Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1529

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

    ĠU L 186, 25.7.2023, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/05/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1529/oj

    25.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 186/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1529

    tal-20 ta’ Lulju 2023

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (1) ,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (2).

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. Din il-projbizzjoni ġiet implimentata bir-Regoament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (3) u l-oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ militari u teknoloġiku tar-Russja, jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. Din il-projbizzjoni ġiet implimentata bir-Regolament (UE) Nru 833/2014 u l-oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tar-Russja lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. Din il-projbizzjoni ġiet implimentata bir-Regolament (UE) Nru 833/2014 u l-oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness XXIII ta’ dak ir-Regolament.

    (5)

    Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (4).

    (6)

    Ir-Russja qed tuża Vetturi tal-Ajru mingħajr ekwipaġġ prodotti fl-Iran (UAVs) b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali. Dan il-programm huwa mmexxi mill-Ministeru tad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Iran u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li t-tnejn li huma huma sanzjonati mill-Unjoni Ewropea, u jinkludi l-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-UAVs lejn ir-Russja. Hija bbażata fuq kumpaniji tal-Istat kif ukoll privati u tibbenefika minn kapaċitajiet domestiċi ta’ riċerka.

    (7)

    Fl-20 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1986 (5) li żżid tliet individwi Iranjani u entità Iranjana waħda mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (6), fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u t-twassil ta’ UAVs użati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2432 (7) li żżid ukoll erba’ individwi Iranjani u erba’ entitajiet Iranjani ma’ dik il-lista u fil-25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/432 (8) li żżid erba’ individwi Iranjani oħra ma’ dik il-lista.

    (8)

    Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dik id-Deċiżjoni tipprojbixxi l-esportazzjoni lejn l-Iran ta’ komponenti użati fil-manifattura ta’ UAVs. Hija tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-liċenzja jew it-trasferiment, bi kwalunkwe mod ieħor, ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali, kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess jew użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom lil persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran huma pprojbiti. Id-Deċiżjoni tipprevedi wkoll għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi u projbizzjoni fuq it-tqegħid ta’ fondi u reżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għall-appoġġ tal-programm tal-UAVs tal-Iran jew involuti fih u l-persuni, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għal dawk il-miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness tagħhatad-.

    (9)

    Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħhom.

    (10)

    Is-setgħa li tiġi stabbilita u emendata l-lista fl-Anness III għal dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-rieżami tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532.

    (11)

    Jenħtieġ li l-proċedura għall-emendar tal-lista stabbilita fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament tkun tinkludi obbliġu ta’ komunikazzzzjoni mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi ddeżinjati tar-raġunijiet għall-elenkar, filwaqt li jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    (12)

    Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi ggarantita ċertezza ġuridika massima fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati f’konformità ma’ dan ir-Regolament isiru pubbliċi. Jenħtieġ li kull ipproċessar ta’ data personali jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 (9) u r-Regolament (UE) 2018/1725 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (13)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jieħdu skont dan ir-Regolament u dwar informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

    (14)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li tali pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “servizzi ta’ senserija” tfisser:

    (i)

    in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew il-forniment ta’ prodotti u ta’ teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

    (ii)

    il-bejgħ jew ix-xiri ta’ prodotti u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi fejn jinsabu f’pajjiżi terzi biex jiġu ttrasferiti lejn pajjiż terz ieħor;

    (b)

    “pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata fi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta ma’ wieħed minnhom, b’mod partikolari:

    (i)

    pretensjoni għat-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta ma’ wieħed minnhom;

    (ii)

    pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ indennizz ta’ kwalunkwe forma;

    (iii)

    pretensjoni għal kumpens marbut ma’ kuntratt jew tranżazzjoni;

    (iv)

    kontropretensjoni;

    (v)

    pretensjoni għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

    (c)

    “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni fi kwalunkwe forma u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, sew jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li toriġina mit-tranżazzjoni jew li tkun marbuta magħha;

    (d)

    “awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness I;

    (e)

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

    (f)

