Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1712

Direttiva (UE) 2024/1712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu

PE/14/2024/REV/1

ĠU L, 2024/1712, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1712/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1712/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1712

24.6.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1712 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(2) u 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat gravi, li ħafna drabi jiġi mwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, huwa ksur serju tad-drittijiet fundamentali, u huwa pprojbit espliċitament mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-appoġġ lill-vittmi tiegħu, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jibqgħu prijorità għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha.

(2)

It-traffikar tal-bnedmin għandu diversi kawżi fundamentali. Il-faqar, il-konflitt, l-inugwaljanza, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg vijabbli jew ta’ appoġġ soċjali, kriżijiet umanitarji, l-apolidija u d-diskriminazzjoni huma fost il-fatturi ewlenin li jagħmlu lill-persuni, speċjalment lin-nisa, lit-tfal u lil membri ta’ gruppi emarġinati oħra, vulnerabbli għat-traffikar.

(3)

Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) hija l-istrument legali ewlieni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dan ir-reat. Dik id-Direttiva tistipula qafas komprensiv biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin billi jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet. Tinkludi wkoll dispożizzjonijiet komuni biex jissaħħu l-prevenzjoni tat-traffikar, l-assistenza pprovduta lill-vittmi kif ukoll il-protezzjoni tagħhom, b’kont meħud tal-perspettivi tal-ġeneru, tad-diżabbiltà u tat-tfal, u bl-użu ta’ approċċ iffukat fuq il-vittmi.

(4)

It-traffikar tal-bnedmin jista’ jiġi aggravat fejn jikkoinċidi ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet ta’ sess imħallta ma’ raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni pprojbiti mil-liġi tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-vittmi affettwati minn tali diskriminazzjoni u vjolenza intersezzjonali, u liż-żieda fil-vulnerabbiltà li tirriżulta minnhom, billi jipprovdu miżuri speċifiċi fejn ikunu preżenti forom ta’ diskriminazzjoni li jikkoinċidu. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-oriġini etnika.

(5)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, il-Kummissjoni stipulat rispons politiku li jadotta approċċ multidixxiplinari u komprensiv għall-prevenzjoni tat-traffikar, mill-protezzjoni tal-vittmi sal-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti. Dik il-komunikazzjoni kienet tinkludi sensiela ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati bl-involviment qawwi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Sabiex jiġu indirizzati x-xejriet li qed jevolvu fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni, u biex ikomplu jiżdiedu l-isforzi kontra dan ir-reat, jeħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva 2011/36/UE. In-nuqqasijiet identifikati tar-rispons tad-dritt kriminali li jeħtieġu adattament tal-qafas legali huma relatati ma’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin li huma mwettqa fl-interess ta’ persuni ġuridiċi, mas-sistema tal-ġbir ta’ data, mal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, u mas-sistemi nazzjonali mmirati lejn id-detezzjoni bikrija tal-vittmi tat-traffikar, l-identifikazzjoni tagħhom, u l-assistenza speċjalizzata u l-appoġġ li jingħataw.

(6)

L-isfruttament tal-maternità surrogata, iż-żwieġ furzat, jew l-adozzjoni illegali jistgħu diġà jiġu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin kif definit fid-Direttiva 2011/36/UE, sa fejn il-kriterji kollha li jikkostitwixxu dawk ir-reati huma sodisfatti. Madankollu, minħabba l-gravità ta’ dawk il-prattiki u sabiex tiġi miġġielda ż-żieda kontinwa fl-għadd u fir-rilevanza tar-reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin imwettqa għal skopijiet oltre l-isfruttament sesswali jew tal-ħaddiema, l-isfruttament tal-maternità surrogata, taż-żwieġ furzat, jew tal-adozzjoni illegali jenħtieġ li jiġu inklużi bħala forom ta’ sfruttament f’dik id-Direttiva, sa fejn jissodisfaw l-elementi kostituttivi tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż il-kriterju tal-mezzi. B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tat-traffikar għall-isfruttament tal-maternità surrogata, din id-Direttiva tqiegħed fil-mira dawk li jġiegħlu lin-nisa jew iqarrqu bihom biex jaġixxu ta’ ommijiet surrogati. L-emendi għad-Direttiva 2011/36/UE li saru minn din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet ta’ żwieġ, adozzjoni, żwieġ furzat u adozzjoni illegali, jew għal dawk ta’ reati relatati magħhom għajr it-traffikar, fejn previst fil-liġi nazzjonali jew fid-dritt internazzjonali. Dawk ir-regoli huma wkoll mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-maternità surrogata, inkluż id-dritt kriminali jew il-liġi tal-familja.

(7)

It-tfal imqiegħda f’istituzzjonijiet residenzjali u tat-tip magħluqa huma grupp partikolarment vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin. Huma jistgħu jisfaw vittmi tat-traffikar waqt li jkunu qed jitqiegħdu f’dawk l-istituzzjonijiet, meta jkunu hemm u wara.

