Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0898

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/898 tat-18 ta’ Marzu 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    ST/5748/2024/INIT

    ĠU L, 2024/898, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/898/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/898/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/898

    19.3.2024

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/898

    tat-18 ta’ Marzu 2024

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/882 tat-18 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta' Jannar 2003 (2) dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja jirrestrinġi l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja. Huwa jirrestrinġi wkoll il-provvista lis-Somalja ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għall-manifattura ta’ apparati splussivi improvviżati (“IEDs”).

    (2)

    Fl-1 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2713 (2023). Dik ir-Riżoluzzjoni stabbiliet embargo ġenerali u sħiħ fuq il-kunsinni kollha ta’ armi u tagħmir militari lil Al-Shabaab fis-Somalja, tat isem ġdid lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, introduċiet bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi u l-finanzjament, l-assistenza finanzjarja u l-assistenza teknika relatati maħsuba għal ċerti riċevituri fis-Somalja, u aġġustat il-projbizzjoni fuq il-komponenti tal-IEDs.

    (3)

    Fl-1 ta’ Diċembru 2023, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni (KSNU) 2714 (2023). Dik ir-Riżoluzzjoni neħħiet l-embargo fuq l-armi fuq ir-Repubblika Federali tas-Somalja stabbilita preċedentement taħt ir-Riżoluzzjoni 733 (1992) tal-KSNU.

    (4)

    Fit-18 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/882, li emendat id-Deċiżjoni 2010/231/PESK (3) f’konformità mal-UNSCR 2713 (2023) u UNSCR 2714 (2023).

    (5)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/882 emendat ukoll it-titolu tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK.

    (6)

    Uħud minn dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 147/2003 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    It-titolu tar-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa sostitwit bir-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja”;

    (2)

    Il-punt (c) tal-Artikolu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘(c)

    “Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont ir-riżoluzzjoni 2713 (2023) dwar Al-Shabaab;’;

    (3)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’, jew assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea maħsuba biss għall-appoġġ, jew l-użu minn:

    (a)

    il-Gvern tar-Repubblika Federali tas-Somalja (GFRS), l-Armata Nazzjonali Somala (SNA), l-Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISA), il-Forza tal-Pulizija Nazzjonali Somala (SNPF) u l-Korp ta’ Kustodja Somala;

    (b)

    il-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM) u l-Uffiċċju ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOS);

    (c)

    il-missjoni ta’ Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) u l-Pajjiżi li jikkontribwixxu għat-truppi u l-pulizija tagħha, kif ukoll is-sħab strateġiċi tagħha, li joperaw biss taħt l-aħħar Kunċett Strateġiku ta’ Operazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-ATMIS;

    (d)

    l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ appoġġ tal-Unjoni Ewropea, it-Turkija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukoll kwalunkwe forza oħra tal-Istat, bi ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew memorandum ta’ qbil mal-GFRS, dment li jinfurmaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ tali ftehimiet.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’, jew assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea maħsuba biss għall-appoġġ ta’, jew l-użu mill-Istati Membri Federali tas-Somalja u gvernijiet reġjonali jew lil kumpaniji privati tas-sigurtà liċenzjati li joperaw fis-Somalja dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fl-Anness IV, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun irċieva notifika mill-GFRS u ma jkunx oġġezzjona għal dik l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol;

    (b)

    fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fl-Anness V, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet irċieva notifika minn qabel mill-GFRS għal finijiet ta’ informazzjoni ħamest ijiem ta’ xogħol minn qabel.

    3.   In-notifiki skont il-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu:

    (a)

    id-dettalji tal-manifattur u l-fornitur tal-armi, il-munizzjon u t-tagħmir militari, inkluż it-tip, il-lott u n-numri tas-serje;

    (b)

    deskrizzjoni tal-armi u l-munizzjon inkluż it-tip, il-kalibru u l-kwantità;

    (c)

    id-data u l-post proposti għall-kunsinna; u

    (d)

    l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-unità intenzjonata għad-destinazzjoni, jew il-post intenzjonat għall-ħażna.

    4.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatata ma’:

    (a)

    il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Somalja mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rappreżentanti tal-media, kuntratturi privati tas-sigurtà jew ħaddiema u persunal assoċjat fl-ambitu umanitarju u fil-qasam tal-iżvilupp għall-użu personali tagħhom biss;

    (b)

    il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali minn Stati Membri, jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew subreġjonali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv;

    (c)

    id-dħul fil-portijiet Somali għal żjarat temporanji ta’ bastimenti li jġorru armi jew tagħmir militari għal finijiet difensivi, dment li tali oġġetti jibqgħu dejjem abbord dawk il-bastimenti.”

    ;

    (4)

    Fl-Artikolu 3c, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    ‘3.   Qabel ma jbigħ, jesporta, iforni jew jittrasferixxi kwalunkwe oġġett fl-Anness III lis-Somalja, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-GFRS għall-għarfien tiegħu. Għandu jinnotifika wkoll lill-GFRS u lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ xogħol wara li jseħħ il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment.