    “finanzjament jew assistenza finanzjarja” tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari li jintgħażlu, li biha l-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kundizzjonalment jew inkundizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess inklużi, iżda mhux limitati għal għotjiet, self, garanziji, rahan, bonds, ittri ta’ kreditu, krediti tal-fornitur, krediti tax-xerrej, avvanzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni; il-pagament kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pagament tal-prezz miftiehem għal prodott jew servizz, li jsiru skont il-prattika kummerċjali normali, ma jikkostitwux finanzjament jew assistenza finanzjarja;

    (g)

    “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż, iżda mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

    (h)

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inkluż, iżda mhux limitati għal:

    (i)

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

    (ii)

    depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

    (iii)

    titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inkluż stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, titoli obbligazzjonarji u kuntratti ta’ derivattivi;

    (iv)

    imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

    (v)

    kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

    (vi)

    ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

    (vii)

    dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

    (i)

    “iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta’ portafolli;

    (j)

    “assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista’ jieħu forom bħal struzzjonijiet, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta’ tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza, inkluż forom ta’ assistenza verbali;

    (k)

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

    Artikolu 2

    1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-kapaċità tal-Iran li timmanifattura Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (Unmanned Aerial Vehicles, UAVs) kif elenkat fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

    Għandu jkun ipprojbit it-tranżitu tal-oġġetti u t-teknoloġija esportati mill-Unjoni permezz tat-territorju tal-Iran, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

    2.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

    (b)

    l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (c)

    il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess jew użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

    3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, it-tranżitu jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jiddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għal:

    (a)

    skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi; jew

    (b)

    skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ event li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni li jkunu taw skont il-paragrafu 3 jekk iqisu li tali annullament, sospensjoni, modifika jew revoka hija meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

    5.   L-awtorizzazzjonijiet meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2021/821 għall-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw separatament mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821. Tali awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu validi fl-Unjoni kollha.

    6.   Il-komunikazzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont ir-Regolament (UE) 2021/821 għandhom isegwu l-proċedura applikabbli permezz tal-kanali rilevanti msemmija fl-Artikolu 23(6) ta’ dak ir-Regolament (is-sistema "DUES").

    7.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw sas-27 ta’ Ottubru 2023 għal obbligi li jirriżultaw minn kuntratt li jkun ġie konkluż qabel is-26 ta’ Lulju 2023, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

    Artikolu 3

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew li huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għall-programm tal-UAVs tal-Iran, jew li jappoġġaw jew huma involuti fih, kif elenkati fl-Anness III, u minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati wkoll fl-Anness III, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha tkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, jew għall-benefiċċju tagħhom.

    Artikolu 3a

    B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b’dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness III u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ tali persuni fiżiċi, inkluż pagamenti għall-prodotti tal-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għal imposti ta’ servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e)

    li għandhom jitħallsu f’kont li japparjeni għal missjoni diplomatika, jew post konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, jew li għandhom jinħarġu minn tali kont, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika, jew il-post konsulari jew l-organizzazzjoni internazzjonali.

    Artikolu 3b

    B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 3(1) ikunu ġew elenkati fl-Anness III, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness III; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 3c

    B’deroga mill-Artikolu 3 u bil-kundizzjoni li jkun dovut pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness III skont kuntratt jew ftehim li jkun ġie konkluż mill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness III, jew skont obbligu li rriżulta għalihom, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont il-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness III; u

    (b)

    il-ħlas ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 3(2).

    Artikolu 3d

    1.   L-Artikolu 3(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li rċevew fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dment li kwalunkwe żieda f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b’tali tranżazzjonijiet mingħajr dewmien.

    2.   Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’ mgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet, pagamenti dovuti minħabba kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3, jew pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,dment li kwalunkwe tali mgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti f’dak il-paragrafu.

    Artikolu 3e

    1.   L-Artikolu 3(2) ma għandux japplika għall-fondi jew riżorsi ekonomiċi li jsiru disponibbli mill-organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastru mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni tkun iffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-għoti ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

    2.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u b’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ġenerali, taħt tali kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li huma jqisu xierqa, biex jirrilaxxaw ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew biex jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, dment li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

    3.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

    4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat skont il-paragrafi 2 u 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 4

    1.   Persuni fiżiċi responsabbli għal, appoġġ jew involuti fil-programm tal-UAV tal-Iran u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness III, ma għandhomx jitħallew jidħlu fi, jew jittranżitaw mit-territorju ta’ Stat Membru.

