Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024O1211

    Linja Gwida (UE) 2024/1211 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2024/13) (riformulazzjoni)

    ECB/2024/13

    ĠU L, 2024/1211, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/1211/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/1211/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1211

    3.5.2024

    LINJA GWIDA (UE) 2024/1211 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tas-16 ta’ April 2024

    dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2024/13)

    (riformulazzjoni)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikoli 12.1 u 14.3 u l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Għandhom isiru numru ta’ emendi għal-Linja Gwida (UE) 2021/564 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/9) (1). Fl-interessi taċ-ċarezza dik il-Linja Gwida għandha tiġi rriformulata.

    (2)

    F’konformità mar-rwol tal-euro bħala munita ta’ riżerva internazzjonali, l-Eurosistema żviluppat qafas għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi fl-euro lil banek ċentrali, awtoritajiet monetarji u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali. Is-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema (ERMS) huma fil-qalba ta’ dan il-qafas u jinkludu sett definit sew ta’ servizzi standardizzati ta’ ġestjoni ta’ riżervi li jippermettu lill-klijenti jimmaniġġjaw b’mod komprensiv l-assi ta’ riżerva tagħhom iddenominati f’euro permezz ta’ bank ċentrali wieħed tal-Eurosistema.

    (3)

    Bis-saħħa tal-Artikolu 23 flimkien mal-Artikolu 42.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżi oħra u, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u jwettqu kull tip ta’ tranżazzjoni bankarja fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

    (4)

    Meta l-Eurosistema tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi lill-klijenti, irrispettivament mill-bank ċentrali tal-Eurosistema li permezz tiegħu dawn is-servizzi jiġu pprovduti, jenħtieġ li l-Eurosistema taġixxi bħala sistema waħda. Għal dan l-għan, din il-Linja Gwida għandha l-iskop li tiżgura, fost l-oħrajn, li s-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema jiġu pprovduti fuq bażi standardizzata skont termini u kundizzjonijiet armonizzati u li l-BĊE, il-fornituri tal-ERMS jew l-Eurosistema, kif xieraq, jirċievu informazzjoni adegwata dwar dawn is-servizzi.

    (5)

    L-informazzjoni, id-data u dokumenti kollha inklużi dawk reċevuti mill-klijenti abbozzati minn u/jew skambjati bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema fil-kuntest tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema huma ta’ natura kunfidenzjali u huma suġġetti għall-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li jkun fiha data personali trid titwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-protezzjoni tad-data.

    (6)

    Skont l-Artikolu 1, il-punt (c), tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/7 (2)), id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Linja Gwida ma japplikawx għal tranżazzjonijiet eżegwiti u depożiti meħuda fil-qafas tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema. Sabiex jiġi evitat kull dubju u fl-interessi taċ-ċertezza legali dan għandu jkun speċifikat f’din il-Linja Gwida.

    (7)

    Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li hija meħtieġa aktar trasparenza fir-remunerazzjoni ta’ depożiti ta’ politika mhux monetarja. Ir-rati ta’ remunerazzjoni applikabbli għal dawn id-depożiti huma stabbiliti f’diversi atti legali differenti. Sabiex titjieb it-trasparenza, kif ukoll il-konsistenza fl-atti legali relatati, huwa xieraq li r-rati ta’ remunerazzjoni jkunu stabbiliti b’mod komprensiv f’att legali wieħed biex tkun iffaċilitata l-komunikazzjoni tar-rati ta’ remunerazzjoni u jkunu jistgħu jsiru aġġustamenti futuri ta’ dawk ir-rati. Konsegwentement, ir-regoli ta’ remunerazzjoni relatati ma’ depożiti meħuda fil-qafas tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema jinkludu referenzi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (3), li hija l-att legali waħdieni li jistabbilixxi r-remunerazzjoni applikabbli għal depożiti ta’ politika mhux monetarja.

