Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H0605

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/605 tat-18 ta’ Diċembru 2023 dwar il-konsistenza tal-miżuri tal-Latvja mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

C/2023/9625

ĠU L, 2024/605, 7.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/605/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/605/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/605

7.3.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/605

tat-18 ta’ Diċembru 2023

dwar il-konsistenza tal-miżuri tal-Latvja mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

(It-test bil-Latvjan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament. Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miżuri tal-Latvja ma’ dawn l-objettivi (2). Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni. Jenħtieġ li l-Latvja tqis kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet u ssegwihom f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

(2)

Filwaqt li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tal-Unjoni (inkluż mill-użu tal-art, mit-tibdil tal-użu tal-art u mill-forestrija (LULUCF) u bl-esklużjoni tat-trasport internazzjonali) b’mod kumplessiv juru xejra ’l isfel, ġeneralment f’konformità mat-trajettorja lineari li tilħaq il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 ta’ -55 % u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050, il-pass tat-tnaqqis fl-emissjonijiet jeħtieġ jiġi aċċellerat u hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-Istati Membri. Il-progress fl-Istati Membri tħallat ma’ diversi sfidi u dgħufijiet settorjali li jeħtieġ jiġu rimedjati mingħajr aktar dewmien. Il-valutazzjoni, ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, turi li l-progress lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni jidher li fil-biċċa l-kbira huwa insuffiċjenti għal-Latvja. L-istrateġiji fit-tul u affidabbli huma l-pedament biex tinkiseb it-trasformazzjoni ekonomika meħtieġa biex noqorbu lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni.

(3)

L-ewwel pass fit-tisħiħ tal-ambizzjoni ta’ adattament jenħtieġ li jkun l-adozzjoni ta’ qafas legali xieraq għall-politika nazzjonali dwar il-klima li jistabbilixxi għanijiet ta’ adattament vinkolanti u aġġornati regolarment biex jitkejjel il-progress kumplessiv fil-bini tar-reżiljenza. Il-politiki ta’ adattament jenħtieġ li jiffukaw fuq oqsma jew setturi partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, jew li l-attivitajiet tagħhom huma essenzjali għar-reżiljenza ta’ setturi oħra, jew li għandhom importanza sinifikanti għall-ekonomija nazzjonali jew għas-saħħa pubblika. Hemm bżonn rispons prijoritarju dwar l-impatti u r-riskji li huma mistennija jaffettwaw l-infrastruttura kritika jew is-sistemi b’ħajja twila, jew li huma mistennija li jaffettwaw is-sistemi b’mod irriversibbli, filwaqt li titqies l-interazzjoni mal-iżvilupp soċjoekonomiku jew ma’ fatturi oħra mhux klimatiċi. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-isforzi ta’ adattament huma meħtieġa biex tinżamm ir-responsabbiltà u tittejjeb il-politika ta’ adattament.

(4)

Il-partijiet ikkonċernati privati huma l-aġenti tal-bidla peress li huma jipprovdu l-informazzjoni, ir-riżorsi, il-kapaċitajiet u l-finanzjament. Il-livell lokali għandu kompetenzi li jistgħu jħallu impatt fuq ir-reżiljenza għall-klima b’mod aktar ġenerali. It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ adattament subnazzjonali huma ta’ importanza sinifikanti,

B’DIN TIRRAKKOMANDA LIL-LATVJA TIEĦU AZZJONI BIEX:

Konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika

1.

Iżżid l-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi tagħmel progress tanġibbli fil-politiki eżistenti u ppjanati u tikkunsidra miżuri urġenti addizzjonali biex tallinja t-tnaqqis u l-projezzjonijiet mistennija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mal-objettiv tan-newtralità klimatika.

2.

B’mod partikolari, jenħtieġ li jsir sforz biex titreġġa’ lura x-xejra reċenti fis-settur tal-LULUCF.

3.

Taġġorna u żżid l-ambizzjoni u l-kwalità tal-istrateġija nazzjonali fit-tul, fosthom billi tissostanzjat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Latvja u ssaħħaħ il-miri tal-assorbimenti f’setturi individwali b’politiki u miżuri kredibbli.

Konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

4.

Tlesti l-istabbiliment ta’ qafas legali xieraq għall-politika u l-azzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Tiżgura li l-prijoritajiet, l-istrateġiji, il-politiki, il-pjanijiet u l-isforzi ta’ adattament ikunu proporzjonati mal-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi futuri previsti, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli u l-għodod ta’ tbassir tal-klima u ta’ twissija bikrija disponibbli. Tiżgura li l-politiki ta’ adattament jiġu mmonitorjati u evalwati b’mod sistematiku u regolari, u li r-riżultati jiġu riflessi fit-tfassil u l-implimentazzjoni riveduti ta’ politika li jirriżultaw. Tivvaluta l-vulnerabbiltajiet u r-riskji rilevanti relatati maż-żidiet fil-livell tal-baħar.

5.

Tinvolvi lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati tas-settur privat fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-investimenti tal-politika. Tiddokumenta l-proċessi u l-eżiti tal-konsultazzjonijiet rilevanti. Tistabbilixxi mekkaniżmi biex jiżguraw li l-politiki sottonazzjonali jitħejjew, u li dawn jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Wopke HOEKSTRA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.

(2)  Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2023, COM(2023) 653 final, u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Assessment of progress on climate adaptation in the individual Member States according to the European Climate Law” (Valutazzjoni tal-progress dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Istati Membri individwali skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), SWD(2023) 932.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/605/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top