    2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jobbliga Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

    Artikolu 5

    1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi għandhom:

    (a)

    jipprovdu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal informazzjoni dwar kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 3(1), lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

    (b)

    jikkoopera mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

    2.   L-obbligu fil-paragrafu (1) għandu japplika soġġett għar-regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji, u konsistenti mar-rispett għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

    4.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

    (a)

    fondi ffriżati skont l-Artikolu 3 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 2, 3a, 3b u 3c u;

    (b)

    ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, problemi ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni minnufih b’kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, huwa għandu jemenda l-Anness III kif meħtieġ.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni kkonċernata u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif meħtieġ.

    4.   Il-lista fl-Anness III għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness I abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

    Artikolu 8

    1.   L-Anness III għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi li jinsabu fih.

    2.   L-Anness III għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet u psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz, jekk ikun magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni, u l-post tan-negozju.

    Artikolu 9

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-istabbiliment tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom sussegwentement jinnotifikawha bi kwalunkwe emendatagħhom.

    Artikolu 10

    1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu disponibbli, imwettqa bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew ta’ diretturi jew impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.

    2.   L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx jagħtu lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    1.   Ma għandha tiġi ssodisfata ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, jew garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, jekk il-pretensjoni ssir minn:

    (a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness III;

    (b)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Iranjan;

    (c)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) u (b).

    2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ din il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 li jitolbu stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 12

    1.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxja jew b’intenzjoni, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, għandhom:

    (a)

    jirrapportaw fi żmien sitt ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness III fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu, huma l-proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu jinsabu dawk il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi; u

    (b)

    jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fil-verifika ta’ tali informazzjoni.

    3.   In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3.

    4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bir-rapportar ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 2(a).

    5.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

    6.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan l-Artikolu għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u sa fejn ikun meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss.

    Artikolu 13

    1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandhom jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

    (a)

    fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness III;

    (b)

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness III;

    (c)

    fir-rigward tal-Kummissjoni:

    (i)

    l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness III fil-lista kkonsolidata, elettronika, tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

    (ii)

    l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness III.

    3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” skont it-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

    Artikolu 14

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-indirizzi tas-siti web tagħhom kif elenkati fl-Anness I.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom sussegwentement jinnotifikawha b’kull tibdil.

    3.   Fejn dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tkun notifikata, infurmata jew li ssir xi forma oħra ta’ komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness I.

    Artikolu 15

    Kwalunkwe informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew riċevuta minnha f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża mill-Kummissjoni għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta biss.

    Artikolu 16

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)

    fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b)

    abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ xi Stat Membru;

    (c)

    għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

    (d)

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

    (e)

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

    Artikolu 17

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Ara paġna 20 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229 31.7.2014, p. 1)

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78 17.3.2014, p. 16).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986 tal-20 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 272I, 20.10.2022, p. 5).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 078 17.3.2014, p. 6).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2432 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 318 I, 12.12.2022, p. 32).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/432 tal-25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 59 I, 25.2.2023, p. 437).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS I

    Siti web b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

    IL-BELĠJU

    https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

    IL-BULGARIJA

    https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

    IĊ-ĊEKJA

    www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

    ID-DANIMARKA

    http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

    IL-ĠERMANJA

    https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

    L-ESTONJA

    https://vm.ee/sanktsioonid-ekspordi-ja-relvastuskontroll/rahvusvahelised-sanktsioonid

