittijiet ta’ partijiet terzi li jipprevjenu d-distribuzzjoni u l-użu tagħhom;

    (b)

    ma jkunx fihom data personali jew informazzjoni kunfidenzjali;

    (c)

    ikollhom livell għoli ta’ allinjament mas-soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli li jista’ jintwera billi jiġi ppubblikat l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 3 u fl-Anness;

    (d)

    jużaw liċenzja li tippermetti tal-inqas l-użu mill-ġdid tas-soluzzjoni minn entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku oħrajn jew jinħarġu bħala sors miftuħ;

    (e)

    jinżammu regolarment taħt ir-responsabbiltà tas-sid tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà.

    4.   Meta entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku tipprovdi portal, katalgu jew repożitorju b’funzjonijiet simili, din għandha tieħu l-miżuri meħtieġa u proporzjonati sabiex tiżgura l-interoperabbiltà mal-portal Ewropa Interoperabbli. Meta dawn il-portali jiġbru soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ, dawn għandhom jippermettu l-użu tal-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar l-interoperabbiltà għal portali, katalgi jew repożitorji b’funzjonijiet simili bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 4.

    Kapitolu 3

    Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli

    Artikolu 9

    Proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika

    1.   Il-Bord jista’ jipproponi li il-Kummissjoni tistabbilixxi proġetti li jappoġġaw lill-korpi tas-settur pubbliku fl-implimentazzjoni diġitali tal-politiki tal-Unjoni li jiżguraw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej (“proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika”).

    2.   Il-proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika għandu jistabbilixxi:

    (a)

    is-soluzzjonijiet eżistenti għal Ewropa Interoperabbli li huma meqjusin bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni diġitali tar-rekwiżiti ta’ politika;

    (b)

    kwalunkwe soluzzjoni ta’ interoperabbiltà nieqsa li għandha tiġi żviluppata li hija meqjusa bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni diġitali tar-rekwiżiti ta’ politika;

    (c)

    miżuri oħra ta’ appoġġ rakkomandati, bħal taħriġ, il-kondiviżjoni ta’ għarfien espert jew rieżamijiet bejn il-pari, kif ukoll opportunitajiet ta’ appoġġ finanzjarju biex jassistu l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà.

    3.   Wara li tikkonsulta mal-Bord, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ambitu, l-iskeda ta’ żmien, l-involviment meħtieġ tas-setturi partikolari u l-livelli amministrattivi, u l-metodi ta’ ħidma tal-proġett ta’ appoġġ. Meta il-Kummissjoni tkun diġà wettqet u ppubblikat valutazzjoni tal-interoperabbiltà, skont l-Artikolu 3, għandu jitqies l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni meta jiġi stabbilit il-proġett ta’ appoġġ.

    4.   Sabiex jissaħħaħ il-proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika, il-Bord jista’ jipproponi li jiġi stabbilit ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 11.

    5.   L-eżitu ta’ proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika kif ukoll soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà żviluppati matul il-proġett għandhom ikunu disponibbli b’mod miftuħ u jiġu ppubblikati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    Artikolu 10

    Miżuri ta’ innovazzjoni

    1.   Il-Bord jista’ jipproponi li il-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri ta’ innovazzjoni sabiex tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà fl-Unjoni (miżuri ta’ innovazzjoni).

    2.   Il-miżuri ta’ innovazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet eżistenti jew ġodda għal Ewropa Interoperabbli u jistgħu jinvolvu atturi GovTech.