(8)

Għadd dejjem akbar ta’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin jitwettqu jew jiġu ffaċilitati permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni. It-traffikanti jużaw frekwentement l-internet u l-media soċjali, biex fost l-oħrajn jirreklutaw, jirreklamaw jew jisfruttaw il-vittmi, jeżerċitaw kontroll fuqhom u jorganizzaw it-trasport tagħhom. L-internet u l-media soċjali jintużaw ukoll biex jitqassmu materjali ta’ sfruttament. It-teknoloġija tal-informazzjoni xxekkel ukoll id-detezzjoni f’waqtha tar-reat u l-identifikazzjoni tal-vittmi u tal-awturi ta’ reat.

(9)

Il-qafas legali eżistenti fid-Direttiva 2011/36/UE diġà jinkludi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, reati mwettqa bl-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, pereżempju fir-reklutaġġ u l-isfruttament tal-vittmi, l-organizzazzjoni tat-trasport u l-akkomodazzjoni tagħhom, ir-reklamar tal-vittmi online u l-kuntatt ma’ klijenti potenzjali, il-kontroll tal-vittmi u l-komunikazzjoni bejn l-awturi ta’ reati, inkluż it-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati kollha. Sabiex jiġi indirizzat dan il-modus operandi tat-traffikanti, hemm bżonn li l-infurzar tal-liġi jtejjeb il-kapaċitajiet u l-għarfien espert diġitali tiegħu, u jlaħħaq mal-iżviluppi teknoloġiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri li huma mistiedna jikkunsidraw l-użu ta’ miżuri preventivi li jindirizzaw il-kwistjoni tal-abbuż tas-servizzi online għall-fini tat-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jiskoraġġixxu d-domanda.

(10)

Il-livell tal-pieni għat-traffikar jirrifletti l-għajb pubbliku ogħla għal tipi ta’ mġiba aktar serja, u għall-impatti l-aktar dannużi u dewwiema li dawn iħallu fuq il-vittmi. Dan jinkludi l-effett ta’ amplifikazzjoni tad-disseminazzjoni ta’ materjal ta’ sfruttament, inkluż id-disseminazzjoni fi gruppi magħluqa aċċessibbli għal għadd limitat ta’ parteċipanti. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi prevista bħala ċirkostanza aggravanti, id-disseminazzjoni, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ta’ immaġnijiet jew filmati jew materjal simili ta’ natura sesswali li jinvolvi lill-vittma.

(11)

Għalkemm ma hemm l-ebda obbligu li jiżdiedu s-sentenzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-imħallfin u l-qrati, meta jagħtu sentenzi lit-trasgressuri, ikunu jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi aggravanti li jinsabu f’din id-Direttiva. Tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallfin jew tal-qrati li jiddeterminaw jekk iżidux mas-sentenza minħabba ċ-ċirkostanzi aggravanti speċifiċi, fil-qies tal-fatti kollha tal-każ partikolari. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jipprevedu ċirkostanzi aggravanti fejn liġi nazzjonali tipprevedi r-reat kriminali tad-disseminazzjoni ta’ immaġnijiet jew filmati jew materjal ieħor simili ta’ natura sesswali li jinvolvu l-vittma, permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ikun punibbli bħala reat kriminali separat u li dan jista’ jwassal għal pieni eħrex skont il-liġi nazzjonali.

(12)

Sabiex jissaħħaħ ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għal reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin imwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni ġuridiċi u sabiex jiġi skoraġġut it-twettiq ta’ dawk ir-reati, ir-reġim ta’ sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi jenħtieġ li jiġi ċċarat u allinjat ma’ strumenti oħra tad-dritt kriminali tal-Unjoni. Skont id-Direttivi 2014/23/UE (4), 2014/24/UE (5) u 2014/25/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kundanna b’sentenza definittiva għat-tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin hija raġuni għal esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist jew proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jinkludu, fost sanzjonijiet kriminali jew mhux kriminali jew miżuri li jistgħu jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi, l-esklużjoni ta’ tali persuni ġuridiċi mill-proċeduri ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni, sabiex ikopru wkoll l-akkwist u l-konċessjonijiet taħt il-livelli limitu tad-Direttivi rilevanti.

(13)

Id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali f’materji kriminali, u hija applikabbli għar-reati kriminali koperti mid-Direttiva 2011/36/UE. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/36/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska huma għalhekk obsoleti u jenħtieġ li jitħassru.

(14)

Id-Direttiva 2011/36/UE tagħti l-possibbiltà tan-nonprosekuzzjoni u n-nonapplikazzjoni tal-pieni lill-vittmi tat-traffikar fir-rigward ta’ reati kriminali li kienu mġiegħla jwettqu bħala konsegwenza diretta talli kienu soġġetti għat-traffikar. Huwa xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti jiġi estiż għall-attivitajiet illegali kollha li l-vittmi kienu mġiegħla jwettqu bħala konsegwenza diretta talli kienu soġġetti għat-traffikar, bħal reati amministrattivi marbuta mal-prostituzzjoni, it-talb tal-elemosina, it-tlajjar jew ix-xogħol mhux iddikjarat, jew atti oħra li mhumiex ta’ natura kriminali iżda li huma soġġetti, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għal pieni amministrattivi jew pekunarji, sabiex il-vittmi tat-traffikar jiġu mħeġġa aktar jirrapportaw ir-reat jew ifittxu appoġġ u assistenza, u biex ikunu assigurati dwar il-possibbiltajiet li ma jinżammux responsabbli.