    (8)

    Sabiex tkun żgurata ċertezza legali, huwa neċessarju li d-data tal-applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida tiġi allinjata mad-data ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11). Għaldaqstant, din il-Linja Gwida għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2024,

    ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Din il-Linja Gwida tistabbilixxi l-qafas għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema minn banek ċentrali tal-Eurosistema lill-klijenti.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser kull organizzazzjoni, minbarra l-istituzzjoni jew l-korp tal-Unjoni stabbiliti permezz jew taħt l-awtorità ta’ trattat internazzjonali;

    (2)

    “Servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema” jew “ERMS” tfisser is-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi elenkati fl-Artikolu 3 li jistgħu jiġu pprovduti mill-fornituri tal-ERMS lill-klijenti li jippermettu lill-klijenti jimmaniġġjaw b’mod komprensiv ir-riżervi tagħhom permezz ta’ fornitur wieħed jew aktar tal-ERMS;

    (3)

    “klijent” tfisser kwalunkwe bank ċentrali (inkluża kwalunkwe awtorità monetarja) jew kwalunkwe pajjiż (inkluż kwalunkwe awtorità pubblika jew aġenzija tal-gvern) li jinsab barra ż-żona tal-euro, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li lilha jiġu pprovduti servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema minn bank ċentrali wieħed jew aktar tal-Eurosistema;

    (4)

    “Bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE jew kwalunkwe bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

    (5)

    “Fornitur tal-ERMS” tfisser bank ċentrali tal-Eurosistema li jipprovdi s-servizzi kollha ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema jew subsett minnhom irrispettivament minn jekk il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti kkonkludiex kuntratt mal-klijent;

    (6)

    “Faċilità ta’ investiment tal-Grad 1” tfisser faċilità limitata għall-investiment direttament mal-fornitur tal-ERMS;

    (7)

    “Faċilità ta’ investiment tal-Grad 2” tfisser faċilità għall-investiment fuq bażi ta’ aġenzija fis-suq b’kontropartijiet magħżula mill-fornitur tal-ERMS;

    (8)

    “bażi ta’ aġenzija” tfisser li l-fornitur tal-ERMS jaġixxi bħala aġent għal klijent f’wieħed mill-modi li ġejjin: (a) fuq bażi divulgata, fejn il-fornitur tal-ERMS jaġixxi f’isem u għan-nom tal-klijent tiegħu vis-à-vis il-kontroparti tiegħu, jiġifieri jiżvela l-identità tal-klijent tiegħu u l-fatt li jaġixxi bħala aġent għal dak il-klijent; jew (b) fuq bażi mhux żvelata, fejn il-fornitur tal-ERMS jaġixxi f’isem iżda mhux f’isem il-klijent tiegħu vis-à-vis il-kontroparti tiegħu, jiġifieri jiżvela l-fatt li jaġixxi bħala aġent f’isem wieħed mill-klijenti tiegħu iżda ma jiżvelax l-identità ta’ dak il-klijent;

    (9)

    “bilanċ ta’ flus f’eċċess” tfisser bilanċ li ma jistax jiġi akkomodat la taħt il-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 u lanqas taħt il-faċilità ta’ investiment tal-Grad 2 fi kwalunkwe jum partikolari;

    (10)

    “bażi prinċipali” tfisser li l-fornitur tal-ERMS jaġixxi f’ismu stess u għan-nom tiegħu stess fir-rigward tal-klijenti u l-kontropartijiet tiegħu;

    (11)

    “riżervi” tfisser flus iddenominati f’euro u dawk it-titoli ddenominati f’euro li huma inklużi fil-lista tal-Eurosistema ta’ assi negozjabbli eliġibbli, kif ippubblikata u aġġornata kuljum fuq is-sit web tal-BĊE skont l-Artikolu 61 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60 (4)), bl-eċċezzjoni ta’:

    (a)

    titoli li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ haircut V taħt il-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/35) (5) (titoli ggarantiti b’assi);

    (b)

    flus u titoli miżmuma biss għall-fini li jissodisfaw il-pensjoni u l-obbligi relatati ta’ klijent lejn il-persunal preċedenti jew eżistenti tiegħu;

    (c)

    flus u titoli miżmuma biss għall-finijiet li ġejjin jew fil-kontijiet li ġejjin:

    (i)

    l-iskedar mill-ġdid tad-dejn pubbliku fil-qafas ta’ ftehimiet internazzjonali jew fondi li jirriżultaw minn self ieħor tal-programm sal-punt li l-fondi ma jkunux għad-dispożizzjoni libera tad-detentur tal-kont (eż. meta l-fondi jinżammu b’mod obbligatorju f’kontijiet magħluqa qabel il-ħlas lura);

    (ii)

    il-kont Nru 1, Kont Nru 2 jew Kont tat-Titoli tal-Fond Monetarju Internazzjonali; u

    (iii)

    il-kontribuzzjonijiet imħallsa tal-Istati Membri taż-żona tal-euro lill-banek internazzjonali tal-iżvilupp;

    (d)

    kategoriji ta’ titoli kif deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv.

