This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024H0774
Commission Recommendation (EU) 2024/774 of 1 March 2024 on a Code of Practice on industry-academia co-creation for knowledge valorisation
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/774 tal-1 ta’ Marzu 2024 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar il-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika għall-valorizzazzjoni tal-għarfien
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/774 tal-1 ta’ Marzu 2024 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar il-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika għall-valorizzazzjoni tal-għarfien
C/2024/601
ĠU L, 2024/774, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/774/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/774 |
5.3.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/774
tal-1 ta’ Marzu 2024
dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar il-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika għall-valorizzazzjoni tal-għarfien
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 (1) dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien tirrakkomanda lill-Istati Membri biex iħeġġu u jiffaċilitaw kollaborazzjoni multidixxiplinari u interdixxiplinari biex jistimulaw il-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-Ewropa. |
|
(2) |
It-tisħiħ tal-kokreazzjoni, tal-produzzjoni konġunta u tal-valorizzazzjoni tal-għarfien bejn dawk involuti fl-industrija, fir-riċerka u fl-innovazzjoni u possibbilment partijiet ikkonċernati oħrajn, bħall-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili, huwa kruċjali biex tissaħħaħ l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni (“R&I”) tal-Unjoni. Il-ħkokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika tinvolvi relazzjonijiet sistemiċi bbażati fuq interessi konġunti bejn partijiet ikkonċernati differenti. Għalhekk, dan ikopri firxa usa’ ta’ interazzjonijiet lil hinn mir-riċerka konġunta u mit-trasferiment tat-teknoloġija. |
|
(3) |
Il-kollaborazzjoni effiċjenti bejn l-industrija u d-dinja -akkademika hija kruċjali biex titħaffef l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi u biex jiġu żviluppati teknoloġiji, prodotti u servizzi ġodda biex jiġu indirizzati l-aktar sfidi urġenti tas-soċjetà, bħall-iżgurar ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti. L-aġenda Ewropea ġdida għall-innovazzjoni (“NEIA”) (2) u l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet (3) jidentifikaw il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija bħala mezz kruċjali għall-produzzjoni, għall-valorizzazzjoni u għad-diffużjoni ta’ għarfien ġdid. Barra minn hekk, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-NEIA (4) jenfasizzaw li l-kooperazzjoni effettiva fost is-settur tar-riċerka, tan-negozju u dak pubbliku hija waħda mill-forzi mexxejja wara l-valorizzazzjoni tal-għarfien. |
|
(4) |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija Ewropea li tagħti s-setgħa lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa (5) jenfasizzaw li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jenħtieġ li jiġu mħeġġa aktar biex ibiddlu l-għarfien f’ħiliet, f’kompetenzi u f’innovazzjoni billi jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab ekonomiċi, soċjali u industrijali fl-ekosistemi lokali u reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jiffaċilitaw il-mobbiltà intersettorjali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u sħab oħrajn. |
|
(5) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (6) dwar qafas Ewropew biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u intraprenditorjali fl-Ewropa tirrakkomanda lill-Istati Membri jagħmlu enfasi speċifika fuq skemi li għandhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet meħtieġa mir-riċerkaturi biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien. Dawk l-iskemi jinkludu s-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ dwar il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja. Tirrakkomanda wkoll il-promozzjoni u l-appoġġ ta’ sistemi li jivvalutaw u jippremjaw lir-riċerkaturi. Dawk is-sistemi, fost affarijiet oħrajn, jirrikonoxxu diversità ta’ eżiti u attivitajiet, inkluż il-valorizzazzjoni tal-għarfien, il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja, it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u l-interazzjoni mas-soċjetà. |
|
(6) |
Il-kooperazzjoni internazzjonali hija element ewlieni għar-riċerka u l-innovazzjoni peress li tiffaċilita l-aċċess għal swieq ġodda u trawwem network bejn it-talenti; madankollu, ix-xjenza u t-teknoloġija huma wkoll fil-qalba tat-tensjonijiet ġeopolitiċi f’ambjent globali li qed jinbidel (7). Żviluppi oħrajn, bħat-tranżizzjoni lejn ix-xjenza miftuħa u l-bidla lejn l-innovazzjoni miftuħa, jippreżentaw kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni li qed tevolvi. Dawn l-iżviluppi jenħtieġ li jiżguraw l-eċċellenza u l-impatt tal-investiment tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u jissalvagwardjaw l-interessi tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, is-Sett ta’ għodod dwar l-indirizzar tal-indħil barrani fir-riċerka u l-innovazzjoni (8) jgħin biex tinħoloq sensibilizzazzjoni u tinbena reżiljenza fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha biex tissaħħaħ is-sigurtà tar-riċerka f’attivitajiet konġunti tar-riċerka u l-innovazzjoni (9). |