(15)

Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-vittmi fi stadju bikri, u li dawn jiġu riferuti għas-servizzi xierqa ta’ protezzjoni, assistenza u appoġġ, huwa meħtieġ li fl-Istati Membri jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ riferiment wieħed jew aktar, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ riferiment formali u l-ħatra ta’ punt fokali nazzjonali għar-riferiment transkonfinali tal-vittmi huma miżuri essenzjali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali. Jenħtieġ li mekkaniżmu ta’ riferiment ikun qafas trasparenti, aċċessibbli u armonizzat li jiffaċilita d-detezzjoni bikrija, l-identifikazzjoni, l-assistenza għall-vittmi tat-traffikar u l-appoġġ tagħhom, u li jiffaċilita r-riferiment tagħhom lill-organizzazzjonijiet u l-korpi nazzjonali responsabbli. Jenħtieġ li tali qafas jidentifika l-awtoritajiet kompetenti parteċipanti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra u jistipula r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, inkluż il-proċeduri u l-linji ta’ komunikazzjoni. Dawk il-mekkaniżmi ta’ riferiment jistgħu jieħdu l-forma ta’ sett ta’ proċeduri stabbiliti, linji gwida, arranġamenti ta’ kooperazzjoni jew protokolli. Jenħtieġ li mekkaniżmu ta’ riferiment japplika għall-vittmi kollha u għall-forom kollha ta’ reati tat-traffikar filwaqt li titqies il-vulnerabbiltà individwali tal-vittmi. L-Istati Membri huma mħeġġa jkollhom mekkaniżmu wieħed ta’ riferiment fis-seħħ meta l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tippermetti dan. Jenħtieġ li l-punt fokali jservi bħala punt ta’ kuntatt għar-riferiment transkonfinali tal-vittmi, fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet jew l-istituzzjonijiet responsabbli għall-appoġġ transkonfinali tal-vittmi fid-diversi Stati Membri, iżda mhux bħala punt ta’ kuntatt għall-vittmi nfushom. Il-punti fokali jistgħu jkunu bbażati fuq mekkaniżmi jew strutturi ta’ governanza eżistenti u mhux ser ikollhom jissostitwixxu mekkaniżmi jew hotlines nazzjonali tal-ilmenti.

(16)

Sabiex jittejbu l-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni sikura mgħammra biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Sabiex tissaħħaħ is-sikurezza tal-vittmi preżunti jew identifikati, l-Istati Membri huma mħeġġa jirrikjedu li l-persunal li jiġi f’kuntatt fil-postijiet ta’ kenn mal-vittmi tat-traffikar ma jkollux rekord kriminali ta’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin, jew ta’ delitti jew reati oħra li jwasslu għal dubji serji dwar il-kapaċità tiegħu li jassumi rwol ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-vittmi.

(17)

Il-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal, jinsabu f’riskju akbar li jisfaw vittmi tat-traffikar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b’diżabbiltà vittmi tat-traffikar meta jipprovdulhom miżuri ta’ appoġġ.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-vittmi jirċievu assistenza irrispettivament min-nazzjonalità jew l-apolidija tagħhom, miċ-ċittadinanza, mill-post ta’ residenza jew mill-istatus ta’ residenza tagħhom, kif ukoll mill-forma ta’ sfruttament tagħhom. Jenħtieġ li l-mira tal-assistenza tkun ir-riintegrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà, li tista’ tinkludi l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, f’konformità mal-liġi nazzjonali, kif ukoll ir-ritorn għal ħajja indipendenti.

(19)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu, matul il-proċeduri tal-ażil, is-sitwazzjoni speċifika ta’ vulnerabbiltà tal-vittmi tat-traffikar li jistgħu jkunu fi ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali, inkluż, fejn applikabbli, permezz ta’ garanziji proċedurali speċjali f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(20)

Sabiex l-Istati Membri jipprevjenu t-traffikar mill-ġdid tal-vittmi fl-Unjoni, importanti li, meta l-vittmi jkunu ttrasferiti skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), l-Istati Membri ma jittrasferux lill-vittmi lejn Stat Membru fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-vittmi, minħabba t-trasferiment lejn dak l-Istat Membru, ser ikunu f’riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom li jammonta għal trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta.

(21)

Il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom id-dritt li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali jew status nazzjonali ekwivalenti. Jistgħu wkoll jibbenefikaw minn permess ta’ residenza skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE (11), fejn applikabbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn iż-żewġ proċeduri rilevanti jkunu komplementari u waħda ma tipprekludix lill-oħra.

(22)

Il-persuni apolidi huma f’riskju akbar li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lil dak il-grupp vulnerabbli.

