Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0741

Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/741 tal-20 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

ST/6551/2023/INIT

ĠU L, 2024/741, 23.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/741/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/741/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/741

23.2.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/741

tal-20 ta’ Frar 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 (1) jipprovdi li Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Il-Ġurnal Uffiċjali”) ippubblikat f’forma elettronika (“l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali”) għandu jkollu firma elettronika kwalifikata jew siġill elettroniku kwalifikat kif definit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Ir-Regolament (UE) Nru 216/2013 jistabbilixxi wkoll obbligu li jiġu ppubblikati ċertifikati kwalifikati għal firma elettronika jew għal siġill elettroniku u tiġdid tiegħu fuq is-sit web EUR-Lex sabiex il-pubbliku jkun jista’ jivverifika l-awtentiċità tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali.

(2)

L-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabbiltà tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali jistgħu jiġu żgurati minn firxa ta’ mezzi tekniċi. Huwa neċessarju li tali mezzi joffru garanziji komparabbli għal dawk ipprovduti minn servizzi fiduċjarji kwalifikati, kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, kemm fil-livell tekniku kif ukoll organizzattiv. Il-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 216/2013 kull darba li soluzzjoni jew teknoloġija ġdida tkun użata jew meta l-qafas legali li jirregola tali soluzzjonijiet u teknoloġiji jinbidel jenħtieġ li tiġi evitata.

(3)

Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli ċari li jirrikonċiljaw ir-rekwiżit ta’ inalterabbiltà ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali mal-obbligi li jirriżultaw minn atti legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u minn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ċerta informazzjoni titneħħa. Jenħtieġ li tali tneħħija titwettaq billi ssir disponibbli verżjoni ġdida tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali kkonċernat, akkumpanjata minn avviż dwar dan. Il-verżjoni oriġinali tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali kkonċernat jenħtieġ li tinżamm fl-arkivji tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għal perjodu illimitat taħt kundizzjonijiet tekniċi u organizzattivi li jiżguraw li l-verżjoni oriġinali tista’ tintwera biss f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-regoli li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u l-protezzjoni tad-data personali.

(4)

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet daħħal fis-seħħ miżuri ta’ kontinġenza li jimminimizzaw ir-riskju li ma tkunx tista’ tiġi ppubblikata u tkun disponibbli l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali fuq is-sit web EUR-Lex.

(5)

F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn, minkejja l-miżuri ta’ kontinġenza fis-seħħ, " ma jkunx possibbli li l-Ġurnal Uffiċjali jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-EUR-Lex u l-pubblikazzjoni ssir, f’forma stampata, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni li tikkonċerna t-tali pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-EUR-Lex mill-aktar fis possibbli. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali li sussegwentement titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tal-EUR-Lex issir l-unika edizzjoni awtentika u li tipproduċi effetti legali.

(6)

Biex jiġi pprovdut il-benefiċċju massimu liċ-ċittadini f’termini ta’ faċilità ta’ aċċess għall-Ġurnal Uffiċjali, kif ukoll sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa xieraq ukoll li jingħata status ta’ awtentiċità esklussiva lill-verżjonijiet elettroniċi ta’ ftit edizzjonijiet stampati ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 216/2013.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 216/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 216/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandha tiġi ppubblikata taħt kundizzjonijiet tekniċi li jiżguraw l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabbiltà tal-kontenut tagħha.

Is-sistema stabbilita biex tiżgura l-awtentiċità għandha tiġi dokumentata fuq is-sit web EUR-Lex u tippermetti li tiġi verifikata faċilment l-awtentiċità tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali.”

;

(b)

għandu jinżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Meta ċerta informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali għandha titneħħa wara l-pubblikazzjoni skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew sabiex tiġi protetta data personali f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), għandha ssir disponibbli verżjoni ġdida tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali kkonċernat, akkumpanjata minn avviż dwar dan. Il-verżjoni oriġinali tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali kkonċernat għandha tinżamm fl-arkivji tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għal perjodu illimitat taħt kundizzjonijiet tekniċi u organizzattivi li jiżguraw li l-verżjoni oriġinali tista’ tiġi divulgata biss f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Fejn ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali fuq is-sit web EUR-Lex minħabba interruzzjoni mhux prevista u eċċezzjonali tas-sistemi ta’ informazzjoni involuti, l-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali kkonċernat għandha tiġi ppubblikat f’forma stampata. Dik l-edizzjoni għandha tkun awtentika u għandha tipproduċi effetti legali.

2.   Ladarba s-sistemi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jiġu rrestawrati, l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali li tikkorrispondi għall-edizzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 għandha ssir disponibbli fuq is-sit web tal-EUR-Lex. Minn dak il-mument ’il quddiem, din għandha titqies bħala l-unika edizzjoni awtentika u għandha tipproduċi effetti legali.

3.   L-edizzjonijiet elettroniċi tal-Ġurnal Uffiċjali li jikkorrispondu għall-edizzjonijiet stampati awtentiċi tal-Ġurnal Uffiċjali ppubblikati wara l-1 ta’ Lulju 2013 għandhom jitqiesu bħala l-uniċi edizzjonijiet awtentiċi mill-14 ta’ Marzu 2024.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/741/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top