This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024L1499
Council Directive (EU) 2024/1499 of 7 May 2024 on standards for equality bodies in the field of equal treatment between persons irrespective of their racial or ethnic origin, equal treatment in matters of employment and occupation between persons irrespective of their religion or belief, disability, age or sexual orientation, equal treatment between women and men in matters of social security and in the access to and supply of goods and services, and amending Directives 2000/43/EC and 2004/113/EC
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 tas-7 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li temenda d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 tas-7 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li temenda d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE
ST/10788/2023/REV/1
ĠU L, 2024/1499, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1499/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1499 |
29.5.2024 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2024/1499
tas-7 ta’ Mejju 2024
dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li temenda d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 19(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma rikonoxxuti bħala valuri essenzjali tal-Unjoni fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdu, rispettivament, li l-Unjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali fl-attivitajiet kollha tagħha. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipproteġi d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fl-Artikoli 21, 23 u 26, rispettivament. L-Unjoni diġà adottat diversi Direttivi biex tiġġieled id-diskriminazzjoni. |
|
(2) |
L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-funzjonament ta’ korpi għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali (“korpi tal-ugwaljanza”) sabiex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttivi tal-Kunsill 79/7/KEE (3), 2000/43/KE (4), 2000/78/KE (5) u 2004/113/KE (6). |
|
(3) |
Id-Direttiva 79/7/KEE għandha l-għan li tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali. |
|
(4) |
Id-Direttiva 2000/43/KE tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika. |
|
(5) |
Id-Direttiva 2000/78/KE tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg, ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali. |
|
(6) |
Id-Direttiva 2004/113/KE tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għal merkanzija u servizzi u l-provvista tagħhom. |
|
(7) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi limitat għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-fatt li persuna hija ta’ sess wieħed jew ieħor. Fid-dawl tal-iskop tiegħu u n-natura tad-drittijiet li jipprova jħares, huwa japplika wkoll għad-diskriminazzjoni minħabba bidla fil-ġeneru tal-persuna (7). |
|
(8) |
Id-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE jirrikjedu li l-Istati Membri jaħtru korp wieħed jew aktar għall-promozzjoni tat-trattament ugwali, inkluż l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għar-raġunijiet koperti mid-Direttiva rispettiva. Dawk id-Direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-kompetenzi ta’ tali korpi jinkludu l-għoti ta’ assistenza indipendenti lill-vittmi, it-twettiq ta’ stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni. |
|
(9) |
Id-Direttivi 2006/54/KE (8) u 2010/41/UE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedu wkoll il-ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sess. |
|
(10) |
L-Istati Membri kollha ħatru korpi tal-ugwaljanza skont id-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE. Ġiet stabbilita sistema varjata ta’ korpi tal-ugwaljanza, u tfaċċaw prattiki tajbin. Madankollu, ħafna korpi tal-ugwaljanza jiffaċċjaw sfidi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-riżorsi, l-indipendenza u s-setgħat meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. |
|
(11) |
Id-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-istruttura u l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. B’riżultat ta’ dan, hemm differenzi sinifikanti bejn il-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri, f’termini tal-mandati tagħhom, il-kompetenzi, l-istruttura, ir-riżorsi u l-funzjonament operazzjonali tal-korpi tal-ugwaljanza. Dan, min-naħa tiegħu, ifisser li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor. |
|
(12) |
Għalkemm id-Direttivi 79/7/KEE u 2000/78/KE ma jirrikjedux li l-Istati Membri jaħtru korpi tal-ugwaljanza biex jittrattaw il-kwistjonijiet koperti minn dawk id-Direttivi, hemm korpi ta’ ugwaljanza li għandhom kompetenza għal dawk il-kwistjonijiet fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, fejn dan huwa previst fil-liġi nazzjonali. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fl-Istati Membri kollha, li jwassal għal livelli differenti ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn dawk id-Direttivi madwar l-Unjoni. |
|
(13) |
Sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-infurzar tad-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE billi jippromwovu t-trattament ugwali, jipprevjenu d-diskriminazzjoni u joffru assistenza fl-aċċess għall-ġustizzja lill-individwi u lill-gruppi ddiskriminati kollha madwar l-Unjoni, huwa neċessarju li jistabbilixxu standards minimi għall-funzjonament ta’ dawk il-korpi u li l-mandat tagħhom jiġi estiż għall-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 79/7/KEE u 2000/78/KE. L-istandards minimi stipulati f’din id-Direttiva jqisu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 (10), filwaqt li huma msejsa fuq uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u l-approċċ rakkomandat fiha. Huma msejsa wkoll fuq strumenti rilevanti oħra, bħar-Rakkomandazzjoni ta’ Politika Ġenerali Nru 2 riveduta dwar il-korpi tal-ugwaljanza adottata mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza u l-Prinċipji ta’ Pariġi dwar l-Istatus ta’ Istituzzjonijiet Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem adottati min-Nazzjonijiet Uniti li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
(14) |
L-istess standards minimi għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE huma previsti fid-Direttiva (UE) 2024/1500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
|
(15) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-azzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Ir-rekwiżiti minimi stipulati f’din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw biss il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza u jenħtieġ li ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni materjali jew personali ta’ dawk id-Direttivi. |
