Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0418

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/418 tad-29 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    ST/17044/2023/INIT

    ĠU L, 2024/418, 29.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/418/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/418/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/418

    29.1.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/418

    tad-29 ta’ Jannar 2024

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

    (2)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

    (3)

    L-Unjoni hija mħassba dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja. Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna żiedet ir-repressjoni interna fir-Russja, billi llimitat drastikament il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni kif ukoll il-libertà tal-media, u introduċiet iċ-ċensura tal-gwerra.

    (4)

    L-Unjoni tkompli tikkundanna bil-qawwa l-espansjoni severa tal-leġiżlazzjoni restrittiva kontra s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni sistematika tagħhom, kif ukoll ir-repressjoni bla rażan tal-media indipendenti, ġurnalisti individwali, membri tal-oppożizzjoni politika u ilħna kritiċi oħra.

    (5)

    L-Unjoni tikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni b’motivazzjoni politika minn qorti ta’ Moska li tikkundanna lill-politiku tal-oppożizzjoni, attivist fil-qasam tad-demokrazija u kritiku fil-beraħ tal-Kremlin Vladimir Kara-Murza għal 25 sena ħabs.

    (6)

    L-Unjoni tappella lir-Russja biex teħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma l-ħabs għal akkużi b’motivazzjoni politika.

    (7)

    F’dan il-kuntest, jenħtieġ li erba’ persuni u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

     

    Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

    Ismijiet

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    “69.

    Ekaterina Mikhailovna MIZULINA

    Екатерина Михайловна МИЗУЛИНА

    (ortografija Russa)

    Pożizzjoni(jiet): President tal-Lega għal Internet Sikur; Membru tal-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa

    Data tat-twelid: 1.9.1984

    Post tat-twelid: Yaroslavl, Russian SFSR (issa Russian Federation)

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Individwi assoċjati: Elena Borisovna Mizulina; Konstantin Valerevich Malofeev

    Ekaterina Mizulina hija personaġġ pubbliku Russu u l-President tal-Lega għal Internet Sikur. F’din il-pożizzjoni, hija qed tinforza prattiki ta’ ċensura kontra ħallieqa tal-kontenut u artisti fuq l-Internet favur il-gvern Russu u l-politiki tiegħu.

    Bħala l-President tal-Lega għal Internet Sikur, Ekaterina Mizulina qed tagħti bidu għal ilmenti uffiċjali lill-aġenziji Russi tal-infurzar tal-liġi kontra ħallieqa tal-kontenut fuq l-Internet, jiġifieri bloggers, kif ukoll mużiċisti, ċelebritajiet u influwenzaturi. B’riżultat ta’ dan, Ekaterina Mizulina qed iġġiegħel lill-ħallieqa tal-kontenut u lill-artisti Russi fuq l-Internet jew iħassru kontenut kontra l-gvern jew joħolqu kontenut favur il-gvern Russu u l-politiki tiegħu.

    Għalhekk, Ekaterina Mizulina hija responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    29.1.2024

    70.

    Valentina Evgenievna LEVASHOVA

    magħrufa ukoll bħala

    Valentina Evgen’yevna LEVASHOVA

    Валентина Евгеньевна ЛЕВАШОВА

    magħrufa ukoll bħala

    Валентина Євгенiївна ЛЄВАШОВА

    (ortografija Russa)

    Pożizzjoni(jiet): Mħallef tal-Qorti Distrettwali ta’ Basmaniy (Basmaniy District Court) ta’ Moska

    Data tat-twelid: 14.10.1978

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Indirizz: Preobrazhenskiy Val St., 24 building 1, Flat 69, Moscow, Russia, 107061

    Valentina Evgenievna Levashova hija mħallef fil-Qorti Distrettwali ta’ Basmanniy (Basmaniy District Court) ta’ Moska.

    F’din il-kapaċità hija involuta fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni Russa.

    Hija rappreżentanta tal-ġudikatura li ħadet deċiżjonijiet preġudikati f’każijiet b’motivazzjoni politika kontra persuni li opponew l-invażjoni militari tal-Ukrajna, jew deċiżjonijiet li ġġustifikaw azzjonijiet militari u azzjonijiet oħra tal-Federazzjoni Russa fit-territorju tal-Ukrajna, inkluż fil-kawża kontra Vladimir Kara-Murza.

    Kara-Murza huwa attivist prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja. Fl-2022 inbdew proċedimenti tal-qorti b’motivazzjoni politika bbażati fuq allegazzjonijiet foloz kontrih wara li akkuża lill-Kremlin li wettaq delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u kkundanna pubblikament l-aggressjoni Russa.

    F’April 2023, huwa ġie kkundannat għal 25 sena f’ħabs/kamp tax-xogħol b’sigurtà għolja. Il-proċedimenti tal-qorti kontrih kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew biex jagħtu eżempju bih permezz ta’ proċess farsa fir-Russja biex ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

    Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u sever id-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni tagħhom.

    Għaldaqstant, hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.

