EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0362

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/362 tat-22 ta’ Jannar 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

ST/17109/2023/INIT

ĠU L, 2024/362, 22.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/362/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/362/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/362

22.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/362

tat-22 ta’ Jannar 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(2)

Il-Kunsill jibqa’ mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn deċennju, il-kunflitt fis-Sirja għadu ’l bogħod milli jintemm u għadu sors ta’ tbatija u instabbiltà.

(3)

Il-Kunsill jinnota li r-reġim Sirjan qed ikompli jsegwi l-politika ta’ repressjoni tiegħu u jqis li hu meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effettività tal-miżuri restrittivi stabbiliti, billi jkompli jiżviluppahom waqt li jżomm l-approċċ immirat u differenzjat tagħhom u jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana. Il-Kunsill iqis li ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet huma ta’ rilevanza partikolari għall-effettività ta’ dawn il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja.

(4)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiżdiedu sitt individwi u ħames entitajiet mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fit-taqsima ‘A. Persuni’ taħt l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“353.

Mahmoud al-Dj

Data tat-twelid: 26.7.1983;

Post tat-twelid: Tell Rifaat, Aleppo, Syria;

Nazzjonalità: Sirjan/Libjan;

Sess: raġel

Mahmoud al-Dj huwa negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, is-sid ta’ diversi kumpaniji attivi f’setturi differenti bħal-loġistika u t-turiżmu. Jiffaċilita tranżazzjonijiet illeċiti bejn persuni u entitajiet affiljati mar-reġim fis-Sirja u l-Lvant tal-Libja, inkluż b’rabta ma’ narkotiċi u t-trasport ta’ armi u merċenarji. Il-pożizzjoni tiegħu hija faċilitata bir-rabtiet mill-qrib tiegħu mar-reġim Sirjan, li minnhom qed jibbenefikaw hu u n-negozji tiegħu. L-attivitajiet tiegħu, min-naħa l-oħra, jappoġġaw lir-reġim Sirjan u jippermettulu aċċess għal dħul illeċitu. Għaldaqstant qed jibbenefika mir-reġim Sirjan u jipprovdilu appoġġ.

22.1.2024

354.

Yasser Hussein Ibrahim

Data tat-twelid: 9.4.1983;

Post tat-twelid: Damascus, Syria;

Nazzjonalità: Sirjan;

Sess: raġel

Yasser Ibrahim huwa konsulent ekonomiku ta’ Bashar al-Assad u jaġixxi fil-kunsill ekonomiku mmexxi minn Asma al-Assad. Flimkien ma’ Ali Najib Ibrahim huwa jopera għadd ta’ kumpaniji fittizji, u jaġixxi bħala faċċata għall-attivitajiet kummerċjali ta’ Bashar Al-Assad u Asma Al-Assad. Għalhekk, Yasser Ibrahim qed jibbenefika u jappoġġa lir-reġim Sirjan.

22.1.2024

355.

Bilal al-Naal

(magħruf ukoll bħala al-Na’al)

Data tat-twelid: 14.4.1975;

Post tat-twelid: Damascus, Syria;

Nazzjonalità: Sirjan;

Sess: raġel

Bilal al-Naal huwa fundatur u sieħeb ta’ diversi kumpaniji kummerċjali u ta’ investiment fis-Sirja.

Huwa membru tal-Kunsill Kummerċjali Sirjan-Russu u b’hekk strumentali fir-rabtiet ekonomiċi bejn ir-Russja u r-reġim Sirjan. Al-Naal huwa wkoll membru tal-Parlament Sirjan u eks membru tal-kunsill governatorat ta’ Damasku. Għalhekk, Bilal al-Naal huwa negozjant ewlieni fis-Sirja, u f’din il-kapaċità qed jappoġġa r-reġim Sirjan u jibbenefika minnu. Huwa assoċjat ukoll ma’ Fadi Saqr, Cham Holding u Bishr Al-Sabban.

22.1.2024

356.

Fahad Darwish

(magħruf ukoll bħala Fahd/Fahed)

Data tat-twelid: 1955;

Post tat-twelid: Damascus, Syria;

Nazzjonalità: Sirjan/Iranjan;

Sess: raġel

Fahd Darwish huwa l-President tal-Kamra tal-Kummerċ Konġunta Sirjana-Iranjana. Barra minn hekk, Darwish imexxi u huwa s-sid ta’ diversi negozji fis-Sirja li huma attivi f’setturi differenti bħall-kummerċ u l-farmaċewtiċi.

Għalhekk, Darwish huwa negozjant ewlieni li qed jopera fis-Sirja, u f’din il-kapaċità qed jappoġġa r-reġim Sirjan u jibbenefika minnu.

22.1.2024

357.

Mohannad al-Dabbagh

Data tat-twelid: 6.3.1967;

Nazzjonalità: Sirjan/Iranjan;

Sess: raġel

Mohannad al-Dabbagh huwa kuġin ta’ Asma al-Assad. Huwa koproprjetarju tat-Takamol LLC, kumpanija responsabbli għall-ġestjoni tal-“programm tal-ismart card” elettroniku użat sa mill-2014 biex jitqassmu ikel sussidjat u prodotti oħra fis-Sirja taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Kummerċ Domestiku u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. B’mod partikolari, it-Takamol LLC tiggwadanja tariffa għal kull tranżazzjoni li ssir permezz tal-ismart card.