|
(16) |
Fil-promozzjoni tat-trattament ugwali, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, il-ġbir tad-data dwar id-diskriminazzjoni u l-assistenza lill-vittmi f’konformità ma’ din id-Direttiva, huwa importanti li l-korpi tal-ugwaljanza jagħtu attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija mifhuma bħala diskriminazzjoni bbażata fuq kombinazzjoni ta’ diskriminazzjoni ta’ sess u kwalunkwe raġuni jew raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni protetti taħt id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE jew 2004/113/KE. |
|
(17) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru korp wieħed jew aktar sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-kompetenzi bejn diversi korpi tal-ugwaljanza, pereżempju billi jafdaw korp wieħed bil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tat-trattament ugwali u l-assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, u ieħor b’funzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-ispettorati tax-xogħol jew ta’ korpi oħra tal-infurzar, kif ukoll l-awtonomija u r-rwol tas-sħab soċjali. |
|
(18) |
Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jwettqu l-irwol tagħhom b’mod effettiv biss jekk ikunu jistgħu jaġixxu b’indipendenza sħiħa mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi influwenza esterna. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu għadd ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza. Il-korpi tal-ugwaljanza li jeżerċitaw kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva jistgħu jkun parti minn ministeru jew entità organizzazzjonali oħra, dment li s-salvagwardji meħtieġa jkunu fis-seħħ biex jiżguraw it-twettiq tal-kompiti tagħhom indipendentement minn influwenza politika, finanzjarja, reliġjuża, jew kwalunkwe influwenza oħra. . B’mod partikolari, waqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jżommu l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe influwenza esterna, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, billi joqogħdu lura milli jfittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand xi ħadd. F’konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva u fi ħdan il-qafas legali applikabbli jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jimmaniġġaw ir-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra tagħhom stess, inkluż billi jagħżlu u jimmaniġġaw il-persunal tagħhom stess, u jkunu jistgħu jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess. Jenħtieġ li l-membri tal-persunal li jkollhom pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew pożizzjoni maniġerjali, kemm jekk permanenti kif ukoll jekk temporanja, bħal kap jew viċi kap tal-korp tal-ugwaljanza u, fejn applikabbli, il-membri tal-bord ta’ tmexxija, ikunu indipendenti, kwalifikati għall-pożizzjoni tagħhom, u magħżula bi proċess trasparenti. It-trasparenza f’dak il-proċess tista’ tiġi żgurata, pereżempju bil-pubblikazzjoni ta’ postijiet battala li tkun miftuħa għall-pubbliku. |
|
(19) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-istruttura interna tal-korpi tal-ugwaljanza, bħall-organizzazzjoni u l-proċessi interni tagħhom, tippermetti l-eżerċizzju indipendenti, u fejn xieraq imparzjali, tal-kompetenzi varji tagħhom, billi jistabbilixxu salvagwardji xierqa fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom kompiti potenzjalment konfliġġenti, speċjalment meta xi wħud minn dawk il-kompiti jiffukaw fuq l-appoġġ għall-vittmi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jaġixxu b’mod imparzjali waqt li jwettqu inkjesta jew jivvalutaw każ, speċjalment meta l-korp tal-ugwaljanza jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti. |
|
(20) |
Fejn il-korp tal-ugwaljanza jkun parti minn korp b’diversi mandati, bħal ombudsperson b’mandat usa’ jew istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li l-istruttura interna ta’ tali korp b’diversi mandati tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-mandat speċifiku tal-ugwaljanza. |
|
(21) |
Permezz tal-proċessi tal-baġit nazzjonali rispettivi tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jirċievu biżżejjed riżorsi, inkluż persunal kwalifikat, bini u infrastruttura xierqa sabiex iwettqu kull kompitu li jkollhom b’mod effettiv, fi żmien raġonevoli jew sal-iskadenzi stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Ir-riċeviment ta’ tali riżorsi suffiċjenti huwa essenzjali għall-funzjonament effettiv tal-korpi tal-ugwaljanza u t-twettiq tal-kompiti tagħhom. Huwa importanti li, fejn kompetenzi ġodda huma attribwiti lill-korpi tal-ugwaljanza, l-Istati Membri jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra tagħhom ikomplu jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod effettiv. |
|
(22) |
Huwa importanti li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji tibqa’ stabbli, tiġi ppjanata fuq bażi pluriennali u tippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jkopru l-ispejjeż li jista’ jkun diffiċli li jiġu antiċipati, bħal fil-każ ta’ żiedet fl-ilmenti, spejjeż tal-litigazzjoni u l-użu ta’ sistemi awtomatizzati. Huwa kruċjali li tingħata attenzjoni għall-opportunitajiet u għar-riskji li jġibu magħhom is-sistemi awtomatizzati, fosthom l-intelliġenza artifiċjali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu mgħammra bir-riżorsi umani u tekniċi xierqa. Jenħtieġ li dawk ir-riżorsi, b’mod partikolari, jagħmluha possibbli li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jużaw sistemi awtomatizzati fil-ħidma tagħhom u, min-naħa l-oħra, jivvalutaw tali sistemi għall-konformità tagħhom mar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni. Meta l-korp tal-ugwaljanza jkun parti minn korp b’diversi mandati, jenħtieġ li jiġu żgurati r-riżorsi meħtieġa biex dan iwettaq il-mandat tiegħu ta’ ugwaljanza. |
|
(23) |
Il-korpi tal-ugwaljanza, flimkien ma’ atturi oħra, bħas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza. Sabiex jindirizzaw l-aspetti strutturali tad-diskriminazzjoni u jikkontribwixxu għall-bidla soċjali, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu attivitajiet biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet u fl-oqsma koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE u biex jippromwovu t-trattament ugwali. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba, azzjoni pożittiva u integrazzjoni tal-ugwaljanza fost l-entitajiet pubbliċi u privati, u jagħtuhom taħriġ, informazzjoni, pariri, gwida u appoġġ rilevanti. Importanti ħafna wkoll li l-korpi tal-ugwaljanza jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jidħlu f’dibattitu pubbliku. |
