Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0263

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/263 tas-7 ta’ Frar 2023 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tat-tafal sepiolitiku bħala addittiv fl-għalf għar-ruminanti tal-ħalib, Suidae miftuma u għat-tismin, salmonidi u tiġieġ għat-tismin (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/814

    ĠU L 37, 8.2.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/263/oj

    8.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 37/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/263

    tas-7 ta’ Frar 2023

    li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tat-tafal sepiolitiku bħala addittiv fl-għalf għar-ruminanti tal-ħalib, Suidae miftuma u għat-tismin, salmonidi u tiġieġ għat-tismin

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu tal-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

    (2)

    Is-sustanza tafal sepiolitiku ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, li jagħmlu parti mill-grupp funzjonali “leganti, antiagglomeranti u koagulanti”. Dik is-sustanza wara ġiet inkluża fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għar-rievalwazzjoni tat-tafal sepiolitiku bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet tal-annimali kollha, it-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi teknoloġiċi” u fil-gruppi funzjonali “leganti” u “antiagglomeranti”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha tal-4 ta’ Mejju 2022 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, it-tafal sepiolitiku huwa sikur għar-ruminanti tal-ħalib, għall-ħnienes miftuma, għall-ħnieżer għat-tismin u Suidae oħra li jikbru f’livell ta’ 20 000 mg għal kull kilo ta’ għalf komplet, għas-salmonidi f’livell ta’ 17 600 mg għal kull kilo ta’ għalf komplet u għat-tiġieġ għat-tismin f’livell ta’ 10 000 mg għal kull kilo ta’ għalf komplet, u ma għandux effett negattiv fuq is-sikurezza tal-konsumatur jew fuq l-ambjent. Ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar is-sikurezza tal-addittiv għal speċijiet u kategoriji oħra ta’ annimali. L-awtorità kkonkludiet ukoll li l-addittiv joħloq riskju mill-inalazzjoni għall-utent, b’mod partikolari minħabba l-preżenza tas-silika kristallina u tan-nikil fl-addittiv, u li mhuwiex irritanti għall-ġilda jew għall-għajnejn iżda jenħtieġ li jitqies bħala sensitizzatur respiratorju u tal-ġilda. L-awtorità kkonkludiet li l-addittiv huwa effikaċi bħala legant u bħala antiagglomerant. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittivi tal-għalf ippreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (5)

    Il-valutazzjoni tat-tafal sepiolitiku turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta’ dak l-addittiv jiġi awtorizzat għar-ruminanti tal-ħalib, għas-suidae miftuma u għat-tismin, għas-salmonidi u għat-tiġieġ għat-tismin. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari lill-applikant dwar is-sikurezza tal-addittiv għall-ispeċijiet u l-kategoriji l-oħra tal-annimali. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv. Dawk il-miżuri protettivi jenħtieġ li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ħaddiema.

    (6)

    Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għas-sustanza kkonċernata, jixraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Awtorizzazzjoni

    Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tagħmel parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi teknoloġiċi” u mill-gruppi funzjonali “leganti” u “antiagglomeranti”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżitorji

    1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dik is-sustanza, li huma maħsuba għar-ruminanti tal-ħalib, għas-suidae miftuma u għat-tismin, għas-salmonidi u għat-tiġieġ għat-tismin u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-28 ta’ Awwissu 2023 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-28 ta’ Frar 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness, li huma maħsuba għar-ruminanti tal-ħalib, għas-Suidae miftuma u għat-tismin, għas-salmonidi u għat-tiġieġ għat-tismin u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-28 ta’ Frar 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-28 ta’ Frar 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE 23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’ħalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2022;20(5):7344.


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

    Speċi jew kategorija tal-annimali

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

    mg tal-addittiv għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

    Kategorija: addittivi teknoloġiċi Grupp funzjonali: aġenti leganti

    1g563

    Tafal sepjolitiku

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Silikat tal-manjeżju idratat ta’ oriġini sedimentarja, li fih ≥ 40 % sepiolite u ≥ 25 % illite.

