Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1447

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna

    ST/9492/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1447

    24.5.2024

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1447

    tal-14 ta’ Mejju 2024

    dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 19 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew ta lill-Ukrajna l-istatus ta’ pajjiż kandidat. Fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna, wara r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea.

    (2)

    Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha impatt ta’ tħarbit fuq l-ekonomija Ukrena li ċkienet b’29,1 % fl-2022 u rkuprat biss bi ftit fl-2023. Din ir-reċessjoni seħħet minħabba l-qerda ta’ riżorsi produttivi fit-territorji okkupati mir-Russja jew li jinsabu maġenb il-fronti tal-gwerra, l-ispostament fuq skala kbira tal-persuni, u t-tħarbit fl-industrija, l-agrikoltura u l-kummerċ. Kemm l-inflazzjoni kif ukoll il-qgħad żdiedu b’mod sinifikanti wara l-invażjoni Russa. Minħabba nfiq għoli fuq id-difiża, id-defiċit tal-gvern estiż laħaq is-16 % tal-PDG fl-2022 u s-27 % fl-2023. Peress li tilfet l-aċċess għas-swieq finanzjarji internazzjonali, l-Ukrajna għadha tiddependi fuq l-assistenza barranija. Fl-2023, 17,5 % tal-finanzjament nett tal-baġit kien ibbażat fuq appoġġ estern.

    (3)

    F’dan il-kuntest, l-Unjoni stabbiliet b’eċċezzjoni strument uniku fuq perjodu medju li jiġbor flimkien l-appoġġ bilaterali pprovdut mill-Unjoni lill-Ukrajna. F’konformità mar-Regolament (UE) 2024/792, ġiet stabbilita l-Faċilità għall-Ukrajna (“il-Faċilità”) bħala strument iddedikat b’ammont massimu globali ta’ appoġġ mill-Unjoni ta’ EUR 50 000 000 000 fi prezzijiet attwali. Il-Faċilità għandha l-għan li tkun ta’ kontribut biex jiġi indirizzat id-distakk fil-finanzjament tal-Ukrajna u tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja sal-2027 bl-għan li jingħata kontribut għall-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-Ukrajna filwaqt li jingħata appoġġ lill-isforzi ta’ riforma tal-pajjiż fi triqtu lejn l-adeżjoni lejn l-isħubija tiegħu mal-Unjoni.

    (4)

    L-appoġġ finanzjarju skont il-Pilastru I tal-Faċilità jammonta għal EUR 38 270 000 000. Minn dawn, EUR 5 270 000 000 huma fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli, filwaqt li sa EUR 33 000 000 000 huma fil-forma ta’ self, inkluż kwalunkwe finanzjament li jista’ jiġi pprovdut bħala finanzjament tranżitorju ta’ eċċezzjoni f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/792. Minħabba l-provvista ta’ finanzjament tranżitorju ta’ eċċezzjoni sa massimu ta’ EUR 6 000 000 000, is-somma totali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Pjan għall-Ukrajna tammonta għal massimu ta’ EUR 32 270 000 000, li minnhom sa EUR 5 270 000 000 huma fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u sa EUR 27 000 000 000 huma fil-forma ta’ self.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi appoġġ limitat u ta’ eċċezzjoni permezz ta’ finanzjament tranżitorju, fil-forma ta’ self, għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur li jibda mill-1 ta’ Jannar 2024 jekk il-Pjan għall-Ukrajna ma jiġix adottat sat-2 ta’ Marzu 2024 jew jekk il-Ftehim Qafas previst fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament ma jiġix iffirmat. Fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw Memorandum ta’ Qbil biex l-Ukrajna tingħata sa EUR 6 000 000 000 fil-forma ta’ self bħala finanzjament tranżitorju ta’ eċċezzjoni, bil-kundizzjoni li l-Ukrajna tikkonforma mal-prekundizzjoni għall-appoġġ mill-Unjoni, it-twettiq ta’ ħames kundizzjonijiet ta’ politika u l-issodisfar ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma fl-Ukrajna, dawn il-ħames kundizzjonijiet ta’ politika huma riflessi wkoll fil-Pjan għall-Ukrajna.