|
(24) |
Minbarra l-prevenzjoni, kompitu ċentrali tal-korpi tal-ugwaljanza huwa li jipprovdu assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni. Il-vittmi għandhom jinftiehmu li jinkludu l-persuni kollha li jqisu li esperjenzaw diskriminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/113/KE. Kwalunkwe persuna tista’ tkun vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali u jenħtieġ li tibbenefika mill-assistenza ta’ korpi ta’ ugwaljanza minn stadju bikri, irrispettivament minn jekk ġietx stabbilita d-diskriminazzjoni. Jenħtieġ li tali assistenza dejjem tinkludi mill-anqas l-għoti ta’ informazzjoni kruċjali lill-ilmentaturi, inkluż informazzjoni dwar jekk l-ilment ikunx ingħalaq jew jekk hemmx raġunijiet biex dan jitkompla, sakemm l-ilment ma jkunx sar b’mod anonimu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu responsabbli għad-definizzjoni tal-modalitajiet li skonthom il-korp tal-ugwaljanza jinforma lill-ilmentaturi, bħall-perjodu ta’ żmien tal-proċess jew is-salvagwardji proċedurali kontra lmenti ripetittivi jew abbużivi. |
|
(25) |
Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi kollha jkunu jistgħu jilmentaw, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ilmenti jiġu ppreżentati b’diversi modi. Skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2018/951, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ilmenti jitressqu b’lingwa magħżula mill-ilmentatur u li tkun komuni fl-Istat Membru fejn jinsab il-korp tal-ugwaljanza. Sabiex tiġi indirizzata waħda mill-kawżi tas-sottorappurtar, jiġifieri l-biża’ ta’ rappreżalji, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jinfurmaw lill-vittmi dwar ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli. |
|
(26) |
Sabiex joffru possibbiltà għal soluzzjoni b’mod rapidu tat-tilwim, affordabbli u barra mill-qorti, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet imorru għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, kif offruta mill-korp tal-ugwaljanza nnifsu jew minn entità kompetenti eżistenti oħra. Fl-għażla ta’ entità kompetenti oħra, huwa importanti li jitqiesu l-entitajiet stabbiliti fuq bażi durabbli u li jiġi żgurat li l-persuna/i responsabbli għall-proċess ta’ riżoluzzjoni jkunu indipendenti, imparzjali u jkollhom l-għarfien espert meħtieġ. Is-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti hija aktar probabbli li tagħti riżultati ta’ suċċess fejn issir bil-qbil tal-partijiet. Il-possibbiltà li wieħed ifittex parir indipendenti jew li jkun rappreżentat jew assistit minn parti terza bħas-sħab soċjali jista’ jkun utli wkoll għall-partijiet fi kwalunkwe stadju tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwima tagħhom. In-nuqqas ta’ soluzzjoni, per eżempju minħabba li waħda mill-partijiet ċaħdet l-eżitu tal-proċess, jenħtieġ li ma jżommx lill-partijiet milli jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet tal-proċess ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim skont il-liġi u l-prattika nazzjonali. |
|
(27) |
Fejn il-korpi tal-ugwaljanza jissuspettaw ksur possibbli tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE jew 2004/113/KE, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jwettqu inkjesti, b’mod partikolari wara lment jew fuq inizjattiva tagħhom stess. |
|
(28) |
L-evidenza hija kruċjali biex jiġi ddeterminat jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni u din ta’ spiss ma tkunx fil-pussess tal-vittma. Jenħtieġ għalhekk li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jistabbilixxu jekk tkunx saret diskriminazzjoni u jikkooperaw ma’ korpi kompetenti oħra, li jistgħu jinkludu s-servizzi pubbliċi rilevanti, bħall-ispettorati tax-xogħol jew l-ispettorati tal-edukazzjoni, u s-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas xieraq għall-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali. F’konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lil korp kompetenti ieħor bit-tmexxija tal-inkjesti. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-proċessi, jenħtieġ li tali korp kompetenti jipprovdi lill-korp tal-ugwaljanza, fuq talba tiegħu, informazzjoni dwar ir-riżultati tal-inkjesta meta jitlesta l-proċess. |
|
(29) |
Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom tal-ilment fuq il-bażi tal-evidenza miġbura. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw in-natura legali ta’ din il-valutazzjoni li tista’ tkun opinjoni mhux vinkolanti jew deċiżjoni vinkolanti. Jenħtieġ li t-tnejn li huma jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-valutazzjoni u jinkludu, fejn xieraq, miżuri biex jiġi rimedjat kwalunkwe ksur misjub tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u biex jiġu evitati okkorrenzi ulterjuri, waqt li jieħdu kont tan-natura differenti tal-opinjonijiet u tad-deċiżjonijiet. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw mekkaniżmi xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet u għall-infurzar tad-deċiżjonijiet. |
|
(30) |
Sabiex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tagħhom u dwar il-liġi dwar l-ugwaljanza u l-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu mill-anqas jippubblikaw is-sommarji ta’ dawk l-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom li jqisu li jkunu ta’ rilevanza partikolari. |
|
(31) |
Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti sabiex jikkontribwixxu għall-iżgurar tar-rispett tal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Tali proċedimenti tal-qorti jistgħu jsiru fi qrati jew korpi ekwivalenti li jittrattaw kwistjonijiet ta’ trattament ugwali u diskriminazzjoni, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. Il-liġi u l-prattika nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet, u b’mod partikolari kwalunkwe kondizzjoni ta’ interess leġittimu, ma jistgħux jiġu applikati b’tali mod li jista’ jdgħajjef l-effettività tad-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu. Is-setgħat li jwettqu inkjesti u jieħdu deċiżjonijiet, u d-dritt ta’ azzjoni fi proċedimenti tal-qorti mogħtija lill-korpi tal-ugwaljanza taħt din id-Direttiva huma mistennija jiffaċilitaw l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE dwar l-oneru tal-provi u d-difiża tad-drittijiet. Skont il-kondizzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, il-korpi tal-ugwaljanza ser ikunu jistgħu jistabbilixxu fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, u b’hekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43/KE, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/78/KE u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/113/KE. Għalhekk l-appoġġ ipprovdut mill-korpi tal-ugwaljanza taħt din id-Direttiva ser jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-korpi tal-ugwaljanza jagħżlu l-każijiet li jiddeċiedu li jsegwu fil-proċedimenti tal-qorti sabiex jikkontribwixxu għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali. |
