Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0255

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/255 tas-17 ta’ Jannar 2024 li taċċetta talba mressqa mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 għal erba’ vetturi V300 Zefiro I-F (notifikata bid-dokument C(2024) 203)

    C/2024/203

    ĠU L, 2024/255, 19.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/255/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/255/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/255

    19.1.2024

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/255

    tas-17 ta’ Jannar 2024

    li taċċetta talba mressqa mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 għal erba’ vetturi V300 Zefiro I-F

    (notifikata bid-dokument C(2024) 203)

    (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fil-11 ta’ Mejju 2023, Franza ressqet talba lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797, għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2) (“is-CCS-TSI”), għal erba’ vetturi V300 Zefiro I-F identifikati bin-numri ERT1000 -23, ERT1000 -28, ERT1000 -31 u ERT1000 -47.

    (2)

    It-talba tikkonċerna l-vetturi V300 Zefiro I-F li inizjalment inxtraw minn Trenitalia S.p.A. (permezz tal-kuntratt Nru 14625 tat-30 ta’ Settembru 2010) bħala parti minn flotta ta’ 50 vettura biex joperaw fuq in-network tas-sistema ferrovjarja Taljana. Fit-22 ta’ Ottubru 2021, Trenitalia S.p.A. (permezz tal-kuntratt Nru 4669), talbet l-aġġornament ta’ tliet vetturi tal-flotta oriġinali bl-iskop li joperaw f’servizz transfruntier bejn Franza u l-Italja. Fis-7 ta’ Novembru 2021, Trenitalia S.p.A., permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni bir-referenza TRNIT-DACQ.ACQR\P\2022\0040367, talbet l-aġġornament ta’ vettura addizzjonali waħda għall-istess skop. It-tip ta’ vettura aġġornata jissejjaħ V300 Zefiro I-F. It-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2016/797, jiġifieri n-nuqqas ta’ vijabbiltà ekonomika tat-twettiq tal-aġġornament ulterjuri għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS (“Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji”) stabbilit fil-punt 7.4.2.3 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919.

    (3)

    Wara l-preżentazzjoni tat-talba, ir-Regolament (UE) 2016/919 tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (3). Fis-sustanza, ir-rekwiżit li tiġi installata l-ETCS (Linja Bażi 3) stabbilit fil-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 attwalment huwa stabbilit fil-punti 7.4.2.1 u 7.4.2.4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695. Għalhekk, it-talba oriġinali jenħtieġ li titqies bħala talba biex temporanjament ma jiġux applikati l-punti 7.4.2.1 u 7.4.2.4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695.

    (4)

    Għall-erba’ vetturi ġodda V300 Zefiro I-F, Trenitalia se tfittex li tikseb awtorizzazzjoni skont it-tip diġà awtorizzat (NIE EU8020210113) u se testendi ż-żona tal-użu tagħha min-network Taljan għan-network Franċiż. L-erba’ vetturi diġà joperaw fin-network Taljan bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS.

    (5)

    Bl-iskop li l-operat tagħhom jiġi estiż fuq in-network nazzjonali Franċiż, il-vetturi V300 Zefiro I-F huma mgħammra b’sistema ta’ protezzjoni awtomatika tal-ferroviji (“ATP”) addizzjonali: is-subsistema bistandard ERTMS/TVM b’konfigurazzjoni “nazzjonali mnaqqsa” interfaċċata mas-subsistema ta’ protezzjoni tal-ferroviji KVB, flimkien mas-subsistema ATESS 3G interfaċċata mal-KVB. Din l-ATP hija l-unika waħda permessa għall-operat fuq linji tan-network Franċiż ta’ veloċità għolja li mhumiex mgħammra bl-ERTMS.

    (6)

    Skont il-punti 7.4.2.1 u 7.4.2.4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695, l-erba’ vetturi kkonċernati jenħtieġ li jkunu mgħammra bis-subsistema bistandard ERTMS/TVM kompatibbli mal-Linja Bażi 3.