    3.   Sabiex jappoġġa l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ innovazzjoni, il-Bord jista’ jipproponi l-istabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju ta’ interoperabbiltà.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati mill-miżuri ta’ innovazzjoni disponibbli b’mod miftuħ fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    Artikolu 11

    Stabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà

    1.   L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għandhom jitħaddmu taħt ir-responsabbiltà tal-entitajiet tal-Unjoni jew tal-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti. Ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali minn korpi tas-settur pubbliku, għandhom jitħaddmu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data kif ukoll ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali, reġjonali jew lokali rilevanti oħra. Ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali mill-entitajiet tal-Unjoni għandhom jitħaddmu taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

    2.   L-istabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi li ġejjin:

    (a)

    it-trawwim tal-innovazzjoni u jiffaċilita l-iżvilupp u t-tnedija ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà diġitali għas-servizzi pubbliċi;

    (b)

    il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kompetenti u s-sinerġiji fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi;

    (c)

    il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ ekosistema Ewropea miftuħa tal-GovTech, inkluż il-kooperazzjoni ma’ SMEs, istituzzjonijiet edukattivi u tar-riċerka u negozji ġodda;

    (d)

    it-titjib tal-fehim tal-awtoritajiet dwar l-opportunitajiet jew l-ostakli għall-interoperabbiltà transfruntiera ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, inklużi ostakli legali;

    (e)

    il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp jew għall-aġġornament ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli;

    (f)

    il-kontribuzzjoni għal tagħlim regolatorju bbażat fuq l-evidenza;

    (g)

    it-titjib taċ-ċertezza tad-dritt u jikkontribwixxi għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet involuti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament u, meta xieraq, ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali.

    3.   Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida u kjarifiki, mingħajr preġudizzju għal liġi oħra tal-Unjoni.

    4.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, fuq talba konġunta minn mill-inqas tliet parteċipanti, għandha tawtorizza l-istabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Fejn xieraq, it-talba għandha tispeċifika informazzjoni bħal pereżempju l-iskop tal-ipproċessar tad-data personali, l-atturi involuti u r-rwoli tagħhom, il-kategoriji ta’ data personali kkonċernati u s-sorsi tagħhom u l-perjodu ta’ żamma previst. Il-konsultazzjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà jiġi stabbilit għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej minn entità waħda jew aktar tal-Unjoni, inkluż bil-parteċipazzjoni ta’ korpi tas-settur pubbliku, ma għandha tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni.

    Artikolu 12

    Parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà

    1.   L-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti għandhom jiżguraw li, sa fejn l-operazzjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali jew inkella taqa’ taħt il-kompetenza superviżorja ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali oħrajn li jipprovdu jew jappoġġaw l-aċċess għad-data, l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali l-oħrajn li huma assoċjati mal-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà. Kif xieraq, il-parteċipanti jistgħu jippermettu l-involviment fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà ta’ atturi oħrajn tal-GovTech bħal organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej tal-istandardizzazzjoni, korpi notifikati, laboratorji ta’ riċerka u ta’ esperimentazzjoni, ċentri ta’ innovazzjoni, u kumpaniji li jixtiequ jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, b’mod partikolari SMEs u negozji ġodda.

    2.   Il-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għandha tkun limitata għal perjodu li jkun xieraq għall-kumplessità u għall-iskala tal-proġett, li għandu, fi kwalunkwe każ, ma jaqbiżx sentejn mill-istabbiliment tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà. Jekk ikun meħtieġ, il-parteċipazzjoni tista’ tiġi estiża sa sena biex jintlaħaq l-iskop tal-ipproċessar.

    3.   Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà għandha tkun ibbażata fuq pjan speċifiku elaborat mill-parteċipanti u filwaqt li jitqies, kif applikabbli, il-parir ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħrajn jew tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-pjan għandu jkun fih tal-inqas dan li ġej:

    (a)

    deskrizzjoni tal-parteċipanti involuti u r-rwoli tagħhom, is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà prevista u l-iskop maħsub tagħha, u l-proċess rilevanti ta’ żvilupp, ittestjar u validazzjoni;

    (b)

    il-kwistjonijiet regolatorji speċifiċi involuti u l-gwida li hija mistennija mill-awtoritajiet li jwettqu s-superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà;

    (c)

    l-arranġamenti speċifiċi għal kollaborazzjoni bejn il-parteċipanti u l-awtoritajiet, kif ukoll kwalunkwe attur ieħor involut fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà;