    Artikolu 3

    Servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

    Il-fornituri tal-ERMS jistgħu joffru s-servizzi kollha ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema li ġejjin jew subsett tagħhom lil klijenti skont din il-Linja Gwida. Meta rilevanti, ir-remunerazzjoni applikata għandha tkun kif stabbilit fl-Artikolu 2 (2) tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11):

    (1)

    is-servizzi ta’ flus kontanti li ġejjin:

    (a)

    il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ kontijiet ta’ flus kontanti;

    (b)

    l-eżekuzzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mingħajr flus kontanti li jidħlu u joħorġu b’konnessjoni ma’ servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema.

    (2)

    is-servizzi ta’ kustodju li ġejjin:

    (a)

    il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ kontijiet ta’ titoli u l-forniment ta’ salvagwardja permezz ta’ wieħed jew kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin, li minnhom il-fornituri tal-ERMS huma liberi li jagħżlu l-kustodju partikolari u l-arranġamenti ta’ saldu li jixtiequ joffru lill-klijenti rispettivi tagħhom:

    (i)

    kont mad-depożitorju ċentrali lokali tat-titoli (CSD);

    (ii)

    aċċess remot għal CSD jew CSD internazzjonali (ICSD);

    (iii)

    ftehimiet bilaterali bejn fornitur tal-ERMS u l-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż fejn jinħarġu t-titoli rilevanti;

    (b)

    rendikonti ta’ kustodja fl-aħħar tax-xahar, bil-possibilità li jingħataw rendikonti f’dati oħrajn skont kif jitlob il-klijent;

    (c)

    trażmissjoni ta’ dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT lill-klijenti kollha li kapaċi jirċievu dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT, u permezz ta’ mezzi oħra kif xieraq għall-klijenti li mhumiex kapaċi jirċievu dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT;

    (d)

    in-notifika ta’ azzjonijiet korporattivi, inkluż pereżempju ħlasijiet u fidi ta’ kupuni, fir-rigward ta’ investimenti f’titoli tal-klijenti;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ azzjonijiet korporattivi f’isem il-klijenti;

    (f)

    l-iffaċilitar tal-arranġamenti għal programmi awtomatiċi ta’ self ta’ titoli bejn klijenti u aġenti terzi f’isem il-klijenti, taħt ċerti restrizzjonijiet, jew permezz ta’ programmi mħaddma minn CSDs jew ICSDs jew permezz ta’ aġenti terzi. Il-ftehimiet għandhom jiġu eżegwiti kif meħtieġ sabiex l-aġent tas-self tat-titoli (CSD, ICSD jew aġent ta’ parti terza) jingħata aċċess għaż-żamma tat-titoli tal-klijenti. F’ċerti każijiet, jista’ jkun hemm bżonn li jinfetħu subkontijiet addizzjonali għall-klijent, pereżempju meta l-klijent ma jixtieqx li l-aġent ikollu aċċess għad-depożiti tat-titoli kollha tiegħu jew il-fornitur tal-ERMS ma jixtieqx li l-aġent ikollu aċċess għall-kont tal-flus prinċipali tal-klijent. Din il-faċilità għandha tingħata biss jekk l-aġent mutwanti huwa istituzzjoni aċċettabbli għall-fornitur tal-ERMS ikkonċernat f’termini kemm tar-reputazzjoni u r-rekord tas-saldu ta’ dak l-aġent kif ukoll tal-ġurisdizzjoni fejn jopera u/jew huwa inkorporat l-aġent;

    (3)

    is-servizzi ta’ saldu li ġejjin:

