Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H1238

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1238 tat-23 ta’ April 2024 dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interessi tat-tfal

C/2024/2680

ĠU L, 2024/1238, 14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1238/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1238/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1238

14.5.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1238

tat-23 ta’ April 2024

dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interessi tat-tfal

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza hija objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) jistabbilixxi l-objettiv li l-Unjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Dan id-dritt fundamentali huwa fost il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE. F’konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), dan id-dritt jipprevedi li t-tfal għandu jkollhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, u li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja. Tali protezzjoni jenħtieġ li ma tkunx prevista biss fl-Unjoni, iżda wkoll fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-bqija tad-dinja f’konformità mal-Artikolu 3(5) TUE.

(2)

Il-protezzjoni tat-tfal hija wkoll objettiv ewlieni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (“il-Konvenzjoni tan-NU”) (1), tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) (2), kif ukoll ta’ strumenti legali internazzjonali oħra (3) u strumenti mhux legalment vinkolanti fil-livell tan-NU (4) u fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa (5).

(3)

Ir-rispett u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal huma ċentrali fl-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (l-Istrateġija) (6). Fl-istrateġija, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tippreżenta inizjattiva mmirata biex tappoġġa l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal”, bħala riżultat ewlieni fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal u tiżgura l-protezzjoni tat-tfal.

(4)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2021 dwar id-drittijiet tat-tfal (7), il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza li jiġu żviluppati u msaħħa sistemi integrati nazzjonali u transnazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal, mgħammra b’riżorsi, skemi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ Ġunju 2022 appellaw ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ integrat (koordinat u multidixxiplinari) għall-protezzjoni tat-tfal (8). Il-Kumitat tar-Reġjuni enfasizza wkoll il-ħtieġa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw is-setgħa fis-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal, fl-opinjoni tiegħu (9).

(5)

Il-konsultazzjoni ta’ aktar minn 1 000 tifel u tifla taħt il-Pjattaforma l-ġdida tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal (10) dwar il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tagħhom turi li l-protezzjoni tat-tfal għadha mhix ċerta (11). Din ir-Rakkomandazzjoni tibni wkoll fuq konsultazzjoni pubblika miftuħa u sejħa għal evidenza. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“FRA”) wettqet ukoll immappjar tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal fl-Unjoni (12) u l-funzjonament tagħhom, fuq talba tal-Kummissjoni. L-eżiti ewlenin huma deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ibbażat fuq l-evidenza li jakkumpanja din ir-Rakkomandazzjoni.

(6)

Sejba ewlenija turi li s-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal huma diversi. Dawn is-sistemi huma mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi, ir-riżorsi allokati, u ffurmati minn fatturi kulturali, soċjali u storiċi speċifiċi, u b’livelli differenti ta’ deċentralizzazzjoni. Madankollu, l-isfidi kondiviżi jikkonċernaw, pereżempju, politiki ta’ prevenzjoni insuffiċjenti u sistemi ta’ identifikazzjoni bikrija, kif ukoll appoġġ f’waqtu, komprensiv (inkluż psikosoċjali) nieqes, b’mod partikolari għat-tfal li jiffaċċjaw ħtiġijiet ta’ protezzjoni li jseħħu b’mod konġunt, u l-monitoraġġ. Ħafna drabi jkun hemm nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni biex jiġi żgurat rispons multidixxiplinari effettiv fil-ministeri kollha jew f’saffi differenti ta’ kompetenzi. Id-disponibbiltà u l-koordinazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji huma wkoll sfida. Abbażi ta’ dan, huma meħtieġa b’mod ċar sistemi aktar effiċjenti u integrati għall-protezzjoni tat-tfal.

(7)

Il-promozzjoni ta’ kultura ta’ tolleranza żero għall-vjolenza kontra t-tfal teħtieġ li jingħalaq id-distakk bejn l-istandards internazzjonali, l-impenji politiċi, u l-azzjoni u li jiġu mobilizzati l-atturi rilevanti kollha fis-soċjetà kollha (13). Dan jenħtieġ li jikkonċerna kwalunkwe forma ta’ vjolenza, jiġifieri l-forom kollha ta’ vjolenza fiżika jew mentali, korriment jew abbuż, negliġenza jew trattament negliġenti, trattament ħażin jew sfruttament, inkluż abbuż sesswali, fiżikament, online, jew f’dinjiet virtwali (“vjolenza kontra t-tfal”). Tali vjolenza tinkludi pereżempju l-vjolenza domestika, it-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż sesswali, il-vjolenza sessista, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ tat-tfal, kif ukoll il-forom kollha ta’ bullying u kastig korporali. Fid-dawl ta’ dan, din ir-Rakkomandazzjoni prinċipalment għandha l-għan li trawwem l-iżvilupp ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-Istati Membri u li ssaħħaħ il-funzjonament tagħhom, u li tippromwovi l-protezzjoni tat-tfal bħala prijorità tal-Unjoni fl-azzjoni esterna tagħha.

(8)

Biex jirrispondu aħjar għall-fehmiet u l-ħtiġijiet tat-tfal, li huwa ċentrali għal din ir-Rakkomandazzjoni, is-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal jenħtieġ li jkunu speċifiċi għall-kuntest, iċċentrati fuq it-tfal u implimentati fl-aktar livell xieraq ta’ governanza. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transsettorjali bejn l-atturi privati, l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, biex jiżguraw aċċess ugwali għas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom jitqiesu bħala kunsiderazzjoni primarja, filwaqt li jinstemgħu l-fehmiet tat-tfal. Approċċ integrat jenħtieġ li jgħaqqad ukoll il-prevenzjoni, it-twissija bikrija, ir-rapportar, l-appoġġ transettorjali u l-monitoraġġ.

(9)

Atturi differenti, f’livelli differenti ta’ kompetenza u setturi, qed ikollhom responsabbiltajiet speċifiċi fil-protezzjoni tat-tfal. Rwoli definiti b’mod ċar u koordinazzjoni mill-qrib huma essenzjali bejn l-atturi rilevanti kollha, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livelli kollha, skont il-kompetenzi tagħhom), l-atturi privati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-professjonisti u l-atturi rilevanti jkopru diversi setturi, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ (l-għalliema, l-edukaturi, is-servizzi ta’ appoġġ fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal), soċjali (eż. il-ħaddiema soċjali, il-fornituri ta’ servizzi, dawk li jagħtu kura residenzjali u foster care), is-saħħa (inkluż is-saħħa mentali), il-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi (eż. l-avukati, l-imħallfin, il-pulizija, il-professjonisti li jaħdmu f’istituzzjonijiet magħluqa jew semimagħluqa), l-ażil u l-migrazzjoni, l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari, is-setturi diġitali, tal-isport, tad-divertiment, tal-media jew kulturali, il-finanzi, in-negozju u l-ambjent, kif ukoll il-mexxejja tradizzjonali u reliġjużi. Il-familji u l-komunitajiet għandhom rwol ċentrali fil-protezzjoni tat-tfal, kif ukoll fit-tfal infushom.

(10)

Il-varjetà wiesgħa ta’ għodod għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, inkluż fil-livell tal-Unjoni (il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-finanzjament), tista’ tgħin biex is-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal isiru aktar integrati u robusti. Bħala tali, din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis rilevanti tal-Unjoni relatat mad-drittijiet tat-tfal kif ukoll azzjonijiet mhux vinkolanti meħuda f’dan il-qasam (14). Din għandha l-għan li ġġib approċċ olistiku u trażversali għall-protezzjoni tat-tfal, billi tiġbor flimkien il-leġiżlazzjoni u l-azzjoni diġà eżistenti biex is-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal jaħdmu b’mod aktar integrat, iċċentrat fuq it-tfal.

(11)

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklużjoni fis-soċjetajiet tagħna hija għodda importanti għall-prevenzjoni tal-vjolenza. It-tfal b’karatteristiċi relatati ma’ kawżi ta’ diskriminazzjoni huma aktar probabbli li jiffaċċjaw il-bullying. Pereżempju, it-tfal b’diżabilità għandhom riskju ogħla li jkunu vittmi ta’ vjolenza u abbuż kemm fl-ambjent tad-dar tagħhom kif ukoll fl-istituzzjonijiet (15). 11 % tat-tfal LGBTI ta’ bejn il-15 u s-17-il sena esperjenzaw attakk fiżiku jew sesswali minħabba li kienu LGBTI fil-ħames snin qabel l-istħarriġ tal-2019 (16). It-tfal li jkunu xhieda ta’ atti ta’ razziżmu u jesperjenzaw awtoċensura fl-iżvelar tal-identità tagħhom huma aktar probabbli li jiżviluppaw problemi soċjoemozzjonali minn dawk li ma jkunux. Dan huwa partikolarment minnu għat-tfal Rom, li spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni, antiżingariżmu u esklużjoni soċjoekonomika fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom (17). Għalhekk huwa essenzjali li s-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal ikunu inklużivi, filwaqt li jiġi żgurat li t-tfal kollha dejjem jiġu trattati b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni f’konformità mal-ħames strateġiji tal-Unjoni ta’ ugwaljanza tal-Kummissjoni (18), l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u s-Sostenn tal-Ħajja Lhudija (19) u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni (20). Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-ebda post għall-mibegħda għandha l-għan li żżid l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-mibegħda fil-forom kollha tagħha (21).

(12)

Is-saħħa mentali u l-appoġġ psikoloġiku huma elementi kostituttivi fi kwalunkwe stadju tal-protezzjoni tat-tfal. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali (22) tiffoka fuq it-tisħiħ tas-saħħa mentali tat-tfal. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi t-tfulija bħala stadju determinanti għas-saħħa mentali tul il-ħajja kollha. F’approċċ ta’ skola sħiħa għall-benesseri, is-saħħa mentali u l-lingwa mhux vjolenti huma kruċjali għall-prevenzjoni tal-bullying, inkluż il-bullying ċibernetiku, u l-vjolenza, f’kollaborazzjoni mal-professjonisti tas-saħħa mentali u l-familji. Dan huwa enfasizzat b’mod partikolari mill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar ambjenti ta’ apprendiment ta’ appoġġ għal gruppi f’riskju ta’ progress insuffiċjenti u għall-appoġġ tal-benesseri fl-iskola (23), li jikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 (24). Din il-ħidma tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola (25).

