This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D1797
Commission Decision (EU) 2024/1797 of 27 June 2024 amending Decision (EU) 2023/2440 as regards the adjustment of the quantity of allowances and the transfer of allowances to the Innovation Fund
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1797 tas-27 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/2440 fir-rigward tal-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti u t-trasferiment ta’ kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1797 tas-27 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/2440 fir-rigward tal-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti u t-trasferiment ta’ kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni
C/2024/4337
ĠU L, 2024/1797, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1797/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1797 |
28.6.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1797
tas-27 ta’ Ġunju 2024
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/2440 fir-rigward tal-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti u t-trasferiment ta’ kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3c(5) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 3c tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi l-metodoloġija tal-kalkolu għall-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għas-sena 2024 għal titjiriet fiż-Żona Ekonomika Ewropea u li jitilqu lejn l-Iżvizzera u lejn ir-Renju Unit, u li jissupplimentaw l-ammont ta’ 1 386 051 745 kwota ddeterminat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1575 (2). |
(2) |
Il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għall-2024, ikkalkulata abbażi tad-data disponibbli, hija ppubblikata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2440 (3). Sabiex titqies l-aktar informazzjoni reċenti dwar l-esklużjonijiet tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, jeħtieġ li dik il-kwantità ta’ kwoti tiġi aġġornata. |
(3) |
Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emendat id-Direttiva 2003/87/KE biex tibbaża l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għas-sena 2024 fuq l-allokazzjoni totali ta’ kwoti fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li kienu qed iwettqu attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE fis-sena 2023. Għalhekk jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li ġew esklużi għas-sena 2023 ma jiġux meqjusa fil-kalkolu, peress li dawk l-operaturi ma kellhom l-ebda attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE fl-2023. L-emissjonijiet fl-2023 ġew irrapportati sal-31 ta’ Marzu 2024. Dan ipprovda għad-data definittiva dwar l-esklużjonijiet fl-2023. B’kont meħud ta’ dan, l-allokazzjoni totali ta’ kwoti fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li kienu qed iwettqu attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE fis-sena 2023 jammonta għal 28 893 755 kwota. |
(4) |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE jirrikjedi li l-kwoti li ma jkunux inħarġu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru minħabba li jkunu waqqfu l-operazzjonijiet tagħhom u li ma jkunux meħtieġa biex ikopru kwalunkwe nuqqas fiċ-ċedimenti minn dawk l-operaturi jridu jintużaw għall-appoġġ għall-innovazzjoni permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) ta’ dik id-Direttiva. F’konformità mat-tmien subparagrafu tal-Artikolu 10a(8), il-Fond għall-Innovazzjoni jista’ jappoġġa wkoll l-elettrifikazzjoni tal-avjazzjoni u azzjonijiet biex jitnaqqsu l-impatti klimatiċi ġenerali tagħha. B’kont meħud tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li waqqfu l-attività sal-31 ta’ Diċembru 2023, dan jammonta għal 1 988 951 kwota. |
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, il-fattur lineari ta’ tnaqqis huwa ta’ 4,3 % għas-snin 2024 sal-2027, u ta’ 4,4 % mis-sena 2028. Sabiex jiġi applikat it-tnaqqis ta’ 4,3 % fl-2024, meta mqabbel mal-livelli tal-2023, il-fattur lineari ta’ tnaqqis ġie kkalkulat abbażi tal-allokazzjoni fis-sena 2020, u jammonta għal 1 330 226 kwota għal kull waħda mis-snin mill-2024 sal-2026. L-applikazzjoni ta’ dan il-fattur lineari ta’ tnaqqis tirriżulta fi 27 563 529 kwota għas-sena 2024. |
(6) |
Sabiex l-allokazzjoni bla ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru tiġi kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 3d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Artikolu 3c(5) ta’ dik id-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika wkoll l-ammont ta’ allokazzjoni bla ħlas li kien ikun hemm fl-2024 skont ir-regoli għall-allokazzjoni bla ħlas fis-seħħ qabel l-emendi introdotti bid-Direttiva (UE) 2023/958. Dan l-ammont huwa 85 % tal-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew biex jiġi ssupplimentat l-appoġġ għall-innovazzjoni permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit bl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. |
(7) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2023/2440 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (UE) 2023/2440 hija emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 1 Il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-2024 imsemmija fl-Artikolu 3c(5) tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 27 563 529. Artikolu 2 Il-kwantità ta’ allokazzjoni bla ħlas li kien ikun hemm fl-2024 skont ir-regoli għall-allokazzjoni bla ħlas fis-seħħ qabel l-emendi introdotti bid-Direttiva (UE) 2023/958 tammonta għal 23 429 000.”; |
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej: “Artikolu 2a Filwaqt li jitqiesu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li waqqfu l-attività sal-31 ta’ Diċembru 2023, għandhom jiġu ttrasferiti 1 988 951 kwota lill-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit bl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1575 tas-27 ta’ Lulju 2023 dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għall-2024 (ĠU L 192, 31.7.2023, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1575/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2440 tas-27 ta’ Ottubru 2023 dwar il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għall-2024 (ĠU L, 2023/2440, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2440/oj).
(4) Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u l-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/958/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1797/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)