Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 32024O2148

Linja Gwida (UE) 2024/2148 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Lulju 2024 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2024/21)

ECB/2024/21

ĠU L, 2024/2148, 7.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/2148/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Estatuto jurídico del documento Vigente

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/2148/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2148

7.8.2024

LINJA GWIDA (UE) 2024/2148 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta’ Lulju 2024

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2024/21)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1 u 3.3, l-Artikoli 5.1, 12.1 u 14.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

F’ ċertu każijiet, applikazzjoni stretta tal-metodu ta’ valutazzjoni standard għall-istokks ta’ ekwità f’ kumpaniji b’investiment dirett mhux elenkati, kif stabbilit f’ Anness III għal-Linja Gwida BĊE/2011/23 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) tista’ twassal għal distorsjonijiet fil-qagħda netta internazzjonali tal-investiment tal-Istati Membri. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw wieħed mill-metodi alternattivi ta’ valutazzjoni stabbiliti fis-sitt edizzjoni tal-Manwal tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Pożizzjoni tal-Investiment Internazzjonali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (BPM6) (3).

(2)

Dawn il-metodi alternattivi ta’ valutazzjoni saru disponibbli għall-Istati Membri bl-adozzjoni tal-Linja Gwida BĊE/2013/25 tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), iżda d-dispożizzjonijiet rilevanti tneħħew bi żball mil-Linja Gwida (UE) 2020/1554 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊEB/2020/52) (5). Huwa għalhekk meħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet jerġgħu jiddaħħlu fl-Anness III tal-Linja Gwida BĊE/2011/23.

(3)

Il-bidliet għall-Anness III tal-Linja Gwida BĊE/2011/23 huma emendi tekniċi li la jbiddlu l-provvediment kunċettwali bażiku tar-rekwiżiti ta’ rapportaġġ tad-data u lanqas ma jaffettwaw id-dmir ta’ rapportaġġ fl-Istati Membri. Dawn it-tibdiliet jistgħu għalhekk isiru permezz tal-proċedura simplifikata ta’ emenda speċifikata fl-Artikolu 7 tal-Linja Gwida ECB/2011/23.

(4)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida BĊE/2011/23 għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

L-Anness III tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2011/23 huwa emendat skont l-Anness ta’ din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Settembru 2024.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Lulju 2024.

Għall-Bord Eżekuttiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  2 Linja Gwida BĊE/2011/23 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (ĠU L 65, 3.3.2012, p. 1).

(3)  Disponibbli fuq: https://www.imf.org/.

(4)  Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta’ Lulju 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2013/25) (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 38).

(5)  Linja Gwida (UE) 2020/1554 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2020 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 fir-rigward tal-frekwenza tar-rapportar lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kwalità tal-istatistika esterna (BĊE/2020/52) (ĠU L 354, 26.10.2020, p. 26).


ANNESS

L-Anness III tal-Linja Gwida BĊE/2011/23 huwa emendat kif gej:

1.

It-Taqsima C, Parti 6.1 tinbidel b'dan li ġej:

“6.1.    Investiment dirett barrani

L-investiment dirett barrani huwa assoċjat ma’ resident f’ ekonomija waħda li jkollu kontroll jew grad sinifikanti ta’ influwenza fuq il-ġestjoni ta’ intrapriża li tkun residenti f’ekonomija oħra. Skont standards internazzjonali (u b’mod partikolari BPM6), is-sjieda diretta jew indiretta ta’ 10 % jew aktar tas-saħħa tal-vot ta’ intrapriża residenti f’ekonomija partikolari minn investitur residenti f’ekonomija oħra hija evidenza ta’ tali relazzjoni. Fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju, tista’ teżisti relazzjoni ta’ investiment dirett barrani bejn numru ta’ intrapriżi relatati, irrispettivament minn jekk ir-rabta tinvolvix katina waħda jew numru ta’ katini. Hija tista’ testendi għas-sussidjarji, is-sussidjarji ta’ kumpaniji sussidjarji u l-assoċjati ta’ intrapriża b’ investiment dirett. Ladarba jiġi stabbilit l-investiment dirett barrani, il-flussi finanzjarji/parteċipazzjonijiet sussegwenti kollha bejn l-entitajiet relatati jiġu rreġistrati bħala tranżazzjonijiet/qagħdiet ta’ investiment dirett barrani.

Il-kapital ta’ ekwità jinkludi l-ekwità fil-fergħat kif ukoll l-ishma kollha fis-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati. Id-dħul investit mill-ġdid jikkonsisti fil-partita ta’ tpaċija għas-sehem ta’ qligħ tal-investitur dirett li ma jiġix distribwit bħala dividendi mis-sussidjarji jew il-kumpaniji assoċjati, u d-dħul ta’ fergħati mhux mibgħut lill-investitur dirett u li jiġi rreġistrat taħt ‘dħul mill-investiment’ (kif imsemmi fil-parti 3.2.3 tat-Taqsima A).

L-ekwità u d-dejn ta’ investiment dirett barrani huma diżaggregati ulterjorment skont it-tip ta’ relazzjoni bejn l-entitajiet u skont id-direzzjoni tal-investiment. Jistgħu jiġu distinti tliet tipi ta’ relazzjonijiet ta’ investiment dirett barrani kif ġej:

(a)

Investiment mill-investituri diretti f’intrapriżi ta’ investiment dirett: din il-kategorija tinkludi flussi ta’ investiment (u stokks) mill-investitur dirett lill-intrapriżi ta’ investiment dirett tiegħu (irrispettivament minn jekk ikunx ikkontrollat jew influwenzat direttament jew indirettament);

(b)

Investiment bil-maqlub: din it-tip ta’ relazzjoni tkopri flussi ta’ investiment (u stokks) mill-intrapriżi ta’ investiment dirett lill-investitur dirett;

(c)

Bejn intrapriżi sħab: din tkopri flussi (u stokks) bejn intrapriżi li ma jikkontrollawx jew jinfluwenzaw lil xulxin, iżda li t-tnejn huma taħt il-kontroll jew l-influwenza tal-istess investitur dirett.

