This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024L1306
Directive (EU) 2024/1306 of the European Parliament and of the Council of 29 April 2024 amending Directive 2013/34/EU as regards the time limits for the adoption of sustainability reporting standards for certain sectors and for certain third-country undertakings (Text with EEA relevance)
Direttiva (UE) 2024/1306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-adozzjoni ta' standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti setturi u għal ċerti impriżi ta' pajjiżi terzi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva (UE) 2024/1306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-adozzjoni ta' standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti setturi u għal ċerti impriżi ta' pajjiżi terzi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
PE/28/2024/REV/1
ĠU L, 2024/1306, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1306/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1306 |
8.5.2024 |
DIRETTIVA (UE) 2024/1306 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ April 2024
li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-adozzjoni ta' standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti setturi u għal ċerti impriżi ta' pajjiżi terzi
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-rekwiżiti ta' rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tat-trasparenza tas-suq u fl-iżgurar li l-impriżi jkunu responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba, u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv. |
(2) |
Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tirrikjedi li l-Kummissjoni tipprevedi standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta' atti delegati, sat-30 ta' Ġunju 2024, li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jirrapportaw fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u l-oqsma ta' rapportar speċifiċi għas-settur li fih topera impriża, minbarra l-informazzjoni li l-impriżi diġà meħtieġa jipprovdu skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 (4). |
(3) |
Sabiex jitnaqqas il-piż tar-rapportar fuq l-impriżi, kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, jenħtieġ li l-impriżi jitħallew jiffokaw l-ewwel fuq l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' rapportar dwar is-sostenibbiltà stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2023/2772. Għal dik ir-raġuni, l-iskadenza għall-adozzjoni tal-atti delegati li fihom l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi għandhom jirrappurtaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u l-oqsma ta’ rappurtar speċifiċi għas-settur li fih topera l-impriża msemmija fid-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li tiġi posposta b'sentejn. Madankollu, dak il-posponiment jenħtieġ li ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tippubblika l-atti delegati li fihom l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur qabel dak il-perjodu ta’ sentejn ikun għadd, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tadotta atti delegati li fihom tmienja mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur hekk kif kull wieħed ikun lest. |
(4) |
L-impriżi fl-istess settur spiss ikunu esposti għal riskji simili relatati mas-sostenibbiltà, u spiss ikollhom impatti simili fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent. Paraguni bejn impriżi fl-istess settur huma partikolarment siewja għall-investituri u għal utenti oħrajn ta' informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw kemm l-informazzjoni li impriżi fis-setturi kollha jenħtieġ li jiddivulgaw, kif ukoll l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw skont is-settur ta' attività tagħhom. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur huma partikolarment importanti fil-każ ta' setturi assoċjati ma' riskji għolja mil-lat tas-sostenibbiltà għall-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza, jew l-impatti fuqhom, inkluż is-setturi elenkati fit-Taqsimiet A, B (inkluż iż-żejt, il-gass, il-minjieri u l-faħam) sa H, K u L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-attivitajiet rilevanti f'dawk is-setturi. Meta tkun qed tadotta atti delegati li fihom standards dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni speċifikata minn dawk l-istandards dwar is-sostenibbiltà tkun proporzjonata għall-iskala tar-riskji u l-impatti relatati ma' kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà speċifiċi għal kull settur, filwaqt li tqis il-fatt li r-riskji u l-impatti ta' xi setturi huma ogħla minn dawk ta’ setturi oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll il-fatt li mhux l-attivitajiet kollha fi ħdan settur partikolari huma neċessarjament assoċjati ma' riskji jew impatti għoljin għas-sostenibbiltà. Għal impriżi li joperaw f'setturi li jiddependu partikolarment fuq ir-riżorsi naturali, l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur ikunu jeħtieġu d-divulgazzjoni tal-impatti relatati man-natura fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi u r-riskji għalihom. |
(5) |
Id-Direttiva 2013/34/UE tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta, sat-30 ta’ Ġunju 2024, att delegat biex tipprevedi li jintużaw standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fir-rigward ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi b’fatturat nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun fl-Unjoni u b’sussidjarji fl-Unjoni li jew huma impriżi kbar jew impriżi żgħar u medji b'titoli ammessi għall-kummerċ fis-swieq regolati tal-Unjoni, jew b'fergħat fl-Unjoni b'fatturat nett ta' aktar minn EUR 40 miljun. Dan ir-rekwiżit ta' rapportar għal ċerti impriżi ta' pajjiżi terzi japplika biss mis-sena finanzjarja 2028. Peress li l-iskadenza għall-adozzjoni tal-atti delegati li fihom l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi għandhom jirrappurtaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u l-oqsma ta’ rappurtar speċifiċi għas-settur li fih topera l-impriża għandha tiġi posposta b'sentejn, l-iskadenza għall-adozzjoni tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti impriżi ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li tiġi posposta b'sentejn ukoll. |
(6) |
Sabiex trawwem kontroll demokratiku, skrutinju u trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni, mill-inqas darba fis-sena, tikkonsulta dwar l-iżvilupp ta' standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mal-Parlament Ewropew, u b'mod konġunt mal-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli u mal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità, rigward il-programm ta' ħidma tal-EFRAG. Fir-rigward tal-iżvilupp ta' standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-programm ta' ħidma tal-EFRAG jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar l-ippjanar, il-prijoritizzazzjoni u l-iskedi ta' żmien tiegħu għal abbozzi ta' standards futuri u riżultati tanġibbli oħra. |
(7) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/34/UE tiġi emendata skont dan. Peress li l-emendi introdotti minn din id-Direttiva emendatorja jikkonċernaw element speċifiku ta' setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni, ma hemmx bżonn li l-Istati Membri jittrasponu dawk l-emendi f'każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tagħmel referenza biss għal tali setgħa, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE
Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:
(1) |
l-Artikolu 29b(1), huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
fl-Artikolu 40b, id-data “30 ta' Ġunju 2024” hija sostitwita bit- “30 ta' Ġunju 2026”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id- Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Il-President
Il-President
M. MICHEL
(1) ĠU C, C/2024/1584, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1584/oj.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024.
(3) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' intrapriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/2024-01-09).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 tal-31 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tar-rappurtar tas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2772, 22.12.2023, ELI: http: //data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2772/oj).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/2019-07-26).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1306/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)