(13)

Wieħed mid-determinanti ewlenin tal-esklużjoni soċjali tat-tfal huwa l-aċċess mhux ugwali għal servizzi ewlenin. Dawn huma essenzjali għall-benesseri tat-tfal u għall-iżvilupp tal-ħiliet soċjali, konjittivi u emozzjonali tagħhom. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (26), fil-prinċipju 11, jiddikjara li t-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli ta’ kwalità tajba; id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar kif ukoll li t-tfal minn sfondi żvantaġġati jkollhom id-dritt għal miżuri speċifiċi biex itejbu l-opportunitajiet indaqs. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (27) għal Garanzija Ewropea għat-Tfal tistieden lill-Istati Membri jipprevjenu u jiġġieldu l-esklużjoni soċjali billi jiggarantixxu aċċess effettiv tat-tfal fil-bżonn għal sett ta’ servizzi ewlenin, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. Dan jikkonċerna b’mod partikolari tfal li ġejjin minn ambjenti familjari prekarji, vjolenti u abbużivi. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Garanzija Ewropea għat-Tfal u l-Istrateġija Ewropea għall-Kura (28) jippreżentaw qafas ta’ politika komprensiv tal-UE biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi bażiċi għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (29) tappoġġja wkoll lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kwalità tagħhom. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019–2027 (30) fakkret li terz taż-żgħażagħ fl-Ewropa jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, li għandu impatt fuq it-tgawdija tad-drittijiet soċjali tagħhom. Ħafna għadhom jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni, jesperjenzaw preġudizzju u reati ta’ mibegħda. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu indirizzati d-disparitajiet u ssir ħidma biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-iżgħar ġenerazzjonijiet fl-Ewropa, inklużi dawk l-aktar emarġinati u esklużi.

(14)

L-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal huwa reat li qed jevolvi u li qed jiżdied fil-frekwenza fl-Unjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni tirrifletti l-importanza tal-impenn tal-Unjoni li tipproteġi lit-tfal kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, kemm online kif ukoll offline. L-Istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal (31) tieħu perspettiva olistika dwar dan ir-reat, filwaqt li tingrana l-għodod kollha disponibbli fil-livell tal-UE, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, biex tipprevjeni u tiġġieled dawn ir-reati u tipprovdi assistenza lill-vittmi, filwaqt li timmobilizza l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, mill-awtoritajiet pubbliċi għas-settur privat. Bħala parti minn din l-Istrateġija, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal (32), li jobbliga lill-fornituri tas-servizzi online jipprevjenu d-disseminazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u l-grooming tat-tfal. Id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal (33) tipprevedi definizzjonijiet ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal u tistabbilixxi obbligi għall-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ dawk ir-reati u l-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi. Bħala parti mill-Istrateġija, il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva (34).

(15)

It-tfal iridu jiġu protetti kemm f’ambjenti fiżiċi kif ukoll f’dawk diġitali minn riskji bħal bullying (ċibernetiku) u fastidju. Dan huwa enfasizzat b’mod partikolari fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-awtonomizzazzjoni diġitali biex jiġu protetti u infurzati d-drittijiet fundamentali fl-era diġitali (35) u dwar l-appoġġ għall-benesseri fl-edukazzjoni diġitali (36). L-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal Plus (37) (BIK+) għandha l-għan li tiżgura li t-tfal jiġu protetti, rispettati u mogħtija s-setgħa online fid-deċennju diġitali l-ġdid, filwaqt li l-protezzjoni tal-minorenni hija ta’ tħassib ewlieni fil-qafas leġiżlattiv u ta’ politika, pereżempju l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (38), id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (39), ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (40), u l-inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali (41). Taħt l-umbrella BIK+, il-Kummissjoni tkompli tiġġieled kontra l-bullying ċibernetiku, b’mod partikolari permezz tal-ħidma tan-network kofinanzjat mill-UE ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur (SICs) li jipprovdu linji telefoniċi għall-għajnuna, kif ukoll taħriġ u riżorsi li għandhom jintużaw fl-ambjenti tal-edukazzjoni formali u informali.

(16)

Is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tal-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtiġijiet tat-tfal bħala vittmi, persuni suspettati, akkużati jew ikkundannati, xhieda jew bħala partijiet oħra għal proċedimenti legali, biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (42), id-Direttiva dwar is-Salvagwardji Proċedurali għal tfal li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (43), u l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020–2025) (44) jistabbilixxu b’mod espliċitu jew għandhom l-għan li jippromwovu drittijiet u salvagwardji speċifiċi għat-tfal koperti minnhom. Huwa meħtieġ approċċ immirat u integrat bejn diversi aġenziji biex jiġu appoġġati u protetti l-vittmi tfal, b’servizzi adattati għall-età, għall-vittmi tal-kriminalità. Għandu jiġi adottat approċċ multidixxiplinari għal tfal li huma suspettati jew persuni akkużati, b’mod partikolari għall-valutazzjoni individwali taċ-ċirkostanzi, il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tat-tfal. Din ir-Rakkomandazzjoni tirrifletti wkoll l-importanza tar-Regolament dwar il-Manteniment (45) u tar-Regolament Brussell IIb (46), billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera fl-Unjoni f’materji ċivili relatati mat-tfal. L-awtoritajiet Ċentrali maħtura skont ir-Regolament Brussell IIb għandhom rwol fl-għoti ta’ assistenza f’każijiet transfruntiera ta’ protezzjoni tat-tfal. It-tfal huma wkoll vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-forom kollha ta’ sfruttament (47). It-tfal vittmi tat-traffikar huma meqjusa bħala partikolarment vulnerabbli skont id-Direttiva Kontra t-Traffikar (48) u huma l-enfasi speċifika tal-Istrateġija tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin (2021–2025). Il-helplines għat-tfal (116 111), il-hotlines għat-tfal neqsin (116 000) u helplines u hotlines nazzjonali oħra (għat-tfal) għandhom rwol fis-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal.

(17)

Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal migranti, inklużi t-tfal li mhumiex akkumpanjati u li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, teħtieġ sforzi kontinwi biex jiġi indirizzat it-tħassib. Il-vjolenza hija theddida ta’ kuljum għat-tfal li jivvjaġġaw, speċjalment dawk li jivvjaġġaw mhux akkumpanjati jew li huma separati mill-familji tagħhom (49). It-tfal migranti u refuġjati jinsabu fi stat ta’ vulnerabbiltà partikolari u jeħtieġu protezzjoni speċifika u xierqa, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (50). Il-vulnerabbiltà tat-tfal tiġi aggravata meta jkunu tfal mhux akkumpanjati jew separati. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni impenjat ruħha bis-sħiħ li tappoġġa lill-Istati Membri biex jipproteġu lit-tfal spostati mill-Ukrajna lejn it-territorju tal-UE (51). Dan jinkludi l-appoġġ għall-hotlines tat-tfal neqsin u l-helplines għat-tfal, kif ukoll l-għajnuna biex tiġi żgurata l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi edukattivi nazzjonali u l-għoti ta’ gwida lill-Istati Membri biex jgħinu fl-iżgurar tal-konnessjoni rapida tat-tfal spostati mas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal (52).

(18)

Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li qed jistenna l-adozzjoni finali mill-Kunsill (53), jintroduċi salvagwardji u obbligi addizzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal li se jkollhom jiġu operazzjonalizzati qabel ma jsir applikabbli. L-aħjar interessi tat-tfal jibqgħu ċentrali fl-acquis tal-UE dwar l-Ażil, fejn irid jkun kunsiderazzjoni primarja. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jakkomodaw kwalunkwe dispożizzjoni speċjali li t-tfal li jfittxu l-ażil jista’ jkollhom bżonn wara li jaqsmu l-fruntiera, filwaqt li jqisu l-kontinwità u l-istabbiltà tal-kura. Il-Patt iqassar l-iskadenzi għall-ħatra tar-rappreżentanti tat-tfal u jsaħħaħ l-istandards relatati mat-taħriġ, il-kwalifiki u s-sorveljanza tagħhom, filwaqt li jħaddan bl-istess mod il-ħtieġa li jitqiesu l-fehmiet tat-tfal u tiġi pprovduta informazzjoni apposta għat-tfal. Dan iqassar l-iskadenzi relatati mal-aċċess tat-tfal kollha għall-edukazzjoni u jespandi l-aċċess tat-tfal għall-kura tas-saħħa sabiex jirċievu l-istess tip ta’ kura tas-saħħa kif ipprovduta liċ-ċittadini tagħhom stess li huma minorenni. Dan jinkludi garanziji aktar b’saħħithom għall-minorenni fir-rigward tad-detenzjoni, filwaqt li jispeċifika li, bħala regola, jenħtieġ li t-tfal ma jiġux detenuti. Kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni (54), it-tranżizzjoni lejn l-appoġġ għall-ħajja adulta hija aspett essenzjali ieħor li għandu jitqies fis-sistema tal-protezzjoni tat-tfal, sabiex tiġi żgurata l-aħjar tranżizzjoni u l-aktar waħda sostenibbli.

