Este documento es un extracto de la web EUR-Lex
Documento 32024L2842
Directive (EU) 2024/2842 of the European Parliament and of the Council of 23 October 2024 extending Directive (EU) 2024/2841 to third-country nationals legally residing in a Member State
Direttiva (UE) 2024/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li testendi d-Direttiva (UE) 2024/2841 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru
Direttiva (UE) 2024/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li testendi d-Direttiva (UE) 2024/2841 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru
PE/70/2024/REV/1
ĠU L, 2024/2842, 14.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2842/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Vigente
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/2842 |
14.11.2024 |
DIRETTIVA (UE) 2024/2842 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Ottubru 2024
li testendi d-Direttiva (UE) 2024/2841 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru
PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2), il-punt (b), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Sabiex jissaħħaħ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu tal-persuni b’diżabilità u biex jissaħħu l-possibbiltajiet għall-persuni b’diżabilità li jivvjaġġaw lejn jew iżuru Stat Membru ieħor għal soġġorn qasir, id-Direttiva (UE) 2024/2841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi l-qafas ta’ regoli u kundizzjonijiet komuni, inkluż format standardizzat u aċċessibbli komuni, għal Kard Ewropea tad-Diżabilità bħala prova ta’ status ta’ diżabilità rikonoxxut jew ta’ intitolament għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità, għall-aċċess, b’termini u kundizzjonijiet ugwali, għal kwalunkwe kundizzjoni speċjali jew trattament preferenzjali offrut minn awtoritajiet pubbliċi jew operaturi privati f’varjetà ta’ servizzi, attivitajiet jew faċilitajiet, inkluż fejn ma jiġux ipprovduti bi ħlas, u għal Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b’diżabilità, bħala prova tad-dritt rikonoxxut tagħhom għal kundizzjonijiet ta’ parkeġġ u faċilitajiet riżervati għal persuni b’diżabilità fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn jirrisjedu. |
(2) |
L-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura, fost oħrajn, it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri. Fuq dik il-bażi, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta’ regoli li jispeċifikaw id-drittijiet li għalihom jiġi pprovdut trattament ugwali bejn il-benefiċjarji tad-Direttiva (UE) 2024/2841 u tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 67(2) TFUE, persuni apolidi għandhom jiġu ttrattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. |
(4) |
Sabiex jissaħħaħ ir-rispett għat-trattament ugwali, l-inklużjoni u n-nondiskriminazzjoni, inkluż fir-rigward tal-obbligi rilevanti skont id-dritt internazzjonali, fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li mhumiex benefiċjarji tad-Direttiva (UE) 2024/2841, u biex jiġi ggarantit ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ diżabilità tagħhom jew l-intitolament għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità madwar l-Unjoni, u b’hekk jiġu żgurati wkoll parteċipazzjoni u inklużjoni effettivi u sħaħ fis-soċjetà ta’ tali persuni fuq bażi ugwali maċ-ċittadini tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu applikati r-regoli, id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2024/2841 għal persuni b’diżabilità li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li l-istatus ta’ diżabilità jew l-intitolament tagħhom għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità jkun ġie rikonoxxut minn dak l-Istat Membru, kif ukoll, fejn applikabbli, għal persuni li jakkumpanjawhom jew li jassistuhom inkluż l-assistenti personali, jew għall-annimali ta’ assistenza. Pereżempju, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (4) jew benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li jkunu koperti minn din id-Direttiva, dment li jkunu residenti legalment fi Stat Membru u li l-istatus ta’ diżabilità tagħhom jew l-intitolament tagħhom għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità jkunu ġew rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru. |
(5) |
Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet kollha fid-Direttiva (UE) 2024/2841, bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, ikunu applikabbli mutatis mutandis għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. |
(6) |
B’mod partikolari, filwaqt li jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli applikabbli tal-Unjoni li jirregolaw il-mobbiltà madwar l-Unjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, billi tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabilità tagħhom jew l-intitolament tagħhom għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità madwar l-Istati Membri, din id-Direttiva tista’ tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ dawk il-persuni li jiċċaqilqu jew jivvjaġġaw madwar l-Unjoni dment li diġà jkollhom tali dritt għall-mobbiltà. Meta tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom Kard Ewropea tad-Diżabilità jew Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b’diżabilità jiċċaqilqu jew jivvjaġġaw legalment madwar l-Unjoni, dawn ser jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ rikonoxximent reċiproku skont din id-Direttiva. |