    (6)

    Fl-20 ta’ Marzu 2024, l-Ukrajna ppreżentat formalment il-Pjan għall-Ukrajna lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikoli 14, 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2024/792. Il-Pjan għall-Ukrajna jinkludi 15-il kapitolu settorjali u tliet kapitoli orizzontali dwar il-proċessi ta’ rikostruzzjoni u modernizzazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern, dwar il-mekkaniżmi u l-arranġamenti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati matul it-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna. Total ta’ 151 pass kwalitattiv u kwantitattiv li jistgħu jitkejlu huma marbuta mal-finanzjament taħt il-Pilastru I tal-Faċilità, li minnhom ħamsa huma allokati għall-finanzjament tranżitorju ta’ eċċezzjoni u 146 għall-finanzjament skont din id-Deċiżjoni. Dawk il-passi ġew identifikati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern tal-Ukrajna abbażi tal-ħtiġijiet, il-prijoritajiet, u l-kapaċità tal-Ukrajna. Lil hinn mill-miżuri koperti mill-Faċilità, il-Pjan għall-Ukrajna jipproponi aġenda usa’ ta’ riforma u investiment. F’dan ir-rigward, dan iservi bħala pjan komprensiv wieħed għall-Gvern tal-Ukrajna, li jistipula l-prijoritajiet ta’ riforma u investiment għad-donaturi kollha li qed jaħdmu fuq il-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati tal-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni ekonomiċi futuri tagħha fuq perjodu qasir sa medju. Jenħtieġ li jittieħdu wkoll il-passi meħtieġa sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u komplementarjetà fost id-donaturi, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari u kuntatt strateġiku.

    (7)

    F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, il-komprensività u l-adegwatezza tal-Pjan għall-Ukrajna. Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kemm jista’ jkun aġixxiet f’kooperazzjoni mal-Ukrajna u kkonsultat sħab internazzjonali oħra. Il-Kummissjoni vvalutat b’mod partikolari jekk il-Pjan għall-Ukrajna jirrappreżentax rispons ibbażat fuq il-ħtiġijiet, koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi tal-Faċilità, jekk jikkontribwix għall-isfidi rilevanti identifikati fil-kuntest tal-perkors tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Unjoni u jekk huwiex konsistenti magħhom, jekk il-miżuri fih humiex konsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-Faċilità li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/792, u jekk jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna jistgħux ikunu mistennija li jiżguraw l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rapportar effettiv dwar il-Pjan għall-Ukrajna, u jekk humiex mistennija jiżguraw b’mod effettiv livell adegwat ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-Verkhovna Rada ġietx ikkonsultata kif xieraq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tal-Ukrajna, jekk il-Pjan għall-Ukrajna iqisx, fejn xieraq, l-inputs tal-partijiet ikkonċernati, u jekk jiżgurax li donaturi oħra jkunu jistgħu jappoġġaw l-objettivi tiegħu.

    (8)

    Il-pjan għall-Ukrajna jipproponi 69 riforma u 10 investimenti li għandhom jiġu implimentati bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità. Il-Pjan għall-Ukrajna jinkorpora oqsma ewlenin, bħall-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, is-swieq finanzjarji, il-ġestjoni tal-assi pubbliċi, il-kapital uman, l-ambjent tan-negozju, id-deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali, l-enerġija, it-trasport u l-loġistika, is-settur agroalimentari, il-ġestjoni tal-materja prima kritika, it-trasformazzjoni diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali. L-investimenti huma inklużi f’sitt kapitoli settorjali, jiġifieri l-kapital uman, l-ambjent tan-negozju, l-enerġija, it-trasport u l-loġistika, is-settur agroalimentari, u d-deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali.

    (9)

    Il-146 pass kwalitattiv u kwantitattiv li jista’ jitkejjel identifikati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern tal-Ukrajna bħala kundizzjonijiet biex jingħata finanzjament mill-Faċilità huma mifruxa fuq is-snin mill-2024 sal-2027. Il-profil tal-pagament huwa ddeterminat minn dawn il-passi u jirrifletti l-ħtiġijiet makroekonomiċi u ta’ finanzjament tal-Ukrajna. B’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni makroekonomika tal-Ukrajna u s-sostenibbiltà tad-dejn, il-finanzjament huwa kkonċentrat fl-ewwel u fit-tieni snin ta’ implimentazzjoni. Din il-konċentrazzjoni hija riflessa wkoll fl-għadd ta’ passi li għandhom jiġu ssodisfati. Il-passi taħt il-kapitolu dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika jinkludu kundizzjonijiet dwar rekwiżiti essenzjali, bħaż-żamma tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja, is-sorveljanza tal-baġit u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