    (7)

    Madankollu, dan kieku jobbliga lill-operatur Trenitalia u lill-fornitur Bombardier – Hitachi jimmodifikaw il-vetturi u jagħmlulhom modifika retroattiva, u b’hekk il-kost tal-proġett jiżdied tant li l-vijabbiltà ekonomika tiegħu tkun kompromessa, apparti li jaffettwa d-disponibbiltà tal-vetturi għall-isfruttament kummerċjali fuq linji oħra. Dan kieku jkollu impatt ekonomiku fuq it-telf tal-profitt minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ferroviji u l-kostijiet addizzjonali tal-manutenzjoni, li jiżdiedu minħabba l-ħtieġa sussegwenti ta’ taħriġ għall-persunal tal-manutenzjoni u n-nuqqas ta’ sinerġiji bejn l-ewwel flotta ta’ ħames vetturi mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS fis-servizz transfruntier, u l-flotta l-ġdida ta’ erba’ vetturi mgħammra bil-Linja Bażi 3.

    (8)

    Il-manifattur tal-erba’ vetturi kkonċernati, u s-sid tagħhom, Trenitalia S.p.A., impenjaw ruħhom għal pjan ta’ inġinerija u installazzjoni biex jaġġornaw dawk il-vetturi bil-Linja Bażi 3 il-ġdida tal-ETCS għat-tagħmir abbord. Skont l-iżjed skedi reċenti pprovduti mill-applikant, l-aġġornament mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS jenħtieġ li jibda f’Diċembru 2026 u jitlesta sal-31 ta’ Awwissu 2027. L-ETCS tal-ħames ferroviji Zefiro l-oħra li jiffurmaw il-flotta se tiġi aġġornata wkoll għal-Linja Bażi 3 fl-istess dati.

    (9)

    In-nuqqas ta’ deċiżjoni pożittiva kieku jimplika dewmien ta’ 4 snin fid-disponibbiltà ta’ ferroviji ġodda li kapaċi jwettqu l-istess servizz, bl-impatt ekonomiku sussegwenti, il-bidla għal mezzi tat-trasport li jniġġsu iktar kif ukoll in-nuqqas ta’ sinerġiji bejn il-ħames ferroviji Zefiro fis-servizz u l-vetturi li jiffurmaw is-suġġett ta’ din it-talba.

    (10)

    L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni turi li l-ispeċifikazzjonijiet alternattivi li kieku jiġu applikati biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-interoperabbiltà tal-vetturi huma biżżejjed.

    (11)

    Abbażi tal-argumenti ppreżentati mill-applikanti u ddikjarati mill-ġdid fil-premessi 7, 8 u 9, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jenħtieġ li jitqiesu bħala ssodisfati għall-erba’ vetturi kkonċernati. Għalhekk, it-talba mressqa minn Franza għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punti 7.4.2.1 u 7.4.2.4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għal dawk il-vetturi sakemm jiġu mgħammra bil-Linja Bażi 3 tal-ETCS sal-31 ta’ Awwissu 2027 jenħtieġ li tiġi aċċettata.

    (12)

    Sabiex ikollha ħarsa ġenerali lejn l-ippjanar tat-tiġdid tal-vetturi u l-progress tiegħu, jenħtieġ li Franza tinforma lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, sabiex tiggarantixxi l-iżvilupp tal-proġett fiż-żmien prestabbilit.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-talba ta’ Franza, innotifikata lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2023, għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punti 7.4.2.1 u 7.4.2.4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għall-erba’ vetturi V300 Zefiro I-F identifikati bin-numri ERT1000 -23, ERT1000 -28, ERT1000 -31 u ERT1000 -47 hija aċċettata.

    Artikolu 2

    Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar u l-progress fl-aġġornament tal-erba’ vetturi msemmija fl-Artikolu 1 sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tapplika fil-limiti ġeografiċi tan-network ferrovjarju Franċiż.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Għandha tapplika sal-31 ta’ Awwissu 2027.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Adina-Ioana VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/255/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top