    4.   In-notifiki skont il-paragrafu 3 għandu jkun fihom l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż:

    (a)

    l-iskop tal-użu tal-oġġett(i);

    (b)

    l-utent aħħari;

    (c)

    l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

    (d)

    il-kwantità tal-oġġetti(i); u

    (e)

    il-post maħsub għall-ħżin tal-oġġett(i).’

    ;

    (5)

    L-Anness III huwa sostitwit skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (6)

    L-Anness IV huwa sostitwit skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

    (7)

    L-Anness V huwa sostitwit f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)   ĠU L, 2024/882, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/882/oj.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja (ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2).

    (3)   ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.


    ANNESS I

    L-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS III

    Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 3c

    1.

    Tagħmir u apparat, mhux speċifikat bil-partita 3 fl-Anness IV għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK (1), iddiżinjat apposta biex jinizja splussivi b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, (pereżempju, settijiet tal-isparar, detonaturi, tagħmir tat-tqabbid, ħabel detonanti).

    2.

    “Teknoloġija”“meħtieġa” għall-“produzzjoni” jew l-“użu” tal-oġġetti elenkati fil-paragrafi 1 u 3. (Id-definizzjonijiet tat-termini “teknoloġija”“meħtieġa”, “produzzjoni” u “użu” huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (2).)

    3.

    Materjali splussivi, kif ġej, u taħlitiet li jkun fihom xi wieħed jew aktar minn dawn:

    L-isem tas-sustanza

    Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (CAS RN)

    Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (3)

    Nitrogliċerina (ħlief meta ppakkjata/ippreparata f’dożi mediċinali individwali) sakemm ma tkunx komposta jew imħallta mal-“materjal enerġetiku” speċifikat minn ML8.a. jew ma’ metalli f’forma ta’ trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-UE

    55-63-0

    ex 2920 90 70

    Aċidu nitriku

    7697-37-2

    ex 2808

    Aċidu sulfuriku

    7664-93-9

    ex 2807


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17).

    (2)   ĠU C 72, 28.2.2023, p. 2.

    (3)  Il-kodiċijiet tan-nomenklatura jittieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1) u kif stipulat fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendati mil-leġiżlazzjoni sussegwenti.


    ANNESS II

    L-Anness IV huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS IV

    Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 3(2), il-punt (a)

    1.

    Missili mill-art għas-sema, inklużi s-Sistemi ta’ Difiża li Jinġarru mill-Bniedem kontra Attakki mill-Ajru (MANPADS).

    2.

    Armi b’kalibru akbar minn 12,7 mm, u komponenti ddisinjati apposta għalihom, u munizzjon assoċjat. (Dan ma jinkludix tagħmir li jispara r-rokits minn fuq l-ispallejn kontra t-tankijiet bħall-RPGs (granati bi propulsjoni ta’ rokit) jew l-LAWs (arma ħafifa ta’ kontra t-tankijiet), azzarin mingħajr imbuttatura wara l-isparatura, granati tal-azzarini, jew tagħmir li jwaddab il-granati.)

    3.

    Busijiet b’kalibru akbar minn 82 mm u munizzjon assoċjat.

    4.

    Armamenti ggwidati anti-tank, inklużi Missili Ggwidati Anti-tank (ATGMs) u munizzjon u komponenti speċjali ddisinjati għal dawk l-oġġetti.

    5.

    Kargi u apparat iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari; mini u materjal relatat; u l-fuses.

    6.

    Strumenti ta’ mira għall-armi b’kapaċità ta’ viżjoni billejl, inklużi dawk termali u infraħomor, u aċċessorji.

    7.

    Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi, bi ġwienaħ b’ġometrija varjabbli, rotor li jinklina jew bi ġwienaħ li jinklinaw, iddisinjati jew modifikati speċifikament għal użu militari.

    8.

    “Bastimenti” u vetturi amfibi ddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari. (“Bastiment” tinkludi kwalunkwe vapur, vettura b’effett tal-wiċċ, bastiment ta’ żona ta’ pjan tal-ilma żgħir jew aliskaf u l-buq jew parti tal-buq ta’ bastiment.)

    9.

    Vetturi tal-ajru għall-ġlied bla ekwipaġġ (elenkati bħala Kategorija IV fir-Reġistru tan-NU ta’ Armi Konvenzjonali).


    ANNESS III

    L-Anness V huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS V

    Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 3(2), il-punt (b)

    1.

    Kull tip ta’ arma b’kalibru sa 12,7 mm, u l-munizzjon assoċjat.

    2.

    RPG-7s (granati bi propulsjoni ta’ rokit Tip-7), LAWs (armi ħfief kontra t-tankijiet) u azzarin mingħajr imbuttatura wara l-isparatura, u munizzjon assoċjat.

    3.

    Strumenti ta’ mira għall-armi.

    4.

    Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ b’rotors jew ħelikopters iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari.

    5.

    Korazzi kontra l-balal jew ilbies protettiv, kif ġej: Korazzi kontra l-balal iebsa li jipprovdu protezzjoni ballistika sal-livell III jew aktar (NIJ 0101.06 ta’ Lulju 2008) jew l-ekwivalenti nazzjonali.

    6.

    Vetturi ta’ fuq l-art iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari.

    7.

    Tagħmir ta’ komunikazzjoni ddisinjat jew immodifikat speċifikament għall-użu militari.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/898/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top