    (d)

    mekkaniżmu ta’ ġestjoni u monitoraġġ tar-riskju sabiex jiġi identifikat, evitat u mmitigat kwalunkwe riskju;

    (e)

    l-istadji importanti ewlenin li jridu jitlestew mill-parteċipanti biex is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà titqies lesta biex titqiegħed fis-servizz;

    (f)

    rekwiżiti ta’ evalwazzjoni u rapportar u segwitu possibbli;

    (g)

    meta jkun strettament meħtieġ u proporzjonat li tiġi pproċessata data personali, ir-raġunijiet għal tali pproċessar, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali kkonċernata, l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalih tkun maħsuba d-data personali, il-kontrolluri u l-proċessuri involuti fl-ipproċessar u r-rwol tagħhom.

    4.   Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà ma għandhiex taffettwa s-setgħat superviżorji u korrettivi ta’ kwalunkwe awtorità li twettaq superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni.

    5.   Il-parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għandhom jibqgħu responsabbli skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli dwar ir-responsabbiltà għal kwalunkwe dannu kkawżat matul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà.

    6.   Id-data personali tista’ tiġi pproċessata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom tkun inġabret legalment inizjalment, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà tiġi żviluppata biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi pubbliċi fil-kuntest ta’ livell għoli ta’ effiċjenza u kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi;

    (b)

    id-data pproċessata hija limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-funzjonament tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li tkun ser tiġi żviluppata jew ittestjata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, u dak il-funzjonament ma jistax jinkiseb b’mod effettiv bl-ipproċessar ta’ data anonimizzata, sintetika jew mhux personali oħra;

    (c)

    ikun hemm mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ sabiex jiġi identifikat jekk jistax jinħoloq kwalunkwe riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1725, matul l-operat tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, kif ukoll mekkaniżmu ta’ rispons sabiex jittaffa minnufih dak ir-riskju u, fejn meħtieġ, jitwaqqaf l-ipproċessar;

    (d)

    kwalunkwe data personali li tkun ser tiġi pproċessata tkun f’ambjent tal-ipproċessar tad-data funzjonalment separat, iżolat u protett taħt il-kontroll tal-parteċipanti u persuni awtorizzati kif dovut biss ikollhom aċċess għal dik id-data;

    (e)

    kwalunkwe data personali pproċessata ma għandhiex tiġi trażmessa, trasferita jew aċċessata b’xi mod ieħor minn partijiet oħra li mhumiex parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, ħlief jekk dan l-iżvelar iseħħ f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 jew, meta applikabbli, ir-Regolament (UE) 2018/1725, u l-parteċipanti kollha jkunu qablu miegħu;

    (f)

    kwalunkwe pproċessar ta’ data personali ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif previst skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (g)

    kwalunkwe data personali pproċessata tkun protetta permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa u titħassar ladarba l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà tkun intemmet jew id-data personali tkun laħqet it-tmiem tal-perjodu taż-żamma tagħha;

    (h)

    il-logs tal-ipproċessar ta’ data personali jinżammu għat-tul tal-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali;

    (i)

    deskrizzjoni sħiħa u dettaljata tal-proċess u r-raġunament għat-taħriġ, għall-ittestjar u għall-validazzjoni tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà jinżammu flimkien mar-riżultati tal-ittestjar bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika u jingħaddew lill-Bord;

    (j)

    sommarju qasir tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà żviluppata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, l-objettivi tagħha u r-riżultati mistennija jitqiegħdu fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    7.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali li tistabbilixxi l-bażi għall-ipproċessar ta’ data personali li hija meħtieġa għall-fini tal-iżvilupp, l-ittestjar u t-taħriġ ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-interoperabbiltà jew ta’ kwalunkwe bażi ġuridika oħra, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

    8.   Il-parteċipanti għandhom jissottomettu rapporti perjodiċi u rapport finali lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati mill-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà, inkluż prattiki tajbin, it-tagħlimiet meħuda, miżuri ta’ sikurezza rakkomandazzjonijiet dwar l-operazzjoni tagħhom u, fejn rilevanti, dwar l-iżvilupp ta’ dan ir-Regolament u ta’ liġi oħra tal-Unjoni taħt superviżjoni fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà. Il-Bord għandu joħroġ opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, li tispeċifika, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati soluzzjonijiet ġodda tal-interoperabbiltà sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.