(19)

L-Unjoni tipprevedi bosta opportunitajiet ta’ finanzjament biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza. Il-fondi tal-Unjoni huma disponibbli biex jappoġġaw l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-Istati Membri u miżuri rilevanti oħra. Biex tiffaċilita n-navigazzjoni ta’ programmi differenti, il-Kummissjoni stabbiliet gateway unika għall-fondi tal-Unjoni u tippermetti lill-utenti jsibu opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti (55). Il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni huma obbligati jirrispettaw il-valuri, il-prinċipji, il-liġi applikabbli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-Unjoni meta jimplimentaw tali finanzjament. Il-Kummissjoni implimentat miżuri biex tappoġġja l-konformità u tindirizza ksur possibbli. Barra minn hekk, għall-fondi tal-UE koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (56), l-Istati Membri huma meħtieġa jissodisfaw il-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali dwar il-Karta kif ukoll dwar il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Għaldaqstant, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw li l-programmi appoġġati minn dawk il-fondi tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tagħhom ikunu konformi mal-Karta u l-UNCRPD.

(20)

Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju ddedikat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra l-bniet, u l-vjolenza domestika, u biex tipproteġi lill-vittmi ta’ tali vjolenza, taħt il-fergħa Daphne tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (“CERV”) (57). Il-linja tal-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-CERV tipprovdi aktar opportunitajiet ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-parteċipazzjoni tat-tfal, u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ċerti gruppi ta’ tfal. Il-programm dwar il-Ġustizzja (58) jappoġġa wkoll il-protezzjoni tat-tfal b’opportunitajiet ta’ finanzjament b’mod partikolari fil-qasam tal-ġustizzja apposta għat-tfal.

(21)

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (59) jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta fuq talba għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fl-Istati Membri. Dan jinkludi l-oqsma tal-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, is-saħħa u l-ġustizzja, pereżempju l-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-djar tat-tfal (Barnahus (60)). Is-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal huma wkoll parti minn inizjattiva ewlenija ta’ appoġġ tekniku tal-2024 dwar it-Tisħiħ tad-Demokrazija u l-Istat u d-Dritt (61). Ir-riformi transsettorjali jistgħu jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal taħt l-inizjattiva ewlenija dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, filwaqt li joffru l-possibbiltà li jiġi pprovdut appoġġ tekniku multinazzjonali.

(22)

Għadd ta’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni jistgħu jkopru tħassib speċifiku ieħor relatat mal-protezzjoni tat-tfal u l-benesseri tat-tfal. Dan jista’ jindirizza b’mod partikolari s-saħħa mentali tat-tfal, it-tilqim u l-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer fit-tfulija taħt il-programm EU4Health (62). Il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huma koperti mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (63); it-traffikar tat-tfal u l-abbuż sesswali tat-tfal taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna (64); appoġġ għall-ażil, għall-integrazzjoni jew għar-ritorn immirat lejn tfal mhux tal-UE, taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (65); aċċess għal servizzi mhux segregati fl-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura soċjali u tat-tfal taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (66). Ir-riformi, l-investimenti u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ tfal u żgħażagħ, bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, jistgħu jiġu indirizzati wkoll taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (67). L-Unjoni tikkofinanzja ċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri biex jipprovdu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u riżorsi dwar is-sikurezza online tat-tfal. Hija tappoġġa wkoll lit-tfal, lill-persuni li jindukraw u lill-edukaturi b’servizzi ta’ konsulenza u rapportar permezz ta’ linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal u hotlines biex jirrapportaw materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Il-programm qafas tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa (68) jappoġġa wkoll diversi proġetti marbuta mal-protezzjoni tat-tfal f’oqsma tematiċi tar-riċerka, inkluż dwar il-prevenzjoni tal-isfruttament sesswali tat-tfal u l-vjolenza domestika u sesswali.

(23)

L-impenn tal-Unjoni għall-protezzjoni tat-tfal huwa rifless ukoll fl-azzjoni esterna tagħha. Fl-2022, madwar 468 miljun tifel u tifla (aktar minn wieħed minn kull sitta) kienu qed jgħixu f’żona ta’ kunflitt. 160 miljun tifel u tifla (9,6 % tat-tfal kollha globalment) kienu vittmi tat-tħaddim tat-tfal fl-2020 (69). Kull 10 minuti, xi mkien fid-dinja, tfajla adolexxenti tmut b’riżultat tal-vjolenza (70). L-azzjoni tal-Unjoni biex tiddefendi d-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal globalment hija bbażata fuq il-mod kif l-Unjoni trawwem u ssaħħaħ il-pedamenti demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tagħha fl-Unjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-Azzjoni Esterna tal-UE (71) għandu l-għan li jippromwovi l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-tfal u ż-żgħażagħ u l-awtonomizzazzjoni tagħhom fl-azzjoni esterna tal-Unjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III (72) għandu l-għan li jiġġieled il-forom kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-protezzjoni tat-tfal hija objettiv ewlieni tal-Linji Gwida tal-Unjoni dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati (73). Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2020–2024) (74) jistieden lill-pajjiżi sħab pereżempju jibnu u jsaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal u jieħdu politika ta’ tolleranza żero kontra t-tħaddim tat-tfal; ir-Regolament propost dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmula b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni għandu jikkontribwixxi għal dan l-għan. Dan l-impenn kien rifless ukoll fil-Komunikazzjoni dwar Xogħol Deċenti (75) li se tappoġġja l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal.

(24)

Hemm ħtieġa qawwija li t-tfal jiġu protetti mit-tibdil fil-klima u mill-perikli ambjentali, kemm fit-territorju tal-UE kif ukoll globalment. It-tfal huma ferm aktar probabbli mill-adulti li jsofru ħsara serja, inklużi konsegwenzi irriversibbli u tul il-ħajja u mewt, mid-degradazzjoni ambjentali (76), it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità. Dan iżid ir-riskju tat-tfal li jiffaċċjaw ksur serju tad-drittijiet, b’mod partikolari f’kunflitt armat, minħabba l-ispostament, il-karestija u ż-żieda fil-vjolenza (77). Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-impatti differenzjati tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq in-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli (78). Il-linji Gwida tal-2023 dwar l-Istrateġiji u l-Pjanijiet ta’ Adattament tal-Istati Membri (79) jenfasizzaw it-tfal fost il-partijiet ikkonċernati bi probabbiltà akbar li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima, u li jeħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-proċess ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, il-partijiet għandhom jirrispettaw, jippromwovu u jikkunsidraw l-obbligi rispettivi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal (80). Il-qafas dwar l-għan globali dwar l-adattament kif adottat fil-COP28 (81), iħeġġeġ lill-partijiet jiżguraw l-ekwità interġenerazzjonali u l-ġustizzja soċjali, filwaqt li jqisu l-gruppi vulnerabbli inkluż it-tfal. Dan jirrikjedi wkoll li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet kritiċi li jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom. Il-perspettiva tat-tfal u ż-żgħażagħ hija parti mill-attivitajiet tal-Patt Klimatiku Ewropew (82), u b’mod partikolari n-network ta’ Ambaxxaturi u Sħab tal-Patt Klimatiku.

(25)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-Unjoni, u l-pajjiżi tal-politika tal-viċinat tal-Unjoni huma mħeġġa wkoll isegwu din ir-Rakkomandazzjoni.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Suġġett

1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jiżviluppaw u jsaħħu aktar is-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal bl-objettiv li jipproteġu lit-tfal minn kwalunkwe forma ta’ vjolenza, jiġifieri l-forom kollha ta’ vjolenza fiżika jew mentali, korriment jew abbuż, negliġenza jew trattament negliġenti, trattament ħażin jew sfruttament, inkluż abbuż sesswali, fiżikament, online, jew f’dinjiet virtwali (“vjolenza kontra t-tfal”).

2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu approċċ aktar integrat f’konformità mal-aħjar interessi tal-wild minuri. Wild minuri huwa kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena (83).

It-tqegħid tat-tfal fiċ-ċentru tas-sistemi ta’ protezzjoni

Ir-rispett tat-tfal bħala detenturi tad-drittijiet, is-smigħ tal-fehmiet tagħhom u l-infurmar tagħhom b’mod adattat għat-tfal, u s-sensibilizzazzjoni

3.

L-Istati Membri għandhom dejjem iżommu l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, filwaqt li jiżguraw li t-tfal jiġu rikonoxxuti, rispettati u protetti bħala detenturi tad-drittijiet, bi drittijiet mhux negozjabbli għall-protezzjoni.

4.

L-Istati Membri għandhom jintroduċu mekkaniżmi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali li jippermettu lit-tfal jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom b’mod sinifikanti, inklużiv, aċċessibbli u sikur. F’dawk il-kwistjonijiet, l-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lit-tfal, billi jqisu l-fehmiet tat-tfal f’konformità mal-età u l-maturità tagħhom, u billi jiżguraw b’mod partikolari l-involviment tat-tfal fl-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji, il-politiki, il-programmi u s-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal.

5.

L-Istati Membri għandhom b’mod attiv iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet tat-tfal, dwar l-għoti tas-setgħa lit-tfal, u dwar miżuri preventivi u protettivi. Tali miżuri għandhom jinkludu possibbiltajiet li jiġu rrapportati sitwazzjonijiet mhux sikuri u li jingħata appoġġ, inkluż appoġġ psikoloġiku, u informazzjoni dwar riskji speċifiċi marbuta ma’ kwalunkwe forma ta’ vjolenza kontra t-tfal, inkluż l-abbuż sesswali tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tfal, il-ġenituri u l-persuni li jindukrawhom, kwalunkwe adult f’kuntatt mat-tfal fis-setturi kollha u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

6.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jippromwovu l-użu ta’ lingwa aċċessibbli u adattata għat-tfal, inkluż fl-iskola, permezz tal-partijiet ikkonċernati, f’kampanji tal-media, inkluża l-media soċjali. Tali lingwaġġ għandu jitfassal skont l-età, il-maturità u l-ħtiġijiet tat-tfal inkwistjoni.

