EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0776

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/776 tas-26 ta’ Frar 2024 li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

ST/6113/2024/INIT

ĠU L, 2024/776, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/776/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/776/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/776

29.2.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/776

tas-26 ta’ Frar 2024

li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1197 (2) awtorizzat lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dik l-awtorizzazzjoni skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2023.

(2)

Permezz tal-ittra datata 30 ta’ Ġunju 2023, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam, u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, li jaqgħu taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva. L-awtoritajiet Pollakki pprovdu aktar informazzjoni u kjarifiki b’appoġġ għat-talba fit-8 ta’ Settembru 2023, u fil-5 u fit-13 ta’ Ottubru 2023. Huma talbu l-awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ sitt xhur mill-1 ta’ Lulju 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(3)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li ttaffi l-impatt negattiv li kien ikun ikkawżat minħabba żieda fil-livelli ta’ tassazzjoni minħabba rata tal-kambju għolja bejn il-euro u ż-złoty, f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dak it-tnaqqis jikkorrispondi għall-ammont li jirriżulta mid-differenza fir-rata tal-kambju wara l-aġġustament annwali mwettaq f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

(4)

L-awtorizzazzjoni mitluba mhix probabbli li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew tfixkil tal-funzjonament xieraq tas-suq intern. Minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika, l-awtorizzazzjoni mitluba hija xierqa u proporzjonata. L-awtorizzazzjoni ssib bilanċ bejn l-objettivi ta’ politika speċifiċi msemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis fit-taxxa jikkumpensa parzjalment iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u ma huwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis fit-taxxa.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tkompli tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, kif mitlub.

(6)

Skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni għandu jkollha żmien limitat. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stabbilit li, fil-każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha din l-awtorizzazzjoni ma tkunx kompattibbli, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali mmodifikati ssir applikabbli.

(7)

Sabiex jiġi żgurat indirizzar bla xkiel tal-effetti negattivi għall-konsumaturi tal-prezzijiet għoljin tal-prodotti tal-enerġija, fil-mument li fih l-impatt kien l-akbar minħabba inflazzjoni għolja u żieda fil-prezzijiet, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Polonja tkun tista’ tapplika t-tnaqqis fit-taxxa, kif mitlub, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, li jkun qiegħed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx kompattibbli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1197 tad-19 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 158, 21.6.2023, p. 71).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/776/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top