|
(7) |
L-attivitajiet konġunti tar-riċerka u l-innovazzjoni jippreżentaw sfidi peress li jinvolvu sħab differenti bi sfondi kulturali u professjonali, motivazzjonijiet u interessi differenti (10). Dawk is-sħab jinkludu universitajiet, organizzazzjonijiet tar-riċerka, komunitajiet lokali, negozji, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), organizzazzjonijiet mhux governattivi u sħab soċjali. |
|
(8) |
L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tipprovdi gwida u għodod dettaljati għal dawk involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tiffaċilita l-ħolqien ta’ ambjent abilitanti u kundizzjonijiet ta’ suċċess għall-ħolqien konġunt. Jenħtieġ li tgħin fl-iżvilupp ta’ mudelli interattivi u trawwem ir-rwol tal-intermedjarji u tal-pjattaformi diġitali li jiffaċilitaw il-kokreazzjoni u jqabblu aħjar il-provvista u d-domanda tal-innovazzjoni. |
|
(9) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq il-kontribut mill-komunità ta’ prattika dwar il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademikagħall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Il-Kodiċi ta’ Prattika jirrifletti d-direzzjonijiet il-ġodda introdotti mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/2415 peress li jinkoraġġixxi l-konnessjonijiet u l-kokreazzjoni bejn dawk kollha involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni u jenfasizza l-importanza ta’ ħiliet u prattiki intraprenditorjali. Dan jikkontribwixxi wkoll għall-azzjoni biex “tiġi aġġornata l-gwida tal-UE għal valorizzazzjoni aħjar tal-għarfien” li hija parti mill-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER għall-2022-2024 (11). |
|
(10) |
L-atturi kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni involuti fil-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika huma mħeġġa jsegwu din ir-Rakkomandazzjoni. Dawn jinkludu universitajiet u istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika u privata, tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija, infrastrutturi tar-riċerka u tat-teknoloġija, negozji ta’ kull daqs (inklużi negozji ġodda, spinoffs u negozji li qed jespandu) u intermedjarji (bħall-professjonisti tat-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, l-inkubaturi, il-parks tax-xjenza u l-intermedjarji bbażati fuq il-kumpaniji). Għalkemm din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-aktar lill-organizzazzjonijiet, il-kontenut tagħha huwa kruċjali wkoll biex jiggwida lir-riċerkaturi individwali, lill-innovaturi u lit-timijiet tagħhom fil-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika. Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tgħin fit-trawwim ta’ ambjent dinamiku tar-riċerka u l-innovazzjoni u fl-iżvilupp ta’ fehim reċiproku komprensiv dwar l-għanijiet u l-attivitajiet rispettivi tal-industrija u tad-dinja -akkademika. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
1. DEFINIZZJONIJIET
Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“valorizzazzjoni tal-għarfien” hija l-proċess tal-ħolqien ta’ valur soċjali u ekonomiku mill-għarfien billi oqsma u setturi differenti jintrabtu flimkien u billi r-riżultati tad-data, tal-għarfien prattiku u tar-riċerka jiġu ttrasformati fi prodotti, servizzi, soluzzjonijiet u politiki bbażati fuq l-għarfien sostenibbli li huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà (12); |
|
(2) |
“kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja -akkademika” tfisser il-proċess ta’ produzzjoni konġunta u valorizzazzjoni tal-għarfien bejn l-industrija, l-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni u possibbilment partijiet ikkonċernati oħrajn, bħall-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili (13); |
|
(3) |
“id-dinja akkademika” tfisser universitajiet u istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni għolja, inklużi organizzazzjonijiet pubbliċi u privati tar-riċerka u t-teknoloġija (14), universitajiet tax-xjenza applikata u istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għolja; |
|
(4) |
“assi intellettwali” tfisser kwalunkwe riżultat jew prodott iġġenerat minn kwalunkwe attività ta’ riċerka u innovazzjoni (bħal drittijiet tal-proprjetà intellettwali,, għarfien prattiku, prototipi, proċessi, prattiki, teknoloġiji u software); |
|
(5) |
“xjenza miftuħa” tfisser approċċ għall-proċess xjentifiku bbażat fuq il-kooperazzjoni miftuħa fir-rigward ta’ xogħol, strumenti u tixrid tal-għarfien, kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (5) tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15); |
|
(6) |
“innovazzjoni miftuħa” tfisser l-approċċ tal-ftuħ tal-proċess ta’ innovazzjoni barra minn organizzazzjoni (16); |
|
(7) |
“aċċess miftuħ” tfisser aċċess, ipprovdut mingħajr ħlas lill-utent finali, għal data ta’ riċerka, inklużi pubblikazzjonijiet xjentifiċi, f’konformità mal-Artikolu 14(1)(a) u l-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) 2021/695. |
