Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2006

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2006 tas-17 ta’ Ġunju 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni

ST/7707/2024/INIT

ĠU L, 2024/2006, 26.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2006/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2006/oj

Related international agreement
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2006

26.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2006

tas-17 ta’ Ġunju 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 186 u 212, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra datata l-21 ta’ Ġunju 2021, il-Kanada esprimiet l-interess formali tagħha li tiġi assoċjata ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“il-Programm Orizzont Ewropa”).

(2)

Fid-9 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adottat id-Deċiżjoni (UE) 2022/1526 (2), li tawtorizza li jinfetħu n-negozjati mal-Kanada, f’isem l-Unjoni, għalftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fi programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni tal-Kanada mal-Programm Orizzont Ewropa.

(3)

In-negozjati huma lesti, u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”) ġie inizjalat fis-17 ta’ Novembru 2022. Il-konklużjoni tan-negozjati tħabbret uffiċjalment fis-Summit bejn l-UE u l-Kanada li sar fit-23 u l-24 ta’ Novembru 2023 f’St John’s, il-Kanada.

(4)

Bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kanada, il-Ftehim jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni li jinfetħu għall-parteċipazzjoni tal-Kanada f’konformità mal-atti bażiċi li jistabbilixxu dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni. Skont il-Ftehim, l-Unjoni ser twettaq miżuri ta’ kooperazzjoni mal-Kanada skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni huma soġġetti għall-adozzjoni ta’ protokolli tal-Ftehim.

(6)

Skont l-Artikolu 3(3) tal-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-Programm Orizzont Ewropa huma stabbiliti fil-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Kanada ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) (“il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Kanada ma’ Orizzont Ewropa”).

(7)

F’konformità mal-mandat tal-Kunsill, il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Kanada ma’ Orizzont Ewropa ġie negozjat b’mod parallel mal-Ftehim u, skont l-Artikolu 19(14) tal-Ftehim, jifforma parti integrali minnu. Il-Kanada jenħtieġ li tipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-Pilastru II (“Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea”) tal-Programm Orizzont Ewropa.

(8)

Il-Kanada tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/695.

(9)

Il-Ftehim jikkonforma mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, li jirrikjedi li l-assoċjazzjoni mal-Programm Orizzont Ewropa tal-pajjiżi terzi taħt l-Artikolu 16(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament tkun f’konformita mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ tali pajjiż jew territorju fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim: jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni; jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni; inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom, ma jikkonferixxi lill-pajjiż terz ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni; u jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(10)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat.

(11)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kooperazzjoni f’waqtha bejn l-Unjoni u l-Kanada fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni u li tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-entitajiet Kanadiżi fil-Programm Orizzont Ewropa, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(12)

F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (3).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19(2) tal-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fiL-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

A. MARON


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1526 tad-9 ta’ Settembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Kanada għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Kanada ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) (ĠU L 237, 14.9.2022, p. 17).

(3)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/2007, 26.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/2007/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2006/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top