|
(32) |
Fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jaġixxu bħala parti fil-proċedimenti dwar l-infurzar jew fir-rieżami ġudizzjarju ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fil-qrati, pereżempju billi jipprovdu l-opinjoni esperta tagħhom, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. |
|
(33) |
Id-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti jista’ jieħu forom differenti f’oqfsa legali nazzjonali differenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħżlu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, waħda jew aktar minn dawn il-forom ta’ azzjoni għall-korpi ta’ ugwaljanza: jaġixxu għan-nom ta’ vittma waħda jew diversi vittmi, jew b’appoġġ ta’ vittma waħda jew diversi vittmi, jew jagħtu bidu għal proċedimenti tal-qorti f’isem il-korp tal-ugwaljanza stess. |
|
(34) |
Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaġixxu f’isem il-vittmi jew b’appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni tagħhom fejn applikabbli, b’hekk jippermettu lill-vittmi li jaċċessaw il-ġustizzja meta l-ostakli proċedurali u finanzjarji jew il-biża’ ta’ vittimizzazzjoni spiss jiskoraġġixxuhom. Fejn korpi tal-ugwaljanza jaġixxu f’isem vittma waħda jew diversi vittmi, dawn jirrappreżentaw lill-vittmi quddiem il-qorti. Fejn korpi tal-ugwaljanza jaġixxu b’appoġġ għal vittma waħda jew diversi vittmi, huma jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-qorti mibdija mill-vittmi, biex jappoġġaw it-talba. |
|
(35) |
Xi każijiet ta’ diskriminazzjoni huma diffiċli biex jiġu miġġielda minħabba li ma hemm l-ebda ilmentatur li qed isegwi l-każ huwa stess. Fis-sentenza tagħha fil-kawża C-54/07 (12), li tressqet minn korp tal-ugwaljanza f’ismu stess, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-diskriminazzjoni tista’ tiġi stabbilita anki fin-nuqqas ta’ vittma identifikata. Għalhekk, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fl-interess pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jipprovdu li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaġixxu f’isimhom stess f’ċerti każijiet ta’ diskriminazzjoni, pereżempju minħabba l-abbundanza jew is-serjetà tal-każijiet, jew il-ħtieġa għal kjarifika legali, li kull wieħed minnhom jista’ jimplika li d-diskriminazzjoni hija ta’ natura strutturali jew sistematika. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, li tali każijiet ta’ diskriminazzjoni jeħtieġu persuna jew entità identifikata bħala rispondent. |
|
(36) |
Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet individwali, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkwadraw is-setgħat tal-korpi tal-ugwaljanza fi ħdan salvagwardji proċedurali xierqa, filwaqt li jiżguraw li d-dritt għall-kunfidenzjalità u l-prinċipji ġenerali tal-liġi, bħad-dritt ta’ proċess ġust, id-dritt tad-difiża u d-dritt għal rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet vinkolanti jkunu protetti b’mod xieraq, inkluż fejn il-korp tal-ugwaljanza jaġixxi bħala parti jew f’isem parti fi proċedimenti tal-qorti. L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, joffru kunfidenzjalità lix-xhieda u lill-informaturi bħala mod importanti kif jitħeġġeġ ir-rappurtar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni. |
|
(37) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti ma jibdlux id-drittijiet tal-vittmi jew ta’ assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-vittmi li għandhom, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali, interess leġittimu li jiżguraw li d-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE jiġu rrispettati, kif stabbilit f’dawk id-Direttivi, inkluż meta dawk il-vittmi, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra jkunu involuti fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv jew it-tnejn. |
|
(38) |
L-effettività tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza tiddependi wkoll fuq l-għoti ta’ aċċess sħiħ għas-servizzi tagħhom lill-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni. Fit-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u Diskriminazzjoni mwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 71 % tal-membri ta’ gruppi ta’ minoranza etnika jew immigranti rrappurtaw li ma kinux konxji minn xi organizzazzjoni li toffri appoġġ jew pariri lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni. Pass ewlieni lejn l-appoġġ għal tali aċċess huwa li l-Istati Membri jiżguraw li n-nies ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkunu konxji mill-eżistenza u s-servizzi offruti mill-korpi tal-ugwaljanza. Dan huwa partikolarment importanti għal gruppi żvantaġġati u għal gruppi li l-aċċess tagħhom għal dik l-informazzjoni jista’ jkun ostakolat, pereżempju mill-istatus ekonomiku prekarju tagħhom, l-età, id-diżabbiltà, il-livell ta’ litteriżmu, in-nazzjonalità jew l-istatus ta’ residenza, jew in-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal għodda online. |
|
(39) |
Jenħtieġ li jiġi ggarantit l-aċċess għas-servizzi u l-pubblikazzjonijiet tal-korpi tal-ugwaljanza fuq bażi ugwali għal kulħadd. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli potenzjali għall-aċċess għas-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza. Jenħtieġ li s-servizzi jkunu mingħajr ħlas għall-ilmentaturi. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiżguraw li s-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu disponibbli għall-vittmi potenzjali kollha fit-territorju tagħhom, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ uffiċċji lokali, inkluż dawk mobbli, tal-użu ta’ għodda tal-komunikazzjoni, tal-organizzazzjoni ta’ kampanji lokali, tal-kooperazzjoni ma’ delegati lokali jew ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew permezz ta’ fornituri ta’ servizzi kkuntrattati. |
|
(40) |
Sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għas-servizzi u l-attivitajiet kollha tal-korpi tal-ugwaljanza, jeħtieġ li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u li jiġu żgurati akkomodazzjonijiet raġonevoli f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jiżguraw l-aċċessibbiltà fiżika u diġitali billi jipprevjenu u jneħħu l-ostakli li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jiffaċċjaw biex jaċċessaw is-servizzi u l-informazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza, u jipprovdu akkomodazzjonijiet raġonevoli, filwaqt li jagħmlu l-modifiki u l-aġġustamenti neċessarji u xierqa fejn meħtieġ f’każ partikolari. |