(23)

It-tfal jitqiesu bħala wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fil-mira tal-organizzazzjonijiet kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin. Tali gruppi kriminali spiss jisfruttaw lit-tfal billi jirreklutawhom u mbagħad jużawhom biex iwettqu attivitajiet kriminali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu jew joffru taħriġ regolari u speċjalizzat lill-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt ma’ dawn it-tfal, sabiex jindunaw bihom u jidentifikawhom bħala vittmi.

(24)

Jenħtieġ li kwalunkwe miżura li tillimita l-libertà tat-tfal sabiex tipproteġihom mit-traffikar tkun strettament meħtieġa, proporzjonata u raġonevoli għall-għan tal-protezzjoni tat-tifel jew tifla individwali.

(25)

Sabiex jiffaċilitaw il-ħlas ta’ kumpens lill-vittmi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond nazzjonali għall-vittmi jew strumenti simili li jistgħu jinkludu liġijiet li jiżguraw il-kumpens lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

(26)

Sabiex jiġi żviluppat rispons ta’ politika koerenti biex jindirizza d-domanda li trawwem it-traffikar tal-bnedmin, u biex ikompli jsaħħaħ u jarmonizza l-isforzi tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri kollha biex titnaqqas din id-domanda, importanti li jiġi kriminalizzat l-użu tas-servizzi fejn il-vittma tiġi sfruttata biex tagħti tali servizzi u l-utent tas-servizzi jkun jaf li dik il-persuna li qed tagħti s-servizz hija vittma ta’ reat li jikkonċerna t-traffikar tal-bnedmin. L-istabbiliment ta’ dan bħala reat kriminali huwa parti minn approċċ komprensiv biex titnaqqas id-domanda, li għandu l-għan li jindirizza l-livelli għoljin ta’ domanda li jrawmu kull forma ta’ sfruttament. Jenħtieġ li l-kriminalizzazzjoni tolqot biss l-użu ta’ servizzi pprovduti fil-qafas tal-isfruttament li huma koperti mir-reat tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, jenħtieġ li r-reat ma japplikax għall-klijenti li jixtru prodotti manifatturati taħt kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi, peress li mhumiex l-utenti ta’ servizz. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali minimu f’dan ir-rigward, u l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli kriminali aktar stretti. Fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkriminalizzaw ix-xiri ta’ atti sesswali. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-mod li bih l-Istati Membri jittrattaw il-prostituzzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom.

(27)

Din id-Direttiva tikkriminalizza l-użu ta’ servizz ipprovdut minn vittma tat-traffikar tal-bnedmin meta l-utent tas-servizz għandu għarfien li l-persuna li tipprovdi s-servizz hija vittma. Il-kunċett ta’ “għarfien” jenħtieġ li jiġi interpretat f’konformità mal-liġi nazzjonali. F’kull każ, meta jiġi vvalutat jekk l-utent kienx jaf li l-persuna kienet vittma tat-traffikar, u mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja, jenħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. L-għarfien jista’ jiġi dedott minn ċirkostanzi fattwali u oġġettivi. Iċ-ċirkostanzi jistgħu jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-vittmi nfushom, il-kundizzjonijiet li taħthom is-servizzi kellhom jiġu pprovduti mill-vittmi, u fatti speċifiċi li jistgħu jitqiesu bħala sinjali ta’ kontroll tat-traffikant fuq il-vittmi. Fir-rigward taċ-ċirkostanzi relatati mal-vittmi nfushom, jista’ jittieħed kont tan-nuqqas ta’ profiċjenza tagħhom f’lingwa waħda nazzjonali jew reġjonali, ta’ sinjali ċari ta’ ħsara psikoloġika jew fiżika jew ta’ biża’, jew tan-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar l-ibliet jew il-postijiet fejn jinsabu jew fejn kienu. Fir-rigward taċ-ċirkostanzi relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom kellhom jiġu pprovduti s-servizzi, jista’ jittieħed kont tal-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-fornitur tas-servizz, kif ukoll il-kundizzjoni tal-post fejn ġie pprovdut is-servizz. Sinjali ta’ kontroll ta’ traffikant fuq il-vittmi jistgħu jiġu stabbiliti meta jkun hemm miżuri ċari ta’ kontroll estern fuq il-fornituri tas-servizzi, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tagħhom, jew mill-fatt li l-fornituri tas-servizzi ma jkunux fil-pussess tal-karti tal-identità jew tal-passaporti nazzjonali tagħhom.

(28)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ tnaqqis fid-domanda jkunu mmirati u differenzjati sabiex jindirizzaw b’effiċjenza l-ispeċifiċitajiet tal-forom varji tat-traffikar. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-iskoraġġiment u tat-tnaqqis fid-domanda li trawwem it-traffikar, importanti li l-Istati Membri jqisu azzjoni xierqa ulterjuri mmirata lejn utenti potenzjali u attwali, bħall-offerta ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni ddiżinjati apposta.

(29)

Fil-kuntest tat-taħriġ, u sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward in-nonprosekuzzjoni jew in-nonapplikazzjoni tal-pieni, jenħtieġ li l-Istati Membri jissensibilizzaw lill-prosekuturi u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi jew ma’ vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin.

