Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0755

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/755 tad-29 ta’ Frar 2024 li testendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi)

    C/2024/1286

    ĠU L, 2024/755, 1.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/755/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/755/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/755

    1.3.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/755

    tad-29 ta’ Frar 2024

    li testendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ tagħmir irmunkat sa 3 mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta’ fond ta’ 50 m meta dak il-fond jintlaħaq ’il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

    (2)

    Meta tintalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tagħti permess li ssir deroga mill-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) ta’ dak ir-Regolament.

    (3)

    Il-Kummissjoni ingħatat deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) fl-ibħra territorjali Spanjoli tal-Gżejjer Baleariċi għall-ewwel darba sas-6 ta’ Diċembru 2016 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2013 (2). Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/662 (3), ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2019. Ingħatat estensjoni oħra ta’ dik id-deroga bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1243 (4), li skadiet fit-30 ta’ April 2023.

    (4)

    Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi emendat il-pjan ta’ ġestjoni tagħha fil-31 ta’ Mejju 2021 (5) u ppreżentat rapporti ta’ monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tiegħu f’Novembru 2021 kif ukoll f’Jannar u f’Ġunju 2023. Wara r-rapporti tal-STECF, Spanja talbet l-estensjoni tad-deroga f’Ottubru 2023.

    (5)

    Matul it-73 sessjoni plenarja tiegħu organizzata f’Lulju 2023, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta t-talba għall-estensjoni tad-deroga, id-data ta’ appoġġ u r-rapporti ta’ monitoraġġ (6). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-STECF tqiesu minn Spanja, li kkonfermat li d-data tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) se tintuża biex ikun magħruf b’mod aktar preċiż fejn isiru l-kalat, li osservaturi diġà ngħataw kuntratt għall-istaġuni tas-sajd li jmiss, u li hemm monitoraġġ perjodiku u permanenti tal-qigħan tal-Posidonia tal-Baleares (7).

    (6)

    Id-deroga li talbet Spanja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (7)

    B’mod partikolari, jeżistu limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-blata kontinentali u l-firxa limitata taż-żoni tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, billi l-ispeċi fil-mira hija limitata esklużivament għal ċerti żoni fiż-żoni kostali f’fond li jkun anqas minn 50 metru.

    (8)

    Barra minn hekk, il-pjan ta’ ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jkun hemm żieda fl-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lil 55 bastiment speċifikat, kull wieħed limitat għal 12-il metru fid-daqs u 198,5 kW f’potenza li diġà huma awtorizzati jistadu.

    (9)

    Is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, peress li t-tartaruni huma kalati fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar. Permezz tal-użu tal-ekosondi, is-sajd huwa selettiv ħafna bi ftit qabdiet aċċessorji. Barra minn hekk, il-qabdiet mhux mixtieqa jintelqu ħajjin immedjatament, u għandhom sopravvivenza għolja ħafna. It-tartaruni ma għandhomx fil-mira ċ-ċefalopodi.

    (10)

    Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, minħabba li t-tartaruni huma l-uniku rkaptu rregolat li huwa permess li jaqbad dawn it-tliet speċijiet fil-mira bi mġiba ta’ ġliba fl-ilmijiet kostali baxxi.

    (11)

    It-talba tikkonċerna attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati minn Spanja, għal bastimenti li huma rreġistrati fiċ-Ċensiment Nazzjonali tal-Flotta tas-Sajd Operazzjonali Spanjol u li għandhom esperjenza ta’ aktar minn 5 snin fis-sajd f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (12)

    Spanja awtorizzat deroga mill-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u l-fatt li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) ta’ dak ir-Regolament.

    (13)

    Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassru bir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 jipprovdi l-possibbiltà ta’ derogi mid-daqsijiet minimi tal-malji maħruġa fil-qafas tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u li kienu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019 biex ikomplu japplikaw abbażi tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/1241.

    (14)

    Il-Kummissjoni vvalutat din l-estensjoni tad-deroga mitluba minn Spanja u kkonkludiet li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/1241 u l-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX ta’ dak ir-Regolament. Din id-deroga ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari mil-lat ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ferħ tal-ħut. Għandha l-għan li tilħaq l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

    (15)

    Is-sajd ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-pjan ta’ ġestjoni jipprojbixxi s-sajd fuq il-Posidonia oceanica, il-maerl u l-ħabitats koralliġenużi.

    (16)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (9).

    (17)

    Is-sajd ikkonċernat jitwettaq f’distanza qasira ħafna mill-kosta u għalhekk ma jfixkilx l-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti oħra.

    (18)

    Is-sajd ikkonċernat huwa regolat fil-pjan ta’ ġestjoni adottat minn Spanja li jiżgura li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmijin fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi.

    (19)

    Il-pjan ta’ ġestjoni emendat fil-15 ta’ Diċembru 2023 (10) jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tas-sajd, f’konformità mal-Artikolu 13(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (20)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-deroga mitluba tingħata.

    (21)

    Spanja jenħtieġ li tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni.

    (22)

    F’każ li l-monitoraġġ tal-pjan ta’ ġestjoni jkun juri status ta’ konservazzjoni dgħajjef għall-istokk sfruttat, b’limitu fid-durata tad-deroga jkunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront, filwaqt li jkun hemm lok li tissaħħaħ il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni mtejjeb. Jenħtieġ li t-tmiem tad-deroga tiġi ffissata fi tmiem l-istaġun tas-sajd. Għalhekk, jenħtieġ li d-deroga tapplika sat-30 ta’ April 2026.

    (23)

    Billi d-deroga li ngħatat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1243 skadiet fit-30 ta’ April 2023, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Mejju 2023 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza.

    (24)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità mal-attività koperta b’din id-deroga ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (11).

    (25)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Deroga

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika għall-bastimenti li jużaw it-tartaruni biex jistadu għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) fl-ilmijiet territorjali ta’ Spanja tal-Gżejjer Baleariċi. Dawk il-bastimenti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    ikunu rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Ambjent tal-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi;

    (b)

    ikollhom aktar minn 5 snin esperjenza fis-sajd u mhuma involuti fl-ebda żieda fil-ġejjieni fl-isforz tas-sajd ntużat;

    (c)

    ikollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni li adottat Spanja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    Artikolu 2

    Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar

    Spanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c), għall-ewwel darba sat-30 ta’ Settembru 2024 u, wara dan, kull 12-il xahar.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2023 sat-30 ta’ April 2026.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1967/oj.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2013 tad-29 ta’ Novembru 2013 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi) (ĠU L 322, 3.12.2013, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1233/oj).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/662 tal-25 ta’ April 2019 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), għall-makku ferreri (Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi) (ĠU L 112, 26.4.2019, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/662/oj).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1243 tal-1 ta’ Settembru 2020 dwar l-estensjoni tad-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u għall-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi) (ĠU L 286, 2.9.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1243/oj).

    (5)  Decreto 31/2021, de 31 de mayo, por el cual se regula el marisqueo profesional y recreativo en las Illes Balears y se modifica el Decreto 19/2019, de 15 de marzo, por el que se establece el Plan de Gestión Pluriinsular para la pesca con artes de tiro tradicionales en aguas de las Illes Balears (BOIB núm. 71, 1.6.2021, p. 184-185).

    (6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/67497497/STECF+PLEN+23-02.pdf/94846c76-e677-408e-b23c-ec0d572a9bca

    (7)  Is-27 ta’ Ottubru 2023.

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).

    (10)  Decreto 91/2023.

    (11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/755/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top