    L-IRLANDA

    https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

    IL-GREĊJA

    http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

    SPANJA

    https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

    IL-KROAZJA

    https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

    L-ITALJA

    https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

    ĊIPRU

    https://mfa.gov.cy/themes/

    IL-LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt/sanctions

    IL-LUSSEMBURGU

    https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

    L-UNGERIJA

    https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

    MALTA

    https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

    IN-NETHERLANDS

    https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

    L-AWSTRIJA

    https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

    IL-POLONJA

    https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

    https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

    IL-PORTUGALL

    https://portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

    IR-RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548

    IS-SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

    IS-SLOVAKKJA

    https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

    IL-FINLANDJA

    https://um.fi/pakotteet

    L-IŻVEZJA

    https://www.regeringen.se/sanktioner

    Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

    European Commission

    Directorate-General for Financial Stability, Financial Services and Capital Markets Union (DG FISMA)

    Rue Joseph II 54

    B-1049 Brussels, Belgium

    Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu


    ANNESS II

    Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 2

    Kategorija 1 -Inġenji tal-Ajru mingħajr Ekwipaġġ

    Deskrizzjoni

    Kodiċi NM

    Inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ għajr dawk iddisinjati għall-ġarr ta’ passiġġieri

    8806.91

    8806.92

    8806.93

    8806.94

    8806.99

    Kategorija 2 - Oġġetti ta’ propulsjoni u navigazzjoni

    Deskrizzjoni

    Kodiċi NM

    Magni b’turbini tal-gass aero (turboprop, turboġett u turbofan) għall-inġenji tal-ajru, u l-komponenti ddisinjati apposta tagħhom

    eks 8411.11

    eks 8411.12

    eks 8411.21

    eks 8411.22

    eks 8411.91

    Magni tal-kombustjoni interna bil-pistuni reċiprokanti jew rotatorji mqabbdin bi spark, għall-inġenji tal-ajru

    8407.10

    Partijiet xierqa għall-użu biss jew prinċipalment ma’ magni tal-kombustjoni interna bil-pistuni għall-inġenji tal-ajru

    8409.10

    Magni tal-kombustjoni interna bil-pistuni mqabbda bil-kompressjoni għall-inġenji tal-ajru

    eks 8408.90

    Sistemi ta’ Navigazzjoni Inerzjali, Unitajiet ta’ Kejl Inerzjali (IMU), aċċellerometri jew ġiroskopji

    9014.20

    Radars għal Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ u l-komponenti ddisinjati apposta tagħhom

    eks 8526.10

    eks 8529.90

    Apparat għall-għajnuna bir-radjunavigazzjoni għall-inġenji tal-ajru u l-komponenti ddisinjati apposta tiegħu

    eks 8526.91

    eks 8529.90

    Unità ta’ kontroll tat-titjir għal Vettura tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (UAV)

    eks 8807.30

    Unità ta’ kontroll mill-bogħod għal Vetturi tal-Ajru Mingħajr ekwipaġġ (UAV)

    eks 8807.30

    Kategorija 3 - Komponenti u apparati elettroniċi

    Deskrizzjoni

    Kodiċi NM

    Ċirkwiti integrati, kif ġej: Matriċi ta’ Gates Programmabbli mill-Utent (FPGA), mikrokontrollur, mikroproċessur, proċessur tas-sinjali, analizzatur tas-sinjali.

    eks 8542.31

    eks 8542.39

    Amplifikatur MMIC

    eks 8542.33

    Filtru RF jew Filtru ta’ Interferenza Elettromanjetika (EMI), adattat għall-inġenji tal-ajru

    eks 8548.00

    Kamera għall-viżjoni billejl

    8525.83

    Kamera (viżibbli jew termali) iddisinjata apposta għal Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ

    eks 8525.89

    Kamera għal stħarriġ mill-ajru

    eks 9006.30

    Sensur termali għal kameras ta’ UAVs

    eks 8529.90

    eks 9013.80

    eks 9025.80

    eks 9026.90

    eks 9027.50

    Kategorija 4 — Oġġetti Oħra

    Tagħmir ta’ “sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita”, inklużi Aerials u Antennas adattat għar-riċezzjoni ta’ sinjali GNSS

    Rangefinder tal-lejżer fl-arja

    Sistemi ta’ LiDAR

    Teknoloġija, iddisinjata jew adattata speċifikament għall-ittestjar, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tat-tagħmir elenkat hawn fuq.


    ANNESS III

    Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

    [...]


    Top