(30)

Sabiex jissaħħaħ ir-rispons tal-politika nazzjonali, jeħtieġ li jiġu stabbiliti koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew mekkaniżmi ekwivalenti, u jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu korpi indipendenti. Hija fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema entitajiet jinħatru jew jiġu stabbiliti bħala koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar, jew bħala mekkaniżmi ekwivalenti jew korpi indipendenti, irrispettivament mit-titolu tagħhom, f’konformità mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, dment li tali entitajiet ikollhom il-kompetenzi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti previsti f’din id-Direttiva.

(31)

Il-ġbir ta’ data preċiża, koerenti u anonimizzata u l-pubblikazzjoni f’waqtha tad-data u l-istatistika miġbura huma fundamentali biex jiġi żgurat għarfien sħiħ dwar il-firxa tat-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni. L-introduzzjoni ta’ rekwiżit għall-Istati Membri biex jiġbru u jirrapportaw lill-Kummissjoni data statistika dwar it-traffikar tal-bnedmin kull sena b’mod armonizzat hija pass rilevanti biex jittejjeb il-fehim ġenerali dwar il-fenomenu u biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ politiki u strateġiji infurmati bid-data.

(32)

Bil-ħsieb li jappoġġaw il-politiki nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw ukoll Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar.

(33)

Fil-każ tat-tfal, l-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li s-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal jiżviluppaw pjanijiet speċifiċi għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż dak tat-tfal f’istituzzjonijiet residenzjali jew tat-tip magħluqa.

(34)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dak ir-reat, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(35)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari r-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u ta’ pieni jew trattament inumani jew degradanti, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, u l-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi rispett sħiħ għal dawk id-drittijiet u l-prinċipji, li għandhom jiġu implimentati kif meħtieġ.

(36)

F’konformità mal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat, permezz tal-ittra tal-20 ta’ April 2023, ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(37)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(38)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (12), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

(39)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/36/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2011/36/UE

Id-Direttiva 2011/36/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-isfruttament għandu jinkludi, bħala minimu, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inkluż it-talb tal-elemosina, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù, jew l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta’ organi, jew l-isfruttament tal-maternità surrogata, taż-żwieġ furzat, jew tal-adozzjoni illegali.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Meta l-għemil imsemmi fil-paragrafu 1 jinvolvi t-tfal, għandu jkun reat ta’ traffikar tal-bnedmin punibbli anke jekk ma jkun intuża l-ebda mezz minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-isfruttament tal-maternità surrogata kif imsemmi fil-paragrafu 3, sakemm l-omm surrogata ma tkunx tifla.”

;

(2)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

ikun twettaq bl-użu ta’ vjolenza serja jew ikun ikkawża ħsara partikolarment serja lill-vittma, inkluż ħsara fiżika jew psikoloġika.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jkollhom x’jaqsmu ma’ reat imsemmi fl-Artikolu 2, dawn li ġejjin, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti:

(a)

il-fatt li r-reat twettaq minn uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom;

(b)

il-fatt li l-awtur iffaċilita jew wettaq, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, id-disseminazzjoni ta’ immaġnijiet jew filmati jew materjal simili ta’ natura sesswali li jinvolvi lill-vittma.”

;

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1) imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’:”

;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, tkun għamlet possibbli t-twettiq tar-reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1) għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi tar-reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1), istigaturi tagħhom jew aċċessorji fihom.”

;

(4)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5(1) jew (2) tista’ tkun ikkastigata b’sanzjonijiet jew miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi, kriminali jew mhux kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri għall-persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5(1) jew (2) għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1) għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet jew miżuri oħra, kriminali jew mhux kriminali, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji jew għajnuna pubblika;

(b)

l-esklużjoni mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inkluż il-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti, għotjiet, konċessjonijiet u liċenzji;

(c)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

(d)

irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jkunu rriżultaw fir-reat rilevanti;

(e)

it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja;

(f)

l-istralċ ġudizzjarju;

(g)

għeluq tal-istabbilimenti użati għat-twettiq tar-reat;

(h)

meta jkun fl-interess pubbliku, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja kollha jew ta’ parti minnha marbuta mar-reat kriminali mwettaq u s-sanzjonijiet jew il-miżuri imposti, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.”

;

(5)

L-Artikolu 7 huwa mħassar;

(6)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Nonprosekuzzjoni u nonapplikazzjoni tal-pieni għall-vittmi

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-prinċipji bażiċi tas-sistemi legali tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu intitolati li ma jipproċedux kontra l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, jew li ma jimponux pieni fuqhom, għall-involviment tagħhom f’attivitajiet kriminali jew f’attivitajiet illegali oħra li kienu mġiegħla jwettqu bħala konsegwenza diretta talli kienu soġġetti għal kwalunkwe att imsemmi fl-Artikolu 2.”