    9.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà ssir disponibbli fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    10.   Sat-12 ta’ April 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu ir-regoli dettaljati u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għat-tħaddim tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà, inkluż il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura għall-applikazzjoni, għall-għażla tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għall-parteċipazzjoni fih u għall-ħruġ minnu, u d-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

    Artikolu 13

    Taħriġ

    1.   Il-Kummissjoni, assistita mill-Bord, għandha tipprovdi materjal ta’ taħriġ dwar l-użu tal-EIF u dwar soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, inklużi soluzzjonijiet li huma mingħajr ħlas u ta’ sors miftuħ. L-entitajiet tal-Unjoni u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jipprovdu lill-persunal tagħhom inkarigat b’kompiti strateġiċi jew operazzjonali li jkollhom impatt fuq is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej bi programmi ta’ taħriġ xierqa dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà.

    2.   Il-Kummissjoni għandha torganizza korsijiet ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà fil-livell tal-Unjoni sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-persunal tal-entitajiet tal-Unjoni u korpi tas-settur pubbliku, immirati lejn impjegati tas-settur pubbliku b’mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-korsijiet ta’ taħriġ aċċessibbli għall-pubbliku online, mingħajr ħlas.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-iżvilupp ta’ programm ta’ ċertifikazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà biex tippromwovi l-aħjar prattiki, il-kwalifiki tar-riżorsi umani u kultura ta’ eċċellenza.

    Artikolu 14

    Evalwazzjonijiet bejn il-pari

    1.   Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu volontarju għal evalwazzjoni bejn il-pari għall-fini li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku mfassal biex jappoġġahom fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli biex jappoġġa s-servizzi diġitali pubbliċi trans-Ewropej u biex jgħinhom iwettqu valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 3.

    2.   Għandu jitwettaq rieżami bejn il-pari minn esperti tal-interoperabbiltà meħuda minn Stati Membri għajr l-Istat Membru fejn jinsab il-korp tas-settur pubbliku li jkun qiegħed isirlu r-rieżami bejn il-pari.

    3.   Kwalunkwe informazzjoni miksuba permezz ta’ rieżami bejn il-pari għandha tintuża biss għall-iskop ta’ rieżami bejn il-pari. L-esperti tal-interoperabbiltà li jipparteċipaw fir-rieżami bejn il-pari ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali miksuba matul dak ir-rieżami bejn il-pari lil partijiet terzi. L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li kwalunkwe riskju ta’ kunflitt ta’ interess li jikkonċerna l-esperti tal-interoperabbiltà maħtura jiġi kkomunikat lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

    4.   L-esperti tal-interoperabbiltà li jwettqu r-rieżami bejn il-pari għandhom iħejju rapport u jippreżentawh fi żmien xahar mill-finalizzazzjoni tar-rieżami bejn il-pari t u jissottomettuh lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat u lill-Bord. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport fuq il-portal Ewropa Interoperabbli meta jkunu awtorizzati mill-Istat Membru fejn ikun jinsab il-korp tas-settur pubbliku li jkun qiegħed isirlu r-rieżami bejn il-pari.

    5.   Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta linji gwida dwar il-metodoloġija u l-kontenut tar-reviżjoni bejn il-pari.

    Kapitolu 4

    Governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera

    Artikolu 15

    Bord għal Ewropa Interoperabbli

    1.   Huwa b’dan stabbilit il-Bord għal Ewropa Interoperabbli (il-“Bord”). Għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u tipprovdi pariri dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant ieħor mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà għandhom jaħtru kull wieħed espert wieħed li għandu jiġi mistieden jipparteċipa bħala osservatur.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tippresiedi fuq il-Bord. Il-President jista’ jagħti status ta’ osservatur fil-Bord lil esperti maħtura minn entitajiet, reġjuni, organizzazzjonijiet u pajjiżi kandidati tal-Unjoni. Fuq bażi ad hoc, il-President jista’ jistieden lil esperti b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord.

