Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1471

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1471 tal-21 ta' Mejju 2024 dwar l-allokazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lill-Faċilità Ewropea għall-Paċi skont id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470

    ST/9547/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1471, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1471/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1471/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1471

    22.5.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1471

    tal-21 ta' Mejju 2024

    dwar l-allokazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lill-Faċilità Ewropea għall-Paċi skont id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, l-Unjoni Ewropea hija determinata li tkompli tipprovdi lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha l-appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku kollu meħtieġ sakemm ikun hemm bżonn.

    (2)

    Fil-21 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 (1), li emendat id-Deċiżjoni 2014/512/PESK (2) sabiex tipprovdi li d-depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“id-depożitorji ċentrali tat-titoli”) li jkollhom assi u riżervi b'valur totali ta' aktar minn EUR 1 miljun għandhom jikkontribwixxu mill-profitti netti straordinarji tagħhom li ġejjin mill-immobilizzazzjoni tal-assi Russi kontribuzzjoni finanzjarja ekwivalenti għal 99,7 % ta' dawk il-profitti netti li jakkumulaw mill-15 ta' Frar 2024. Jenħtieġ li l-pagamenti jsiru f'pagamenti parzjali biannwali sakemm il-profitti straordinarji jieqfu jakkumulaw fuq il-karti tal-bilanċ tad-depożitorji ċentrali tat-titoli minħabba l-waqfien tal-miżuri restrittivi li jipprojbixxu tranżazzjonijiet bl-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja. Skont dik id-Deċiżjoni, 90 % tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lill-Unjoni għandhom jintużaw biex jappoġġaw lill-Ukrajna, permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (4) (EPF). Peress li l-allokazzjoni għandha tiġi rieżaminata kull sena u għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 2025, il-perċentwal tal-kontribuzzjoni finanzjarja allokata lill-EPF jista' jinbidel fil-futur.

    (3)

    Sabiex isir użu mill-mekkaniżmi eżekuttivi eżistenti, jenħtieġ li l-ammonti allokati għall-EPF jiġu allokati għal miżuri ta' assistenza għall-provvista ta' appoġġ militari lill-Forzi Armati Ukreni flimkien mal-kontribuzzjonijiet volontarji msemmija fl-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. Jenħtieġ li dawn l-ammonti allokati jiżdiedu mal-ammonti ta' referenza miftiehma għall-miżuri ta' assistenza rispettivi. Huwa xieraq li jiġu previsti regoli speċifiċi għal dan is-sors ġdid ta' finanzjament, li jenħtieġ li jikkomplementaw ir-regoli eżistenti tal-EPF. B'mod partikolari, m'hemmx bżonn li l-kontribuzzjoni addizzjonali tiġi aċċettata mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) jew li tiġi awtorizzata mill-Kumitat tal-EPF; peress li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 diġà tipprevedi awtorizzazzjoni direttament mill-Kunsill, mhija meħtieġa l-ebda proċedura ta' aċċettazzjoni addizzjonali bħal din. Barra minn hekk, m'hemmx bżonn li jiġu konklużi arranġamenti amministrattivi ma' depożitorji ċentrali tat-titoli, peress li r-regoli għall-kontribuzzjoni huma stipulati f'din id-Deċiżjoni.

    (4)

    L-allokazzjoni tal-ammonti għall-miżuri ta' assistenza b'appoġġ għall-Ukrajna hija mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri u għall-pożizzjoni tal-Istati Membri li astjenew f'vot u għamlu dikjarazzjoni formali jew ser jastjenu f'vot u jagħmlu dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) fir-rigward ta' miżura ta' assistenza taħt l-EPF. Dawk l-Istati Membri, għalhekk, jibqgħu ma jkunux obbligati japplikaw id-deċiżjonijiet rigward il-miżuri ta' assistenza tal-EPF meta jkunu astjenew u għamlu dikjarazzjoni formali. It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 ma tapplikax.

    (5)

    Huwa xieraq li jiġi previst li l-kostijiet amministrattivi relatati mal-ġestjoni tal-ammonti ma għandhomx jiġġarrbu mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-EPF, iżda għandhom jiġu koperti minn dawk l-ammonti. L-appoġġ militari taħt l-EPF għandu jiġi pprovdut f'konformità mal-qafas regolatorju rilevanti, inkluż ir-regoli ta' implimentazzjoni tal-EPF. Barra minn hekk, kwalunkwe appoġġ militari skont l-EPF għandu jingħata b'rispett sħiħ għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-appoġġ iffinanzjat mill-EPF, u filwaqt li jitqiesu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha. Minbarra dan, f'konformità mal-Artikolu 73(10) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, f'każijiet fejn Stat Membru jkun astjena f'vot u għamel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE fir-rigward ta' miżura ta' assistenza li għandha tiġi ffinanzjata mill-ammont iddedikat stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 73(10) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, dak l-Istat Membru ma jikkontribwixxix għall-kostijiet ta' dik il-miżura ta' assistenza u, f'konformità mal-Artikolu 16(4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, mhuwiex Stat Membru kontribwenti għall-finijiet li tiġi koperta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza adottata skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. Dan japplika għal Stat Membru li jkun astjena u għamel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE fir-rigward għall-miżura ta' assistenza prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/338 (5).

    (6)

    Fid-dawl tal-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Forzi Armati Ukreni u sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-Unjoni, il-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 jenħtieġ li jiddetermina u perjodikament jirrieżamina l-allokazzjoni tal-ammonti riċevuti bejn il-miżuri ta' assistenza f’konformità ma’ orjentazzjoni strateġika ddedikata pprovduta mill-KPS skont l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5(5), kif ukoll fl-Artikolu 11(8) u (14) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 japplikaw,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-ammonti allokati għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi (“EPF”) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1470 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna għandhom jiġu allokati għal miżuri ta' assistenza għall-provvista ta' appoġġ militari lill-Forzi Armati Ukreni, flimkien mal-kontribuzzjonijiet volontarji msemmija fl-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    Artikolu 2

    Il-kostijiet amministrattivi relatati mal-ġestjoni tal-ammonti għandhom ikunu koperti mill-ammonti nfushom. L-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul minn din il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika għandhom jinfetħu ladarba jiġu riċevuti l-pagamenti u għandhom jiġu riportati awtomatikament. Għandhom jitħallsu f'kontijiet bankarji ddedikati. Għandhom jintużaw biex tiġi implimentata n-nefqa li l-amministrazzjoni tagħha ġiet fdata lill-EPF.

    L-appoġġ militari skont l-EPF għandha tingħata f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli ta' implimentazzjoni tal-EPF.

    Artikolu 3

    Fid-dawl tal-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Forzi Armati Ukreni u sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-Unjoni, l-allokazzjoni tal-ammonti riċevuti bejn il-miżuri ta' assistenza għandha tiġi ddeterminata u perjodikament rieżaminata mill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 f’konformità ma’ orjentazzjoni strateġika ddedikata pprovduta mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà skont l-Artikolu 9(2) ta’ dik id-Deċiżjoni. Għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5(5), kif ukoll fl-Artikolu 11(8) u (14) ta dik id-Deċiżjoni. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 m’għandhiex tapplika.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1470 tal-21 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/1470, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1470/oj).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012. (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/338 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-provvista lill-Forzi Armati Ukreni ta’ tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali (ĠU L 060, 28.2.2022, p. 1).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1471/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top