|
(41) |
Li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jikkoordinaw u jikkooperaw regolarment f’livelli differenti, fuq bażi fit-tul, huwa kruċjali għat-tagħlim reċiproku, il-koerenza u l-konsistenza, u jista’ jwessa’ s-sensibilizzazzjoni u l-impatt tal-ħidma tagħhom. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jikkooperaw, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-istess Stat Membru u ma’ entitajiet pubbliċi u privati fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, bħan-networks tal-korpi tal-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, is-sħab soċjali, l-ispettorati tax-xogħol u tal-edukazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji b’responsabbiltà fil-livell nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, l-awtoritajiet li jimmaniġġaw il-fondi tal-Unjoni, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom, il-korpi tal-konsumaturi, u l-mekkaniżmi indipendenti nazzjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. |
|
(42) |
Il-korpi tal-ugwaljanza ma jistgħux jaqdu r-rwol tagħhom bħala esperti fit-trattament ugwali jew jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza jekk ma jiġux ikkonsultati kmieni biżżejjed matul il-proċess tat-tfassil tal-politika dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw tali konsultazzjoni f’waqtha u jenħtieġ, fejn il-korpi tal-ugwaljanza jqisu neċessarju, li jippermettulhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet u jippubblikawhom fi żmien li jkun biżżejjed biex jiġu kkunsidrati. |
|
(43) |
Id-data dwar l-ugwaljanza hija kruċjali għas-sensibilizzazzjoni, biex tissensitizza n-nies, biex tiġi kkwantifikata d-diskriminazzjoni, jintwerew ix-xejriet matul iż-żmien, tiġi pprovata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza, tintwera l-ħtieġa ta’ azzjoni pożittiva, u jingħata kontribut għat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ data dwar l-ugwaljanza għal dawk l-għanijiet, pereżempju billi jorganizzaw diskussjonijiet regolari li jiġbru l-entitajiet rilevanti kollha. Jenħtieġ ukoll li l-korpi tal-ugwaljanza jiġbru u janalizzaw data dwar l-attivitajiet tagħhom stess, ikunu jistgħu jwettqu stħarriġ u, skont il-liġi nazzjonali, ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw statistika relatata mad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. Jenħtieġ li d-data personali miġbura mill-korp tal-ugwaljanza tiġi anonimizzata jew, fejn dan ma jkunx possibbli, psewdonimizzata. |
|
(44) |
Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jadottaw programm ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-attivitajiet prospettivi tagħhom, li jippermettilhom jiżguraw il-koerenza tal-linji ta’ ħidma differenti tagħhom maż-żmien u jindirizzaw kwistjonijiet sistemiċi ta’ diskriminazzjoni skont il-mandat tagħhom bħala parti minn pjan ta’ azzjoni fit-tul. |
|
(45) |
Jenħtieġ li, minbarra li jippubblikaw rapport annwali dwar l-attivitajiet, il-korpi tal-ugwaljanza jippubblikaw regolarment rapport li jinkludi valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni skont il-mandat tagħhom fl-Istati Membri, kif ukoll rapporti oħra marbuta mad-diskriminazzjoni. |
|
(46) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri fir-rigward tal-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta’ indikaturi rilevanti, li abbażi tagħhom għandha tinġabar id-data. Jenħtieġ li tali indikaturi ma jkunux għall-fini ta’ klassifikazzjoni jew ta’ ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri individwali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). |
|
(47) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma sservix biex tiġġustifika xi regressjoni relatata mas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru. |
|
(48) |
Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva jitwettaq f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu stabbiliti b’mod ċar fil-liġi, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jipproċessaw data personali biss sa fejn ikun meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data, inkluż ir-rimedji disponibbli għalihom fil-livell nazzjonali. |
|
(49) |
Meta t-twettiq tal-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza jirrikjedi l-ipproċessar tal-kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-liġi nazzjonali tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data, f’konformità mal-Artikolu 9(2), punt (g), tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li tali salvagwardji jinkludu pereżempju politiki u miżuri interni biex jiżguraw il-minimizzazzjoni tad-data, inkluż permezz tal-anonimizzazzjoni tad-data personali, fejn possibbli; biex jiġu applikati l-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ għad-data personali; biex jiġu evitati l-aċċess għal data personali u t-trażmissjoni tagħha mingħajr awtorizzazzjoni; u biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix ipproċessata aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata. |
|
(50) |
Din id-Direttiva tibni fuq ir-regoli stabbiliti fid-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE billi tintroduċi standards imsaħħa għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. Jenħtieġ għalhekk li d-dispożizzjonijiet dwar il-korpi tal-ugwaljanza tad-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE jitħassru. |
|
(51) |
Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza skont standards minimi, bil-għan li ttejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, sabiex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva, li sempliċiment tistabbilixxi standards minimi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(52) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u ta l-opinjoni tiegħu fit-2 ta’ Frar 2023 (17), |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għan, suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
2. L-obbligi mqiegħda fuq l-Istati Membri u l-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva ikopru d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
Artikolu 2
Ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru korp wieħed jew aktar (“korpi tal-ugwaljanza”) biex jeżerċitaw il-kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-ispettorati tax-xogħol jew ta’ korpi oħra tal-infurzar u għad-drittijiet u l-prerogattivi tas-sħab soċjali f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ ftehimiet kollettivi u r-rappreżentanza u d-difiża fi proċedimenti tal-qorti.