    Il-membri tal-Bord għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw id-deċiżjonijiet b’kunsens. F’każ ta’ votazzjoni, l-eżitu tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti. Il-membri li jkunu vvutaw kontra proposta jew astjenew għandu jkollhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, mar-rakkomandazzjonijiet jew mar-rapporti.

    5.   Il-Bord għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    li jadotta linji gwida fir-rigward tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 3(5), u l-lista ta’ kontroll komuni stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, u, jekk meħtieġ, aġġornament ta’ dawk il-linji gwida;

    (b)

    li janalizza l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 3(2), u li jipprovdi, fuq dik il-bażi, suġġerimenti biex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej;

    (c)

    li jadotta linji gwida dwar il-kondiviżjoni tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 4;

    (d)

    li jipproponi miżuri sabiex irawwem il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà;

    (e)

    li jiżviluppa l-EIF u li jaġġornah, jekk ikun meħtieġ, u li jipproponih lill-Kummissjoni;

    (f)

    li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-oqfsa tal-interoperabbiltà tal-Istati Membri u tal-entitajiet -Unjoni u politiki, strateġiji jew linji gwida nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti oħra, inkluż il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” u l-approċċ ta’ “interoperabbiltà skont id-disinn”;

    (g)

    li jivvaluta l-allinjament tal-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà mal-EIF u li jwieġeb għat-talba ta’ konsultazzjoni mill-Kummissjoni dwar dawk l-oqfsa;

    (h)

    li jadotta l-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli msemmija fl-Artikolu 19;

    (i)

    li jirrakkomanda soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli u li jirtira tali rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ kriterji miftiehma;

    (j)

    li jimmonitorja l-koerenza ġenerali tas-soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà rakkomandati, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż l-informazzjoni dwar il-metadata u l-kategorizzazzjoni tagħhom;

    (k)

    li jipproponi lill-Kummissjoni miżuri sabiex tiżgura, fejn xieraq, il-kompatibbiltà ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ma’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà oħrajn bi skop komuni, filwaqt li jappoġġa, fejn rilevanti, il-komplementarjetà ma’ teknoloġiji ġodda jew it-tranżizzjoni lejhom;

    (l)

    li jipproponi li l-Kummissjoni tippubblika s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 8(2) jew li dawk is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jissemmew fuq il-portal Ewropa Interoperabbli;

    (m)

    li jipproponi lill-Kummissjoni l-istabbiliment ta’ proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika, miżuri ta’ innovazzjoni u miżuri rilevanti oħra, inkluż appoġġ għall-finanzjament;

    (n)

    li jidentifika l-aħjar prattiki għall-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-akkwist pubbliku u sejħiet għall-offerti;

    (o)

    li jirrieżamina r-rapporti mill-miżuri ta’ innovazzjoni, dwar l-użu tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà u dwar rieżami bejn il-pari u li jipproponi miżuri ta’ segwitu, jekk ikunu meħtieġa;

    (p)

    li jipproponi miżuri biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ interoperabbiltà tal-korpi tas-settur pubbliku, bħat-taħriġ;

    (q)

    li jipproponi miżuri lill-organizzazzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni sabiex jikkontribwixxi għall-attivitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

    (r)

    li jipproponi miżuri għall-kollaborazzjoni ma’ korpi internazzjonali u ma’ istituzzjonijiet edukattivi u tar-riċerka li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà, speċjalment il-komunitajiet internazzjonali dwar soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ, standards miftuħa jew speċifikazzjonijiet tekniċi u pjattaformi oħrajn;

    (s)

    li jikkoordina mal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, imsemmi fir-Regolament (UE) 2022/868 dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-Ispazji komuni Ewropej tad-Data, kif ukoll ma’ kwalunkwe entità oħra tal-Unjoni li taħdem fuq soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rilevanti għas-settur pubbliku;

    (t)

    li jinforma regolarment u jikkoordina mal-koordinaturi tal-interoperabbiltà imsemmija fl-Artikolu 18 u, fejn rilevanti, mal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej, inkluż proġetti u networks rilevanti ffinanzjati mill-Unjoni.

