Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023L0959

Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/9/2023/REV/1

ĠU L 130, 16.5.2023, pp. 134–202 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/05/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/959/oj

16.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/134


DIRETTIVA (UE) 2023/959 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Mejju 2023

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Pariġi (4), adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (il-"Ftehim ta' Pariġi"), daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn issaħħaħ bl-adozzjoni fl-ambitu tal-UNFCCC tal-Patt Klimatiku ta' Glasgow fit-13 ta' Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima se jkunu ħafna aktar baxxi b'żieda fit-temperatura ta' 1,5 °C, meta mqabbla ma' 2 °C, u tiddeċiedi li twettaq sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C.

(2)

L-urġenza tal-ħtieġa li l-objettiv tal-Ftehim ta' Pariġi ta' 1,5 °C jibqa' ħaj saret aktar sinifikanti wara s-sejbiet tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima fis-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu li t-tisħin globali jista' jiġi limitat għal 1,5 °C biss jekk isir minnufih tnaqqis qawwi u sostnut tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra f'dan id-deċennju.

(3)

L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi huma fil-qalba tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (il-"Patt Ekoloġiku Ewropew").

(4)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta' miżuri u inizjattivi ta' tisħiħ reċiproku bl-għan li, sal-2050, tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni, u jistabbilixxi strateġija ġdida ta' tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f'soċjetà ġusta u prospera, b'ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Huwa għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Din it-tranżizzjoni taffettwa lil ħaddiema minn diversi setturi b'mod differenti. Fl-istess ħin, dik it-tranżizzjoni għandha aspetti ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħall-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u l-individwi u l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u medju-baxx. Timponi wkoll sfidi akbar fuq ċerti reġjuni, b'mod partikolari r-reġjuni strutturalment żvantaġġati u periferiċi, kif ukoll fuq il-gżejjer. Għalhekk, irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u ma tħalli lil ħadd jibqa' lura.

(5)

Fis-17 ta' Diċembru 2020, l-Unjoni ppreżentat il-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) tagħha lill-UNFCCC, wara l-approvazzjoni tiegħu mill-Kunsill. Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif emendata, fost-l-oħrajn, bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), hija wieħed mill-istrumenti kkwotati, soġġetta għal reviżjoni fid-dawl tal-mira msaħħa tal-2030, fid-deskrizzjoni ġenerali tal-mira fl-Anness ta' dik is-sottomissjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2022, il-Kunsill iddikjara li jinsab lest, malajr kemm jista' jkun wara l-konklużjonijiet tan-negozjati dwar l-elementi essenzjali tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %", li jaġġorna, kif xieraq, l-NDC tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f'konformità mal-paragrafu 29 tal-Patt Klimatiku ta' Glasgow biex jirrifletti kif l-eżitu finali tal-elementi essenzjali tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %" jimplimenta l-mira ewlenija tal-Unjoni kif maqbula mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2020. Peress li s-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS), stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE, hija pedament tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u tikkostitwixxi l-għodda ewlenija tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mod kosteffettiv, l-emendi għad-Direttiva 2003/87/KE, inkluż fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, adottati permezz ta' din id-Direttiva, huma parti mill-elementi essenzjali tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %".

(6)

In-neċessità u l-valur li jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew kibru biss fid-dawl tal-effetti severi ħafna tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawk l-effetti wrew li s-soċjetà tagħna u l-ekonomija tagħna jeħtieġ li jtejbu r-reżiljenza tagħhom fir-rigward tax-xokkijiet esterni u jaġixxu kmieni biex jevitawhom jew itaffu l-effetti tax-xokkijiet esterni b'mod li jkun ġust u li jirriżulta f'li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, inklużi dawk f'riskju ta' faqar enerġetiku. Iċ-ċittadini Ewropej qed ikomplu jesprimu fehmiet qawwija li dan japplika b'mod partikolari għat-tibdil fil-klima.

(7)

L-Unjoni impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-ekonomija kollha tal-Unjoni b'mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sal-2030, fl-NDC aġġornat ippreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-17 ta' Diċembru 2020.

(8)

Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara dik id-data. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta' mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sal-2030, u jipprevedi li l-Kummissjoni obbligata tagħmel l-almu tagħha biex tallinja l-abbozzi futuri kollha ta' miżuri jew proposti leġiżlattivi, inklużi l-proposti baġitarji, mal-objettivi ta' dak ir-Regolament u, fi kwalunkwe każ ta' nuqqas ta' allinjament, tagħti r-raġunijiet għal tali nuqqas ta' allinjament bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dawk il-proposti.