    29.1.2024

    71.

    Oleg Viktorovich ALYPOV

    Олег Викторович АЛЫПОВ

    Олег Вiкторович АЛИПОВ

    (ortografija Russa)

    Pożizzjoni(jiet): Prosekutur Interdistrettwali ta’ Golovinsky ta’ Moska

    Data tat-twelid: 7.3.1981

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Oleg Viktorovich Alypov huwa l-Prosekutur Interdistrettwali ta’ Golovinsky ta’ Moska.

    Fil-kapaċità tiegħu bħala Prosekutur, huwa involut fil-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni Russa, inkluż fil-kawża kontra Vladimir Kara-Murza.

    Kara-Murza huwa attivist prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja. Fl-2022 inbdew proċedimenti tal-qorti b’motivazzjoni politika bbażati fuq allegazzjonijiet foloz kontrih wara li akkuża lill-Kremlin li wettaq delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u kkundanna pubblikament l-aggressjoni Russa.

    F’April 2023, huwa ġie kkundannat għal 25 sena f’ħabs/kamp tax-xogħol b’sigurtà għolja. Il-proċedimenti tal-qorti kontrih kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew biex jagħtu eżempju bih permezz ta’ proċess farsa fir-Russja biex ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

    Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u sever id-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni tagħhom.

    Għaldaqstant, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.

    29.1.2024

    72.

    Ludmila Mikhailovna SMOLKINA

    Людмила Михайловна СМОЛКИНA

    Людмила Михайлiвна СМОЛКIНА

    (ortografija Russa)

    Pożizzjoni(jiet): Imħallef, Qorti tal-Belt ta’ Moska

    Data tat-twelid: 6.8.1961

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Indirizz: 45 Angarskaya St., building 1, 51, Moscow, Russia, 125412

    Ludmila Mikhailovna Smolkina hija Mħallef fil-Qorti tal-Belt ta’ Moska.

    F’din il-kapaċità, hija involuta fil-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni Russa, inkluż fil-kawża kontra Vladimir Kara-Murza.

    L-awtoritajiet Russi użaw akkużi kriminali biex jarrestaw, iħarrku u jikkundannaw difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u avversarji politiċi li esprimew il-kritika tagħhom għall-invażjoni tal-Ukrajna.

    Kara-Murza huwa attivist prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja. Fl-2022 inbdew proċedimenti tal-qorti b’motivazzjoni politika bbażati fuq allegazzjonijiet foloz kontrih wara li akkuża lill-Kremlin li wettaq delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u kkundanna pubblikament l-aggressjoni Russa.

    F’April 2023, huwa ġie kkundannat għal 25 sena f’ħabs/kamp tax-xogħol b’sigurtà għolja. Il-proċedimenti tal-qorti kontrih kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew biex jagħtu eżempju bih permezz ta’ proċess farsa fir-Russja biex ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

    Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

    Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u sever id-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni tagħhom.

    Għaldaqstant, hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.”

    29.1.2024”

    (2)

    l-entrata li ġejja tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

     

    Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

    Ismijiet

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet għall-elenkar

    Data tal-elenkar

    “21.

    Lega għal Internet Sikur

    Лига безопасного интернета

    (ortografija Russa)

    Indirizz: Usovo, flat 100, Moscow Oblast, Russia, 143084

    Telefon: +7 8 800 700-56-76

    Email: info@ligainternet.ru

    Website: https://ligainternet.ru

    Individwi assoċjati: Ekaterina Mikhailovna Mizulina; Konstantin Valerevich Malofeev

    Il-Lega għal Internet Sikur hija organizzazzjoni paragovernattiva Russa mwaqqfa b’mod konġunt mill-proprjetarju tal-istazzjon televiżiv Tsargrad Konstantin Malofeev, bl-appoġġ tal-gvern Russu.

    Il-Lega għal Internet Sikur tippermetti lill-gvern Russu jsaħħaħ il-prattiki ta’ ċensura billi ssikket lill-ħallieqa tal-kontenut u lill-artisti fuq l-Internet, li jagħmlu l-kontenut li ma jkunx konsistenti mal-linja uffiċjali tal-gvern Russu.

    Il-Lega għal Internet Sikur tagħmel ilmenti uffiċjali lill-aġenziji Russi tal-infurzar tal-liġi kontra ħallieqa tal-kontenut fuq l-Internet Russi, jiġifieri bloggers, kif ukoll mużiċisti, ċelebritajiet u influwenzaturi. Billi thedded bl-impożizzjoni ta’ miżuri punittivi jew ekonomiċi, il-Lega għal Internet Sikur qed tipprova ġġiegħel lill-ħallieqa tal-kontenut u lill-artisti Russi fuq l-Internet jew iħassru kontenut kontra l-gvern jew joħolqu kontenut favur il-gvern Russu u jfaħħru l-politiki tiegħu.

    Għalhekk, il-Lega għal Internet Sikur hija responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    29.1.2024”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/418/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top