    (u)

    li jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u r-rapportar dwarha

    (v)

    li jipprovdi lill-Kummissjoni f’ħin opportun l-input u d-data meħtieġa għat-twassil effettiv tar-rapporti f’konformità mal-Artikolu 20.

    6.   Il-Bord jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma sabiex jeżaminaw punti speċifiċi relatati mal-kompiti tal-Bord. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jinvolvu membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.

    7.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 16

    Komunità għal Ewropa Interoperabbli

    1.   Komunità għal Ewropa Interoperabbli għandha, meta tintalab mill-Bord, tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord billi tipprovdi għarfien espert u pariri,.

    2.   Il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kontributuri akkademiċi li jirrisjedu jew li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru jistgħu jirreġistraw fuq il-portal Ewropa Interoperabbli bħala membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.

    3.   Wara l-konferma tar-reġistrazzjoni, l-istatus ta’ sħubija għandu jiġi ppubblikat fuq il-portal Ewropa Interoperabbli. Is-sħubija ma għandhiex tkun limitata fiż-żmien. Madankollu, din tista’ tiġi revokata mill-Bord fi kwalunkwe ħin għal raġunijiet proporzjonati u ġustifikati, speċjalment jekk membru ma tkunx għadha tista’ tikkontribwixxi għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jew tkun abbużat mill-istatus tagħha bħala membru tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.

    4.   Il-membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jistgħu jiġu mistiedna biex fost oħrajn:

    (a)

    jikkontribwixxu għall-kontenut tal-portal Ewropa Interoperabbli;

    (b)

    jipprovdu għarfien espert fir-rigward tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà;

    (c)

    jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma u f’attivitajiet oħra;

    (d)

    jipparteċipaw fil-miżuri ta’ appoġġ previsti fl-Artikoli 9 sa 14;

    (e)

    jippromwovu l-użu ta’ standards u oqfsa ta’ interoperabbiltà.

    5.   Il-Bord għandu jorganizza assemblea online annwali tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.

    6.   Il-Bord għandu jadotta l-kodiċi ta’ kondotta għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli. Il-kodiċi ta’ kondotta għandu jiġi ppubblikat fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

    Artikolu 17

    Awtoritajiet nazzjonali kompetenti u punti uniċi ta’ kuntatt

    1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jaħtru punt uniku ta’ kuntatt minn fost l-awtoritajiet kompetenti. tagħhom

    2.   Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    li jikkoordina fi ħdan l-Istat Membru fir-rigward tal-mistoqsijiet kollha relatati ma’ dan ir-Regolament;

    (b)

    li jappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku fl-Istat Membru sabiex jistabbilixxu jew jadattaw il-proċessi li bihom iwettqu valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 3 u fl-Anness;

    (c)

    li irawwem il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà permezz tal-portal Ewropa Interoperabbli jew portal rilevanti ieħor;

    (d)

    li jikkontribwixxi għarfien speċifiku għall-pajjiż għall-portal Ewropa Interoperabbli;

    (e)

    li jikkoordina u jħeġġeġ l-involviment attiv ta’ firxa diversa ta’ entitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fi proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika u l-miżuri ta’ innovazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 sa 14;

    (f)

    li jappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku fl-Istat Membru biex jikkooperaw mal-korpi rilevanti tas-settur pubbliku fi Stati Membri oħrajn dwar suġġetti koperti minn dan ir-Regolament.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom kompetenzi u riżorsi adegwati biex iwettqu, b’mod effettiv u effiċjenti, il-kompiti assenjati lilhom.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-istrutturi ta’ kooperazzjoni meħtieġa bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-istrutturi jistgħu jibnu fuq mandati u proċessi eżistenti fil-qasam.