    (10)

    Il-passi kwalitattivi u kwantitattivi marbuta mar-riformi u l-investimenti skont il-Pjan għall-Ukrajna jwieġbu b’mod adegwat għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/792. Kull kapitolu tal-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxi b’mod sinifikanti jew parzjali għal mill-inqas wieħed mill-objettivi ġenerali u wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Faċilità, b’enfasi fuq ir-riformi u l-miżuri għall-promozzjoni tal-konverġenza mal-Unjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Il-Kummissjoni ser timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna u l-kontribut tiegħu għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità, inkluż permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Pjan għall-Ukrajna li għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2024/792.

    (11)

    Il-passi kwalitattivi u kwantitattivi proposti fil-Pjan għall-Ukrajna huma mistennija jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali, inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u għal tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli u ġusta. Dawk il-passi jaderixxu, sal-livell massimu possibbli f’pajjiż mifni bil-gwerra, mal-istandards klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u huma ggwidati mill-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/792. Dawk il-passi huma marbuta mal-politika ambjentali u klimatika kif ukoll ma’ ċerti riformi settorjali ta’ politika li għandhom l-għan li l-prattiki ta’ sostenibbiltà fis-setturi ewlenin isiru n-norma. Huma jappoġġaw, sa fejn hu possibbli, kemm l-allinjament tal-Ukrajna mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” kif ukoll il-progress tagħha biex tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-ftehimiet ambjentali multilaterali. Mill-inqas 12 % tal-investimenti kollha ppjanati skont il-Pilastru I tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu allinjati mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet f’pajjiż mifni bil-gwerra, inkluż mill-inqas 80 % tal-investimenti kollha fl-infrastruttura tat-trasport u mill-inqas 60 % tal-investimenti kollha fl-infrastruttura tal-enerġija. Il-Pjan għall-Ukrajna jipprijoritizza ukoll it-trasformazzjoni diġitali tal-Ukrajna u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha fejn tidħol iċ-ċibersigurtà, b’mod li titwitta t-triq lejn l-implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod tal-Unjoni għas-Sigurtà tal-5G.

    (12)

    Il-Pjan għall-Ukrajna jirrikonoxxi wkoll l-enfasi kritika fuq il-forza tax-xogħol u l-kapital uman tal-Ukrajna għat-tnaqqis tal-faqar u t-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza r-restawr u t-titjib tal-faċilitajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni u jipproponi passi ta’ riforma u investiment biex jiġu mmodernizzati l-istituzzjonijiet soċjali tal-pajjiż u tittejjeb is-sigurtà soċjali. Dan jikkontribwixxi għall-objettivi soċjali għal soċjetà inklużiva u paċifika, flimkien mal-inklużjoni ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bħall-veterani tal-gwerra, persuni spostati u l-iżgurar tal-aħjar interessi tat-tfal. Il-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxi wkoll għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet u jippromwovi d-drittijiet tagħhom, inkluż billi jħeġġeġ il-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikattiva tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll billi jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

    (13)

    Il-Pjan għall-Ukrajna huwa mistenni jikkontribwixxi għall-promozzjoni ġenerali tal-istat tad-dritt. Ir-riformi proposti jenħtieġ li jtejbu l-indipendenza, l-akkontabbiltà, l-integrità u l-professjonaliżmu tas-sistema ġudizzjarja f’kull livell, itejbu l-proċeduri tal-insolvenza u tal-infurzar, iżidu l-aċċess għall-ġustizzja, u jsaħħu l-integrità, il-meritokrazija u l-professjonaliżmu fis-servizz tal-prosekuzzjoni. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-kapaċità istituzzjonali u l-qafas legali, inkluż permezz tal-proċeduri meħtieġa biex jiġi vverifikat il-persunal attwali u biex jintgħażlu rekluti ġodda, f’korpi rilevanti b’mod trasparenti u meritokratiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li l-qafas legali tal-Ukrajna jiġi allinjat fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus mal-acquis tal-Unjoni u ma’ standards globali oħra.

