This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D1284
Commission Implementing Decision (EU) 2024/1284 of 13 May 2024 concerning the extension of the action taken by the Environment Agency of Luxembourg permitting the making available on the market and use of the biocidal product Raidox 35% in accordance with Regulation (EU) No 528/2012 of the European Parliament and of the Council
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1284 tat-13 ta' Mejju 2024 dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Raidox 35 % f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1284 tat-13 ta' Mejju 2024 dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Raidox 35 % f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2024/2954
ĠU L, 2024/1284, 15.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1284/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1284 |
15.5.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1284
tat-13 ta' Mejju 2024
dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Raidox 35 % f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Awwissu 2023, f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu (“l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu”) adottat deċiżjoni li tippermetti, sal-21 ta’ Frar 2024, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Raidox 35 % (“l-azzjoni”) fl-iżolatur tal-isptar “Centre hospitalier de Luxembourg”. F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu, l-azzjoni kienet neċessarja sabiex titħares is-saħħa pubblika. Il-prodott bijoċidali Raidox 35 % jintuża għad-diżinfezzjoni tas-superfiċji interni tal-iżolatur fis-Centre hospitalier de Luxembourg. |
|
(3) |
Il-preparazzjoni asettika tal-injettaturi fl-isptarijiet teħtieġ proċessi ta’ manifattura sterili li jitwettqu f’kabinetti ta’ sikurezza jew f’iżolaturi. Kif indikat mill-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu, l-installazzjoni li kienet teżisti qabel fis-Centre hospitalier de Luxembourg (kabinett ta’ sikurezza) saret obsoleta u ġiet sostitwita b’iżolatur. It-tħaddim tal-iżolaturi jeħtieġ l-użu ta’ prodotti bijoċidali għad-diżinfezzjoni tas-superfiċji interni tal-iżolatur. L-installazzjoni kompluta — iżolatur, prodott bijoċidali, apparat ta’ vaporizzazzjoni użat għad-diżinfezzjoni — hija pprovduta bħala pakkett u teħtieġ proċess kumpless ta’ validazzjoni. Skont il-fornitur tal-iżolatur, ir-Raidox 35 % huwa l-uniku prodott bijoċidali li ġie vvalidat mill-manifattur tal-installazzjoni għad-diżinfezzjoni tal-iżolatur. Għalhekk, kif indikat mill-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu, id-disponibbiltà tar-Raidox 35 % hija neċessarja biex tippermetti t-tħaddim tal-iżolatur u l-għoti kontinwu tal-kura essenzjali adattata għall-ħtiġijiet tal-pazjenti. Il-possibbiltà li r-Raidox 35 % jiġi sostitwit bi prodott bijoċidali ieħor bħalissa qed tiġi investigata mill-fornitur tal-iżolatur. Il-validazzjoni meħtieġa tal-prodott bijoċidali/apparat ta’ vaporizzazzjoni u l-validazzjoni sussegwenti fuq il-post xorta se jeħtieġu xi żmien. |
|
(4) |
Ir-Raidox 35 % huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 (“diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew l-annimali”), kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Ir-Raidox 35 % fih il-perossidu tal-idroġenu bħala sustanza attiva u jiġi applikat permezz ta’ vaporizzazzjoni għad-diżinfezzjoni tas-superfiċji interni tal-iżolaturi użati fl-isptarijiet. Il-perossidu tal-idroġenu huwa approvat għall-użu fi prodotti tat-tip ta’ prodott 2, u bħalissa qed tiġi evalwata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għar-Raidox 35 %. |
|
(5) |
Fl-1 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata kienet tinkludi l-istess informazzjoni diġà pprovduta meta ttieħdet l-azzjoni u kienet ibbażata fuq it-tħassib li, fin-nuqqas ta’ alternattivi li għandhom jintużaw, il-waqfien tal-użu tar-Raidox 35 % fl-iżolatur fis-Centre hospitalier de Luxembourg, jikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika, minħabba li l-għoti tal-kura essenzjali lill-pazjenti ma jibqax jiġi żgurat. Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni inkluża fit-talba motivata, kif deskritt hawn fuq. |
|
(6) |
In-nuqqas ta’ diżinfezzjoni xierqa tal-iżolatur fis-Centre hospitalier de Luxembourg jista’ jipperikola s-saħħa pubblika, u dak il-periklu ma jistax jiġi kkontrollat b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk jixraq li l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu titħalla testendi l-azzjoni għal perjodu ta’ 550 jum. |
|
(7) |
Billi l-azzjoni skadiet fil-21 ta’ Frar 2024, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu tista’ testendi sal-25 ta’ Awwissu 2025, l-azzjoni biex tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Raidox 35 % għad-diżinfezzjoni tas-superfiċji interni tal-iżolatur fis-Centre hospitalier de Luxembourg, dment li tiżgura li l-prodott jintuża biss taħt is-superviżjoni tagħha.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu.
Għandha tapplika mit-22 ta’ Frar 2024.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32012R0528.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1284/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)