    5.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien mhux dovut, il-ħatra ta’ punt uniku ta’ kuntatt u kwalunkwe bidla sussegwenti fiha u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar awtoritajiet nazzjonali oħrajn involuti fis-sorveljanza tal-politika tal-interoperabbiltà. Kull Stat Membru għandu jippubblika l-ħatra tal-punt uniku ta’ kuntatt tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-punti uniċi ta’ kuntatt maħtura.

    Artikolu 18

    Koordinaturi tal-interoperabbiltà għal entitajiet tal-Unjoni

    Kull entità tal-Unjoni li tirregola, tipprovdi jew tiġġestixxi s-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej għandha taħtar koordinatur tal-interoperabbiltà taħt is-sorveljanza tal-ogħla livell ta’ ġestjoni tiegħu biex tiżgura il-kontribut ta’ dik l-entità tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Il-koordinatur tal-interoperabbiltà għandu jipprovdi appoġġ lill-entità tal-Unjoni kollha fir-rigward tal-istabbiliment jew l-adattazzjoni ta’proċessi interni biex jimplimentaw il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà.

    Kapitolu 5

    Ippjanar u monitoraġġ tal-Ewropa Interoperabbli

    Artikolu 19

    Aġenda għal Ewropa Interoperabbli

    1.   Wara l-organizzazzjoni ta’ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika permezz tal-portal Ewropa Interoperabbli li jinvolvi, fost l-oħrajn, il-membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli u l-koordinaturi tal-interoperabbiltà, il-Bord għandu jadotta kull sena aġenda strateġika biex biha jippjana u jikkoordina prijoritajiet għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera ta’ servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej (l-“Aġenda għal Ewropa Interoperabbli”). L-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli għandha tqis l-istrateġiji fit-tul tal-Unjoni għad-diġitalizzazzjoni, il-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni u l-implimentazzjoni kontinwa tal-politika tal-Unjoni.

    2.   L-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli għandu jkun fiha:

    (a)

    valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà;

    (b)

    lista ta’ miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli fis-seħħ u ppjanati;

    (c)

    lista ta’ azzjonijiet ta’ segwitu proposti għal miżuri ta’ innovazzjoni inkluż azzjonijiet b’appoġġ għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà b’sors miftuħ;

    (d)

    l-identifikazzjoni ta’ sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi rilevanti oħrajn tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

    (e)

    indikazzjonijiet tal-opportunitajiet finanzjarji disponibbli b’appoġġ għall-prijoritajiet inklużi.

    3.   L-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli ma għandhiex timponii obbligi finanzjarji jew piż amministrattiv ulterjuri. Wara l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli fuq il-portal Ewropa Interoperabbli u għandha tipprovdi aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha.

    Artikolu 20

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress tal-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej biex tappoġġa t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u l-azzjonijiet meħtieġa fl-Unjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-monitoraġġ għandu jagħti prijorità lill-użu mill-ġdid tad-data ta’ monitoraġġ tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali eżistenti u lill-ġbir awtomatizzat tad-data. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Bord fit-tħejjija tal-metodoloġija, l-indikaturi u l-proċess relatati mal-monitoraġġ.

    2.   Fir-rigward ta’ suġġetti ta’ interess speċifiku għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha timmonitorja:

    (a)

    il-progress fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej fl-Unjoni;

    (b)

    il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-EIF mill-Istati Membri;

    (c)

    l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għal servizzi pubbliċi differenti madwar l-Istati Membri;

    (d)

    l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ta’ sors miftuħ għas-servizzi pubbliċi, l-innovazzjoni tas-settur pubbliku u l-kooperazzjoni mal-atturi tal-GovTech, inkluż l-SMEs u n-negozji ġodda, fil-qasam tas-servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntiera li jkunu ser jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku fl-Unjoni;

    (e)

    it-titjib tal-ħiliet fl-interoperabbiltà tas-settur pubbliku.