2. IL-ĦOLQIEN TA’ AMBJENT ABILITANTI GĦALL-KOKREAZZJONI BEJN L-INDUSTRIJA U D-DINJA AKKADEMIKA
2.1. Strateġija, sensibilizzazzjoni u inċentivi
2.1.1. Huwa rrakkomandat li jiġi promoss il-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika fl-istrateġija tal-organizzazzjoni billi:
|
(a) |
tiġi stabbilita missjoni ċara għall-promozzjoni tal-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika għall-valorizzazzjoni tal-għarfien u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ riċerka u żvilupp adattati għall-iskop approvati mill-maniġment superjuri u medju; |
|
(b) |
tiġi mħeġġa l-kollaborazzjoni transdixxiplinari u l-iskambju ta’ għarfien fi ħdan l-organizzazzjoni biex tiġi promossa kultura ta’ innovazzjoni u djalogu miftuħ, il-kondiviżjoni kemm ta’ riżultati tajbin kif ukoll ta’ sfidi u l-apprendiment esperjenzjali; |
|
(c) |
b’kunsiderazzjoni tat-twaqqif ta’ timijiet dedikati responsabbli għall-iffaċilitar u l-appoġġ tal-kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika; l-investiti l-ħin u r-riżorsi; il-forniment ta’ gwida dwar l-identifikazzjoni ta’ sħab potenzjali (filwaqt li jitqiesu l-interessi, l-impenn, l-esperjenza preċedenti u l-komplementarjetà tal-kapaċitajiet); u l-forniment tal-informazzjoni dwar it-tipi ta’ kokreazzjoni u sħubijiet disponibbli (gradi differenti ta’ involviment, durata u kundizzjonijiet); |
|
(d) |
it-tisħiħ tad-djalogu bejn l-industrija u d-dinja akkademika fil-livell tal-istrutturi konsultattivi u t-twettiq ta’ pjanijiet direzzjonali konġunti li jinvolvu l-akkademja, l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, ir-raggruppamenti, in-negozji ġodda u ċ-ċittadini, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ bordijiet iddedikati; il-possibbiltà li jiġu organizzati diskussjonijiet madwar mejda, kuntesti jew proċessi kollaborattivi inkluż analiżi tal-ħtiġijiet tal-ħiliet biex jiġu definiti l-isfidi edukattivi u jiġu identifikati l-kompetenzi u l-ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol bil-ħsieb li l-kurrikuli u l-metodi ta’ tagħlim jiġu adattati kif xieraq u l-istudenti jiġu mgħammra b’ħiliet li jibqgħu validi fil-futur; |
|
(e) |
l-iżvilupp ta’ strutturi konġunti bħal ċentri tal-innovazzjoni u l-għarfien, istituti virtwali u akkademji tal-intraprenditorija (17) biex titrawwem il-kooperazzjoni u jiġu stabbiliti ekosistemi interkonnessi sostenibbli; il-possibbiltà li jinħolqu laboratorji ħajjin u jiġu offruti attivitajiet ibbażati fuq l-isfidi bħall-hackathons, li jlaqqgħu flimkien timijiet internazzjonali diversi u transdixxiplinari ta’ studenti, riċerkaturi, kumpaniji u bliet biex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi li huma rilevanti għall-kumpaniji u l-bliet; |
|
(f) |
jinħolqu opportunitajiet għall-ospitar ta’ studenti tal-baċellerat u tal-master, kandidati għad-dottorat u riċerkaturi postdottorali f’kumpaniji u l-involviment attiv fir-riċerka kollaborattiva u fir-riċerka u l-innovazzjoni orjentati lejn il-missjonijiet; |
|
(g) |
jiġu promossi attivitajiet biex jinbnew il-fiduċja u l-għarfien reċiproku (bħan-networking, is-sekondar u l-iskambji tal-persunal bejn is-sħab) u l-użu ta’ għodod (bħal vawċers tal-innovazzjoni) biex jitrawmu sħubijiet aktar effiċjenti u sostenibbli. |
2.1.2. Huwa rrakkomandat li titkabbar is-sensibilizzazzjoni fl-organizzazzjonijiet dwar il-benefiċċji reċiproċi u l-opportunitajiet għall-ħolqien tal-valur li l-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika tista’ toffri billi:
|
(a) |
titrawwem kultura ta’ ħolqien konġunt u ta’ apprendiment reċiproku transsettorjali billi jiġu skambjati ideat dwar suġġetti ta’ interess komuni u billi jiġu kondiviżi eżempji ta’ stejjer ta’ suċċess u l-aħjar prattiki (18); |
|
(b) |
jiġu allinjati l-interessi pubbliċi u privati billi jiġu identifikati sfidi u objettivi kondiviżi bejn l-industrija u d-dinja akkademika, bħall-indirizzar tal-ħtiġijiet tas-soċjetà jew l-avvanz tal-innovazzjoni teknoloġika; |
|
(c) |
jkun hemm komunikazzjoni dwar il-benefiċċji tal-kokreazzjoni tal-għarfien għall-industrija, bħall-kontribut għal kwalunkwe ħtieġa tas-soċjetà, il-ħolqien ta’ impatt soċjali, it-titjib tar-riċerka industrijali, l-aċċess għall-iskambji tat-talent u tal-ħiliet, iż-żieda fl-innovazzjonijiet soċjali u organizzazzjonali fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għal programmi ta’ riċerka ffinanzjati pubblikament, il-kondiviżjoni ta’ riskji biex jiġu ttestjati ideat u teknoloġiji ġodda, it-titjib ta’ prodotti jew servizzi u t-titjib tal-kompetittività tan-negozju; |
|
(d) |
jkun hemm komunikazzjoni dwar il-benefiċċji tal-kokreazzjoni tal-għarfien għall-organizzazzjonijiet tar-riċerka, bħall-kontribut għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, il-ħolqien ta’ impatt soċjali, l-istimular tal-iżvilupp ta’ spin-outs, proġetti u pubblikazzjonijiet konġunti, l-applikazzjoni industrijali tar-riżultati tar-riċerka, l-esponiment għall-industrija, l-iskambji tal-ħiliet u l-aċċess għall-infrastrutturi, iż-żieda fl-innovazzjonijiet soċjali u organizzazzjonali, it-titjib tal-impjegabbiltà tal-istudenti u tar-riċerkaturi u l-opportunitajiet finanzjarji (inklużi aktar opportunitajiet ta’ finanzjament); |
|
(e) |