    Fil-forma ta’ trab

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Sepiolite (silikat tal-manjeżju idruż): ≥ 40 %

    Numru CAS: 63800-37-3

    Numru EINECS: 264-465-3

    Formula kimika Mg4Si6O15(OH)2·6H2O.

    Illite (potassju u silikat tal-aluminju u l-ħadid): ≥ 25 %

    Numru CAS: 12173-60-3

    Numru EINECS: 601-803-4

    Formula kimika (K,H3O)(Al,Mg,Fe)2(Si,Al)4O10[(OH)2·(H2O)]

    Karbonati (dolomit, kalċju u karbonat tal-manjeżju):≤ 35 %

    Mingħajr asbestos (1)

    Ruminanti tal-ħalib

    Suidae miftuma u għat-tismin

     

    20 000

    1.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, il-kundizzjonijiet tal-ħżin għandhom jiġu indikati.

    2.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew jitnaqqsu għall-minimu bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tal-ġilda u tan-nifs. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji ta’ inalazzjoni relatati mal-espożizzjoni għas-silika kristallina u n-nikil.

    it-28 ta’ Frar 2033

    Salmonidi

     

    17 600

    Tiġieġ għas-simna

     

    10 000

    Metodu analitiku  (2)

    Għall-karatterizzazzjoni tal-addittiv tal-għalf:

    Diffrazzjoni tar-raġġi X (XRD) u

    fluworexxenza tar-raġġi X (XRF) jew spettrometrija tal-assorbiment atomiku (AAS)


    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

    Speċi jew kategorija tal-annimali

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

    mg tal-addittiv għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

    Kategorija: addittivi teknoloġiċi Grupp funzjonali: antiagglomeranti

    1g563

    Tafal sepjolitiku

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Silikat tal-manjeżju idratat ta’ oriġini sedimentarja, li fih ≥ 40 % sepiolite u ≥ 25 % illite.

    Fil-forma ta’ trab

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Sepiolite (silikat tal-manjeżju idruż): ≥ 40 %

    Numru CAS: 63800-37-3

    Numru EINECS: 264-465-3

    Formula kimika Mg4Si6O15(OH)2·6H2O.

    Illite (potassju u silikat tal-aluminju u l-ħadid): ≥ 25 %

    Numru CAS: 12173-60-3

    Numru EINECS: 601-803-4

    Formula kimika (K,H3O)(Al,Mg,Fe)2(Si,Al)4O10[(OH)2·(H2O)]

    Karbonati (dolomit, kalċju u karbonat tal-manjeżju): ≤ 35 %

    Mingħajr asbestos (3)

    Ruminanti tal-ħalib

    Suidae miftuma u għat-tismin

     

    20 000

    1.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, il-kundizzjonijiet tal-ħżin għandhom jiġu indikati.

    2.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew jitnaqqsu għall-minimu bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tal-ġilda u tan-nifs. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji ta’ inalazzjoni relatati mal-espożizzjoni għas-silika kristallina u n-nikil.

    it-28 ta’ Frar 2033

    Salmonidi

     

    17 600

    Tiġieġ għas-simna

     

    10 000

    Metodu analitiku  (4)

    Għall-karatterizzazzjoni tal-addittiv tal-għalf:

    Diffrazzjoni tar-raġġi X (XRD) u

    fluworexxenza tar-raġġi X (XRF) jew spettrometrija tal-assorbiment atomiku (AAS)


    (1)  Il-metodi użati kienu: Diffrazzjoni tar-raġġi X u mikroskopija tal-elettroni tal-iskennjar (SEM) b’Analiżi tar-Raġġi X bid-Dispersjoni tal-Enerġija (EDAX) puntwali.

    (2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en

    (3)  Il-metodi użati kienu: Diffrazzjoni tar-raġġi X u mikroskopija tal-elettroni tal-iskennjar (SEM) b’Analiżi tar-Raġġi X bid-Dispersjoni tal-Enerġija (EDAX) puntwali.

    (4)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


    Top