Għalhekk, Mohannad al-Dabbagh qed jibbenefika mor-reġim Sirjan u jappoġġa lir-reġim Sirjan.

22.1.2024

358.

Firas al-Akhras

Data tat-twelid: 1.3.1978;

Post tat-twelid: London, United Kingdom;

Nazzjonalità: Sirjan;

Sess: raġel

Firas al-Akhras huwa ħu Asma al-Assad. Huwa koproprjetarju tat-Takamol LLC, kumpanija responsabbli għall-ġestjoni tal-“programm tal-ismart card” elettroniku użat sa mill-2014 biex jitqassmu ikel sussidjat u prodotti oħra fis-Sirja taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Kummerċ Domestiku u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. B’mod partikolari, it-Takamol LLC tiggwadanja tariffa għal kull tranżazzjoni li ssir permezz tal-ismart card.

Għalhekk, Firas al-Akhras qed jibbenefika mir-reġim Sirjan u jappoġġa lir-reġim Sirjan.

22.1.2024”

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fit-taqsima ‘B. Entitajiet’ tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“91.

Al-Dj Group

(a.k.a ALDJ)

Post tar-reġistrazzjoni: Damascus, Syria;

Post prinċipali tan-negozju: Syria

Al-Dj Group huwa entità kummerċjali Sirjana, proprjetà ta’ Mahmoud al-Dj u mmexxija minnu. Bħala kumpanija azzjonarja hija topera u hija s-sid tal-Freebird Travel Agency, aġent taċ-Cham Wings Airlines, li qed tħaddem titjiriet frekwenti bejn is-Sirja u l-Libja u ddaħħal bil-moħbi merċenarji u narkotiċi. Aldj Group huwa assoċjat ukoll ma’ Al-Tair Company, li hija wkoll il-proprjetà ta’ Mahmoud al-Dj.

Permezz ta’ din l-iskema ta’ relazzjonijiet kummerċjali, li għandu rwol ċentrali fiha Al-Dj Group, trasport ta’ merkanzija u titjiriet jintużaw għal tranżazzjonijiet illeċiti bejn persuni u entitajiet affiljati mar-reġim fis-Sirja u l-Lvant tal-Libja, inkluż narkotiċi.

L-attivitajiet ta’ Al-Dj Group jibbenefikaw lir-reġim Sirjan u jappoġġawh fl-aċċess għal dħul illeċitu.

22.1.2024

92.

Cham Wings

Post tar-reġistrazzjoni: Damascus, Syria;

Post prinċipali tan-negozju: Damascus, Syria

Cham Wings Airlines hija entità kummerċjali Sirjana li s-sid tagħha huwa Muhammad Issam Shammout.

Cham Wings ukoll tuża t-titjiriet tagħha għat-trasferiment ta’ merċenarji Sirjani, il-kummerċ tal-armi, it-traffikar tan-narkotiċi, u l-ħasil tal-flus, li jappoġġaw l-attivitajiet tar-reġim Sirjan. Għalhekk, bħala l-unika linja tal-ajru privata fis-Sirja, iċ-Cham Wings qed tibbenefika mir-reġim Sirjan u tipprovdilu l-appoġġ.

22.1.2024

93.

Freebird Travel Agency

Post tar-reġistrazzjoni: Syria, Dubai;

Post prinċipali tan-negozju: Damascus, Syria

Il-Freebird Travel Agency hija entità kummerċjali Sirjana proprjetà ta’ u mħaddma mill-Al-Dj Group, li min-naħa tiegħu huwa l-proprjetà ta’ Mahmoud al-Dj u mmexxi minnu.

Il-Freebird isservi bħala aġent prinċipali għaċ-Cham Wings airlines u b’hekk tibbenefika mir-reġim u tipprovdilu appoġġ.

22.1.2024

94.

Iloma Investment Private JSC

(magħrufa wkoll bħala Eloma)

Post tar-reġistrazzjoni: Damascus, Syria;

Data tar-reġistrazzjoni: 2023;

Post prinċipali tan-negozju: Damascus, Syria

L-Iloma Investment Private JSC ġiet stabbilita fil-bidu tal-2023 biex tieħu f’idejha kważi nofs is-sjieda tal-ajruport ta’ Damasku.

L-Iloma hija faċċata għall-familja Assad u parti mill-isforzi tar-reġim biex jiggwadanja personalment mill-manipulazzjoni tal-ekonomija. Għaldaqstant, l-Iloma qed tappoġġa lir-reġim Sirjan u tibbenefika minnu.

22.1.2024

95.

Al-Aqila Company

(magħrufa wkoll bħala al-Akila/Al-Aqeela Insurance Company)

Post tar-reġistrazzjoni: Damascus, Syria;

Data tar-reġistrazzjoni: 2007;

Post prinċipali tan-negozju: Syria

Al-Aqila Company daħlet f’intrapriża konġunta mal-Alborz Insurance Company tal-Iran, f’mossa organizzata bejn iż-żewġ reġimi biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Iran fl-ekonomija Sirjana.

Fl-ambjent tan-negozju attwali fis-Sirja, intrapriża konġunta bħal din teħtieġ l-appoġġ tar-Reġim Sirjan. Għaldaqstant, Al-Aqila Company qed tappoġġa lir-reġim Sirjan u tibbenefika minnu.

22.1.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/362/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top