;

(7)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1) ma jkunux dipendenti fuq ir-rapport jew l-akkuża magħmula mill-vittma u li l-proċedimenti kriminali jistgħu jkomplu anke jekk il-vittma tkun irtirat l-istqarrija tagħha.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 jkunu mħarrġa kif meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi li jinvestigaw u jipprosegwixxu r-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3, fejn dawk ir-reati huma mwettqa jew iffaċilitati permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni, ikollhom l-għarfien espert u l-kapaċitajiet teknoloġiċi adegwati. L-Istati Membri huma mħeġġa joħolqu unitajiet speċjalizzati fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni, fejn xieraq u f’konformità mas-sistemi legali nazzjonali tagħhom.”

;

(8)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1) fejn:”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni għal reati msemmija fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 18a(1) mwettqa barra mit-territorju tiegħu, fost l-oħrajn, fejn:”

;

(9)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi jingħataw assistenza u appoġġ speċjalizzati, b’approċċ iffukat fuq il-vittmi u sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru, diżabbiltà u tfal, u li dawn jingħataw qabel, waqt, u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara l-konklużjoni, tal-proċedimenti kriminali, sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet stipulati fid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u f’din id-Direttiva.

(*1)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).”;"

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, jistabbilixxu mekkaniżmi, wieħed jew aktar, immirati lejn id-detezzjoni bikrija tal-vittmi identifikati u preżunti, u lejn l-identifikazzjoni tagħhom u l-assistenza u l-appoġġ li jingħatawlhom, u biex jaħtru punt fokali għar-riferiment transkonfinali tal-vittmi.

Il-kompiti tal-mekkaniżmi ta’ riferiment li joperaw f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-istabbiliment ta’ standards minimi għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, u filwaqt li l-proċeduri jiġu adattati għal tali detezzjoni u identifikazzjoni għall-forom varji ta’ sfruttament koperti minn din id-Direttiva;

(b)

ir-riferiment tal-vittma għall-aktar appoġġ u assistenza xierqa;

(c)

l-istabbiliment ta’ arranġamenti jew protokolli ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ażil biex jiġi żgurat li l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni jingħataw lill-vittmi tat-traffikar li jkunu jeħtieġu wkoll protezzjoni internazzjonali jew li jixtiequ japplikaw għal tali protezzjoni, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali tal-vittma.

5.   Il-miżuri ta’ assistenza u appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jingħataw fuq bażi kunsenswali u infurmata, u għandhom jinkludu mill-inqas standards tal-għajxien li jistgħu jiżguraw is-sussistenza tal-vittmi permezz ta’ miżuri bħall-forniment ta’ akkomodazzjoni xierqa u sikura, inkluż postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni temporanja xierqa oħra, u assistenza materjali, kif ukoll il-kura medika meħtieġa inkluż l-għajnuna psikoloġika, gwida u informazzjoni, u servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni fejn xieraq.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Il-postijiet ta’ kenn u l-akkomodazzjoni temporanja xierqa oħra msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jingħataw fi kwantità suffiċjenti u għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-vittmi preżunti u identifikati tat-traffikar. Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjonijiet oħra xierqa għandhom jgħinuhom fl-irkupru tagħhom, billi jipprovdu kundizzjonijiet ta’ għajxien adegwati u xierqa bil-ħsieb li jerġgħu lura għall-ħajja indipendenti. Għandhom ikunu mgħammra wkoll biex jakkomodaw il-bżonnijiet speċjali tat-tfal, inkluż tal-vittmi tfal.”

;

(d)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkopri, fejn rilevanti, informazzjoni dwar perjodu ta’ riflessjoni u rkupru skont id-Direttiva 2004/81/KE, u informazzjoni dwar il-possibbiltà li tingħata protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347 (*2) u r-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), jew skont strumenti internazzjonali oħra jew regoli nazzjonali simili oħra.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1347/oj)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).”;"

(10)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Vittmi tat-traffikar li jistgħu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti f’attivitajiet kontra t-traffikar u l-awtoritajiet tal-ażil.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali jew status nazzjonali ekwivalenti, inkluż meta l-vittma tkun qed tirċievi assistenza, appoġġ u protezzjoni bħala vittma preżunta jew identifikata tat-traffikar tal-bnedmin.”

;

(11)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-miżuri ta’ protezzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw b’żieda mad-drittijiet stipulati fid-Direttiva 2012/29/UE.”

;

(12)

fl-Artikolu 13, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ rappurtar ta’ reat skont din id-Direttiva jkunu sikuri, jitwettqu b’mod kunfidenzjali f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikunu imfassla u aċċessibbli b’mod adattat għat-tfal u jużaw lingwaġġ skont l-età u l-maturità tal-vittmi tfal.”

