This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D2066
Commission Implementing Decision (EU) 2024/2066 of 31 July 2024 refusing the renewal of the authorisation of Zesti Smoke Code 10 (SF-002) as a smoke flavouring primary product (notified under document C(2024) 3702)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2066 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (notifikata bid-dokument C(2024) 3702)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2066 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (notifikata bid-dokument C(2024) 3702)
C/2024/3702
ĠU L, 2024/2066, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2066/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/2066 |
1.8.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2066
tal-31 ta’ Lulju 2024
li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata
(notifikata bid-dokument C(2024) 3702)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2003 dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 jistipula li l-aromatizzanti b’togħma affumikata inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji ta’ aromatizzant b’togħma affumikata awtorizzati (“il-lista tal-Unjoni”) biss jistgħu jiġu introdotti fis-suq fl-Unjoni. |
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2013 (2) stabbilixxa l-lista tal-Unjoni. Il-prodott Zesti Smoke Code 10 (SF-002) ġie inkluż f’dik il-lista bid-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni tal-1 ta’ Jannar 2024. |
(3) |
Permezz ta’ ittra bid-data tal-10 ta’ Ġunju 2022, Kerry Ingredients (UK) Limited, li kienet topera taħt l-isem kummerċjali Mastertaste, infurmat lill-Kummissjoni li Kerry Inc. kienet se tirrappreżentaha fir-rigward tal-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) u bl-intenzjoni tagħha li jkollha l-awtorizzazzjoni rreġistrata f’isem Kerry Inc. |
(4) |
Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-kumpanija Kerry Inc ressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata. |
(5) |
Fit-28 ta’ Settembru 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar is-sikurezza ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) (3). |
(6) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat li Zesti Smoke Code 10 (SF-002) fih is-sustanzi furan-2(5H)-on u benżen–1,2-diol u kkonkludiet li ġie identifikat tħassib dwar il-ġenotossiċità għal dawk is-sustanzi in vivo mal-amministrazzjoni orali. F’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Awtorità dwar il-valutazzjoni tal-ġenotossiċità tat-taħlitiet kimiċi (4) u meta jitqies li l-istimi tal-esponiment għal dawk iż-żewġ komponenti huma ogħla mil-limitu ta’ tħassib tossikoloġiku (TTC) ta’ 0,0025 μg/kg bw kuljum għall-mutaġeni u/jew għall-karċinoġeni reattivi għad-DNA, l-Awtorità kkonkludiet li Zesti Smoke Code 10 (SF-002) iqajjem tħassib fir-rigward tal-ġenotossiċità. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li erba’ komponenti oħra f’Zesti Smoke Code 10 (SF-002) u l-parti mhux identifikata tiegħu jqajmu tħassib potenzjali dwar il-ġenotossiċità. |
(7) |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2065/2003, l-aromatizzanti b’togħma affumikata li ma jippreżentawx riskji għas-saħħa tal-bniedem biss jistgħu jiġu awtorizzati u introdotti fis-suq. Għalhekk, jixraq li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata jiġi rrifjutat. |
(8) |
Madankollu, biex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jużaw il-prodott Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata għall-produzzjoni tal-ikel li għandu jiġi introdott fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2029, kif previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2067 (5), jenħtieġ li l-prodott Zesti Smoke Code 10 (SF-002) jitħalla jiġi introdott fis-suq sa dik id-data. |
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata huwa rrifjutat.
Artikolu 2
Il-prodott Zesti Smoke Code 10 (SF-002) jista’ jkompli jiġi introdott fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2029.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Kerry Inc, Global Technology and Innovation Centre, 3400 Milington Road, Beloit, WI 53511, l-Istati Uniti.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/2065/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2013 tal-10 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni għall-użu bħala tali fl-ikel jew fuq l-ikel u/jew għall-produzzjoni ta’ taħwir bl-affumikazzjoni derivati (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1321/oj).
(3) EFSA (2023). Scientific opinion on the renewal of the authorisation of Zesti Smoke Code 10 (SF-002) as a smoke flavouring Primary Product. EFSA Journal, 21(11), https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8364.
(4) EFSA (2019). EFSA Journal 2019;17(1):5519, 11 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5519.
(5) IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2067 tal-31 ta’ Lulju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1321/2013 fir-rigward tat-tħassir tal-entrati SF-001 sa SF-010 mil-lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji ta’ aromatizzant b’togħma affumikata awtorizzati (ĠU L, 2024/2067, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2067/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2066/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)