(9)

Is-setturi kollha tal-ekonomija jeħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1119. Għalhekk, l-ambizzjoni tal-EU ETS jenħtieġ li tiġi aġġustata sabiex tkun konformi mal-mira għall-2030 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha, mal-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara din id-data, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119.

(10)

Jenħtieġ li l-EU ETS tinċentiva l-produzzjoni minn installazzjonijiet li jnaqqsu parzjalment jew jeliminaw kompletament l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Għalhekk, jenħtieġ li d-deskrizzjoni ta' xi kategoriji ta' attivitajiet fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet li jwettqu attività elenkata f'dak l-Anness u li jissodisfaw il-livell limitu tal-kapaċità relatat mal-istess attività, iżda li ma jarmu l-ebda gassijiet serra, jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS, u b’hekk jiżguraw li hemm trattament ugwali tal-installazzjonijiet fis-setturi kkonċernati. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni ta' prodott tqis, bħala prinċipji gwida, il-potenzjal tal-użu ċirkolari tal-materjali u l-fatt li l-parametru referenzjarju jenħtieġ li jkun indipendenti mill-materja prima jew mit-tip ta' proċess ta' produzzjoni, meta l-proċessi tal-produzzjoni jkollhom l-istess fini. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-prodotti u tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti għal xi parametri referenzjarji, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal installazzjonijiet li jużaw teknoloġiji ġodda li jnaqqsu parzjalment jew jeliminaw kompletament l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u installazzjonijiet li jużaw teknoloġiji eżistenti. Minkejja dawk il-prinċipji gwida, il-parametri referenzjarji riveduti għall-2026 sal-2030 jenħtieġ li jkomplu jiddistingwu bejn il-produzzjoni primarja u sekondarja tal-azzar u l-aluminju. Huwa meħtieġ ukoll li l-aġġornament tal-valuri ta' referenza għar-raffineriji u għall-idroġenu jiġi diżakkoppjat biex ikun jirrifletti l-importanza dejjem tikber tal-produzzjoni tal-idroġenu, inkluż l-idroġenu ekoloġiku, barra mis-settur tar-raffineriji.

(11)

Wara l-modifika tad-definizzjonijiet tal-prodotti u tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti għal xi parametri referenzjarji, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-produtturi ma jirċevux kumpens doppju għall-istess emissjonijiet kemm b'allokazzjoni bla ħlas kif ukoll b'kumpens għall-kostijiet indiretti, u b'hekk jiġu aġġustati kif xieraq il-miżuri finanzjarji biex jikkumpensaw il-kostijiet indiretti ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku.

(12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (8) tħassret bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Jenħtieġ li r-referenzi għad-Direttiva 96/61/KE fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/87/KE u fl-Anness IV tagħha jiġu aġġornati kif xieraq. Minħabba l-ħtieġa għal tnaqqis urġenti tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS permezz ukoll ta' politiki għajr l-limiti tal-emissjonijiet adottati skont id-Direttiva 2010/75/UE.

(13)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd - Pjan ta' Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija", il-Kummissjoni titlob li l-Unjoni titmexxa lejn tniġġis żero sal-2050, billi t-tniġġis fl-arja, fl-ilma ħelu, fil-baħar u fil-ħamrija jitnaqqas għal livelli li ma għadhomx mistennija li jkunu ta' ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali. Il-miżuri skont id-Direttiva 2010/75/UE, bħala l-istrument ewlieni li jirregola l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, l-ilma u l-ħamrija, ħafna drabi jippermettu wkoll li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu. F'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-permessi tad-Direttiva 2003/87/KE u dawk tad-Direttiva 2010/75/UE.

(14)

Filwaqt li jiġi rikonoxxut li teknoloġiji innovattivi ġodda spiss jippermettu li l-emissjonijiet kemm tal-gassijiet serra kif ukoll tas-sustanzi niġġiesa jiġu mnaqqsa, huwa importanti li jiġu żgurati sinerġiji bejn il-miżuri li jwasslu għal tnaqqis tal-emissjonijiet kemm tal-gassijiet serra kif ukoll tas-sustanzi niġġiesa, b’mod partikolari d-Direttiva 2010/75/UE, u li tiġi rieżaminata l-effettività tagħhom f'dan ir-rigward.