;

(13)

fl-Artikolu 14, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jittieħdu l-azzjonijiet speċifiċi biex jassistu u jappoġġaw lill-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin, fit-terminu qasir u għat-tul, fil-fejqan fiżiku u fl-irkupru psikosoċjali tagħhom wara li tkun saret valutazzjoni individwali taċ-ċirkostanzi speċjali ta’ kull vittma tifel jew tifla partikolari, b’kont meħud kif dovut tal-fehmiet, il-bżonnijiet u l-interessi tat-tfal bil-għan li tinstab soluzzjoni fit-tul għat-tfal, inkluż programmi li jappoġġaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn l-emanċipazzjoni u l-età adulta sabiex jiġi evitat it-traffikar mill-ġdid. Fi żmien raġonevoli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni għall-vittmi tfal u għat-tfal tal-vittmi li jingħataw assistenza u appoġġ f’konformità mal-Artikolu 11, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru kustodju jew rappreżentant legali għat-tfal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mill-mument meta t-tifel jew tifla jiġu identifikati mill-awtoritajiet fejn, skont il-liġi nazzjonali, id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu, b’konsegwenza ta’ kunflitt ta’ interess bejnhom u t-tfal vittmi, preklużi milli jiżguraw l-aħjar interess tat-tfal u/jew milli jirrappreżentaw lit-tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’każ ta’ kunflitt ta’ interess bejn il-kustodju jew ir-rappreżentant legali u l-vittmi tfal, jinħatar kustodju jew rappreżentant legali differenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri, fejn ikun xieraq u possibbli, biex jipprovdu assistenza u appoġġ lill-familja tal-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin meta l-familja tkun fit-territorju tal-Istat Membru. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun xieraq u possibbli, japplikaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/29/UE għall-familja.”

;

(14)

l-Artikoli 17 u 18 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Kumpens lill-vittmi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikollhom aċċess għal skemi eżistenti ta’ kumpens għall-vittmi ta’ reati vjolenti bi ħsieb. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond nazzjonali għall-vittmi jew strument simili, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, sabiex jitħallas kumpens lill-vittmi.

Artikolu 18

Prevenzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tal-forom varji ta’ sfruttament, bħall-edukazzjoni, it-taħriġ u kampanji, fejn rilevanti b’attenzjoni speċifika għad-dimensjoni online, biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda li trawwem il-forom kollha ta’ sfruttament marbut mat-traffikar tal-bnedmin.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa, b’mod li tkun sensittiva għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u mfassla apposta għat-tfal, inkluż permezz tal-internet, bħalma huma kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, riċerka u programmi ta’ edukazzjoni, inkluż il-promozzjoni tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali u, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra bħas-settur privat, immirata biex tissensibilizza u tnaqqas ir-riskju li persuni, speċjalment it-tfal u l-persuni b’diżabbiltà, jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.”

;

(15)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 18a

Reati li jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi pprovduti minn vittma tat-traffikar tal-bnedmin

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta tkun azzjoni intenzjonata, l-użu ta’ servizzi pprovduti minn vittma ta’ reat imsemmi fl-Artikolu 2 jikkostitwixxi reat kriminali, fejn il-vittma tiġi sfruttata biex tagħti tali servizzi u l-utent tas-servizzi ikun jaf li l-persuna li tipprovdi s-servizz hija vittma ta’ reat imsemmi fl-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li reat kif stabbilit f’konformità mal-paragrafu 1 ikun punibbli b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 18b

Taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu jew joffru taħriġ speċjalizzat u regolari għall-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt ma’ vittmi jew vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż l-uffiċjali tal-pulizija tal-ewwel linja, il-persunal tal-qorti, is-servizzi ta’ assistenza u appoġġ, l-ispetturi tax-xogħol, is-servizzi soċjali u il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, bil-għan li jkunu jistgħu jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u jevitaw il-vittimizzazzjoni sekondarja, u jkunu jistgħu jintebħu bil-vittmi, jidentifikawhom, jassistuhom, jappoġġawhom u jipproteġuhom. Tali taħriġ għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, iffukat fuq il-vittmi, u sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru, diżabbiltà u tfal.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u għad-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iħeġġu t-taħriġ, kemm ġenerali u kemm speċjalizzat, għall-imħallfin u l-prosekuturi involuti fi proċedimenti kriminali, li jkollu l-għan li jippermettilhom jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u jevitaw il-vittimizzazzjoni sekondarja, u jkunu jistgħu jintebħu bil-vittmi, jidentifikawhom, jassistuhom, jappoġġawhom u jipproteġuhom. Tali taħriġ għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, iffukat fuq il-vittmi, u sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru, diżabbiltà u tfal.”

;

(16)

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew mekkaniżmi u korpi indipendenti ekwivalenti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew mekkaniżmi ekwivalenti u jipprovdulhom ir-riżorsi adegwati meħtieġa biex iwettqu effettivament il-funzjonijiet tagħhom. Il-koordinatur nazzjonali kontra t-traffikar jew il-mekkaniżmu ekwivalenti għandu jaħdem ma’ korpi u aġenziji nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti, b’mod partikolari l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, ma’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti attivi f’dan il-qasam.

2.   Il-kompiti tal-koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew il-mekkaniżmi ekwivalenti għandhom jinkludu t-twettiq ta’ valutazzjonijiet dwar ix-xejriet tat-traffikar tal-bnedmin, il-kejl tar-riżultati tal-azzjonijiet kontra t-traffikar, inkluż il-ġbir tal-istatistika b’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili attivi f’dan il-qasam, u r-rappurtar.