    (a)

    mingħajr ħlas jew konsenja/riċevuta kontra servizzi ta’ saldu ta’ pagament għat-titoli kollha denominati f’euro li għalihom fornitur tal-ERMS joffri kont tat-titoli lill-klijent rispettiv, li jagħmel lill-klijent konxju tar-rabtiet li jistgħu jintużaw għas-saldu ta’ titoli miżmuma mill-kontropartijiet tal-klijent u r-riskji tal-użu ta’ konnessjonijiet mhux eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema;

    (b)

    konferma tas-saldu tal-operazzjonijiet kollha permezz tas-SWIFT (jew mezzi oħra kif xieraq għall-klijenti li ma jistgħux jirċievu dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT);

    (4)

    is-servizzi ta’ investiment ta’ flus mil-lum għall-għada li ġejjin:

    (a)

    Faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 soġġetta għal dan li ġej:

    (i)

    il-Faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 għandha tkun limitata għal ammont globali determinat mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema kollha u porzjon minn dan l-ammont globali għandu jiġi allokat lil kull fornitur tal-ERMS;

    (ii)

    il-BĊE għandu jżomm ċertu porzjon tal-ammont globali tal-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 determinat mill-Kunsill Governattiv li jista’ jalloka parzjalment jew kompletament lil kwalunkwe fornitur tal-ERMS kif meqjus xieraq;

    (iii)

    il-fornitur tal-ERMS jista’ jalloka, fuq talba ta’ klijent, ammont ta’ faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 lil dak il-klijent individwali għall-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1, sa limitu massimu għal kull klijent iddeterminat mill-Kunsill Governattiv. Jekk il-kunsens imsemmi fl-Artikolu 5(2) ma jinkisibx minn klijent, il-limitu ta’ dak il-klijent għall-bilanċi tal-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 għandu jiġi stabbilit għal żero mill-fornitur rilevanti tal-ERMS;

    (iv)

    il-fornitur tal-ERMS jista’ jibdel b’mod unilaterali l-ammont allokat tal-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 mingħajr il-kunsens tal-klijent;

    (v)

    il-fondi investiti taħt il-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 ma jitreġġgħux lura fis-suq;

    (vi)

    Il-kreditu jew id-debitu tal-imgħax fuq il-kontijiet tal-klijenti għandu jinħadem fuq bażi ta’ kuljum (bl-applikazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) ippubblikata f’kull jum ta’ negozju tat-TARGET abbażi ta’ tranżazzjonijiet imwettqa u saldati fil-jum ta’ negozju preċedenti tat-TARGET) u kkreditat jew iddebitat fil-kont ta’ kull klijent fi żmien ħamest ijiem mill-aħħar jum ta’ negozju tax-xahar preċedenti;

    (b)

    faċilità ta’ investiment tal-Grad 2 soġġetta għal dan li ġej:

    (i)

    jekk klijent jesprimi interess f’din il-faċilità ta’ investiment, il-fornitur rilevanti tal-ERMS għandu jagħmel ħiltu biex jinvesti, fuq bażi ta’ aġenzija, il-fondi rilevanti mal-kontropartijiet fil-lista tal-kontropartijiet tiegħu;

    (ii)

    it-tranżazzjonijiet taħt il-faċilità ta’ investiment tal-Grad 2 għandhom jiġu eżegwiti fuq bażi tal-aħjar sforz. Ir-riskji ta’ kreditu kollha, u kwalunkwe telf imġarrab, għandhom jiġġarrbu mill-klijent;

    (iii)

    ir-remunerazzjoni li għandha tiġi offruta taħt il-faċilità ta’ investiment tal-Grad 2 għandha tkun ir-rata attwali li biha l-fondi jitqiegħdu fis-suq nieqes marġni kif deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv. Dan it-tip ta’ investiment għandu jsir biss jekk ir-remunerazzjoni tkun ogħla mir-remunerazzjoni ta’ bilanċi ta’ flus eċċessivi. Il-ġbir flimkien tal-investimenti u l-kummerċ fi blokok għandhom jibqgħu possibbli;

    (c)

    bilanċi ta’ flus żejda, soġġetti għal tali bilanċi ta’ flus żejda li jibqgħu fil-kontijiet tal-flus rispettivi;