    (14)

    Il-Pjan għall-Ukrajna jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta’ koordinazzjoni biex jiġu żgurati proċessi effettivi ta’ rikostruzzjoni u modernizzazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern, u li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tal-awtoritajiet sottonazzjonali, b’mod partikolari l-governanza awtonoma lokali, f’dawk il-proċessi. F’dan ir-rigward, il-miżuri li jinsabu fil-Pjan għall-Ukrajna jirriflettu b’mod wiesa’ l-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna. Wieħed mill-kapitoli orizzontali tal-Pjan għall-Ukrajna jiddeskrivi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-istat, id-dokumenti ewlenin tal-ippjanar strateġiku u l-prinċipji fundamentali tal-proċessi ta’ rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-Ukrajna fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali. Il-Pjan għall-Ukrajna jipproponi passi biex javvanzaw ir-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna kollha u biex isaħħu l-iżvilupp tal-politika reġjonali, b’kunsiderazzjoni tas-setgħat, il-kompiti u r-responsabbiltajiet assenjati lil-livelli differenti ta’ gvern. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinvolvi lill-awtoritajiet sottonazzjonali fit-teħid tad-deċiżjonijiet fejn jidħol l-użu tal-appoġġ għall-proċess ta’ rikostruzzjoni fil-livell lokali, flimkien ma’ metodoloġija għat-traċċar tan-nefqa relatata. L-ekwivalenti għal mill-inqas 20 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Pilastru I tal-Faċilità jenħtieġ li jiġi allokat għall-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-awtoritajiet sottonazzjonali tal-Ukrajna, b’mod partikolari tal-gvernijiet awtonomi lokali, sa tmiem l-2027.

    (15)

    Il-Pjan għall-Ukrajna huwa parti integrali mill-isforzi tal-Ukrajna biex iżżomm l-istabbiltà finanzjarja u tiżgura l-funzjonament bażiku tal-Istat Ukren, inkluż il-forniment kontinwu ta’ servizzi pubbliċi essenzjali. Huwa wkoll waħda mill-għodod ewlenin għall-elaborazzjoni tal-aġenda ewlenija tal-Gvern tal-Ukrajna għar-riforma, ir-rikostruzzjoni u l-investiment għall-perjodu ta’ erba’ snin tal-Pjan għall-Ukrajna, u l-għodda prinċipali għall-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament stabbli u prevedibbli mill-Unjoni. Il-passi identifikati fil-Pjan għall-Ukrajna jikkostitwixxu rispons ibbilanċjat u mmirat sew għall-ħtiġijiet tal-Ukrajna, li jamplifika l-potenzjal tat-tkabbir tal-pajjiż fil-perjodu medju sa dak fit-tul u li jappoġġa l-konverġenza lejn l-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Ukrajna skont il-liġi internazzjonali lill-Istati Membri kollha. Skont is-simulazzjonijiet interni tal-Kummissjoni, jekk ir-riformi u l-investimenti kollha proposti jiġu implimentati bis-sħiħ, il-Pjan għall-Ukrajna għandu l-potenzjal li jkabbar il-PDG tal-Ukrajna b’madwar 6,2 % sa tmiem l-2027 u b’madwar 14,2 % sal-2040, imqabbel ma’ xenarju fejn il-Pjan għall-Ukrajna ma ġiex implimentat, bl-esklużjoni ta’ effetti indiretti, li huma mistennija wkoll li jkunu konsiderevoli.

    (16)

    Il-Faċilità mistennija tikkontribwixxi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali tal-Ukrajna. Is-simulazzjonijiet interni mill-Kummissjoni jipprojettaw li wara l-implimentazzjoni tal-Faċilità, id-dejn ikun b’madwar 10 punti perċentwali tal-PDG aktar baxx meta mqabbel ma’ xenarju alternattiv fejn il-Faċilità ma ġietx implimentata. Ir-riformi deskritti fil-Pjan għall-Ukrajna għandhom l-għan li jżidu l-investimenti, itejbu l-produttività u r-reżiljenza ekonomika totali, u fl-aħħar mill-aħħar jagħtu spinta lit-tkabbir, li jpoġġi l-ekonomija Ukrena fuq bażi aktar soda. Flimkien mal-kundizzjonijiet konċessjonali tajbin ħafna ta’ finanzjament li ser inaqqsu l-pagamenti tal-imgħax u s-servizz tad-dejn, l-implimentazzjoni tal-Faċilità u l-Pjan għall-Ukrajna b’hekk ser tappoġġa s-sostenibbiltà fiskali u d-dejn pubbliku.