jiġu enfasizzati sħubijiet ta’ suċċess bejn l-industrija u d-dinja akkademika fi ħdan l-organizzazzjoni, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ ġestjoni effettiva tal-assi intellettwali u jintwera l-valur maħluq fil-ħolqien konġunt bejn l-industrija u l-akkademja; |
|
(f) |
jkun hemm involviment ma’ dawk li jfasslu l-politika u mal-amministrazzjonijiet pubbliċi dwar politiki ta’ kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika, inċentivi ta’ finanzjament u taxxa (pereżempju, għall-finanzjament ta’ dottorati industrijali); |
|
(g) |
jinħolqu attivitajiet konġunti (bħal kompetizzjonijiet ta’ studju tal-każ, hackathons, kampanji ta’ komunikazzjoni, taħriġ konġunt u provi tal-kunċett) u ċ-ċittadini jiġu involuti f’attivitajiet ta’ kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademikaf’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/736 (19). |
2.1.3. Huwa rrakkomandat li jiġu pprovduti inċentivi għall-persunal kollu tal-organizzazzjoni mmirata (20) fl-industrija u fid-dinja akkademika biex jipparteċipa fil-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika billi:
|
(a) |
jiġu rikonoxxuti u ppremjati sħubijiet ta’ suċċess bejn l-industrija u d-dinja akkademika, skambju tal-persunal jew mobbiltà intersettorjali u l-ħiliet żviluppati fil-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika fir-reklutaġġ, fl-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni (21), fil-valutazzjonijiet tal-karriera u l-progressjoni tal-persunal; inċentivi oħra, bħall-finanzjament, is-sjieda konġunta tal-proprjetà intellettwali u l-kondiviżjoni tar-royalties; |
|
(b) |
jkun hemm komunikazzjoni dwar il-benefiċċji ta’ possibbiltajiet differenti ta’ kokreazzjoni u ta’ sħubija għall-persunal tal-industrija u tal-akkademja, bħall-apprendiment tul il-ħajja, l-iżvilupp professjonali u personali, l-awtonomija fir-riċerka, ir-rwoli ta’ tmexxija u l-opportunitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka; |
|
(c) |
jiġi involut il-persunal kollu f’mobbiltà intersettorjali bidirezzjonali, mill-industrija għad-dinja akkademika u mid-dinja akkademika għall-industrija, għall-promozzjoni tal-kokreazzjoni u tal-attivitajiet transdixxiplinari, bħall-programmi tal-kampus, biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-applikazzjonijiet prattiċi mill-industrija; |
|
(d) |
tingħata informazzjoni lill-persunal kollu dwar għodod u programmi rilevanti, inkluż dwar għotjiet għal proġetti, fellowships, boroż ta’ studju, programmi dottorali u postdottorali industrijali, bħall-kollokamenti mhux akkademiċi tal-Fellowshops Postdottorali Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) (22) u n-Networks għad-Dottorat tal-MSCA (inklużi d-dottorati industrijali) (23), prova ta’ għotjiet għall-kunċett (24), alleanzi tal-Universitajiet Ewropej (25), opportunitajiet ta’finanzjament ta’ avvjament, servizzi ta’ appoġġ, taħriġ u kkowċjar, opportunitajiet ta’ finanzjament u avvenimenti. |
2.2. L-iżvilupp tal-ħiliet u l-apprendiment tul il-ħajja
2.2.1. Huwa rrakkomandat li jsir investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet u fl-apprendiment tul il-ħajja għal kokreazzjoni msaħħa bejn l-industrija u d-dinja akkademika billi:
|
(a) |
jiġu pprovduti u mħeġġa opportunitajiet ta’ kkowċjar, ta’ mentoraġġ u ta’ żvilupp professjonali u personali għall-persunal kollu fl-industrija u fid-dinja akkademika (inklużi l-mikrokredenzjali u t-taħriġ vokazzjonali) (26); |
|
(b) |
jsir investiment f’opportunitajiet ta’ apprendiment differenti u flessibbli, inklużi l-mikrokredenzjali, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jevolvu fl-industrija u fl-akkademja u jiġu involuti l-għalliema u l-letturi mistiedna bi profili differenti, speċjalment mill-industrija; |
|
(c) |
jissaħħu l-ħiliet trasversali tal-persunal tal-industrija u tad-dinja akkademika meħtieġa għal kollaborazzjoni transdixxiplinari u transsettorjali effettiva, bħall-komunikazzjoni, it-tmexxija, l-adattament għal ambjenti tax-xogħol li qed jinbidlu, il-flessibbiltà u l-ħiliet tan-negozjar; |
|
(d) |
jitrawwem fehim komprensiv ta’ kif jaħdmu n-negozji u jingħataw taħriġ u possibbiltajiet għall-istudenti u għar-riċerkaturi biex jippreżentaw il-proġetti tagħhom lil bordijiet ta’ rappreżentanti industrijali biex jirċievu feedback u joħolqu network għall-iżvilupp professjonali futur tagħhom, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ inkubaturi tal-istudenti; |
|
(e) |
l-iżvilupp ta’ ħiliet fil-ġestjoni tal-proġetti, is-superviżjoni u l-mentoraġġ, il-valutazzjoni tal-impatt, il-komunikazzjoni, il-kokreazzjoni tal-għarfien, il-valorizzazzjoni u l-innovazzjoni għall-persunal u l-istudenti kollha madwar iid-dinja akkademika; dan jinvolvi taħriġ dwar il-metodoloġiji ta’ evalwazzjoni, l-oqfsa ta’ kejl u l-valutazzjoni tal-eżiti tal-proġett u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà; |
|
(f) |
jitrawwem ħsieb strateġiku u ħiliet intraprenditorjali għall-istudenti u għar-riċerkaturi biex jiżviluppaw spinoffs u negozji ġodda bbażati fuq prodotti u servizzi innovattivi, li jġibu r-riżultati tar-riċerka tagħhom f’applikazzjonijiet prattiċi fis-suq; |
|
(g) |