    (5)

    is-servizzi ta’ depożitu għal żmien fiss li ġejjin:

    (a)

    depożiti għal terminu fiss minn klijenti fuq bażi ta’ aġenzija, soġġetti għal dan li ġej:

    (i)

    it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu eżegwiti fuq talba tal-klijent (permezz tas-SWIFT jew permezz ta’ mezzi oħra kif xieraq għall-klijenti li mhumiex kapaċi jirċievu dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT), li jistgħu jiġu trażmessi fuq bażi individwali jew bħala parti minn arranġament ta’ ordni permanenti;

    (ii)

    it-tranżazzjonijiet għandhom isiru mal-kontropartijiet fil-lista tal-kontropartijiet rilevanti tal-fornitur tal-ERMS;

    (iii)

    Ir-riskji ta’ kreditu kollha, u kwalunkwe telf imġarrab, għandhom jiġġarrbu mill-klijent;

    (iv)

    it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu eżegwiti fuq bażi tal-aħjar sforz;

    (b)

    depożiti għal terminu fiss minn klijenti fuq bażi prinċipali, soġġetti għal dan li ġej:

    (i)

    id-depożiti b’terminu fiss għandhom jitreġġgħu lura immedjatament fis-suq fuq bażi kollateralizzata;

    (ii)

    maturità minima ta’ jum u maturità massima ta’ 12-il xahar għandhom jiġu offruti fuq depożitu mingħajr restrizzjoni fuq id-data tal-valur tat-tqegħid inizjali, sakemm il-fornitur tal-ERMS ikun jista’ jinnewtralizza l-impatt tal-likwidità;

    (iii)

    id-daqs minimu ta’ depożitu għandu jkun ta’ EUR 1 000 000;

    (6)

    l-eżekuzzjoni ta’ investimenti għall-klijenti skont l-istruzzjonijiet permanenti tagħhom, jew mandat ta’ investiment, u skont is-sett ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema, soġġett għal dan li ġej:;

    (a)

    il-fornitur tal-ERMS għandu jagħmel arranġamenti biex il-klijenti interessati jeżegwixxu prokura li taħtha l-investimenti jistgħu jsiru skont l-istruzzjonijiet permanenti tagħhom jew skont mandat ta’ investiment;

    (b)

    il-prokura msemmija fil-punt (a) għandha tiddikjara l-ammonti involuti u l-frekwenza tal-istruzzjonijiet permanenti. Il-fondi meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż tat-tranżazzjoni eżegwita f’konformità mal-istruzzjonijiet permanenti għandhom jiġu ddepożitati fil-kont tal-flus tal-klijent mal-fornitur tal-ERMS rilevanti mhux aktar tard mill-għeluq tan-negozju fid-data tas-saldu jew f’ħin limitu aktar bikri kif indikat fil-kuntratt individwali tal-ERMS;

    (c)

    sakemm il-klijent ma jordnax mod ieħor jumejn ta’ xogħol qabel l-eżekuzzjoni tal-istruzzjonijiet, l-istruzzjonijiet permanenti jiġu eżegwiti awtomatikament;

    (7)

    eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti għal xiri jew bejgħ ta’ titoli fis-suq sekondarju, li għandha tkopri titoli mill-firxa sħiħa ta’ titoli eliġibbli li għalihom huma pprovduti kontijiet ta’ titoli kif stabbilit fil-punt (2)(a), soġġett għal dan li ġej:

    (a)

    iIl-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jeżegwixxu ordnijiet ta’ titoli fuq bażi ta’ aġenzija jew fuq bażi prinċipali;

    (b)

    l-ordnijiet ta’ titoli għandhom jiġu eżegwiti fuq bażi tal-aħjar sforz;

    (c)

    il-fondi meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż tat-tranżazzjoni eżegwita f’konformità ma’ ordni ta’ titoli għandhom jiġu ddepożitati fil-kont tal-flus tal-klijent mal-fornitur tal-ERMS mhux aktar tard mill-għeluq tan-negozju fid-data tas-saldu jew f’ħin limitu aktar bikri kif indikat fil-kuntratt individwali tal-ERMS;