    (17)

    Il-Pjan għall-Ukrajna għandu l-għan li jsaħħaħ l-isforzi tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni fl-Unjoni. Ir-riformi u l-investimenti proposti skont il-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxu għal, jikkomplementaw u, f’ċerti oqsma, jikkoinċidu mar-rakkomandazzjonijiet fl-Opinjoni tal-Kummissjoni u fir-rapport analitiku tagħha, kif ukoll fir-rapport dwar it-tkabbir tal-UE tal-2023 (2). Il-biċċa l-kbira tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi tal-Pjan għall-Ukrajna għandhom komplementarjetà wiesgħa jew parzjali mar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport dwar it-tkabbir tal-UE. Ħafna mill-miżuri previsti fil-Pjan għall-Ukrajna għandhom l-għan li jqarrbu lill-Ukrajna lejn l-istandards tal-Unjoni u l-aħjar prattiki tagħha billi jiksbu allinjament akbar mal-acquis tal-Unjoni fl-oqsma ewlenin identifikati fil-Pjan għall-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura wkoll li r-riformi u l-investimenti ffinanzjati mill-Faċilità jikkonformaw man-normi u l-istandards tal-Unjoni, inkluż fis-settur agrikolu u setturi rilevanti oħra. Tali allinjament jappoġġa wkoll il-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq intern. Għaldaqstant, il-Pjan għall-Ukrajna huwa konsistenti mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, u jsaħħaħhom. Barra minn hekk, l-enfasi tal-Pjan għall-Ukrajna fuq it-tkabbir ekonomiku tikkontribwixxi għall-proċess ta’ adeżjoni bħala mezz biex titħaffef il-konverġenza ekonomika mal-Unjoni. Il-kisba tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi tal-Pjan għall-Ukrajna jkollhom jiġu segwiti minn azzjonijiet ta’ implimentazzjoni konkreti li jiġu meqjusa kif xieraq fi ħdan il-qafas tal-proċess ta’ adeżjoni.

    (18)

    It-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna inkludiet proċess ta’ konsultazzjoni mwettaq mill-gvern tal-Ukrajna f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/792. Dak il-proċess kien immirat lejn konsultazzjonijiet kemm fl-Ukrajna, kif ukoll mal-komunità internazzjonali permezz tal-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji (MDCP). Ġewwa l-Ukrajna, il-Gvern ikkonsulta lill-korpi eżekuttivi ċentrali tal-gvern, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, lill-awtoritajiet sottonazzjonali, lis-soċjetà ċivili u lill-Verkhovna Rada u l-kumitati parlamentari tiegħu. Il-proċess twettaq permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari f’diversi formati inklużi preżentazzjonijiet, sessjonijiet ta’ ħidma, kwestjonarji bil-miktub, u diskussjonijiet iddedikati. Matul l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, il-Gvern tal-Ukrajna ser ikollu konsultazzjonijiet annwali mal-Verkhovna Rada dwar il-progress li jkun qed isir u dwar il-passi kwalitattivi u kwantitattivi relatati u, meta jkun meħtieġ, ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra.

    (19)

    Il-Pjan għall-Ukrajna jinkludi arranġamenti adegwati għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tiegħu biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Ukrajna ħatret Koordinatur Nazzjonali taħt il-Ministeru għall-Ekonomija biex tiżgura l-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ġenerali tal-Pjan għall-Ukrajna. Il-Ministeru għall-Finanzi jassumi r-responsabbiltà għall-awditjar u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna u għat-twettiq tal-passi kwalittativi u kwantittativi. L-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi ser jaħdmu flimkien mal-Koordinatur Nazzjonali biex jiżguraw implimentazzjoni f’waqtha. Il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tal-assistenza finanzjarja totali tal-Unjoni lill-Ukrajna jibbenefikaw minn djalogu u kooperazzjoni regolari bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-governanza tal-Pjan għall-Ukrajna u l-Kamra tal-Kontabbiltà tal-Ukrajna. Il-Pjan għall-Ukrajna jfisser il-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet, tal-frodi, tal-forom kollha ta’ korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni f’livell għoli, u ta’ kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll tal-kunflitti ta’ interess. Jistabbilixxi wkoll miżuri għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, filwaqt li jipprevedi wkoll mekkaniżmu li jippermetti l-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Jelenka l-arranġamenti li għandhom l-għan li jevitaw finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħra tal-Unjoni jew donaturi. L-Ukrajna jenħtieġ li tiżgura wkoll livell adegwat ta’ informazzjoni u viżibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. B’mod partikolari, akkwisti ffinanzjati taħt il-Pilastru I tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu bbażati fuq standards tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament (UE) 2024/792.