Artikolu 3
Indipendenza
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu indipendenti u ħielsa minn influwenza esterna, u li ma jfittxux jew jieħdu struzzjonijiet mill-gvern jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom. F’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva u fi ħdan il-qafas legali applikabbli, il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess u riżorsi oħra u jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom stess fir-rigward tal-istruttura interna, ir-responsabbiltà, il-persunal u kwistjonijiet organizzattivi tagħhom.
2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu proċeduri trasparenti dwar l-għażla, il-ħatra, ir-revoka u l-kunflitti ta’ interess potenzjali tal-persunal tal-korpi tal-ugwaljanza li jkollhom pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet jew maniġerjali, u fejn applikabbli l-membri tal-bord ta’ tmexxija, sabiex jiggarantixxu l-kompetenza u l-indipendenza tagħhom.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jistabbilixxu struttura interna li tiggarantixxi l-eżerċizzju indipendenti, u fejn xieraq imparzjali, tal-kompetenzi tagħhom.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istruttura interna tal-korpi b’diversi mandati tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tal-ugwaljanza.
Artikolu 4
Riżorsi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-proċessi tal-baġit nazzjonali tagħhom, li kull korp tal-ugwaljanza jingħata r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji neċessarji biex iwettaq il-kompiti kollha tiegħu u biex jeżerċita l-kompetenzi kollha tiegħu b’mod effettiv, għar-raġunijiet stipulati fi u fl-oqsma koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE, inkluż fejn il-korpi tal-ugwaljanza huma parti minn korpi b’diversi mandati.
Artikolu 5
Sensibilizzazzjoni, prevenzjoni u promozzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa, bħal strateġiji, biex jissensibilizzaw lill-popolazzjoni ġenerali, fit-territorju kollu tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-individwi u l-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni, dwar id-drittijiet skont id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE u dwar l-eżistenza ta’ korpi tal-ugwaljanza u s-servizzi tagħhom.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu attivitajiet biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni u jippromwovu t-trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE. It-tali attivitajiet jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu l-promozzjoni ta’ azzjoni pożittiva u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fost l-entitajiet pubbliċi u privati, l-għoti ta’ taħriġ, pariri u appoġġ rilevanti lilhom, l-involviment f’dibattitu pubbliku, il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, u l-promozzjoni tal-iskambju ta’ prattiki tajba. Fit-twettiq ta’ tali attivitajiet, il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jqisu sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ żvantaġġ li jirriżultaw minn diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija mifhuma bħala diskriminazzjoni bbażata fuq kombinazzjoni ta’ raġunijiet protetti taħt id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE jew 2004/113/KE.
3. L-Istati Membri u l-korpi tal-ugwaljanza għandhom iqisu għodda u formati ta’ komunikazzjoni xierqa għal kull grupp fil-mira. Huma għandhom jiffukaw b’mod partikolari fuq gruppi li l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni jista’ jiġi ostakolat, pereżempju minħabba l-istatus ekonomiku prekarju tagħhom, l-età, id-diżabbiltà, il-livell ta’ litteriżmu, in-nazzjonalità jew l-istatus ta’ residenza tagħhom, jew minħabba n-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal għodda online.
Artikolu 6
Assistenza lill-vittmi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jipprovdu assistenza lill-vittmi allegati kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 4.
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “vittmi” tfisser il-persuni kollha li jqisu li esperjenzaw diskriminazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/113/KE.
2. Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu jirċievu lmenti dwar diskriminazzjoni.
3. Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jipprovdu assistenza lill-vittmi, inizjalment billi jinfurmawhom dwar dan li ġej:
|
(a) |
il-qafas legali, inkluż dwar il-parir immirat lejn is-sitwazzjoni speċifika tagħhom; |
|
(b) |
is-servizzi offruti mill-korp tal-ugwaljanza u l-aspetti proċedurali relatati; |
|
(c) |
ir-rimedji disponibbli, inkluż il-possibbiltà li tinfetaħ kawża fil-qorti; |
|
(d) |
ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli u l-protezzjoni tad-data personali; u |
|
(e) |
il-possibbiltajiet li jingħataw appoġġ psikoloġiku jew tipi oħra ta’ appoġġ rilevanti minn korpi jew organizzazzjonijiet oħra. |
4. Il-korpi ta’ ugwaljanza għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi, fi żmien raġonevoli, jekk l-ilment ikunx ser jingħalaq jew jekk ikunx hemm raġunijiet biex dan jitkompla.