jingħata aktar taħriġ dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u jitrawwem fehim komprensiv tal-funzjonament u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka fl-industrija kollha, b’mod partikolari l-SMEs, u l-promozzjoni ta’ inkubaturi, ċentri ta’ innovazzjoni u ċentri ta’ diffużjoni tat-teknoloġija biex jiġu appoġġati l-proċessi ta’ innovazzjoni tal-SMEs, pereżempju billi wieħed jibni fuq il-ħidma mwettqa taħt Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (27); |
|
(h) |
jingħata taħriġ dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali (it-taħriġ jenħtieġ li jimmira wkoll l-industrija, speċjalment l-SMEs, u d-dinja akkademika inklużi l-istudenti, idealment fi gruppi mħallta) u għandu jiffoka fuq il-ġestjoni tal-assi intellettwali fi proġetti u sħubijiet, inklużi kunsiderazzjonijiet ta’ xjenza miftuħa u innovazzjoni miftuħa, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/499; |
|
(i) |
jingħata taħriġ dwar l-istandardizzazzjoni biex jittejjeb il-fehim tal-karatteristiċi u r-rabtiet bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni u kif dawn jistgħu jappoġġaw lil xulxin biex tingħata spinta lill-valorizzazzjoni tal-għarfien, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/498 (28); |
|
(j) |
jiġu żviluppati l-ħiliet tal-persunal, tal-istudenti u tar-riċerkaturi fl-użu ta’ pjattaformi u għodod diġitali, inklużi dawk relatati mal-litteriżmu tad-data u mal-ġestjoni tad-data għall-valorizzazzjoni tal-għarfien; |
|
(k) |
tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tal-persunal kollu (inkluż il-persunal maniġerjali u amministrattiv) u tar-riċerkaturi fi skemi ta’ mobbiltà intersettorjali nazzjonali u internazzjonali rilevanti bejn l-akkademja u l-industrija u skemi oħrajn, bħal Networks Dottorali tal-MSCA, Skambji tal-Persunal tal-MSCA (29), MSCA COFUND (30), Erasmus+ (31), programmi edukattivi u ta’ taħriġ tal-komunitajiet tal-għarfien u l-innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) (32) u l-Komunità għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea għas-Sigurtà (CERIS). |
2.3. Networking u komunikazzjoni
2.3.1. Huwa rrakkomandat li jsir investiment fin-networking, fil-komunikazzjoni u fit-tiswir tar-relazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademikabilli:
|
(a) |
l-persunal jiġi mħeġġeġ jieħu sehem f’attivitajiet ta’ networking fi ħdan l-organizzazzjoni u ma’ organizzazzjonijiet esterni u tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ networking; |
|
(b) |
jiġu organizzati u jkun hemm parteċipazzjoni f’avvenimenti li jlaqqgħu flimkien lill-industrija (inklużi SMEs, spin-outs u negozji ġodda, investituri informali, fondi ta’ kapital ta’ riskju u partijiet ikkonċernati oħrajn) u lid-dinja akkademika biex jiddiskutu interessi, sfidi u opportunitajiet komuni; |
|
(c) |
jinżamm network attiv tal-alumni biex jinbnew konnessjonijiet u jiġu pprovduti opportunitajiet għall-intraprendituri alumni u għal dawk li jaħdmu fl-industrija biex jaqsmu l-għarfien espert tagħhom mal-istudenti u jipprovdu mentoraġġ (33); |
|
(d) |
jingħaqdu flimkien raggruppamenti (34), networks (35), pjattaformi (36), komunitajiet ta’ prattika, gruppi ta’ ħidma konġunti u bordijiet ta’ konsulenza (kemm formali kif ukoll informali) u jintużaw servizzi ta’ appoġġ disponibbli (bħal inkubaturi, aċċelleraturi, uffiċċji trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija (KT/TTOs), uffiċċji ta’ kollegament u esperti ta’ partijiet terzi) fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali; |
|
(e) |
tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi, inkluż is-sigurtà tar-riċerka relatata mal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-indħil barrani possibbli (37), u l-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn in-negozji tal-Unjoni u s-sħab akkademiċi globali (38); |
|
(f) |
tiġi mħeġġa komunikazzjoni miftuħa u effettiva u jiġi żgurat il-fehim tat-terminoloġiji użati minn atturi differenti; |
|
(g) |
jiġu identifikati u użati pjattaformi diġitali stabbiliti sew u mmexxija b’mod professjonali jew ditti ta’ senserija (b’għażliet ta’ tiftix, filtri, twissijiet eċċ.) li:
|
|
(h) |
jiġu stabbiliti uffiċċji ta’ kollegament interni bil-mezzi u r-riżorsi meħtieġa biex jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt għall-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika li jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet u jiżguraw relazzjonijiet bla xkiel mas-sħab; |
|
(i) |
jiġi promoss l-involviment fit-tul u sostenibbli wara l-proġett u jitrawmu relazzjonijiet u sħubijiet kontinwi bejn l-industrija u d-dinja akkademika. |
3. IL-ĠESTJONI TAL-ĦOLQIEN KONĠUNT BEJN L-INDUSTRIJA U D-DINJA AKKADEMIKA GĦALL-VALORIZZAZZJONI EFFETTIVA TAL-GĦARFIEN
3.1. Kundizzjonijiet għal sħubijiet ta’ suċċess
3.1.1. Huwa rrakkomandat li jiġi żviluppat qafas konġunt ta’ sħubija bejn l-industrija u d-dinja akkademika għall-valorizzazzjoni effettiva tal-għarfien billi:
|
(a) |
jkun hemm qbil dwar viżjoni, għanijiet, aspettattivi u objettivi kondiviżi li jwasslu għal livell għoli ta’ involviment u impenn fit-tul filwaqt li tiġi rispettata l-libertà akkademika u, fejn possibbli u rilevanti, jitqies l-involviment ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn biex jinħoloq il-qafas ta’ sħubija; |