    3.   Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fuq il-portal Ewropa Interoperabbli. Meta jkun fattibbli, dawn għandhom jiġu ppubblikati f’format li jinqara mill-magni.

    4.   Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissottometti u tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-interoperabbiltà fl-Unjoni. Dak ir-rapport għandu:

    (a)

    jiddeskrivi l-progress fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej fl-Unjoni;

    (b)

    jidentifika ostakli sinifikanti għall-implimentazzjoni kif ukoll xprunaturi lejn servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntiera fl-Unjoni;

    (c)

    jiddeskrivi r-riżultati miksuba maż-żmien f’termini tal-implimentazzjoni tal-EIF, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, it-titjib tal-ħiliet tal-interoperabbiltà, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà b’sors miftuħ għas-servizzi pubbliċi, u ż-żieda fl-innovazzjoni tas-settur pubbliku u l-kooperazzjoni mal-atturi GovTech.

    5.   Sat-12 ta’ Jannar 2028, u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandu jinkludi konklużjonijiet tal-evalwazzjoni. Ir-rapport għandu jivvaluta speċifikament jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet obbligatorji ta’ interoperabbiltà.

    6.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jivvaluta b’mod partikolari:

    (a)

    l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-interoperabbiltà transfruntiera bħala faċilitatur għal servizzi pubbliċi diġitali mingħajr xkiel u aċċessibbli fl-Unjoni;

    (b)

    l-effiċjenza akbar, inkluż bit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-proċessi ta’ tranżazzjoni online li jirriżulta mill-interoperabbiltà transfruntiera, fuq iċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari fuq l-SMEs u n-negozji ġodda;

    (c)

    il-ħtieġa għal kwalunkwe politika, miżura jew azzjoni addizzjonali li huma meħtieġa fil-livell tal-Unjoni.

    7.   Fejn iż-żmien tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 4 u 5 jikkoinċidu, il-Kummissjoni tista’ tgħaqqad iż-żewġ rapporti.

    Kapitolu 6

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 21

    Kostijiet

    1.   Soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jkopri l-kostijiet ta’:

    (a)

    l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-portal Ewropa Interoperabbli;

    (b)

    l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli;

    (c)

    il-miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli.

    2.   Il-kostijiet msemmija fil-paragrafu 1għandhom jiġu ssodisfati b’mod li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-att bażiku rilevanti.

    Artikolu 22

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Huwa għandu japplika mit-12 ta’ Lulju 2024,

    Madankollu l-Artikoli 3(1) sa (4) u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw mit-12 ta’ Jannar 2025.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 28.

    (2)   ĠU C 257, 21.7.2023, p. 28.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2024.

    (4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (6)   ĠU C 23, 23.1.2023, p. 1.

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (9)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (11)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (13)   ĠU C 60, 17.2.2023, p. 17.

    (14)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

    (15)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).

    (17)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

    (18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

    (19)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

    (20)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).


    ANNESS

    LISTA TA’ KONTROLL KOMUNI GĦAR-RAPPORTI TAL- VALUTAZZJONIJIET TAL-INTEROPERABBILTÀ

    Il-punti li ġejjin għandhom ikunu inklużi fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 3(2).

    1.

    Informazzjoni ġenerali

    Entità tal-Unjoni jew korp tas-settur pubbliku li jipprovdi r-rapport u informazzjoni rilevanti oħra

    Inizjattiva, proġett jew azzjoni kkonċernata

    2.

    Rekwiżiti

    Servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej ikkonċernati

    Rekwiżiti vinkolanti vvalutati

    Partijiet ikkonċernati pubbliċi jew privati affettwati

    Effetti identifikati fuq l-interoperabbiltà transfruntiera

    3.

    Riżultati

    Soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli identifikati għall-użu

    Soluzzjoni ta’ interoperabbiltà rilevanti oħra, fejn applikabbli, inkluż interfaċċi minn magna għal magna

    Ostakli li fadal għall-interoperabbiltà transfruntiera


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top