Artikolu 7
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim
Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu joffru lill-partijiet il-possibbiltà li jfittxu soluzzjoni alternattiva għat-tilwima tagħhom. Dak il-proċess jista’ jitmexxa mill-korp tal-ugwaljanza nnifsu jew minn entità kompetenti oħra f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, f’liema każ il-korp tal-ugwaljanza jista’ jifformula osservazzjonijiet lil dik l-entità. Tali soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista’ tieħu forom differenti, bħall-medjazzjoni jew il-konċiljazzjoni, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. In-nuqqas ta’ soluzzjoni ma għandux jipprekludi lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ azzjoni fi proċedimenti fil-qorti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm perjodu ta’ limitazzjoni suffiċjenti biex jiggarantixxu li l-partijiet f’tilwima jkollhom aċċess għall-qorti, pereżempju billi jissospendu l-perjodu ta’ limitazzjoni filwaqt li l-partijiet jidħlu fi proċess għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.
Artikolu 8
Inkjesti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu inkjesta dwar jekk seħħx ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas għat-twettiq tal-inkjesti li jippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jwettqu tiftix tal-fatti. B’mod partikolari, dak il-qafas għandu jipprovdi drittijiet effettivi lill-korpi tal-ugwaljanza li jaċċessaw l-informazzjoni u d-dokumenti li huma neċessarji biex jistabbilixxu jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni. Il-qafas għandu jipprovdi wkoll mekkaniżmi xierqa għall-korpi tal-ugwaljanza biex dawn jikkooperaw mal-korpi pubbliċi rilevanti għal dak il-għan.
3. F’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu wkoll jafdaw korp kompetenti ieħor bis-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Meta tali korp kompetenti jkun lesta l-inkjesta tiegħu, huwa għandu jipprovdi lill-korp tal-ugwaljanza, fuq it-talba tiegħu, bl-informazzjoni dwar ir-riżultati tagħhom.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ebda inkjesta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 9 ma tinbeda jew titkompla waqt li l-proċedimenti tal-qorti fl-istess każ ikunu pendenti.
Artikolu 9
Opinjonijiet u deċiżjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jipprovdu u jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom tal-każ, inkluż l-istabbiliment tal-fatti u konklużjoni motivata dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk dan għandux isir permezz ta’ opinjonijiet mhux vinkolanti jew deċiżjonijiet vinkolanti.
2. Fejn xieraq, kemm l-opinjonijiet mhux vinkolanti u d-deċiżjonijiet vinkolanti għandhom jinkludu miżuri speċifiċi biex jiġi rrimedjat kwalunkwe ksur li jinstab tal-prinċipju tat-trattament ugwali u biex ma jitħallewx isiru okkorrenzi ulterjuri. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet mhux vinkolanti, bħal obbligi ta’ feedback, u għall-infurzar tad-deċiżjonijiet vinkolanti.
3. Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jippubblikaw mill-anqas sommarju tal-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom li jqisu li jkunu ta’ rilevanza partikolari.
Artikolu 10
Tilwim
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti fi kwistjonijiet tal-liġi ċivili u amministrattiva relatati mal-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet, inkluż kwalunkwe regola li tirrikjedi l-approvazzjoni tal-vittma.
2. Id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi d-dritt li jissottometti osservazzjonijiet lill-qorti, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.
3. Id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi wkoll mill-anqas wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
id-dritt li jiftaħ proċedimenti tal-qorti f’isem vittma waħda jew diversi vittmi; |
|
(b) |
id-dritt li jipparteċipa fil-proċedimenti tal-qorti b’appoġġ għal vittma waħda jew diversi vittmi; jew |
|
(c) |
id-dritt li jiftaħ proċedimenti tal-qorti f’ismu stess, sabiex jiddefendi l-interess pubbliku. |
4. Id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi d-dritt li jaġixxi bħala parti fi proċedimenti dwar l-infurzar jew ir-rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet vinkolanti, fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom is-setgħa li jieħdu tali deċiżjonijiet skont l-Artikolu 9(1).
Artikolu 11
Salvagwardji proċedurali
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 sa 10, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti jkunu protetti. Id-deċiżjonijiet vinkolanti msemmija fl-Artikolu 9 għandhom ikunu soġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 12
Aċċess ugwali
1. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-aċċess għas-servizzi u l-pubblikazzjonijiet tal-korpi tal-ugwaljanza fuq bażi ugwali għal kulħadd.
2. Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jiggarantixxu li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għall-preżentazzjoni tal-ilmenti, pereżempju billi jkunu jistgħu jirċievu l-ilmenti bil-fomm, bil-miktub u online.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jipprovdu s-servizzi kollha tagħhom lill-ilmentaturi mingħajr ħlas, fit-territorju kollu tagħhom, inkluż f’żoni rurali u remoti.
Artikolu 13
Aċċessibbiltà u akkomodazzjonijiet raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà
L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà u jipprovdu akkomodazzjonijiet raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà biex jiggarantixxu l-aċċess ugwali tagħhom għas-servizzi u l-attivitajiet kollha tal-korpi tal-ugwaljanza, inkluż l-assistenza lill-vittmi, l-immaniġġar tal-ilmenti, is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, l-informazzjoni u l-pubblikazzjonijiet, kif ukoll l-attivitajiet ta’ prevenzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.
Artikolu 14
Kooperazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jikkooperaw, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-istess Stat Membru, u ma’ entitajiet pubbliċi u privati rilevanti, inkluż l-ispettorati tax-xogħol, is-sħab soċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali kif ukoll fi Stati Membri oħra u fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali.