L-iżgurar ta’ sistemi inklużivi għall-protezzjoni tat-tfal

7.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tfal jiġu dejjem trattati mingħajr ebda diskriminazzjoni u b’mod li jipproteġi d-dinjità tagħhom. Tali trattament għandu jkun xieraq għall-età, il-maturità u l-livell ta’ fehim tagħhom, u għandu jqis il-personalità unika tagħhom, l-interessi u kwalunkwe ħtieġa speċjali li jista’ jkollhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li t-tfal kollha, fid-diversità kollha tagħhom, ikunu jistgħu jgawdu l-istess drittijiet ta’ aċċess u jibbenefikaw minn protezzjoni fit-territorji kollha tagħhom, f’żoni urbani, rurali u remoti jew fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, fuq bażi ugwali. Skont l-Artikolu 21 tal-Karta, kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali hija pprojbita.

8.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ immirat lil gruppi speċifiċi ta’ tfal, bħal tfal fil-bżonn, dawk li jesperjenzaw żvantaġġi speċifiċi, u dawk f’riskju ta’ diskriminazzjoni jew li jiffaċċjaw riskji speċifiċi ta’ vjolenza, sabiex jipprovdu servizzi aċċessibbli, ta’ kwalità, sensittivi għat-tfal u kura għat-tfal kollha. L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni b’mod partikolari lir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Garanzija Ewropea għat-Tfal u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali adottati f’dan il-kuntest, inkluż permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati.

9.

L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw miżuri rilevanti relatati mat-tfal, inkluż billi jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra t-tfal u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom, fi ħdan il-pjanijiet ta’ azzjoni, l-azzjonijiet u l-istrateġiji nazzjonali adottati fil-kuntest tal-istrateġiji tal-Unjoni ta’ ugwaljanza tal-Kummissjoni, l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u s-Sostenn tal-Ħajja Lhudija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni.

Ir-rispons għall-ħtiġijiet tas-sikurezza tat-tfal kemm fl-ambjenti fiżiċi kif ukoll f’dawk diġitali

10.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li t-tfal ikunu sikuri u jħossuhom sikuri fl-ispazji fiżiċi kollha, b’mod partikolari fl-iskola, inkluż fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, jew matul attivitajiet ta’ wara l-iskola, attivitajiet kulturali u sport, kif ukoll fi spazji pubbliċi.

11.

L-Istati Membri huma mistiedna jqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha, inkluż il-privatezza u d-data personali, fl-isfera diġitali, u jxerrdu informazzjoni dwar l-appoġġ disponibbli għat-tfal vittmi tal-vjolenza fl-ambjent diġitali. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jiżguraw li t-tfal ikunu u jħossuhom sikuri fi spazji online, inkluż permezz ta’ miżuri biex itejbu l-litteriżmu diġitali u l-użu sikur tat-teknoloġiji diġitali fost it-tfal li jużaw lingwa aċċessibbli mfassla apposta għall-età, il-maturità u l-ħtiġijiet tagħhom, biex jiżguraw li t-tfal ikunu jistgħu jirnexxu fl-ambjent diġitali. Dan għandu jkun soġġett ukoll għal sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-familji, il-persuni li jindukraw u l-iskola, li jibdew minn età bikrija, bl-appoġġ ta’ esperti rilevanti, bħaċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur.

12.

L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jikkoordinaw mal-Kummissjoni biex iżidu l-protezzjoni, l-awtonomizzazzjoni diġitali u s-sikurezza tat-tfal online, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal Plus u billi jiżguraw infurzar effettiv tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni dwar sfidi ġodda għas-sikurezza u l-benesseri tat-tfal imqajma mill-intelliġenza artifiċjali, id-dinjiet virtwali, l-esponiment żejjed għall-kontenut diġitali, it-theddid diġitali (bħad-diskors ta’ mibegħda, il-bullying ċibernetiku, il-fastidju, l-abbuż sesswali tat-tfal, il-grooming, u l-kontenut vjolenti), jew il-kummerċjalizzazzjoni aggressiva, inkluż permezz ta’ salvagwardji għall-protezzjoni tat-tfal mid-disinn.

Il-protezzjoni tal-integrità u tas-saħħa mentali tat-tfal

13.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, soċjali u edukattivi xierqa kollha biex jipproteġu l-integrità fiżika u mentali tat-tfal. Dawn il-miżuri għandhom:

(a)

jissalvagwardjaw l-integrità fiżika u mentali kollha, l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, kemm f’ambjenti fiżiċi kif ukoll f’dawk diġitali, bir-rispett dovut tal-vulnerabbiltajiet, il-ħtiġijiet speċjali potenzjali u r-riskji ta’ diskriminazzjoni tat-tfal;

(b)

jipproteġu lit-tfal kontra l-influwenza indebita tal-interessi kummerċjali, bħal-logħob tal-azzard (diġitali), il-kummerċjalizzazzjoni aggressiva, l-alkoħol, it-tabakk u l-konsum ta’ ikel mhux tajjeb għas-saħħa, filwaqt li jipprevjenu u jipproteġu lit-tfal mir-riskji ta’ dipendenzi.

14.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw it-tfal bħala grupp fil-mira ta’ prijorità fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar is-saħħa mentali, filwaqt li jipprovdu appoġġ komprensiv, inkluż il-prevenzjoni ta’ disturbi tas-saħħa mentali u appoġġ psikoloġiku, biex joħolqu ambjent fejn it-tfal iħossuhom sikuri u li fih jinstema’ t-tħassib tagħhom.

15.

L-Istati Membri għandhom iqajmu kuxjenza dwar is-saħħa, inklużi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u tilqim tat-tfal. L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ programmi aċċessibbli għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard immirati lejn it-tfal, u jiggarantixxu kura medika f’waqtha u xierqa, appoġġ psikosoċjali u assistenza edukattiva għat-tfal li jiffaċċjaw dijanjożi tal-kanċer. Għandhom jiggarantixxu wkoll aċċess effettiv tat-tfal għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u attività fiżika regolari. Programmi bħal dawn għandhom jinkludu wkoll tfal b’dipendenzi.

16.

L-Istati Membri għandhom jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jipprovdu l-appoġġ rilevanti għas-saħħa, inkluż l-aċċess għal appoġġ psikoloġiku minn stadju bikri. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi disponibbli tal-Unjoni.

17.

Huwa rakkomandat li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, soċjali u edukattivi xierqa kollha biex jipprevjenu l-bullying u jipproteġu lit-tfal mill-bullying, inkluż il-bullying ċibernetiku, permezz ta’ pjanijiet komprensivi kontra l-bullying. Tali miżuri, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-età u l-vulnerabbiltajiet tat-tfal, għandu jkollhom l-għan li jiġġieldu l-vjolenza, il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni u jrawmu l-empatija u klima pożittiva u sikura ta’ protezzjoni fl-iskola u madwarha, f’attivitajiet ta’ divertiment u f’attivitajiet diġitali. L-għalliema u l-edukaturi, l-awtoritajiet tal-edukazzjoni, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa (inkluż is-saħħa mentali), l-istudenti u l-familji għandhom jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ dawk il-miżuri. Il-miżuri għandhom jiżguraw il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija, u jipprovdu linji gwida ċari, taħriġ, u għodod prattiċi għall-vittmi, għall-persuni fil-qrib, bħall-għalliema, il-persunal tal-iskola, il-kowċis, l-istudenti, il-ġenituri, kif ukoll l-awturi dwar kif jittrattaw u jkampaw mal-bullying. Tali miżuri għandhom jinkludu wkoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar kif wieħed għandu jirrapporta u jintervjeni f’każijiet ta’ bullying, kif ifittex l-għajnuna u l-appoġġ u kif ireġġa’ lura mġiba abbużiva u tossika.

Qafas ġenerali ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal

L-istabbiliment u l-implimentazzjoni effettiva ta’ qafas legali u ta’ politika konsistenti

18.

L-Istati Membri huma mistiedna jiżviluppaw u jsaħħu aktar is-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal, abbażi ta’ qafas legali u ta’ politika nazzjonali komprensiv, b’mod partikolari billi:

(a)

jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

jistabbilixxu obbligi għall-atturi rilevanti kollha fis-setturi rilevanti, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, il-ġustizzja, l-infurzar tal-liġi, il-migrazzjoni u l-ażil, il-qasam diġitali, l-isport, id-divertiment, il-kultura, il-media, il-finanzi, in-negozju u l-ambjent, biex jirrispettaw, jipproteġu u jikkonformaw bis-sħiħ mad-drittijiet tat-tfal, inkluż meta jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni, rapportar u protezzjoni u appoġġ effettiv li jirrispondu għall-ħtiġijiet tat-tfal;

(c)

jiżguraw fil-livelli kollha l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal;

(d)

jivvalutaw proposti leġiżlattivi ġodda u ta’ politika oħra fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-protezzjoni tat-tfal kemm minn perspettiva fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul.

It-twaqqif ta’ strutturi u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni

19.

B’rispons għall-ħtiġijiet tat-tfal, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex isaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-ministeri u s-setturi rilevanti kollha, u fil-livelli differenti ta’ kompetenza, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Tali kooperazzjoni u koordinazzjoni għandhom jinvolvu l-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal, l-iżgurar tal-protezzjoni tat-tfal, u li s-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal isiru aktar integrati.

20.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu approċċ interdixxiplinari għall-protezzjoni tat-tfal li jinvolvi l-atturi kollha fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal, inklużi l-atturi privati, l-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili, il-familja, il-persuni li jindukraw u t-tfal infushom, filwaqt li jappoġġjaw lill-familji bħala indokraturi primarji.

21.

L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiċċaraw id-diviżjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet bejn is-servizzi pubbliċi u l-professjonisti li jaħdmu fuq il-protezzjoni tat-tfal, filwaqt li jiżguraw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni multidixxiplinari tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu l-involviment regolat u mmonitorjat kif xieraq tas-settur privat u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari permezz taċ-ċertifikazzjoni, l-akkreditazzjoni, ir-reġistrazzjoni, u l-iskrutinju regolari tal-faċilitajiet, l-istituzzjonijiet u l-professjonisti li jipprovdu kura u servizzi lit-tfal.

