EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2124

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2124 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja

ST/12168/2024/INIT

ĠU L, 2024/2124, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2124/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2124/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2124

1.8.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2124

tas-26 ta’ Lulju 2024

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Italja,

Billi:

(1)

L-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli, b’saħħtu u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni għal impjieg u tkabbir sostenibbli.

(3)

Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1), li tifforma parti mill-PST, tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, jistabbilixxi dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 (3), li emenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97. Peress li l-Kunsill għadu ma stabbilix il-perkors tan-nefqa netta għall-Italja, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-konformità mal-kriterju tad-dejn f’konformità mar-regoli l-ġodda. Din id-Deċiżjoni għalhekk tikkonċerna biss l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-prodott domestiku gross (PDG) fir-rigward tal-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(4)

L-Artikolu 126(5) TFUE jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni tqis li jkun jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru jew li jista’ jkun hemm, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tgħarraf lill-Kunsill kif xieraq. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2024 adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottat skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Italja. Fit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għaldaqstant indirizzat tali opinjoni lill-Italja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq.

(5)

L-Artikolu 126(6) TFUE jipprovdi li l-Kunsill għandujikkunsidra kwalunkwe osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni wara stima kumplessiva dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Italja, l-istima kumplessiva twassal għall-konklużjonijiet stabbiliti hawn taħt.

(6)

Skont id-data vvalidata mill-Kummissjoni (Eurostat) fit-22 ta’ April 2024, id-defiċit tal-gvern estiż fl-Italja laħaq 7,4 % tal-PDG fl-2023, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 137,3 % tal-PDG. Il-Kummissjoni, fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE, qieset li l-eċċess tad-defiċit fuq il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG fl-2023 mhuwiex eċċezzjonali, peress li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn reċessjoni ekonomika severa fis-sens tal-PST. L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-TFUE wkoll mhux temporanju, ibbażat fuq it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2024 tal-Kummissjoni, li pprojettat li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ ’l fuq minn 3 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. Kollox ma’ kollox, id-defiċit għall-2023 kien ’il fuq u mhux qrib il-valur ta’ referenza tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess la huwa meqjus bħala eċċezzjonali kif definit mit-TFUE u l-PST, u lanqas ma huwa meqjus temporanju. Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 prima facie mhuwiex issodisfat.

(7)

Skont il-Programm ta’ Stabbiltà Taljan tal-2024, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jilħaq 4,3 % tal-PDG fl-2024. It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jindika defiċit ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2024, li huwa’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG.

(8)

F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont dak l-Artikolu. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu dawk il-fatturi rilevanti fil-passi ta’ wara r-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE u li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv biss jekk — qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti — id-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ qrib il-valur referenzjarju u l-eċċess tiegħu ’il fuq mill-valur referenzjarju jkun temporanju. Fil-każ tal-Italja, dik il-kundizzjoni doppja mhijiex issodisfata. Għaldaqstant, il-fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni.

(9)

Fid-dawl tal-iskadenza tal-20 ta’ Settembru 2024 għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, liema skadenza tista’ tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 36(1), punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod indikattiv sal-15 ta’ Ottubru 2024, li hija d-data għall-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-Kunsill jieħu nota li l-pass li jmiss fil-proċedura, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, se jikkoinċidi mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan l-approċċ jippermetti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti baġitarji skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament stabbilit fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. L-iffaċilitar ta’ tali konsistenza, filwaqt li tiġi evitata lakuna fis-sorveljanza skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jirrikjedi li l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jiġu ppreżentati fil-pront. Din l-iskeda ta’ żmien jenħtieġ li tiġi kkunsidrata eċċezzjonali u marbuta mat-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid, u għalhekk li ma toħloqx preċedent. Il-Kunsill jieħu nota wkoll li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni f’waqtha tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE se tikkunsidra t-trajettorja referenzjali trażmessa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru ddeterminata skont ir-Regolament (UE) 2024/1263,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn stima kumplessiva jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Italja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fid-data ta’ notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2124/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top