(15)

Id-definizzjoni ta' ġeneraturi tal-elettriku ntużat biex jiġi ddeterminat l-ammont massimu ta' allokazzjoni bla ħlas lill-industrija fil-perjodu mill-2013 sal-2020, iżda wasslet għal trattament differenti tal-impjanti tal-enerġija ta' koġenerazzjoni meta mqabbla mal-installazzjonijiet industrijali. Sabiex jiġi inċentivat l-użu ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u biex il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni jiġu ekwivalenti għall-installazzjonijiet kollha li jirċievu allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni tas-sħana u għat-tisħin distrettwali, jenħtieġ li jitħassru r-referenzi kollha għall-ġeneraturi tal-elettriku fid-Direttiva 2003/87/KE. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 (10) jispeċifika d-dettalji b’rabta mal-eliġibbiltà tal-proċessi industrijali kollha għall-allokazzjoni bla ħlas. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE saru obsoleti u jenħtieġ li jitħassru.

(16)

Il-gassijiet serra li ma jiġux rilaxxati direttament fl-atmosfera jenħtieġ li jitqiesu bħala emissjonijiet taħt l-EU ETS u jenħtieġ li l-kwoti jiġu ċeduti għal dawk l-emissjonijiet, sakemm ma jkunux maħżuna f'sit tal-ħżin f'konformità mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jew sakemm ma jkunux kimikament marbuta b'mod permanenti fi prodott hekk li f'kundizzjonijiet ta' użu normali u kwalunkwe attività normali li sseħħ wara tmiem il-ħajja tal-prodott ma jidħlux fl-atmosfera. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet skont liema l-gassijiet serra jridu jitqiesu bħala kimikament marbuta b'mod permanenti fi prodott hekk li f'kundizzjonijiet ta' użu normali u kwalunkwe attività normali wara tmiem il-ħajja tal-prodott ma jidħlux fl-atmosfera, inkluża l-kisba ta' ċertifikat għat-tneħħija tal-karbonju, meta jkun xieraq, fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta' tneħħija tal-karbonju. Attività normali wara tmiem il-ħajja tal-prodott jenħtieġ li tinftiehem b'mod wiesa', li tkopri l-attivitajiet kollha li jseħħu wara tmiem il-ħajja tal-prodott, inklużi l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi, bħal bl-inċinerazzjoni u f'landfill.

(17)

L-attività tat-trasport marittimu internazzjonali, li tikkonsisti fi vjaġġi bejn portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta' żewġ Stati Membri differenti jew bejn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u port barra mill-ġuriżdizzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru, kienet l-uniku mezz ta' trasport mhux inkluż fl-impenji tal-Unjoni fil-passat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. L-emissjonijiet mill-fjuwil mibjugħ fl-Unjoni għal vjaġġi li jitilqu minn Stat Membru wieħed u li jaslu fi Stat Membru differenti jew f'pajjiż terz żdiedu b'madwar 36 % mill-1990 'l hawn. Dawk l-emissjonijiet jirrappreżentaw kważi 90 % tal-emissjonijiet kollha tan-navigazzjoni tal-Unjoni, billi l-emissjonijiet mill-fjuwil mibjugħ fl-Unjoni għal vjaġġi li jitilqu minn u li jaslu fl-istess Stat Membru tnaqqsu b'26 % mill-1990 'l hawn. F'xenarju ta' żamma tal-istatus quo, l-emissjonijiet minn attivitajiet tat-trasport marittimu internazzjonali huma pproġettati li jiżdiedu b'madwar 14 % bejn l-2015 u l-2030 u b’34 % bejn l-2015 u l-2050. Jekk l-impatt tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fuq it-tibdil fil-klima jkompli jikber kif ipproġettat, dan jimmina b'mod sinifikanti t-tnaqqis li sar minn setturi oħrajn biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u għalhekk biex jintlaħqu l-mira għall-2030 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha, l-objettiv tal-Unjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara dan, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, u l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi.

(18)

Fl-2013, il-Kummissjoni adottat strateġija għall-integrazzjoni progressiva tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu fil-politika tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Bħala l-ewwel pass f'dan l-approċċ, l-Unjoni stabbiliet sistema għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu fir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li trid tiġi segwita mill-istabbiliment ta' miri ta' tnaqqis għat-trasport marittimu u l-applikazzjoni ta' miżura bbażata fuq is-suq. F'konformità mal-impenn tal-koleġiżlaturi espress fid-Direttiva (UE) 2018/410, jenħtieġ li l-azzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) jew mill-Unjoni tibda mill-2023, inkluża l-ħidma preparatorja fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżura li tiżgura li s-settur jikkontribwixxi debitament għall-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma skont il-Ftehim ta' Pariġi, u tingħata kunsiderazzjoni xierqa mill-partijiet ikkonċernati kollha.