22.

L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jistabbilixxu jew jinnominaw korp inkarigat b’dawk ir-responsabbiltajiet ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni, filwaqt li jqisu kif xieraq l-istrutturi u l-mekkaniżmi nazzjonali u reġjonali eżistenti.

It-trawwim tal-koordinazzjoni mal-atturi reġjonali u lokali

23.

Minħabba r-rwol importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-protezzjoni tat-tfal kontra l-vjolenza, ir-rakkomandazzjonijiet kollha indirizzati lill-Istati Membri f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fejn il-kwistjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

24.

Għandha tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba.

25.

Kif rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom jipprovdu appoġġ adegwat għall-programmi lokali għall-protezzjoni tat-tfal, b’mod partikolari f’termini ta’ finanzjament, taħriġ, bini xieraq u aċċessibbli, is-salvagwardja u l-protokolli tat-tfal, is-sensibilizzazzjoni, u l-appoġġ u l-monitoraġġ integrati, bl-involviment tas-setturi lokali rilevanti kollha, il-partijiet ikkonċernati u t-tfal infushom, u l-appoġġ għall-interventi lokali fl-ambjent u fil-komunità tat-tfal.

It-tisħiħ tar-riżorsi umani u finanzjarji

26.

L-Istati Membri għandhom jiddedikaw finanzjament speċifiku biex jiżguraw li r-riżorsi umani u finanzjarji allokati għas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal ikunu adegwati biex jiżguraw sistema integrata effiċjenti għall-protezzjoni tat-tfal fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u fis-setturi kollha. Meta jiżguraw tali allokazzjoni tar-riżorsi, l-Istati Membri għandhom jużaw għodod ta’ monitoraġġ sistematiku għall-ispejjeż u l-ibbaġitjar orjentat lejn it-tfal, inkluż billi jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi disponibbli tal-Unjoni.

27.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw allokazzjoni adegwata tar-riżorsi u kundizzjonijiet biex jiżguraw l-attraenza tal-impjiegi, b’mod partikolari permezz tal-ippjanar tal-forza tax-xogħol, l-iżvilupp u l-għoti ta’ appoġġ, inkluż appoġġ għas-saħħa mentali għall-professjonisti li jaħdmu mat-tfal.

28.

L-Istati Membri għandhom idaħħlu kultura tad-drittijiet tat-tfal u tar-responsabbiltà tal-professjonisti u l-adulti kollha f’kuntatt mat-tfal. L-Istati Membri għandhom iqisu l-iżvilupp sistematiku ta’ protokolli u standards professjonali dwar il-proċeduri għall-protezzjoni tat-tfal u s-salvagwardji għall-protezzjoni tat-tfal, bl-għan li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu għat-tfal u magħhom ikollhom fis-seħħ politiki robusti dwar il-protezzjoni tat-tfal u mekkaniżmi ta’ rapportar għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza.

29.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu oqfsa ta’ kwalità għall-professjonisti tal-protezzjoni tat-tfal u għall-adulti f’kuntatt mat-tfal, bl-objettiv li jiġi żgurat li l-professjonisti u l-prattikanti li jaħdmu għat-tfal u magħhom, fil-livelli kollha, jiġu eżaminati u reklutati bid-diliġenza dovuta.

30.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-professjonisti tal-protezzjoni tat-tfal b’edukazzjoni, taħriġ u gwida multidixxiplinari speċifiċi u mmexxija mill-inklużjoni dwar kompetenzi speċifiċi relatati mad-drittijiet tat-tfal u mal-istandards tal-protezzjoni tat-tfal. Dan għandu jinkludi edukazzjoni, taħriġ u gwida dwar il-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons effettiv għal sinjali bikrija ta’ vjolenza kontra t-tfal u dwar il-psikoloġija u l-komunikazzjoni tat-tfal f’lingwa adatta għall-età, b’attenzjoni speċifika għall-vulnerabbiltajiet tat-tfal. Għandu jiġi provdut ukoll taħriġ dwar il-protokolli ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal, inkluż il-proċeduri u l-indikazzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-professjonisti u tal-awtoritajiet. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw il-finanzjament fi ħdan il-programmi disponibbli tal-Unjoni għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet u jiżviluppaw kontinwament il-kompetenzi professjonali tal-professjonisti tal-protezzjoni tat-tfal.

Il-ġbir tad-data b’mod aktar komprensiv, it-tisħiħ tas-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

31.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw metodoloġiji speċifiċi għall-ġestjoni tad-data bl-għan li jtejbu l-oqfsa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sistemi tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal.

32.

B’rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-ġbir ta’ statistika diżaggregata uffiċjali rilevanti u data oħra (minn sorsi amministrattivi, kif ukoll minn stħarriġiet u tipi oħra ta’ riċerka kwalitattiva u kwantitattiva) rigward il-vjolenza kontra t-tfal u l-protezzjoni tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jagħmlu wkoll sforzi speċifiċi biex ikomplu jiżviluppaw l-analiżi tax-xejriet permezz ta’ ġbir perjodiku ta’ data biex jippermettu analiżi komparattiva fil-ħin dwar il-vjolenza kontra t-tfal u l-effiċjenza tas-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal u biex isaħħu l-ġbir tad-data dwar it-tfal neqsin fl-Unjoni.

33.

L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni f’konformità mal-kompetenzi nazzjonali u reġjonali, inklużi l-indikaturi tad-drittijiet tat-tfal u tal-benesseri. Tali monitoraġġ u evalwazzjoni jenħtieġ li jiżguraw li s-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal jiġu mmonitorjati b’mod indipendenti. Dan jista’ jiġi żgurat b’mod partikolari minn istituzzjoni nazzjonali indipendenti għad-drittijiet tat-tfal jew ombudsperson għat-tfal b’riżorsi adegwati.

34.

L-Istati Membri għandhom isegwu riċerka dwar il-vjolenza kontra t-tfal u sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal. Sabiex id-data disponibbli tkun speċifika għat-tfal, ir-riċerka għandha timmira wkoll lejn il-parteċipazzjoni diretta tat-tfal, bis-salvagwardji proċedurali u l-miżuri ta’ protezzjoni tad-data meħtieġa, kif ukoll informazzjoni, metodi u għodod xierqa u aċċessibbli fis-seħħ għat-tfal. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu sensittivi għall-istadju tal-iżvilupp tat-tfal u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom, kif ukoll aċċessibbli għat-tfal b’diżabilità, u ta’ etajiet u sfondi differenti. Is-sejbiet tar-riċerka għandhom jiġu analizzati permezz ta’ lenti ċċentrata fuq it-tfal, filwaqt li tingħata prijorità lill-perspettivi u l-esperjenzi tat-tfal fl-interpretazzjoni tar-riżultati, filwaqt li jiġi żgurat li l-ilħna u l-ħtiġijiet tat-tfal jinstemgħu u jkunu ċentrali għall-proċess tar-riċerka u l-eżiti tagħha.

Kontinwità ta’ servizzi komprensivi u kkoordinati biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tat-tfal

Il-ħtieġa ta’ prevenzjoni proattiva u sistemika tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal

35.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu biżżejjed miżuri preventivi u ta’ identifikazzjoni bikrija, ta’ twissija bikrija u ta’ appoġġ bikri bħala parti mis-sistemi integrati tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal.

36.

L-Istati Membri huma mistiedna jrawmu ambjent sikur u inklużiv fl-edukazzjoni, inkluż l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, u fit-taħriġ, filwaqt li jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jirrispondu għal vulnerabbiltajiet speċifiċi. L-Istati Membri għandhom, fost l-oħrajn, iqajmu l-għarfien tat-tfal dwar id-drittijiet u s-servizzi ta’ appoġġ tagħhom, iħarrġu lill-professjonisti dwar sinjali bikrija ta’ vjolenza u protokolli, jimmonitorjaw u jappoġġaw is-saħħa mentali u l-benesseri tat-tfal u tal-għalliema, jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji u protokolli rilevanti għall-protezzjoni tat-tfal; u jikkoordinaw l-isforz bejn l-edukazzjoni u setturi oħra sabiex jipprovdu appoġġ sħiħ lill-familji u lit-tfal affettwati minn ċirkostanzi barra mill-iskola.

37.

L-Istati Membri huma rrakkomandati li jipprojbixxu l-piena korporali kontra t-tfal fl-ambjenti kollha, u jsaħħu s-servizzi ta’ appoġġ integrati għat-tfal u l-familji tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-familji bil-protezzjoni soċjali u l-appoġġ meħtieġa biex jiżguraw l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, inkluż permezz tal-prevenzjoni effettiva ta’ tali kastig u intervent bikri. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu wkoll appoġġ tal-ġenituri u tal-familja, filwaqt li jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi evitata s-separazzjoni tal-familja, fl-aħjar interessi tat-tfal.

L-iżgurar tar-rapportar u r-riferiment ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra t-tfal

38.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rapportar sikuri, kunfidenzjali, adattati għat-tfal u ppubbliċizzati sew li jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza, inkluż permezz ta’ helplines, hotlines u funzjonijiet online 24/7. Tali mekkaniżmi għandhom ikunu aċċessibbli, jużaw lingwaġġ adattat għall-età, u jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tfal ikunu infurmati tajjeb dwar id-drittijiet tagħhom li jużaw dawn il-mekkaniżmi ta’ rapportar.

39.

L-Istati Membri huma rrakkomandati li jiddefinixxu b’mod ċar ir-regoli dwar ir-rapportar ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra t-tfal. Meta l-vjolenza tinvolvi d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jew meta jista’ jkun hemm kwalunkwe kunflitt ta’ interess ieħor bejn il-vittma minuri u d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Istati Membri għandhom iqisu l-aħjar interessi tat-tfal u jiżguraw li kwalunkwe att li jirrikjedi l-kunsens ma jkunx kundizzjonali fuq il-kunsens tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

40.