    (8)

    is-servizzi ta’ tranżazzjonijiet ta’ kambju barrani li ġejjin fir-rigward ta’ euro kontra muniti oħra u deheb kif ukoll ftehimiet ta’ retroriakkwist (reverse repos) f’euro:

    (a)

    xiri jew bejgħ fuq bażi spot fuq bażi prinċipali;

    (b)

    swaps fuq bażi prinċipali;

    Servizzi ta’ tranżazzjonijiet ta’ kambju barrani tal-Eurosistema offruti minn fornituri tal-ERMS fuq bażi prinċipali għandhom jiġu eżegwiti f’isimhom stess u jistgħu jkunu soġġetti għal-linji gwida adottati mill-BĊE fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tal-Istatut tas-SEBĊ li stabbilixxa l-limiti li fihom jew taħtu diversi tipi ta’ operazzjonijiet ta’ kambju barrani fi kwalunkwe jum partikolari jistgħu jitwettqu minn banek ċentrali nazzjonali mingħajr l-approvazzjoni tal-BĊE, u meta jinqabżu diversi tipi ta’ operazzjonijiet tal-kambju fi kwalunkwe jum partikolari ma jistgħux jitwettqu minn banek ċentrali nazzjonali mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE. Sa fejn it-tranżazzjonijiet imwettqa skont din il-Linja Gwida huma soġġetti għal-linji gwida adottati mill-BĊE fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-linji gwida tal-aħħar għandhom japplikaw ukoll.

    Artikolu 4

    Spejjeż u tariffi ta’ servizz

    Il-fornituri tal-ERMS għandhom jiċċarġjaw lill-klijenti tagħhom l-ispejjeż u t-tariffi tas-servizz li ġejjin:

    (1)

    biex jiġu rkuprati l-ispejjeż interni għall-kustodju u s-servizzi ta’ saldu pprovduti lill-klijenti għall-firxa ta’ titoli eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3, il-punti (2) u (3), it-tariffi li ġejjin, kif determinati mill-Kunsill Governattiv:

    (a)

    tariffa ta’ kustodja kkalkulata fir-rigward tal-volum tat-titoli;

    (b)

    tariffa ta’ tranżazzjoni, li għandha tiġi imposta fuq il-bażi li ġejja:

    (i)

    kull darba li jiġu ddepożitati titoli għal kustodja sikura jew irtirati minnha;

    (ii)

    għal kull tranżazzjoni ta’ self ta’ titoli li fiha l-fornitur tal-ERMS għandu involviment operazzjonali dirett;

    (2)

    għall-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ titoli, l-ispejjeż interni għandhom ikunu koperti bl-applikazzjoni ta’ marġni li għandu jiġi ddeterminat mill-fornitur tal-ERMS ikkonċernat fuq bażi ta’ tranżazzjoni. Kwalunkwe tariffa esterna, pereżempju tariffi imposti minn CSDs, ICSDs u banek ċentrali korrispondenti fil-kuntest ta’ arranġamenti bilaterali għandha tiġi mgħoddija b’mod sħiħ lill-klijenti. Dawn it-tariffi jistgħu jvarjaw u mhumiex armonizzati fil-livell tal-Eurosistema;

    (3)

    it-tariffi imposti fuq il-klijenti għal investimenti skont l-istruzzjonijiet permanenti jew mandat ta’ investiment għandhom ikunu dawk applikati għall-operazzjoni relatata mat-titoli sottostanti jew għas-servizz ta’ flus kontanti. Ma għandha tiġi applikata l-ebda tariffa separata jew addizzjonali għall-eżekuzzjoni tal-istruzzjonijiet permanenti bħala tali. It-tariffa għal mandat ta’ investiment għandha tiġi ddeterminata mill-fornitur rilevanti tal-ERMS;

    (4)

    għall-ispejjeż imġarrba fil-forniment ta’ servizzi ta’ tranżazzjonijiet tal-kambju barrani fuq bażi prinċipali l-fornitur rilevanti tal-ERMS għandu japplika marġni bejn il-prezz tax-xiri jew tal-bejgħ tal-kambju, kif ddeterminat mill-fornitur tal-ERMS rispettiv, u r-rata prevalenti tas-suq fuq bażi ta’ tranżazzjoni individwali;

    (5)

    il-klijenti għandhom jiżguraw li l-bilanċi tal-kontijiet tal-flus tagħhom ikunu akbar minn jew ugwali għal żero mhux aktar tard mill-għeluq tan-negozju f’kull jum ta’ negozju.