    (20)

    L-Ukrajna jenħtieġ li tiżgura li, meta ssir talba, il-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ikollhom aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti li tappoġġa l-ġustifikazzjoni dovuta tat-talbiet għal pagamenti, kemm għall-valutazzjoni ta’ dawk it-talbiet kif ukoll għall-finijiet ta’ awditjar u kontroll. L-Ukrajna jenħtieġ li tirrapporta wkoll irregolaritajiet fir-rigward tal-użu tal-fondi lill-Kummissjoni hekk kif dawn jiġu identifikati.

    (21)

    Matul l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, l-Ukrajna għandha tiżgura konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas konkluż mal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792.

    (22)

    F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/792, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jew sorsi oħra jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-Faċilità, inkluż il-Pjan għall-Ukrajna. Filwaqt li l-Pjan għall-Ukrajna ma jispeċifikax il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn donaturi oħra għall-implimentazzjoni tiegħu, jiddeskrivi kif jiżgura l-koordinazzjoni u l-allinjament mal-komunità internazzjonali, inkluż dwar l-aġenda ta’ riforma tal-Ukrajna u dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment tal-Ukrajna biex jiġu żgurati r-rikostruzzjoni, l-irkupru u l-modernizzazzjoni tagħha. Għal dan l-għan, matul it-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna, saru konsultazzjonijiet regolari mal-G7 u ma’ sħab minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali permezz tal-MDCP u gruppi ta’ esperti assoċjati, u ma’ Stati Membri. Il-Gvern tal-Ukrajna ser ikompli jwettaq konsultazzjonijiet u jiżgura koordinazzjoni xierqa mas-sħab internazzjonali matul l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna biex jiżgura li jistgħu jappoġġaw l-objettivi tiegħu.

    (23)

    F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/792, l-appoġġ finanzjarju skont il-Pjan għall-Ukrajna jsir disponibbli bil-prekundizzjoni li l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. L-appoġġ finanzjarju jiddependi ukoll fuq it-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna. F’dan ir-rigward, elementi kruċjali tal-Pjan għall-Ukrajna huma t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u b’mod partikolari l-korruzzjoni f’livell għoli, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u t-tisħiħ tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, l-Ukrajna tissodisfa l-prekundizzjoni għall-appoġġ mill-Faċilità. Il-Kummissjoni ser tkompli timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjoni matul il-perjodu tal-appoġġ ipprovdut mill-Faċilità.

    (24)

    L-appoġġ għall-Pjan għall-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jiżgura l-konverġenza tal-Ukrajna lejn l-Unjoni permezz ta’ allinjament progressiv mal-valuri u n-normi fundamentali tagħha, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet pubbliċi u l-adozzjoni tal-acquis tal-Unjoni. Għal dak il-għan, meta tivvaluta l-passi kwantitattivi u kwalitattivi qabel kull żborż fl-ambitu tal-Faċilità, il-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li tagħti attenzjoni partikolari lill-konsolidazzjoni effettiva tal-istat tad-dritt, il-governanza u l-amministrazzjoni pubblika fl-Ukrajna, kif ukoll lill-approssimazzjoni progressiva mal-acquis tal-Unjoni fis-setturi rilevanti. Dan jiġi rifless fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-issodisfar mill-Ukrajna tal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/792 madwar il-perjodu tal-appoġġ tal-Unjoni.

    (25)

    Ir-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna ser jiġu pprovduti permezz ta’ prefinanzjament u fi 15-il pagament parzjali trimestrali mqassma għall-perjodu bejn l-2024 sal-2027 hekk kif l-Ukrajna tissodisfa b’mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. L-ammont ta’ kull pagament parzjali jirrifletti b’mod wiesa’ l-għadd ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi involuti, filwaqt li jitqiesu wkoll is-sitwazzjoni makroekonomika tal-Ukrajna u s-sostenibbiltà tad-dejn fuq perjodu qasir.