Il-professjonisti, b’mod partikolari l-professjonisti li jaħdmu f’kuntatt mill-qrib mat-tfal fis-setturi tal-protezzjoni tat-tfal, tal-edukazzjoni, tal-indukrar tat-tfal u tal-kura tas-saħħa, għandhom ikunu meħtieġa jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jekk ikollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li twettaq reat punibbli jew li x’aktarx jitwettaq, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali.

41.

Il-mekkaniżmi tal-ilmenti għandhom ikunu disponibbli għat-tfal kollha, għad-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom jew għal adult xieraq ieħor li jirrappreżenta l-interessi tagħhom, u għal persuni terzi għar-rapportar tal-vjolenza kontra t-tfal.

42.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ riferiment multidixxiplinari komprensivi għall-ilmenti li jikkonċernaw il-vjolenza kontra t-tfal, li jkopru s-setturi rilevanti kollha inkluż is-setturi tas-saħħa (inkluża s-saħħa mentali), il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi.

43.

Dawk il-mekkaniżmi tal-ilmenti, ta’ rapportar u ta’ riferiment għandu jkollhom riżorsi adegwati u għandhom ikunu kkoordinati tajjeb f’sistema integrata għall-protezzjoni tat-tfal, biex jiġi evitat kwalunkwe dewmien bla bżonn fl-appoġġ ipprovdut.

Provvediment ta’ kontinwità ta’ servizzi ta’ appoġġ multisettorjali f’każijiet ta’ vjolenza kontra t-tfal

44.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ġestjoni integrata tal-każijiet b’appoġġ xieraq għall-età u olistiku bħall-kura medika, l-appoġġ emozzjonali, psikoloġiku u edukattiv u kwalunkwe appoġġ xieraq ieħor meħtieġ miċ-ċirkostanzi individwali tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-ħatra ta’ adult xieraq f’kuntatt mat-tfal biex jikkollaboraw mal-persuni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti.

45.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni rilevanti mas-servizzi soċjali biex jipprovdu assistenza u appoġġ għall-vittmi minuri, il-familja tagħhom u persuni oħra li jindukraw hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom indikazzjoni raġonevolment ġustifikata ta’ vjolenza. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll programmi ta’ appoġġ speċjali u ta’ intervent bikri għat-tfal li jkunu wettqu jew li jkunu f’riskju li jwettqu reati kriminali għal raġunijiet marbuta b’mod ċar mas-sitwazzjoni familjari jew tal-għajxien tagħhom.

Id-deistituzzjonalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn kura u servizzi ta’ kwalità bbażati fil-familja u fil-komunità b’kunsiderazzjoni xierqa tal-aħjar interessi tat-tfal

46.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw il-prijoritizzazzjoni tal-kura tat-tfal ibbażata fil-familja u bbażata fil-komunità, filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, wara li jkunu qiesu kif xieraq il-ħtiġijiet u x-xewqat ta’ kull tifel u tifla, meta t-tfal jitqiegħdu f’kura alternattiva. Il-faqar qatt ma għandu jkun l-unika raġuni biex it-tfal jitqiegħdu f’kura alternattiva.

47.

L-Istati Membri għandhom jinvestu f’servizzi ta’ kwalità mhux residenzjali bbażati fil-familja u fil-komunità, inkluż akkomodazzjoni aċċessibbli, biex jappoġġjaw lit-tfal b’diżabilità u lill-familji tagħhom kmieni kemm jista’ jkun biex jipprevjenu t-tqegħid tat-tfal b’diżabilità fl-istituzzjonijiet u jappoġġjaw l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-komunità.

48.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu strateġiji u programmi nazzjonali biex jaċċelleraw id-deistituzzjonalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn servizzi ta’ kura ta’ kwalità bbażati fil-familja u fil-komunità għat-tfal mingħajr kustodja u għat-tfal b’diżabilità, fl-aħjar interessi tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jużaw prattiki tajbin ta’ deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal b’diżabilità, biex isaħħu t-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal servizzi li jipprovdu appoġġ fil-komunità.

49.

Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni għad-deistituzzjonalizzazzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri huma mistiedna jindirizzaw il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ familji tar-rispett, b’mod partikolari għal tfal f’sitwazzjonijiet prekarji jew bi ħtiġijiet kumplessi jew bil-ħsieb li l-aħwa jinżammu flimkien. Għandhom jiġu allokati riżorsi xierqa b’mod partikolari biex jiġu żgurati servizzi ta’ appoġġ rilevanti għall-kura bbażata fil-komunità jew fil-familja. Għandhom jiġu żgurati wkoll l-iskrutinju u l-monitoraġġ rilevanti u għandu jsir kull sforz biex jiġu evitati kollokamenti multipli ta’ tfal li ma jgħixux mal-familja tal-oriġini tagħhom. Għandhom jitqiesu l-aħjar prattiki f’termini ta’ tranżizzjoni u riintegrazzjoni fil-familja tal-oriġini. Għandu jiġi evitat l-ospitar ta’ tfal imċaħħda mill-kura familjari f’postijiet inadegwati (bħal kmamar tal-lukandi jew tal-isptar), sakemm ma tkunx bħala tranżizzjoni ta’ emerġenza għall-iqsar żmien possibbli, b’salvagwardji ta’ protezzjoni rilevanti fis-seħħ.

50.

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu wkoll appoġġ komprensiv u programmi ta’ tħejjija biex jassistu lit-tfal u lill-adulti żgħażagħ, inklużi t-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità u t-tfal migranti mhux akkumpanjati, fil-proċess ta’ tranżizzjoni mis-sistema ta’ kura alternattiva jew ġustizzja tat-tfal jew kwalunkwe faċilità oħra magħluqa jew nofsha magħluqa għal għajxien indipendenti u inklużjoni sħiħa fil-komunità. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li s-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal jiżviluppaw pjanijiet speċifiċi għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż dak tat-tfal f’istituzzjonijiet residenzjali jew tat-tip magħluq.

Lejn ġustizzja dejjem aktar adattata għat-tfal

51.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-kapaċità tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-tfal u jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom, soġġett għar-regoli applikabbli skont il-liġi nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li:

(a)

il-proċedimenti legali li jinvolvu t-tfal jiġu adattati għall-età, il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet tagħhom;

(b)

it-tfal jiġu vvalutati u appoġġati individwalment qabel, matul u wara l-proċedimenti legali, kif xieraq u kif meħtieġ abbażi taċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, f’konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-età, il-maturità u l-fehmiet tagħhom;

(c)

it-tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta’ protezzjoni speċjali matul il-proċedimenti kriminali, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni u għodod tekniċi oħra għall-għoti jew il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, fid-dawl tal-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom;

(d)

it-tfal jirċievu informazzjoni fir-rigward ta’ mezzi ta’ aċċess għall-ġustizzja, aspetti ġenerali tat-tmexxija tal-proċedimenti legali li jikkonċernawhom u d-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ tali proċedimenti b’lingwa faċilment aċċessibbli u adattata għat-tfal, filwaqt li titqies kwalunkwe ħtieġa speċjali;

(e)

it-tfal jinstemgħu fi proċedimenti legali dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom, u jipprovdulhom opportunità ġenwina u effettiva biex jesprimu l-fehmiet tagħhom, direttament jew permezz ta’ rappreżentant; il-fehmiet tagħhom għandhom jitqiesu dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom skont l-età u l-maturità tagħhom u l-vittimizzazzjoni sekondarja kkawżata minn diversi seduti ta’ smigħ u eżamijiet għandha tiġi evitata;

(f)

it-tfal ikollhom aċċess għal għajnuna legali, li tinkludi assistenza legali mingħajr ħlas u effettiva fil-forma ta’ konsulenza legali u rappreżentanza legali, matul l-istadji kollha tal-proċedimenti legali;

(g)

it-tfal ikollhom aċċess għal servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni mingħajr ħlas, matul l-istadji kollha tal-proċedimenti legali;

(h)

it-tfal f’każijiet transfruntiera jkollhom aċċess għal vidjokonferenzi jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għall-parteċipazzjoni fil-proċedimenti u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda;

(i)

it-tfal ikunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom, jew adult xieraq ieħor matul il-proċedimenti legali;

(j)

il-privatezza u d-data personali tat-tfal involuti fi proċedimenti legali jkunu protetti;

(k)

iċ-ċaħda tal-libertà tat-tfal, u b’mod partikolari tat-tfal migranti, tintuża dejjem bħala l-aħħar miżura, tkun limitata għall-iqsar perjodu ta’ żmien xieraq u infurmata minn valutazzjoni individwali tat-tfal u jkunu disponibbli miżuri alternattivi adegwati;

(l)

il-prevenzjoni tar-reċidività titrawwem permezz tal-iżvilupp ta’ programmi adegwati ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni għal persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ reat li jikkostitwixxi vjolenza kontra t-tfal;

(m)

alternattivi għal proċedimenti legali bħas-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva, il-medjazzjoni, id-devjazzjoni (mill-prosekuzzjoni kriminali) u s-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim ikunu disponibbli kull meta dawn ikunu jistgħu jservu l-aħjar interessi tat-tfal, iżda mingħajr ma alternattivi bħal dawn jimpedixxu l-aċċess tat-tfal għall-ġustizzja permezz ta’ proċedimenti legali.

52.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas komuni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-professjonisti li jaħdmu mat-tfal jew għat-tfal fi proċedimenti legali jew interventi li jinvolvu jew jaffettwaw lit-tfal.

53.

L-Istati Membri għandhom jiddedikaw finanzjament speċifiku biex jipprevedu approċċ immirat u ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn diversi aġenziji biex jappoġġaw lit-tfal f’kuntatt mas-sistema ġudizzjarja, b’mod partikolari l-vittmi tal-kriminalità, inkluż billi jistabbilixxu d-djar tat-tfal f’konformità mal-mudell tad-Dar tat-tfal (Barnahus) jew kwalunkwe mudell ekwivalenti ieħor favur id-drittijiet tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi u l-appoġġ tekniku disponibbli fil-livell tal-Unjoni.