    Artikolu 5

    Informazzjoni dwar is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

    1.   Il-fornituri tal-ERMS għandhom jipprovdu lill-BĊE b’kull informazzjoni rilevanti dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema lil klijenti u għandhom jgħarrfu lill-BĊE meta javviċinahom xi klijent potenzjali. Il-BĊE jista’ jikkondividi informazzjoni rilevanti fi ħdan il-BĊE u l-Eurosistema fuq bażi stretta ta’ bżonn ta’ informazzjoni. Il-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li jkun fiha data personali għandha titwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-protezzjoni tad-data. Informazzjoni kondiviża ma għandhiex tinkludi data dwar tranżazzjonijiet maqsuma abbażi ta’ klijenti individwali.

    2.   Il-fornituri tal-ERMS għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-kunsens ta’ klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu lill-Eurosistema għall-finijiet li ġejjin:

    (a)

    analiżi tas-servizzi u l-kundizzjonijiet tal-ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema, inkluża l-allokazzjoni tal-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1;

    (b)

    il-protezzjoni tal-klijenti u fornituri oħra tal-ERMS minn ħsara permezz ta’ inċidenti kbar identifikati, jiġifieri attakki ċibernetiċi, falliment tekniku jew operazzjonali jew frodi min-naħa tal-klijent;

    (c)

    appoġġ għal operazzjonijiet ta’ self/riakkwist (repo) mal-klijent;

    (d)

    kompiti oħra tal-Eurosistema jew funzjonijiet konsultattivi fi ħdan il-mandat tal-BĊE.

    3.   Jekk ma jinkisibx il-kunsens ta’ klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-fornitur tal-ERMS ikkonċernat għandu jipprovdi lill-BĊE l-informazzjoni rilevanti (permezz ta’ kodiċi numeriku ta’ identifikazzjoni psewdonimizzat) mingħajr ma jiżvela l-identità ta’ dak il-klijent, u għandu jistabbilixxi l-limitu tal-klijent għall-bilanċi tal-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 għal żero.

    4.   Il-BĊE jista’ jitlob lill-fornituri tal-ERMS biex jiżvelawlu informazzjoni ad hoc dwar kwalunkwe klijent f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħall-klijent li jkun potenzjalment soġġett għal sanzjonijiet jew miżuri restrittivi, u jista’ jikkondividi din l-informazzjoni fi ħdan l-Eurosistema. Il-fornituri tal-ERMS għandhom jibagħtu informazzjoni dwar tali kondiviżjoni ta’ informazzjoni ad hoc lill-klijent hekk kif ikun raġonevolment prattikabbli.

    5.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar il-forniment ta’ kwalunkwe servizz f’euro fir-rigward tal-investiment ta’ riżervi li mhuwiex inkluż fl-Artikolu 3 għalhekk mhux soġġett għal din il-Linja Gwida, filwaqt li jispeċifikaw it-tip ta’ servizz u t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli.

    Artikolu 6

    Projbizzjoni u sospensjoni ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

    1.   Il-klijent għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar sanzjonijiet jew miżuri restrittivi u għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sa punt u sa fejn tali leġiżlazzjoni tkun applikabbli għall-klijent, inklużi struzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti. Il-klijent għandu jikkonferma wkoll lill-fornitur tal-ERMS il-konformità tiegħu ma’ tali leġiżlazzjoni u li ma jkun involut fl-ebda forma ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

    2.   Il-fornituri tal-ERMS jistgħu jillimitaw, jissospendu jew jeskludu klijent mill-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema taħt kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    jekk il-klijent jonqos milli jikkonforma mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1;

    (b)

    jekk il-klijent u/jew ir-riżervi tiegħu jkunu soġġetti għal kwalunkwe sanzjoni jew miżura restrittiva imposta mill-Unjoni u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (c)

    jekk il-klijent jonqos milli jikkonforma ma’ kwalunkwe obbligu previst f’din il-Linja Gwida jew fil-kuntratt ERMS individwali.