|
(b) |
jitrawmu l-fiduċja u l-impenn fost il-partijiet kollha involuti fil-qafas ta’ sħubija; |
|
(c) |
jiġu stabbiliti qafas kuntrattwali ċar u komprensiv, struttura ta’ governanza, arranġamenti għall-ġestjoni tas-sħubija u proċedura għas-soluzzjoni tal-kunflitt, kollha bl-appoġġ ta’ esperti legali; |
|
(d) |
jkun hemm qbil dwar skeda ddettaljata u pjan direzzjonali għas-sħubija, inklużi l-istadji importanti u l-iskadenzi u r-rieżami regolari tagħhom, u titfassal terminoloġija ta’ ħidma transsettorjali komuni bejn is-sħab; |
|
(e) |
jiġu stabbiliti indikaturi speċifiċi biex jimmonitorjaw u jevalwaw il-progress, il-valur maħluq, l-impatt (ambjentali, teknoloġiku, ekonomiku, soċjetali, politika u tas-saħħa) u s-sostenibbiltà tas-sħubija; |
|
(f) |
tiġi żviluppata strateġija konġunta għall-ġestjoni tal-assi intellettwali (39), inklużi kunsiderazzjonijiet dwar l-għarfien tal-isfond, l-iskambju tad-data, il-valwazzjoni, il-ġestjoni konġunta u s-sjieda tal-proprjetà intellettwali, ix-xjenza miftuħa, il-prattiki miftuħa tal-innovazzjoni u l-kontributi għall-istandardizzazzjoni; |
|
(g) |
jkun hemm qbil dwar kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità, sjieda tad-data u privatezza tad-data u politika dwar kunflitti ta’ interess; |
|
(h) |
it-twaqqif ta’ struttura ċara għall-kooperazzjoni ma’ persunal imħarreġ speċifikament (u tim iddedikat f’organizzazzjonijiet sħab jekk rilevanti); dawn it-timijiet jistgħu jiġu appoġġati minn KT/TTOs għas-sħab akkademiċi jew minn assoċjazzjonijiet rilevanti għas-sħab tal-industrija; |
|
(i) |
jiġu promossi l-ugwaljanza, id-diversità, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni u jiġi evitat il-preġudizzju bejn il-ġeneri fl-objettivi u fl-attivitajiet; |
|
(j) |
tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar il-qafas ta’ sħubija u l-valuri, ir-rwoli, l-inċentivi u r-riżorsi tas-sħab biex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-allinjament. |
3.2. L-involviment ta’ intermedjarji (40)
3.2.1. Huwa rrakkomandat li jitrawwem ir-rwol tal-intermedjarji li jinkoraġġixxu u jimmaniġġaw il-kokreazzjoni sostenibbli fit-tul bejn l-industrija u d-dinja akkademika billi:
|
(a) |
jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ diversi tipi ta’ intermedjarji, inklużi professjonisti tat-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija u maniġers tal-kuntratti li jissorveljaw tranżazzjonijiet formali fi ħdan l-organizzazzjoni (bħal kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-assi intellettwali); l-intermedjarji jistgħu jinkludu wkoll faċilitaturi bbażati fuq il-kumpaniji u faċilitaturi professjonali oħrajn (bħas-settur industrijali jew l-assoċjazzjonijiet xjentifiċi) li jgħinu fid-djalogu u fil-fehim tar-relazzjonijiet ta’ ħidma jew tal-organizzazzjonijiet li jissorveljaw l-ispazji ta’ kokreazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati (bħal ambjenti ta’ esperimentazzjoni, ambjenti ta’ ttestjar, pjattaformi u laboratorji ħajjin); |
|
(b) |
jibbenefikaw mill-appoġġ tal-intermedjarji fis-sħubija biex tiġi ffaċilitata l-medjazzjoni u l-komunikazzjoni bejn is-sħab; |
|
(c) |
jiġu involuti intermedjarji fl-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ sħubija u l-parteċipazzjoni f’sejħiet kompetittivi mal-aġenziji ta’ finanzjament; |
|
(d) |
jkun hemm involviment ma’ intermedjarji biex jagħtu għarfien dwar innovazzjoni responsabbli, pariri regolatorji u gwida dwar kwistjonijiet li fihom l-organizzazzjoni jista’ ma jkollhiex għarfien espert (bħall-ġestjoni tar-riskju tat-teknoloġija); |
|
(e) |
jingħataw riżorsi adegwati, inklużi l-finanzjament u l-investiment fil-professjonalizzazzjoni tal-intermedjarji, u r-rikonoxximent tar-rwol ewlieni tagħhom fl-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-UE, nazzjonali u reġjonali u fl-allinjament tal-interessi ta’ diversi partijiet ikkonċernati, intersettorjali u reġjonali fl-industrija u d-dinja akkademika; |
|
(f) |
jiġu appoġġati l-kollaborazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-intermedjarji involuti fil-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika u tiġi mħeġġa l-esperimentazzjoni biex tadatta u tibbenefika minn teknoloġiji ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali; |
|
(g) |
tingħata s-setgħa lill-intermedjarji u jsir investiment fil-ħiliet meħtieġa billi jiġu ffinanzjati ż-żjarat ta’ studju u jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ taħriġ dwar il-valorizzazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja tar-riżultati u tal-intraprenditorija soċjali; |
|
(h) |
jiġu mħeġġa intermedjarji mill-industrija u mid-dinja akkademika biex jinvolvu ruħhom ma’ dawk li jfasslu l-politika u l-amministrazzjonijiet reġjonali, investituri tal-kapital riskjuż, investituri informali u fondi ta’ investiment biex joħolqu u/jew isaħħu ċentri ta’ innovazzjoni reġjonali u jattiraw l-investiment. |
3.3. It-tisħiħ tal-valorizzazzjoni tal-eżiti tal-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika
3.3.1. Huwa rrakkomandat li tiġi promossa l-valorizzazzjoni tal-eżiti tal-attivitajiet ta’ kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika billi:
|
(a) |
inkluż, għal kull riżultat mistenni, regoli dwar is-sjieda u l-kontroll (inkluż l-aċċess miftuħ u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali) u pjan ta’ valorizzazzjoni għal aktar impatt; dan il-pjan jenħtieġ li jistabbilixxi r-rwol ta’ kull parti, il-passi li għandhom jittieħdu biex ikollhom impatt u għal sfruttament konġunt fejn rilevanti u fejn l-interessi ewlenin tas-sħab ikunu allinjati; |
|
(b) |
jiġu stabbiliti mezzi u għodod effettivi (41), inkluż għall-istandardizzazzjoni, biex tiġi żgurata l-adozzjoni tar-riżultati u t-tfassil ta’ lista aġġornata regolarment ta’ persunal u punti ta’ kuntatt ewlenin għal kull sieħeb f’kollaborazzjoni partikolari; |
|
(c) |
jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u t-teħid ta’ vantaġġ mill-iskemi ta’ finanzjament pubbliċi u privati, inklużi programmi ta’ finanzjament ta’ prototip biex tintwera l-fattibbiltà teknika tar-riżultati tar-riċerka, u l-finanzjament tal-Unjoni u nazzjonali għall-iskjerament; |
|
(d) |
jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ għodod u servizzi stabbiliti li jippromwovu l-identifikazzjoni tar-riżultati b’potenzjal għoli ta’ innovazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ negozju għall-adozzjoni tagħhom fis-soċjetà. |
3.3.2. Huwa rrakkomandat li r-riżorsi jinġabru flimkien u li jkun hemm involviment f’infrastrutturi konġunti u f’faċilitajiet ta’ kokreazzjoni biex tissaħħaħ il-kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika billi:
|
(a) |
jsiru investiment u parteċipazzjoni f’infrastrutturi konġunti tar-riċerka u tat-teknoloġija (42), u f’faċilitajiet ta’ ħolqien konġunt, bħal spazji tax-xogħol kondiviżi, ambjent ta’ ttestjar u parks tal-innovazzjoni, faċilitajiet ta’ ttestjar u esperimentazzjoni (43) u linji pilota (44), li jistgħu jipprovdu appoġġ professjonali lill-persunal f’oqsma bħall-iżvilupp tan-negozju, il-kollegament tal-industrija, il-ġestjoni tal-KT/TTOs u l-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka biex jitnaqqas id-distakk bejn l-industrija u d-dinja akkademika; |
|
(b) |
jingħata aċċess għar-riżorsi, bħal faċilitajiet kondiviżi, tagħmir u repożitorji tad-data, għall-appoġġ ta’ attivitajiet konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni (u jitqiesu kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità relatati); |
|
(c) |
jiġu appoġġati pjattaformi ta’ innovazzjoni miftuħa u ssir parteċipazzjoni fihom (inklużi ambjenti u għodod diġitali għall-ħolqien konġunt u t-tlaqqigħ professjonali tal-industrija u tad-dinja akkademika) biex jibdew u jiżviluppaw proġetti ta’ innovazzjoni li jibdew minn ideat ta’ innovazzjoni, sfidi u ħtiġijiet industrijali u jiġu ffinalizzati billi jinbnew konsorzji u timijiet ta’ proġetti ta’ innovazzjoni; |
|
(d) |
tiġi offruta gwida dwar il-metodi ta’ kokreazzjoni, innovazzjoni miftuħa u valorizzazzjoni tal-aħjar prattiki mfassla għall-għanijiet u l-objettivi speċifiċi tas-sħubija; dawn il-metodi jistgħu jinkludu l-ħsieb tad-disinn, l-approċċi ċċentrati fuq l-utent u l-azzjoni parteċipattiva. |
3.4. Il-valutazzjoni tal-eżiti, il-valur maħluq u l-impatt
3.4.1. Huwa rrakkomandat li jiġu vvalutati l-eżiti, il-valur maħluq u l-impatt tal-attivitajiet ta’ kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika billi:
|
(a) |
isir qbil konġunt dwar metriċi xierqa għal dawn il-valutazzjonijiet u jiġi żgurat bilanċ bejn metriċi orjentati lejn in-negozju, is-soċjetà u r-riċerka. Dawn jistgħu jinkludu innovazzjonijiet identifikati, liċenzji, trademarks u software, kontributi għall-istandards u kopubblikazzjonijiet pubbliċi-privati. L-impatt (bħall-effetti ambjentali, teknoloġiċi, ekonomiċi, tas-soċjetà, politiċi u tas-saħħa) jenħtieġ li jiġi evalwat. Jenħtieġ li jiġu rrapportati impatti negattivi, u t-tħassib etiku jenħtieġ li jiġi vvalutat; |
|
(b) |
jsir qbil konġunt dwar u l-iżvilupp ta’ metriċi kwalitattivi biex jiġu evalwati l-eżiti tas-sħubija (bħar-relazzjonijiet professjonali, il-fiduċja żviluppata u l-kondiviżjoni tal-għarfien) pereżempju bl-użu ta’ stħarriġ immirat u ta’ sessjonijiet regolari ta’ feedback; |
|
(c) |
jintużaw studji tal-każ biex jiġu vvalutati l-impatt fuq is-soċjetà u l-valur għas-soċjetà maħluqa, b’mod partikolari għal proġetti ffinanzjati b’mod predominanti minn fondi pubbliċi, u dawn l-istudji tal-każ jiġu magħmulin disponibbli għall-pubbliku; |
|
(d) |
jiġu rieżaminati l-metriċi u l-indikaturi maż-żmien u jiġi mmonitorjat l-impatt fit-tul tas-sħubija f’termini ta’ konsistenza, sostenibbiltà, skalabbiltà u użu mill-ġdid; |
|
(e) |
tiġi żgurata kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-valur iġġenerat mill-attivitajiet ta’ kokreazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika abbażi tal-impatt maħluq minn dawn l-attivitajiet; |
|
(f) |
jiġi żgurat li l-partijiet kollha involuti jqisu l-valur u l-impatt maħluqa mis-sħubija meta jiżviluppaw attivitajiet u sħubijiet futuri. |
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Iliana IVANOVA
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 tat-2 ta’ Diċembru 2022 dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 141, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/2415/oj).