54.

L-Istati Membri għandhom itejbu l-kooperazzjoni f’każijiet ta’ protezzjoni tat-tfal b’implikazzjonijiet transfruntiera, inkluż permezz tal-assistenza tal-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri rilevanti maħtura skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 (84), pereżempju billi jżidu l-isforzi ta’ prevenzjoni, billi jaqsmu prattiki tajba fost l-Istati Membri, speċifikament fil-kuntest tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, u billi jiffaċilitaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn l-atturi li jappoġġjaw lit-tfal.

Miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tat-tfal migranti

55.

Fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u r-riformi assoċjati għas-sistemi ta’ akkoljenza tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw iċ-ċentralità tal-protezzjoni tat-tfal u l-kunsiderazzjoni kontinwa tal-aħjar interessi tat-tfal. Dan jinkludi proċeduri ċari u bikrija għall-valutazzjonijiet tal-aħjar interessi individwali u l-iżgurar li l-proċedimenti u s-sistemi ta’ akkoljenza rilevanti kollha jiġu adattati biex iqisu l-età, il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet tat-tfal bħala prijorità, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali. Is-sistemi integrati ta’ ġestjoni tal-każijiet għandhom jinkludu u jimmassimizzaw is-sinerġiji meħtieġa tal-isforz u l-informazzjoni bejn l-atturi u l-istituzzjonijiet tal-istat, inkluż is-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal kif ukoll is-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jinkoraġġixxu l-involviment tagħhom f’appoġġ operazzjonali u proċessi ta’ monitoraġġ, speċjalment fil-fruntieri. Għandhom isiru sforzi speċjali biex jiġi żgurat l-aċċess tat-tfal għal servizzi u organizzazzjonijiet iddedikati f’postijiet remoti.

56.

Bħala parti essenzjali mis-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal għal tfal mhux akkumpanjati, l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi partikolari biex jespandu u jsaħħu s-sistemi ta’ kustodja għal dawn it-tfal, inkluż billi jiżguraw il-ħatra rapida ta’ kustodji jew rappreżentanti legali suffiċjenti u permezz tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tan-Network Ewropew tal-Kustodja, l-identifikazzjoni tal-aħjar prattika u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll appoġġ effettiv għat-tranżizzjoni lejn il-ħajja adulta tat-tfal kollha mhux akkumpanjati.

57.

L-Istati Membri huma mħeġġa jibnu sistemi integrati nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal li huma lesti biex jiffaċċjaw id-diversità tas-sitwazzjoni tat-tfal migranti (tfal mhux akkumpanjati, vittmi tat-traffikar, tfal li jitolbu protezzjoni internazzjonali jew riunifikazzjoni mal-familja tagħhom u t-tfal li jintegraw fil-komunità lokali u jaċċessaw is-servizzi ġenerali). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal jingħataw biżżejjed riżorsi u li l-persunal tagħhom jitħarreġ b’mod adegwat biex iwieġeb għall-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw dawn it-tfal, u li l-organizzazzjonijiet f’kuntatt dirett mat-tfal ikollhom fis-seħħ politiki interni dwar il-protezzjoni tat-tfal. Il-persuni f’kuntatt mat-tfal għandhom isiru konxji u mħarrġa b’mod speċjali dwar il-komunikazzjoni interkulturali u l-aspetti relatati mas-saħħa mentali. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li t-tfal kollha jingħataw informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri, b’mod adattat għat-tfal u adattat għall-età u għall-kuntest.

58.

L-Istati Membri għandhom iżidu l-parteċipazzjoni tat-tfal migranti u t-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni fl-edukazzjoni, inkluż l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, filwaqt li jiżguraw li tali programmi jkunu mgħammra biex iservu tfal kulturalment u lingwistikament diversi. Għandhom jitrawmu wkoll miżuri komplementari biex jiġi żgurat li t-tfal spostati jżommu rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

Il-protezzjoni tat-tfal bħala prijorità globali tal-Unjoni

It-tisħiħ ta’ approċċ integrat għall-protezzjoni tat-tfal fl-azzjoni esterna

59.

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tagħhom, inkluż id-diplomazija barranija, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja kif stabbilit fl-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju b’attenzjoni partikolari għad-dritt ta’ għajxien mingħajr vjolenza u d-dritt għall-protezzjoni.

60.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-azzjoni esterna tagħhom tikkontribwixxi għall-ġlieda tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal, bħall-vjolenza domestika, it-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż sesswali, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ tat-tfal, kif ukoll il-forom kollha ta’ bullying u kastig korporali. L-Istati Membri huma mistiedna jqisu approċċ integrat għall-protezzjoni tat-tfal, inkluża l-protezzjoni soċjali, fl-azzjoni ta’ appoġġ estern.

61.

L-Istati Membri jenħtieġ li jtaffu l-impatt immedjat u fit-tul tal-konflitt armat fuq it-tfal, jagħtu prijorità lill-protezzjoni tat-tfal f’żoni ta’ kunflitt, jipprevjenu u jirrispondu għas-sitt ksur serju kontra t-tfal, jippromwovu l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha għall-konflitt, jassistu fir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni tat-tfal li qabel kienu assoċjati mal-forzi armati u l-gruppi armati u jiffaċilitaw ir-ritorn u r-ripatrijazzjoni tagħhom (85).

62.

L-Istati Membri għandhom isaħħu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tat-tfal affettwati minn kunflitt armat u jappoġġjaw sistemi ta’ protezzjoni soċjali integrati bbażati fil-komunità reattivi għal kwistjonijiet ta’ età u ta’ ġeneru f’pajjiżi affettwati minn kunflitt biex jgħinu fil-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, l-irkupru u r-rispons għall-ksur tad-drittijiet tat-tfal.

63.

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw miżuri effettivi biex jiżguraw ir-responsabbiltà għal ksur serju tat-tfal f’kunflitti armati.

Il-qerda tat-tħaddim tat-tfal

64.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw bis-sħiħ it-tħaddim tat-tfal, b’mod partikolari billi jipprevjenu l-użu tat-tħaddim tat-tfal fil-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji li joperaw fl-Unjoni u lil hinn minnha. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jipprevjenu t-tħaddim tat-tfal u jindirizzaw il-kawżi fundamentali sottostanti inkluż permezz ta’ approċċ integrat għall-protezzjoni soċjali tat-tfal u l-familji f’azzjoni ta’ appoġġ estern.

65.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-isforzi ta’ kooperazzjoni internazzjonali, mhux biss billi jadottaw politika ta’ tolleranza żero lejn it-tħaddim tat-tfal iżda wkoll billi x-xogħol deċenti jsir realtà għall-adulti u ż-żgħażagħ ’l fuq mill-età minima għax-xogħol, sabiex jinkiseb aċċess universali għall-protezzjoni soċjali, jiġu appoġġati d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, u jiġi promoss id-djalogu soċjali.

Il-protezzjoni tat-tfal mill-impatt tat-tibdil fil-klima u l-perikli ambjentali fuq id-drittijiet tagħhom

66.

L-Istati Membri huma mistiedna jinvolvu lit-tfal u jagħtu s-setgħa lis-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal, fit-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima. L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li t-tfal ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament u li tali fehmiet għandhom jitqiesu fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċessi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

67.

L-Istati Membri huma rrakkomandati li jipprevjenu u jirrimedjaw l-impatti tal-perikli ambjentali u l-ħsara fuq id-drittijiet tat-tfal, u jinkludu approċċ li jipproteġi lit-tfal u li jqis is-sitwazzjoni tat-tfal fil-pjanijiet tagħhom ta’ adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għandhom jiġu inkorporati soluzzjonijiet speċifiċi għat-tfal biex jitnaqqsu kemm l-impatti fuq terminu qasir kif ukoll dawk fit-tul tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tat-tfal, inkluż billi jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal għall-migrazzjoni u l-ispostamenti kkawżati mit-tibdil fil-klima.

Naħtfu l-opportunitajiet offruti mill-azzjoni ta’ appoġġ eżistenti tal-Unjoni

68.

L-Istati Membri għandhom jużaw u jinkoraġġixxu lill-partijiet ikkonċernati u lill-professjonisti involuti fis-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal biex jibbenefikaw mill-varjetà wiesgħa ta’ għodod għad-dispożizzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni, bħat-taħriġ ta’ politika u komunikazzjoni u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki, eżerċizzji ta’ mmappjar u ta’ rapporti ta’ progress, u l-appoġġ finanzjarju u tekniku, biex ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu s-sistemi tagħhom ta’ protezzjoni tat-tfal u jagħmluhom jaħdmu b’mod integrat fl-aħjar interessi tat-tfal.

69.

L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw approċċ ikkoordinat fil-livell nazzjonali, makroreġjonali, reġjonali u lokali fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mat-tfal u għalihom, u s-sħab soċjali u ekonomiċi fit-tħejjija, ir-reviżjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi li għandhom jiġu ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni.

70.

L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw u jippromwovu l-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal, imfassla speċifikament biex tamplifika l-ilħna tat-tfal u tlaqqa’ flimkien il-mekkaniżmi eżistenti għall-parteċipazzjoni tat-tfal fil-livell tal-Unjoni.

71.

L-Istati Membri huma mħeġġa jaqsmu b’mod attiv prattiki tajbin u evidenza ġġenerata dwar mudelli għall-integrazzjoni tas-servizz għall-protezzjoni tat-tfal u jikkontribwixxu għall-ħidma tan-Network tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal. Tali kontribut għandu jiffaċilita d-djalogu u t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri.

72.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-użu ta’ għodod, bħal għodod ta’ awtomonitoraġġ, biex jivvalutaw il-kwalità tal-oqfsa tagħhom ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-protezzjoni tat-tfal u tas-sistemi tad-data eżistenti u, fejn meħtieġ, jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni biex itejbu d-disponibbiltà, il-kwalità u l-komparabbiltà tad-data tagħhom relatata mal-protezzjoni tat-tfal.

