EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0775

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/775 tal-4 ta’ Marzu 2024 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (notifikata bid-dokument C(2024) 1333)

C/2024/1333

ĠU L, 2024/775, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/775/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/775/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/775

6.3.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/775

tal-4 ta’ Marzu 2024

dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna

(notifikata bid-dokument C(2024) 1333)

(It-testi bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Pollakk, bir-Rumen u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53, l-ewwel paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari tal-Artikolu 76, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja bdiet invażjoni fuq skala sħiħa mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. B’riżultat ta’ dan, miljuni ta’ persuni ħarbu mill-Ukrajna, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (3) stabbiliet l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna u introduċiet protezzjoni temporanja. L-influss ta’ persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna joħloq sfida għall-Istati Membri kkonċernati meta jiġu biex jiżguraw li tingħata biżżejjed assistenza umanitarja u li jissodisfaw il-ħtiġijiet primarji ta’ dawk in-nies.

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, l-Ukrajna talbet assistenza f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fir-rigward tal-provvisti tal-protezzjoni ċivili. Bħala espressjoni ta’ solidarjetà u appoġġ, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali wieġbu billi pprovdew merkanzija ta’ assistenza umanitarja sabiex titqassam lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa u li jaslu fl-Unjoni u lill-persuni oħra affettwati mill-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 (5) tat, fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri, eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lil persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u lil persuni fil-bżonn fl-Ukrajna. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/829 (6) estendiet dawk il-miżuri fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(4)

Fid-19 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar jekk kinitx meħtieġa estensjoni tal-validità tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2023/829. Wara dik il-konsultazzjoni, saru talbiet mill-Polonja fis-26 ta’ Ottubru 2023, mil-Litwanja fis-27 ta’ Ottubru 2023, mir-Rumanija fil-31 ta’ Ottubru 2023 u mil-Latvja u mis-Slovakkja fit-3 ta’ Novembru 2023 (“l-Istati Membri rikjedenti”) biex tkompli tapplika dawk il-miżuri.

(5)

Il-kriżi umanitarja kkawżata mill-invażjoni fuq skala sħiħa mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja għadha għaddejja u tista’ tkun meħtieġa assistenza għal dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna u għal dawk li għadhom fl-Ukrajna. Din is-sitwazzjoni instabbli qed ikollha konsegwenzi kbar mhux biss għall-Ukrajna, iżda wkoll għal għadd ta’ Stati Membri. Għalhekk, tikkostitwixxi diżastru li jaffettwa t-territorju ta’ għadd ta’ Stati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 74(1), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikolu 51, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), tad-Direttiva 2009/132/KE.

(6)

Għalhekk jixraq li l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazji imponibbli fuq għall-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq merkanzija importata għall-iskopijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE minn organizzazzjonijiet tal-Istat, organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba, jew f’isimhom. Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni bla preċedent, jixraq li l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba jiġu awtorizzati wkoll jagħtu eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija għal assistenza umanitarja importati biex tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera minn organizzazzjonijiet tal-Istat jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi oħra li huma approvati u li jwettqu attivitajiet simili fi Stat Membru ieħor li jkun qed jagħmel it-talba fejn il-merkanzija tkun maħsuba biex tintuża. Sabiex tingħata tweġiba għat-talbiet tal-Istati Membri biex tingħata assistenza lill-persuni li baqgħu fl-Ukrajna u li huma affettwati serjament mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, jeħtieġ ukoll li jiġi awtorizzat aktar trasferiment ta’ dik il-merkanzija lejn organizzazzjonijiet tal-Istat Ukreni jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ dik il-merkanzija lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna. Barra minn hekk, jixraq li l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazji imponibbli fuq l-importazzjoni fuq il-merkanzija importata għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq merkanzija importata għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE meta dawn jiġu importati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera mill-aġenziji għal għajnuna f’każ ta’ diżastru, jew f’isimhom, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu li jipprovdu għajnuna f’każ ta’ diżastru lill-persuni affettwati mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna.