    3.   Jekk il-fornitur tal-ERMS jirrifjuta li jipprovdi, jew jillimita l-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema lil klijent, fuq il-bażi ta’ miżura jew deċiżjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-fornitur tal-ERMS ikkonċernat għandu jinnotifika minnufih lill-BĊE b’dan. Il-BĊE għandu min-naħa tiegħu jinforma minnufih lill-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema b’dan. It-teħid ta’ kwalunkwe miżura jew deċiżjoni bħal din ma għandux jipprevjeni lill-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema milli jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema lil dawk il-klijenti.

    Artikolu 7

    Responsabbiltà u obbligazzjoni għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

    1.   Kull fornitur tal-ERMS għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew informali dwar is-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema mal-klijenti tiegħu u għandu jkun responsabbli għas-servizzi li jipprovdi. L-eżistenza ta’ tali arranġament fiha nnifisha ma toħloqx drittijiet jew intitolamenti tal-klijenti fir-rigward ta’ kwalunkwe bank ċentrali ieħor tal-Eurosistema.

    2.   Il-fornitur tal-ERMS jista’ jagħmel suġġerimenti lill-klijenti dwar iż-żmien u l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni biex jiġu evitati kunflitti mal-politika monetarja u tar-rata tal-kambju tal-Eurosistema, u ma għandux ikun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li dawn is-suġġerimenti jista’ jkollhom għall-klijent.

    Artikolu 8

    Arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti

    1.   Il-fornituri tal-ERMS għandhom jiżguraw li l-arranġamenti kuntrattwali tagħhom mal-klijenti jimplimentaw din il-Linja Gwida.

    2.   Jekk klijent ma jaqbilx mal-bidliet meħtieġa biex jiġi żgurat li l-arranġament kuntrattwali tiegħu mal-fornitur tal-ERMS ikun konsistenti ma’ din il-Linja Gwida, il-fornitur tal-ERMS għandu jittermina l-arranġament kuntrattwali. Meta l-emenda tirreferi għal servizz speċifiku biss u mhux għas-sett sħiħ ta’ servizzi, il-fornitur tal-ERMS jista’ jagħżel li jittermina biss is-servizz li huwa kkonċernat mill-bidliet rilevanti.

    Artikolu 9

    Rwol tal-BĊE

    Il-BĊE għandu jikkoordina l-forniment ġenerali ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema u l-qafas ta’ informazzjoni relatat, u għal dan il-għan, jista’ jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi interni. Kwalunkwe bank ċentrali tal-Eurosistema li jsir fornitur tal-ERMS jew li jtemm l-istatus tiegħu bħala fornitur tal-ERMS għandu jgħarraf lill-BĊE dwar dan.

    Artikolu 10

    Assenza ta’ applikazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7)

    Skont l-Artikolu 1, il-punt (c), tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7), id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Linja Gwida ma japplikawx għal tranżazzjonijiet eżegwiti u depożiti meħuda fil-qafas tas-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema.

    Artikolu 11

    Tħassir tal-Linja Gwida (UE) 2021/564 (BĊE/2021/9)

    1.   Il-Linja Gwida (UE) 2021/564 (BĊE/2021/9) titħassar b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2024.

    2.   Ir-referenzi għal-Linja ta’ Gwida mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Diċembru 2024.

    Artikolu 13

    Destinatarji

    Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ April 2024.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Christine LAGARDE


    (1)  Linja Gwida (UE) 2021/564 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Marzu 2021 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u li tħassar il-Linja Gwida (UE) 2020/1284 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/9) (ĠU L 119, 7.4.2021, p. 121).

    (2)  Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).

    (3)  Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar ir-remunerazzjoni ta’ depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (ĠU L, 2024/1209, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1209/oj).

    (4)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

    (5)  Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30).


    ANNESS

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Linja Gwida (UE) 2021/564 (BĊE/2021/9)

    Din il-Linja Gwida

    -

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    -

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    -

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 10

    -

    -

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    -

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    -

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    -

    -

    Artikolu 10

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 13


    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/1211/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top