Rigward il-valutazzjoni tal-qagħdiet ta’ investiment dirett barrani, l-istokks ta’ ekwità elenkati fil-Boroż huma vvalutati bil-prezzijiet tas-suq. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-kumpaniji b’ investiment dirett mhux elenkati, l-istokks ta’ ekwità huma vvalutati abbażi tal-valuri skont il-kotba billi tintuża definizzjoni komuni li tinkludi l-partiti tal-kontabilità li ġejjin:

(i)

il-kapital imħallas (esklużi l-ishma proprji u inklużi l-kontijiet tal-primjum tal-ishma);

(ii)

it-tipi kollha ta’ riżervi (inklużi l-għotjiet ta’ investiment meta l-linji gwida tal-kontabilità jikkunsidrawhom bħala riżervi ta’ kumpanija);

(iii)

il-profitti mhux imqassma wara li jitnaqqas it-telf (inklużi r-riżultati għas-sena kurrenti).

Għall-ishma ta’ ekwità tal-kumpaniji mhux ikkwotati, it-transazzjonijiet irreġistrati fil-kont finanzjarju jistgħu jkunu differenti mill-fondi proprji fil-valur kontabilistiku rreġistrat fil-QII. Tali differenzi jiġu rreġistrati bħala rivalutazzjonijiet minħabba bidliet oħra fil-prezz.

Sabiex tiżdied il-konsistenza fil-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fejn il-metodu ta’ valutazzjoni previst hawn fuq jista’ jwassal għal distorsjonijiet fil-qagħda internazzjonali tal- investiment netta tal-Istati Membri, l-istokks ta’ ekwità f’kumpaniji ta’ investiment dirett mhux elenkati jistgħu alternattivament jiġu vvalutati mill-Istati Membri skont wieħed mill-metodi l-oħra ta’ valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 7.16 tal-BPM6, jekk japplika mill-inqas wieħed mill-każijiet li ġejjin:

mill-inqas intrapriża waħda f’katina ta’ investiment dirett hija kkwotata fil-Borża, filwaqt li mill-inqas waħda mhijiex u dan iwassal għal distorsjoni sinifikanti fil-QII netta ta’ kumpanija fil-katina; f’ dan il-każ il-prezz tas-suq tal-kumpanija elenkata jista’ jintuża bħala referenza għall-valutazzjoni tal-kumpaniji mhux ikkwotati relatati; jew

jekk iseħħu differenzi fir-reġistrazzjoni ta' avvjament akkwistat tul katina ta' intrapriżi ta' investiment dirett, li jwassal għal distorsjoni sinifikanti fil-QII netta tal-pajjiż li fih il-kumpanija fin-nofs tal-katina hija residenti; jew

jekk il-kontijiet tal-intrapriża f’katina ta’ investiment dirett huma ddenominati f’muniti differenti u ċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju jwassal għal distorsjoni sinifikanti fil-QII netta tal-pajjiż li fih il-kumpanija fin-nofs tal-katina hija residenti.

Jekk jiġi applikat metodu alternattiv għal valutazzjoni tal-istokks ta’ ekwità fil-kumpaniji b’ investiment dirett mhux elenkati, il-kumpilatur tal-QII huwa mħeġġeġ li jinforma lill-kumpilatur fil-pajjiż kontroparti bil-metodu alternattiv u li jikkopera ma’ dan il-kumpilatur biex inaqqas ir-riskju ta’ reġistrazzjoni assimetrika bilaterali. Din l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa fi ħdan is-SEBĊ fil-qafas tal-arranġamenti eżistenti, kif ukoll ippubblikata fil-pubblikazzjoni tal-BĊE ‘Sorsi u metodi statistiċi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti/qagħda internazzjonali tal-investiment’ (kif deskritt fl-Anness V).

Bħala prattika tajba huwa rakkomandat li l-Istati Membri kollha għandhom jibdew jikkompilaw l-istokks ta’ ekwità tal-investiment dirett barrani u l-qligħ investit mill-ġdid fuq il-bażi tar-riżultati ta’ stħarriġ dwar l-investiment dirett barrani li għandu jinġabar tal-anqas darba fis-sena (*1).

(*1)  Għandhom jiġu abbandunati l-prattiċi mhux aċċettabbli li ġejjin: (i) it-tħollija tal-għażla tal-kriterju ta’ valutazzjoni lill-aġenti tar-rappurtar (il-valuri tas-suq jew il-valuri skont il-kotba); (ii) l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ inventarju perpetwu/akkumulazzjoni tal-flussi ta’ BOP għall-kumpilazzjoni tal-istokks.”."


(*1)  Għandhom jiġu abbandunati l-prattiċi mhux aċċettabbli li ġejjin: (i) it-tħollija tal-għażla tal-kriterju ta’ valutazzjoni lill-aġenti tar-rappurtar (il-valuri tas-suq jew il-valuri skont il-kotba); (ii) l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ inventarju perpetwu/akkumulazzjoni tal-flussi ta’ BOP għall-kumpilazzjoni tal-istokks.”.’


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/2148/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Arriba