(7)

Sabiex jiġu mmonitorjati l-importazzjonijiet li għalihom tingħata eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni jew eżenzjoni mill-VAT, jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jinfurmaw lill-Kummissjoni bin-natura u l-kwantitajiet u l-valur tal-merkanzija differenti mdaħħla mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u l-VAT għad-distribuzzjoni jew id-disponibbiltà mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, bl-organizzazzjonijiet li jkunu approvaw għad-distribuzzjoni jew għad-disponibbiltà ta’ dik il-merkanzija u bil-miżuri meħuda biex jiġi evitat li l-merkanzija tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jiġu evitati l-irregolaritajiet, u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jiżguraw l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll doganali pertinenti fir-rigward tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni u użu liberi u t-trasferiment sussegwenti lejn l-Ukrajna, ta’ merkanzija li għaliha tingħata l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni jew mill-eżenzjoni mill-VAT. Il-miżuri meħuda jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni sal-iskadenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(9)

Filwaqt li jitqiesu l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba, jenħtieġ li l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT jingħataw għall-importazzjonijiet li saru mill-1 ta’ Jannar 2024. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(10)

Fis-27 ta’ Novembru 2023, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 76, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikolu 53, l-ewwel paragrafu tad-Direttiva 2009/132/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-merkanzija għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u tkun eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-merkanzija tkun maħsuba għal wieħed minn dawn l-użi li ġejjin:

(i)

distribuzzjoni mingħajr ħlas mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) għall-benefiċċju tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna;

(ii)

tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas għall-benefiċċju tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna filwaqt li tibqa’ l-proprjetà tal-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(b)

il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE;

(c)

il-merkanzija tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-organizzazzjonijiet tal-Istat, fosthom korpi tal-Istat, korpi pubbliċi u korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew f’isimhom, jew minn organizzazzjonijiet filantropiċi oħrajn approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Polonja, tar-Rumanija, u tas-Slovakkja (“l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba”) fejn il-merkanzija tkun maħsuba li tintuża, jew f’isimhom.

2.   Il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tiddaħħal ukoll ħielsa mid-dazji fuq l-importazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżentati mill-VAT fuq l-importazzjonijiet kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE fi Stat Membru li qed jagħmel it-talba għajr l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba fejn il-merkanzija hija maħsuba li tintuża, sakemm il-merkanzija tiġi importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn organizzazzjoni tal-Istat jew organizzazzjoni tal-karità jew filantropika oħra li tkun approvata mill-awtoritajiet kompetenti u li twettaq attivitajiet simili fl-Istat Membru fejn il-merkanzija hija maħsuba li tintuża.

It-trasferiment tal-merkanzija bejn iż-żewġ Stati Membri għandu jkun soġġett għal notifika minn qabel minn organizzazzjoni tal-karità jew filantropika approvata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba li jagħti eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-VAT.

3.   Soġġett għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba li jagħti l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-VAT, l-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-eżenzjoni mill-VAT f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, jistgħu jittrasferixxu l-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, li għaliha jkunu ngħataw eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-VAT, lill-organizzazzjonijiet tal-Istat Ukreni jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni għad-distribuzzjoni tal-merkanzija mingħajr ħlas lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna.

4.   Dment li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75 sa 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikoli 52 sa 57 tad-Direttiva 2009/132/KE, il-merkanzija għandha tiddaħħal ukoll mingħajr dazji fuq l-importazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mill-VAT fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta din tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn aġenziji li jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ diżastru jew f’isimhom, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom tul il-perjodu li fih jagħtu għajnuna f’każ ta’ diżastru lill-persuni li huma affettwati mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni rigward in-natura u l-kwantitajiet u l-valur ta’ merkanzija li jkunu daħħlu kull xahar mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT f’konformità mal-Artikolu 1, lill-Kummissjoni kull xahar, fil-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara x-xahar ta’ rappurtar.

Sal-31 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

lista tal-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(c);

(b)

l-informazzjoni konsolidata li ġejja fir-rigward tal-merkanzija mdaħħla mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u VAT f’konformità mal-Artikolu 1:

(i)

in-numru tad-dikjarazzjoni doganali;

(ii)

id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali;

(iii)

il-kodiċi tal-proċedura doganali;

(iv)

l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba jew il-pajjiż tad-destinazzjoni fejn il-merkanzija kienet maħsuba tintuża;

(v)

il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda;

(vi)

il-kodiċi tat-Tariffa Integrata tal-Komunità Ewropea (TARIC);

(vii)

il-massa netta;

(viii)

l-unità supplimentari, jekk applikabbli;

(ix)

il-valur tal-merkanzija;

(x)

ir-rata tad-dazju;

(xi)

ir-rata tal-VAT;

(xii)

l-ammont ta’ dazji u VAT mhux miġbura;

(xiii)

l-oriġini tal-merkanzija;

(xiv)

it-titoli tal-korpi u tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c);

(c)

il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE u, kif jixraq, il-ġestjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ kontroll doganali meħuda skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija u lir-Repubblika Slovakka.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/132/oj.

(2)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1186/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/382/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/1313/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 tal-1 ta’ Lulju 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 178, 5.7.2022, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1108/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/829 tas-17 ta’ April 2023 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 104, 19.4.2023, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/829/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/775/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top