73.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-aħjar użu mill-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni li diġà jeżistu bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u n-Nazzjonijiet Uniti, u s-soċjetà ċivili, fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali.

74.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ previst mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, kif ukoll f’oqsma rilevanti oħra tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b’mod partikolari f’termini ta’ assistenza teknika u appoġġ metodoloġiku, pereżempju għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ ġbir ta’ data.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Dubravka ŠUICA

Viċi President


(1)  Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 1989; kif ukoll il-Protokoll Fakultattiv tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, 2000; il-Protokoll Fakultattiv tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati, 2000; u l-Protokoll Fakultattiv tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar Proċedura ta’ Komunikazzjoni, 2011.

(2)  Ara wkoll il-Protokolli għal dik il-Konvenzjoni, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa speċifikament relatati mat-tfal, bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, 2007; u l-Konvenzjoni dwar il-Kuntatt dwar it-Tfal, 2003.

(3)  Ara, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (“UNCRPD”), 2006; il-Konferenza tal-Aja dwar l-istrumenti tad-Dritt Internazzjonali Privat, bħall-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, 1980; Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi, 1993; il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, 1996; il-Konvenzjoni dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja, 2007; il-Protokoll dwar il-Liġi applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, 2007; kif ukoll il-Konvenzjoni Nru 182 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-projbizzjoni u l-azzjoni immedjata għall-eliminazzjoni tal-agħar forom ta’ tħaddim tat-tfal, 1999.

(4)  Ara, b’mod partikolari, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Kummenti Ġenerali dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kummenti ġenerali Nru 4 dwar l-Artikolu 24 - id-dritt għal edukazzjoni inklużiva, 2016, u Nru 5, dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità, 2017; Linji gwida dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi, 2022; l-Assemblea Ġenerali tan-NU, Linji Gwida għall-Kura Alternattiva tat-Tfal, 2010; u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, 2015.

(5)  Ara, b’mod partikolari, l-istrumenti adottati mill-Kumitat tal-Ministri: il-linji Gwida dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal, 2010; Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tas-sistemi ta’ rappurtar dwar il-vjolenza kontra t-tfal, CM/Rec (2023)8; Rakkomandazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ taħt l-età ta’ 18-il sena, CM/Rec (2012)2; Rakkomandazzjoni dwar tutela effettiva għal tfal mhux akkumpanjati u separati fil-kuntest tal-migrazzjoni, CM/Rec (2019)11; Rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-età fil-kuntest tal-migrazzjoni, CM/Rec (2022)22; Rakkomandazzjoni dwar linji gwida għar-rispett, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali, CM/Rec (2018)7; Rakkomandazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal u s-servizzi soċjali favur it-tfal u l-familji, CM/Rec (2011)12; Linji gwida dwar il-kura tas-saħħa adattata għat-tfal, 2011; Rakkomandazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal li jgħixu f’istituzzjonijiet residenzjali, CM/Rec (2005)5; u l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tat-Tfal (2022–2027).

(6)  L-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021) 142 final).

(7)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2021/2523(RSP)).

(8)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (10024/22).

(9)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Nagħtu s-setgħa lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fis-Sistemi Integrati għall-Protezzjoni tat-Tfal” adottata fis-sessjoni plenarja tas-17-18 ta’ April 2024. Ara: Opinjoni Skeda informattiva (europa.eu).

(10)  Ara: Pjattaforma ta’ Parteċipazzjoni tat-Tfal tal-UE | Unjoni Ewropea (europa.eu).

(11)  Ara: Protezzjoni tat-tfal — sistemi ta’ integrazzjoni (europa.eu).

(12)  Ara: Immappjar tas-Sistemi għall-Protezzjoni tat-Tfal fl-UE — aġġornament tal-2023 | Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (europa.eu).

(13)  Ara: Żmien biex Tintemm il-Vjolenza kontra t-Tfal | Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra t-Tfal.

(14)  L-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jipprevedi ħarsa ġenerali mhux eżawrjenti lejn l-atti legali rilevanti tal-Unjoni, id-dokumenti ta’ politika u l-opportunitajiet ta’ finanzjament.

(15)  Kif rikonoxxut fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030 (COM(2021) 101 final) u abbażi ta’ analiżi mwettqa mill-FRA, ara: Il-vjolenza kontra t-tfal b’diżabilità: leġiżlazzjoni, politiki u programmi fl-UE | Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (europa.eu).

(16)  Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), A long way to go for LGBTI equality , 2020; FRA LGBTI Survey Data Explorer.

(17)  Ir-Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, COM(2018) 785 final.

(18)  Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020–2025 (COM (2020) 152 final); Komunikazzjoni dwar Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni (COM(2020) 620 final); Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1); Komunikazzjoni dwar Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025 (COM(2020) 698 final); Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (COM (2021) 101 final); u Komunikazzjoni dwar Pjan tal-UE Kontra r-Razziżmu 2020–2025 (COM(2020) 565 final).

(19)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u s-Sostenn tal-Ħajja Lhudija (2021–2030) (COM(2021) 615 final).

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021–2027 (COM(2020) 758 final).

(21)  Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Ebda post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda, JOIN/2023/51 final, 6 ta’ Diċembru 2023.

(22)  Il-Komunikazzjoni dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali (COM(2023) 298 final).

(23)  Ara: Commission Expert Group on well-being in schools.

(24)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020)625 final).

(25)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 469, 9.12.2022, p. 1).

(26)  Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428/10, 13.12.2017, p. 10).

(27)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).

(28)  Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Kura (COM(2022) 440 final).

(29)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta’ Barċellona għall-2030 (ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1).

(30)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1).

(31)  L-Istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal (COM(2020) 607 final).

(32)  Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal (COM(2022) 209 final).

(33)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal) ( ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(34)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (riformulazzjoni) (COM (2024) 60 final).

(35)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-awtonomizzazzjoni diġitali għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali fl-era diġitali, 14309/23, 20 ta’ Ottubru 2023.

(36)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-appoġġ għall-benesseri fl-edukazzjoni diġitali, 14982/22, 28 ta’ Novembru 2022.

(37)  Komunikazzjoni dwar Deċennju Diġitali għat-tfal u ż-żgħażagħ: l-istrateġija Ewropea l-ġdida għal Internet aħjar għat-tfal (BIK+) (COM(2022) 212 final).

(38)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) ( ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(39)  Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu ( ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).

(40)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(41)  Komunikazzjoni dwar inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss (COM(2023) 442 final).

(42)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI ( ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(43)  Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali ( ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).

(44)  L-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020–2025), (COM(2020) 258 final).

(45)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

(46)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri ( ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1.

(47)  Fl-2022, 15 % tal-vittmi rreġistrati fl-UE kienu tfal. Ara: Vittmi tat-traffikar fl-Ewropa, żieda ta’ 10 % u s-sehem taċ-ċittadini tal-UE fost il-vittmi żdied għal 59 % - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).

(48)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI ( ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(49)  L-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal u l-Universidad Iberoamericana, Violence against children on the move From a continuum of violence to a continuum of protection, 2020.

(50)  Il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017) 211 final).

(51)  Ara: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Protezzjoni temporanja għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: sena wara”, COM(2023) 140 final.

(52)  Ara: Ħrib mill-Ukrajna: protezzjoni għat-tfal - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).

(53)   Ara:Dikjarazzjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea:Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (europa.eu).

(54)  Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021–2027 (COM(2020) 758 final).

(55)  Ara: Funding & tenders (europa.eu).

(56)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi ( ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(57)  Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 ( ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1).

(58)  Ir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 ( ĠU L 156, 5.5.2021, p. 21).

(59)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku ( ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(60)  Ara: Barnahus.

(61)  Ara: TSI 2024 Flagship – Reinforce Democracy and the Rule of Law – European Commission (europa.eu).

(62)  Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 ( ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

(63)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 ( ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(64)  Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna ( ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94).

(65)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ( ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).

(66)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni ( ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

(67)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ( ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(68)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 ( ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(69)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Unicef, Child labour, Global Estimates 2020, Trends and the road forward , 2021.

(70)  Il-Unicef, A Statistical Snapshot of Violence against Adolecent Girls, 2014.

(71)  Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ (YAP) fl-azzjoni esterna tal-UE 2022–2027 Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli, l-ugwaljanza u l-paċi (JOIN(2022) 53 final).

(72)  Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (GAP) III — Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2020)17 final).

(73)   Il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal f’kunflitt armat, aġġornati fl-2008.

(74)  Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–2024 (JOIN(2020) 5 final).

(75)  Il-Komunikazzjoni dwar xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli (COM(2022) 66 final).

(76)  Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kwistjoni tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mat-tgawdija ta’ ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, A/HRC/37/58, 2018, il-paragrafi 57 u 58.

(77)  Il-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Kumment ġenerali Nru 26 dwar id-drittijiet tat-tfal u l-ambjent b’enfasi speċjali fuq it-tibdil fil-klima, 2023.

(78)  Il-Komunikazzjoni Konġunta li biha Nindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali (JOIN(2023)19 final).

(79)  L-Avviż tal-Kummissjoni Linji gwida dwar l-istrateġiji u l-pjanijiet tal-adattament tal-Istati Membri ( ĠU C 264, 27.7.2023, p. 1).

(80)  Il-pożizzjoni uffiċjali tal-UE għan-negozjati tal-COP28 inkluża fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħejjijiet għat-28 Konferenza tal-Partijiet (COP28) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), Dubai, 17 ta’ Ottubru 2023.

(81)  Il-UNFCCC, Global target on adaptation.

(82)  Ara: Il-Patt Klimatiku Ewropew – Unjoni Ewropea (europa.eu).

(83)  Kif definit fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal.

(84)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri ( ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1).

(85)  Filwaqt li jitqiesu l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitt Armat.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1238/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top