(19)

Skont id-Direttiva (UE) 2018/410, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fl-OMI lejn objettiv ambizzjuż ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, u dwar il-miżuri ta' akkumpanjament maħsuba biex jiżguraw li t-trasport marittimu jikkontribwixxi debitament għall-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma skont il-Ftehim ta' Pariġi. Jenħtieġ li jiġu inkoraġġuti l-isforzi li qed isiru bħalissa permezz tal-OMI biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi globali, inkluż l-implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija Inizjali tal-OMI dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta' Gassijiet Serra mill-Bastimenti, adottata fl-2018, li tirreferi wkoll għal miżuri possibbli bbażati fuq is-suq biex jiġi inċentivat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-tbaħħir internazzjonali. Madankollu, filwaqt li reċentement sar progress fl-OMI, s'issa dan ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi Fid-dawl tan-natura internazzjonali tat-tbaħħir, huwa importanti li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom ma' pajjiżi terzi biex iżidu l-isforzi diplomatiċi biex isaħħu l-miżuri globali u jagħmlu progress fl-iżvilupp ta' miżura globali bbażata fuq is-suq fil-livell tal-OMI.

(20)

L-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu jammontaw għal madwar 3 sa 4 % tal-emissjonijiet tal-Unjoni. Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tieħu miżuri addizzjonali biex tindirizza l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu permezz ta' ġabra ta' miżuri li jippermettu lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata biex tinkludi t-trasport marittimu fl-EU ETS sabiex jiġi żgurat li dak is-settur jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu għall-objettivi klimatiċi akbar tal-Unjoni, kif ukoll għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, li fl-Artikolu 4(4) jgħid li jenħtieġ li l-pajjiżi żviluppati jkomplu jieħdu t-tmexxija billi jwettqu miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha, filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħeġġu jimxu maż-żmien lejn miri ta' tnaqqis jew limitazzjoni tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha. Fil-waqt li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali barra mill-Ewropa kellhom jiġu limitati minn Jannar 2021 permezz ta' azzjoni globali bbażata fuq is-suq, azzjoni li tillimita jew tpoġġi prezz fuq l-emissjonijiet tat-trasport marittimu għada mhijiex fis-seħħ. Għalhekk, huwa xieraq li l-EU ETS tkopri sehem mill-emissjonijiet mill-vjaġġi bejn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' pajjiż terz, bil-pajjiż terz li jkun jista' jiddeċiedi dwar azzjoni xierqa fir-rigward tas-sehem l-ieħor tal-emissjonijiet.

B'hekk, jenħtieġ li l-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu tinkludi nofs l-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jaslu f'port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru minn port barra l-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, nofs l-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jaslu f'port barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, l-emissjonijiet kollha minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jaslu f'port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, u l-emissjonijiet kollha ġewwa port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru. Dan l-approċċ ġie nnotat bħala mod prattiku biex tissolva l-kwistjoni ta' responsabbiltajiet u kapaċitajiet komuni iżda differenzjati, li ilha sfida għal żmien twil fil-kuntest tal-UNFCCC. Il-kopertura ta' sehem mill-emissjonijiet kemm minn vjaġġi li jidħlu kif ukoll minn dawk li joħorġu bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi tiżgura l-effettività tal-EU ETS, b'mod partikolari billi żżid l-impatt ambjentali tal-miżura meta mqabbel ma' kamp ta' applikazzjoni ġeografiku limitat għall-vjaġġi fl-Unjoni, filwaqt li tillimita r-riskju ta' sejħiet evażivi fil-portijiet u r-riskju ta' delokalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' trażbord barra mill-Unjoni. Biex tiġi żgurata l-inklużjoni bla xkiel tas-settur fl-EU ETS, jenħtieġ li ċ-ċediment tal-kwoti mill-kumpaniji tat-tbaħħir jiżdied gradwalment fir-rigward tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għas-snin 2024 u 2025.