Il-kompiti tal-koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew il-mekkaniżmi ekwivalenti jistgħu jinkludu wkoll dan li ġej:

(a)

l-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ rispons ta’ kontinġenza għall-prevenzjoni tat-theddida tat-traffikar tal-bnedmin f’każ ta’ emerġenzi kbar;

(b)

il-promozzjoni, il-koordinazzjoni u, fejn xieraq, il-finanzjament ta’ programmi kontra t-traffikar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll korpi indipendenti li r-rwol tagħhom jista’ jinkludi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-impatt ta’ azzjonijiet kontra t-traffikar, il-preżentazzjoni ta’ rapporti dwar kwistjonijiet li jeħtieġu l-attenzjoni speċjali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-kawżi fundamentali u tax-xejriet fit-traffikar tal-bnedmin. Fejn tali korp indipendenti jkun stabbilit, l-Istati Membri jistgħu jassenjawlu wieħed jew aktar mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 2.”

;

(17)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 19a

Ġbir ta’ data u statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-forniment ta’ data statistika anonimizzata biex tiġi mmonitorjata l-effettività tas-sistemi tagħhom għall-ġlieda kontra r-reati msemmija f’din id-Direttiva.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi, mill-inqas, data disponibbli fil-livell ċentrali dwar:

(a)

l-għadd ta’ vittmi identifikati u preżunti rreġistrati tar-reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregati skont l-organizzazzjoni ta’ reġistrazzjoni, is-sess, il-grupp ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza, u l-forma ta’ sfruttament, f’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali;

(b)

l-għadd ta’ persuni suspettati bir-reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregati skont is-sess, il-grupp ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza, u l-forma ta’ sfruttament;

(c)

l-għadd ta’ persuni mħarrka għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregati skont is-sess, il-grupp ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza, il-forma ta’ sfruttament, u n-natura tad-deċiżjoni finali għal prosekuzzjoni;

(d)

l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni (jiġifieri, akkużi għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, akkużi għal reati kriminali oħra, deċiżjonijiet li ma jressqux akkużi, oħrajn);

(e)

l-għadd ta’ persuni kkundannati għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregati skont is-sess, il-grupp ta’ età (tfal/adulti), u ċ-ċittadinanza;

(f)

l-għadd ta’ sentenzi tal-qorti (jiġifieri, ħelsien, kundanni, oħrajn) għar-reati msemmija fl-Artikolu 2;

(g)

l-għadd ta’ persuni suspettati, persuni mħarrka, u persuni kkundannati għar-reati msemmija fl-Artikolu 18a(1), diżaggregati skont is-sess u l-grupp ta’ età (tfal/adulti).

3.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu kull sena lill-Kummissjoni, fil-prinċipju sat-30 ta’ Settembru u fejn dan ma jkunx possibbli mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għas-sena preċedenti.

Artikolu 19b

Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw sal-15 ta’ Lulju 2028 il-Pjanijiet tagħhom ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar, żviluppati u implimentati f’konsultazzjoni mal-koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew mekkaniżmi ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 19, mal-korpi indipendenti u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti attivi fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar jiġu rieżaminati u aġġornati mill-inqas kull ħames snin.

2.   Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar jistgħu jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

objettivi, prijoritajiet u miżuri biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin għall-forom kollha ta’ sfruttament, inkluż miżuri speċifiċi għall-vittmi tfal;

(b)

miżuri preventivi, bħall-edukazzjoni, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ, u miżuri preventivi bħala parti mir-rispons ta’ emerġenza għar-riskji tat-traffikar tal-bnedmin ikkawżati minn kriżijiet umanitarji, fejn rilevanti;

(c)

miżuri biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluż biex jittejbu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin, u biex tittejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali;

(d)

miżuri biex jissaħħu l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, l-assistenza għalihom, l-appoġġ għalihom u l-protezzjoni tagħhom;

(e)

proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar tagħhom, u kwalunkwe aġġornament tagħhom, lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tagħhom.

4.   Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra t-Traffikar għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.”

;

(18)

l-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Koordinament tal-istrateġija tal-Unjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin

1.   Sabiex jingħata kontribut għal strateġija koordinata u konsolidata tal-Unjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kompiti ta’ koordinatur tal-UE kontra t-traffikar (EU ATC). B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom mill-inqas jittrażmettu lill-EU ATC l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19.

2.   Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u komprensiv, l-EU ATC għandu jiżgura koordinazzjoni mal-koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar jew ma’ mekkaniżmi ekwivalenti, korpi indipendenti, aġenziji tal-Unjoni u ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti attivi fil-qasam, inkluż għall-finijiet tal-kontribut mill-EU ATC għar-rappurtar imwettaq mill-Kummissjoni kull sentejn dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.”

;

(19)

fl-Artikolu 23, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha, sal-15 ta’ Lulju 2030, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, u li jivvaluta l-impatt ta’ dawn il-miżuri.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Lulju 2026. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 228, 29.6.2023, p. 108.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2024.

(3)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(6)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1260/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU L, 2024/1346, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19).

(12)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1712/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top