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni Ġdida (COM(2022) 332 final).
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-Universitajiet (COM(2022) 16 final).
(4) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni adottati fis-17 ta’ Novembru 2022 (Dokument tal-Kunsill 14705/22).
(5) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa (2022/C 167/03).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2023 dwar qafas Ewropew biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u intraprenditorjali fl-Ewropa (ĠU C, C/2023/1640, 29.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1640/oj).
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel, COM(2021) 252 final, 18.5.2021.
(8) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Tackling R&I foreign interference – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022.
(9) Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika”, JOIN/2023/20 final, 20.6.2023.
(10) Leveraging Innovation Through Collaboration: IP Challenges And Opportunities For SMEs In The Context Of EU-Funded Collaborative Research Projects (lesi.org).
(11) Aġenda Politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (europa.eu).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/2415.
(13) Adattat mill-kunċett tal-ħolqien konġunt tal-għarfien fir-Rapport ta’ Politika tal-OECD “Knowledge co-creation in the 21st Century”.
(14) Adattat mid-definizzjoni tas-settur akkademiku fil-Ftehim ta’ Mudell ta’ Għotja Annotat ta’ Orizzont 2020 https://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/grants_manual/amga/h2020-amga_en.pdf.
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).
(16) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/499 tal-1 ta’ Marzu 2023 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali għall-valorizzazzjoni tal-għarfien fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ĠU L 69, 7.3.2023, p. 75, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/499/oj).
(17) Bħal dawk stabbiliti mill-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej.
(18) Eżempji tal-aħjar prattiki jistgħu jinstabu fir-Repożitorju tal-Aħjar Prattiki | Riċerka u Innovazzjoni (europa.eu).
(19) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/736 tal-1 ta’ Marzu 2024 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar l-involviment taċ-ċittadini għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (OJ L, 2024/736, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/ reco/2024/736/oj).
(20) Il-persunal kollu jinkludi mhux biss lir-riċerkaturi iżda anke lil persunal ieħor bħall-professjonisti tat-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija u l-maniġers responsabbli għall-medjazzjoni tal-interazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika.
(21) Abbażi tal-ħidma tal-Koalizzjoni għall-Avvanz tal-Valutazzjoni tar-Riċerka (CoARA).
(22) Fellowships Postdottorali tal-MSCA.
(23) Networks Dottorali tal-MSCA.
(24) Prova tal-Kunċett | ERC (europa.eu).
(25) L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej | Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (europa.eu).
(26) F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(27) Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali - Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni - il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).
(28) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/498 tal-1 ta’ Marzu 2023 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar l-istandardizzazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ĠU L 69, 7.3.2023, p. 63, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reco/2023/498/oj?locale=mt).
(29) Skambji tal-Persunal | Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (europa.eu).
(30) COFUND | Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (europa.eu).
(31) Paġna Ewlenija | Erasmus+ (europa.eu).
(32) Edukazzjoni Intraprenditorjali tal-EIT: Tgħallem mill-Protagonisti tal-Innovazzjoni Ewropea | EIT (europa.eu)
(33) Bħall- Alumni tal-EIT | EIT (europa.eu).
(34) Bħall-Paġna Ewlenija | Il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni tar-Raggruppamenti.
(35) Bħan-Network Enterprise Europe (europa.eu) u l-komunitajiet tal-għarfien u l-innovazzjoni tal-EIT u l-għarfien espert fit-tul tagħhom fl-integrazzjoni tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-edukazzjoni fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tal-industrija u tad-dinja akkademika.
(36) Bħall-Pjattaforma tar-Riżultati ta’ Orizzont (europa.eu).
(37) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Tackling R&I foreign interference – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022.
(38) Data disponibbli f’Analiżi tal-Impatt ta’ RISE: Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie - Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu).
(39) Huwa rrakkomandat li tiġi segwita l-gwida pprovduta fil-Kodiċi ta’ Prattika dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali għall-valorizzazzjoni tal-għarfien fiż-ŻER rigward il-ġestjoni tal-assi intellettwali f’attivitajiet konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dwar proġetti ffinanzjati b’mod predominanti minn fondi pubbliċi.
(40) Intermedjarji jinkludu pereżempju professjonisti fit-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, inkubaturi, parks tax-xjenza, ċentri jew raggruppamenti ta’ innovazzjoni tal-UE, nazzjonali u reġjonali, esperti tal-proprjetà intellettwali, konsulenti u professjonisti ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, timijiet ta’ komunikazzjoni tax-xjenza u ta’ involviment tal-politika, għarfien għall-organizzazzjonijiet ta’ konsulenza dwar il-politika/ix-xjenza u professjonisti fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.
(41) Research & innovation valorisation channels and tools - Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu).
(42) Għall-istabbiliment ta’ infrastrutturi tar-riċerka jew tat-teknoloġija, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 414, 28.10.2022, p. 1).
(43) Programm Ewropa Diġitali.
(44) L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/774/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)