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2024/2841 li jirregolaw il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b’diżabilità bħala prova, rispettivament, ta’ status ta’ diżabilità rikonoxxut jew ta’ intitolament għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità, u tad-dritt rikonoxxut tagħhom għal kundizzjonijiet u faċilitajiet ta’ parkeġġ riżervati għall-persuni b’diżabilità, li jipprovdu aċċess, b’termini u kundizzjonijiet ugwali, għal kwalunkwe kundizzjoni speċjali jew trattament preferenzjali fir-rigward tas-servizzi, attivitajiet jew faċilitajiet, inkluż fejn ma jkunux ipprovduti bi ħlas, u għal kundizzjonijiet ta’ parkeġġ u faċilitajiet offruti lil jew riżervati għal persuni b’diżabilità, kif ukoll, fejn applikabbli, lil persuni li jakkumpanjawhom jew li jassistuhom inkluż l-assistenti personali, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, jew l-annimali ta’ assistenza, japplikaw bl-istess mod għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru. L-għoti ta’ drittijiet lil tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jaċċessaw kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali, jew kundizzjonijiet u faċilitajiet ta’ parkeġġ riżervati għall-persuni b’diżabilità bl-istess mod bħal dawk previsti għall-benefiċjarji tad-Direttiva (UE) 2024/2841 ma jaffettwax ir-regoli dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri. |
(8) |
L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/2841 lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’diżabilità koperti minn din id-Direttiva b’lingwa li jistgħu jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu. |
(9) |
Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’diżabilità jinsabu f’riskju akbar li jkunu soġġetti għal diversi forom ta’ diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tiddikjara li n-nisa u l-bniet b’diżabilità huma soġġetti għal diversi forom ta’ diskriminazzjoni, u tipprevedi li l-Istati Parti jieħdu miżuri biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali minnhom tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha. Tirrikonoxxi wkoll il-kundizzjonijiet diffiċli li qed jiffaċċjaw persuni b’diżabilità li huma soġġetti għal forom multipli u aggravati ta’ diskriminazzjoni minħabba razza, kulur, sess, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjonijiet oħra, oriġini nazzjonali, etnika, indiġena jew soċjali, proprjetà, twelid, età jew status ieħor. |
(10) |
Jenħtieġ li l-obbligi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2024/2841 ikopru wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li r-rapport tal-Kummissjoni msemmi f’dak l-Artikolu jinkludi analiżi ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ żvantaġġ li jirriżultaw minn diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija mifhuma bħala diskriminazzjoni bbażata fuq taħlita ta’ diżabilità u kwalunkwe raġuni oħra protetta skont id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE (6), 2000/43/KE (7), 2000/78/KE (8) jew 2004/113/KE (9), b’enfasi partikolari fuq in-nisa u l-bniet b’diżabilità. |
(11) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(12) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(13) |
Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu estiżi r-regoli, id-drittijiet u l-obbligi stipulati fid-Direttiva (UE) 2024/2841 għal persuni b’diżabilità li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li mhumiex benefiċjarji tad-Direttiva (UE) 2024/2841, kif ukoll għall-persuni li jakkumpanjawhom jew li jassistuhom inkluż l-assistenti personali, jew għall-annimali ta’ assistenza, u b’hekk jiġu ffaċilitati wkoll il-possibbiltajiet tagħhom li jiċċaqilqu jew jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni li tistabbilixxi qafas ta’ regoli u kundizzjonijiet komuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Ir-regoli, id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2024/2841 għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru li mhumiex benefiċjarji ta’ dik id-Direttiva u li l-istatus ta’ diżabilità tagħhom jew l-intitolament tagħhom għal servizzi speċifiċi bbażati fuq diżabilità, jew id-drittijiet għal kundizzjonijiet u faċilitajiet ta’ parkeġġ riżervati għal persuni b’diżabilità, ikunu ġew rikonoxxuti mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom, kif ukoll għall-persuni li jakkumpanjawhom jew li jassistuhom inkluż l-assistenti personali, jew għall-annimali ta’ assistenza, kif definiti, rispettivament, fl-Artikolu 3, il-punti (4) u (8), ta’ dik id-Direttiva.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE.
Artikolu 3
Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa r-regoli applikabbli li jirregolaw il-mobbiltà fl-Unjoni kollha ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru.
Artikolu 4
L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jakkomodaw ħtiġijiet lingwistiċi speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni tal-lingwa, kif xieraq.
Artikolu 5
Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu koperti mill-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2024/2841.
Artikolu 6
1. Sal-5 ta’ Ġunju 2027, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-5 ta’ Ġunju 2028.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 7
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 8
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
ZSIGMOND B. P.
(1) ĠU C, C/2024/1981, 18.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1981/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2024.
(3) Id-Direttiva (UE) 2024/2841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li tistabbilixxi l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b’diżabilità (ĠU L, 2024/2841, 14.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2841/oj.).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
(5) Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1347/oj).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2842/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)