Artikolu 15
Konsultazzjoni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw li l-gvern u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jikkonsultaw lill-korpi tal-ugwaljanza dwar il-leġiżlazzjoni, il-politika, il-proċedura, u l-programmi relatati mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet, li jippubblikaw ir-rakkomandazzjonijiet u li jitolbu segwitu ta’ tali rakkomandazzjonijiet.
Artikolu 16
Ġbir ta’ data u aċċess għal data dwar l-ugwaljanza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jiġbru data dwar l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jipproduċu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 17, il-punti (b) u (c).
Id-data miġbura mill-korpi tal-ugwaljanza għandha tiġi diżaggregata skont ir-raġunijiet u l-oqsma koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE, u f’konformità mal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva. Kwalunkwe data personali miġbura għandha tiġi anonimizzata jew, fejn dak ma jkunx possibbli, psewdonimizzata.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jwettqu stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw statistika relatata mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE f’konformità mal-liġi nazzjonali, fejn il-korpi tal-ugwaljanza jqisu li tali statistika tkun meħtieġa biex jagħmlu valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni tad-diskriminazzjoni fl-Istat Membru, u biex ifasslu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 17, il-punt (c), ta’ din id-Direttiva.
4. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-korpi tal-ugwaljanza jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar liema data għandha tinġabar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE lil entitajiet pubbliċi u privati inkluż l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll lill-korpi tal-ugwaljanza jaqdu rwol ta’ koordinazzjoni fil-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza.
Artikolu 17
Rapporti u ppjanar strateġiku
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza:
|
(a) |
jadottaw programm ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-attivitajiet prospettivi tagħhom. |
|
(b) |
jipproduċu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rapport annwali tal-attività, li jinkludi l-baġit annwali, il-persunal u r-rapportar finanzjarju tagħhom; u |
|
(c) |
jippubblikaw rapport wieħed jew aktar, b’rakkomandazzjonijiet, tal-anqas kull erba’ snin, dwar is-sitwazzjoni tat-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni, inkluż kwistjonijiet strutturali potenzjali, fl-Istat Membru tagħhom. |
Artikolu 18
Monitoraġġ u rapportar
1. Sad-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ indikaturi komuni dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont din id-Direttiva. Meta tħejji l-indikaturi, il-Kummissjoni tista’ titlob il-parir tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u min-networks tal-korpi tal-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni. L-indikaturi għandhom ikopru r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-funzjonament indipendenti, l-aċċessibbiltà u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll l-iżviluppi fil-mandat, is-setgħat jew l-istruttura tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-komparabbiltà, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data miġbura fil-livell nazzjonali. L-indikaturi ma għandhomx ikunu għall-fini ta’ klassifikazzjoni jew ta’ ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri individwali.
L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
2. Sad-19 ta’ Ġunju 2031, u kull 5 snin wara, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas data dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza u għandha tqis ir-rapporti mfassla mill-korpi tal-ugwaljanza skont l-Artikolu 17, il-punti (b) u (c).
3. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni u l-effetti prattiċi ta’ din id-Direttiva, abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u ta’ data rilevanti addizzjonali miġbura fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-korpi tal-ugwaljanza, min-networks tal-korpi tal-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni bħal Equinet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew partijiet ikkonċernati oħra, mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Ir-rapport għandu jindirizza l-funzjonament indipendenti u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri abbażi tal-indikaturi stabbiliti skont il-paragrafu 1.
Artikolu 19
Djalogu dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza
1. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u rapportar skont l-Artikolu 18, u sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u biex tiġi żgurata trasparenza akbar, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni kull sena biex jiddiskuti l-kwistjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont din id-Direttiva.
2. Il-Parlament Ewropew jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu f’riżoluzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18.
3. Il-Kummissjoni għandha tqis, kif xieraq, kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu li jseħħ skont dan l-Artikolu, inkluż kwalunkwe riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18, anke meta tkun qed tirrevedi l-operat ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 20
Rekwiżiti minimi
1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli mir-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.
2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għat-tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fil-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.
Artikolu 21
Proċessar ta’ data personali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jiġbru u jipproċessaw data personali biss fejn ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu skont din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-korpi tal-ugwaljanza jipproċessaw kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jiġu previsti miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardaw id-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.
Artikolu 22
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 23
Emendi għad-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/113/KE huma mħassra. Ir-referenzi għall-korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali msemmija f’dawk il-Kapitoli għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-korpi tal-ugwaljanza msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 24
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-19 ta’ Ġunju 2026. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 23 għandu japplika mid-19 ta’ Ġunju 2026.
Artikolu 26
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
M.-C. LEROY
(1) Approvazzjoni tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 184, 25.5.2023, p. 71.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).
(7) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1996, P v S u Cornwall County Council, C-13/94, ECLI:EU:C:1996:170; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, K.B. vs L-Aġenzija Nazzjonali tal-Pensjonijiet tas-Servizz tas-Saħħa u s-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa, C-117/01, ECLI:EU:C:2004:7; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, Sarah Margaret Richards v Is-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Pensjonijiet, C-423/04, ECLI:EU:C:2006:256; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2018, M.B. v Is-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Pensjonijiet, C-451/16, ECLI:EU:C:2018:492.
(8) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).
(9) Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (ĠU L 167, 4.7.2018, p. 28).
(11) Id-Direttiva (UE) 2024/1500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li temenda d-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE (ĠU L, 2024/1500, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1500/oj).
(12) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding v Firma f’Feryn NV, C-54/07, ECLI:EU:C:2008:397.
(13) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(15) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1499/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)