    (26)

    Il-passi kwalitattivi u kwantitattivi kollha jenħtieġ li jiġu magħluqa sal-31 ta’ Diċembru 2027. Ikun jista’ jitħallas pagament parzjali finali matul l-ewwel trimestru tal-2028, li jirrifletti t-tlestija tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi matul l-aħħar trimestru tal-2027.

    (27)

    L-appoġġ li ser jiġi pprovdut fil-forma ta’ self għandu jiġi ffinanzjat minn self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni abbażi tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2024/792.

    (28)

    Fil-Pjan għall-Ukrajna, l-Ukrajna talbet pagament ta’ prefinanzjament ta’ 7 % mill-appoġġ b’self, ekwivalenti għal EUR 1 890 000 000. Dak l-ammont jenħtieġ li jsir disponibbli soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim Qafas konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792 u tal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/792. Il-prefinanzjament jenħtieġ li jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagamenti parzjali.

    (29)

    Sabiex jiġi massimizzat l-effett ta’ ingranaġġ tal-appoġġ ipprovdut taħt il-Pjan għall-Ukrajna, il-passi kwantitattivi u kwalitattivi jenħtieġ li jiġu implimentati flimkien mal-parametri referenzjarji strutturali stipulati fl-Arranġament ta’ Faċilità ta’ Fond Estiża għall-Ukrajna tal-FMI u, kull fejn possibli, il-kundizzjonalitajiet marbuta mal-programmi ta’ assistenza finanzjarja pprovduti lill-Ukrajna minn donaturi oħra, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti tal-Faċilità għall-Ukrajna fir-rigward tal-modalitajiet għall-forniment tal-finanzi.

    (30)

    B’segwitu għall-valutazzjoni pożittiva tal-Pjan għall-Ukrajna mill-Kummissjoni, dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tiġi approvata u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna u l-ammont li għandu jsir disponibbli mill-Unjoni fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u appoġġ b’self lill-Ukrajna jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/792,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna

    Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2024/792, hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment deskritti fil-Pjan għall-Ukrajna, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, inkluż il-passi kwalitattivi u kwantitattivi, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, jingħataw aċċess sħiħ għad-dokumenti u d-data sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Kontribuzzjoni finanzjarja

    1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli li jammonta għal EUR 5 270 000 000.

    2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Ukrajna f’pagamenti parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.   Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali f’konformità mal-Ftehim Qafas u l-Ftehim ta’ Finanzjament konklużi skont l-Artikoli 9 u 10, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2024/792 għandu jkun kondizzjonali fuq l-approprjazzjonijiet baġitarji disponibbli u fuq deċiżjoni tal-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament, li l-Ukrajna tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna wara valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni. Il-pagamenti lill-Ukrajna għandhom ikunu kondizzjonali fuq it-tlestija tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi kif stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Il-passi kwalitattivi u kwantitattivi finali għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 3

    Appoġġ b’self

    1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna self li jammonta għal massimu ta’ EUR 27 000 000 000.

    2.   L-appoġġ b’self li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jsir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Ukrajna f’pagamenti parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Ammont ta’ EUR 1 890 000 000 għandu jsir disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 7 % tal-appoġġ b’self, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/792. Il-prefinanzjament u l-pagamenti parzjali jistgħu jiġu żborżati mill-Kummissjoni f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs ta’ dawk is-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

    3.   Il-prefinanzjament li ssir referenza għalih fil-paragrafu 2 għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim Qafas konkluż f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792 u tal-ftehim ta’ self konkluż skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-ħlas tal-pagamenti parzjali.

    4.   Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali f’konformità mal-Ftehim Qafas u l-ftehim ta’ self imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun bil-kundizzjoni li l-finanzjament ikun disponibbli, u wara deċiżjoni mill-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792, li l-Ukrajna tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna wara valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni. Il-pagamenti lill-Ukrajna għandhom ikunu kondizzjonali fuq it-tlestija tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi kif stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Il-passi kwalitattivi u kwantitattivi finali għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)   ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.

    (2)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir, Il-Pakkett tat-Tkabbir tal-UE — l-Ukrajna, 2023, COM(2022)) 407 final u SWD(2023)) 30 final.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top