Biex tiġi mħarsa l-integrità ambjentali tas-sistema, fejn jiġu ċeduti inqas kwoti meta mqabbel ma' emissjonijiet ivverifikati għat-trasport marittimu matul dawk is-snin, ladarba d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati u l-kwoti ċeduti tkun ġiet stabbilita kull sena, jenħtieġ li jiġi kkanċellat ammont ta’ kwoti li jikkorrispondi għal dik id-differenza. Mill-2026, jenħtieġ li l-kumpaniji tat-tbaħħir iċedu l-għadd ta' kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet ivverifikati kollha tagħhom. Filwaqt li l-impatt fuq il-klima tat-trasport marittimu huwa prinċipalment dovut għall-emissjonijiet ta’ CO2 tiegħu, l-emissjonijiet ta' gassijiet li mhumiex CO2 jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-emissjonijiet mil-bastimenti. Skont ir-Raba' Studju tal-OMI dwar il-Gassijiet Serra tal-2020, l-emissjonijiet tal-metan żdiedu b'mod sinifikanti matul il-perjodu mill-2012 sal-2018. L-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż x'aktarx li se jikbru maż-żmien, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' bastimenti mħaddma b'gassijiet naturali likwifikati jew b'sorsi oħra ta' enerġija. L-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż tkun ta' benefiċċju għall-integrità ambjentali u tinċentiva prattiki tajbin. Dawk l-emissjonijiet jenħtieġ li l-ewwel jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2015/757 mill-2024, u jenħtieġ li jiġu inklużi fl-EU ETS mill-2026.

(21)

L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE għat-trasport marittimu se twassal għal bidliet fil-kostijiet ta’ tali trasport. Il-partijiet kollha tal-Unjoni se jiġu affettwati minn dik l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni peress li l-oġġetti ttrasportati lejn portijiet fl-Unjoni u minnhom permezz tat-trasport marittimu għandhom l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom fl-Istati Membri differenti, inkluż fi Stati Membri mingħajr kosta. L-allokazzjoni tal-kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk, fil-prinċipju, ma tinbidilx bħala konsegwenza tal-inklużjoni tal-attivitajiet ta’ transport marittimu u jenħtieġ li tinkludi l-Istati Membri kollha. Madankollu, l-Istati Membri se jiġu affettwati b'modi differenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri b'dipendenza kbira fuq it-tbaħħir se jkunu l-aktar esposti għall-effett tal-estensjoni. L-Istati Membri b'settur marittimu kbir meta mqabbel mad-daqs relattiv tagħhom se jiġu affettwati aktar mill-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu. Għalhekk huwa xieraq li tingħata assistenza addizzjonali b'limitu ta' żmien lil dawk l-Istati Membri fil-forma ta' kwoti addizzjonali biex tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet marittimi u għall-kostijiet amministrattivi mġarrba. L-assistenza jenħtieġ li tiġi introdotta gradwalment b'mod parallel mal-introduzzjoni tal-obbligi ta' ċediment u b'hekk mal-effett miżjud fuq dawk l-Istati Membri. Fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra r-rilevanza ta' dik l-assistenza addizzjonali fid-dawl, b'mod partikolari, tal-iżvilupp fin-numru ta’ kumpaniji tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà ta' Stati Membri differenti.

(22)

L-EU ETS jenħtieġ li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-attivitajiet marittimi u għaż-żieda fl-effiċjenza fir-rigward ta’ tali attivitajiet. L-użu tad-dħul mill-EU ETS skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li jinkludi, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tat-trasport u tat-trasport pubbliku li ma jagħmlux ħsara lill-klima fis-setturi kollha.

(23)

It-tiġdid ta' flotot ta' bastimenti tal-klassi tas-silġ u l-iżvilupp ta' teknoloġija innovattiva li tnaqqas l-emissjonijiet ta' tali bastimenti se jieħdu ż-żmien u jirrikjedu appoġġ finanzjarju. Bħalissa, id-disinn tal-bastimenti tal-klassi tas-silġ, li jippermetilhom ibaħħru f'kundizzjonijiet ta' silġ, iwassal biex tali bastimenti jikkunsmaw aktar fjuwil u jemettu aktar minn bastimenti ta' daqs simili ddisinjati biex ibaħħru biss fl-ilma miftuħ. Għalhekk, fl-ambitu ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi implimentat metodu newtrali għall-bandiera li jippermetti tnaqqis tal-kwoti li jridu jiġu ċeduti mill-kumpaniji tat-tbaħħir abbażi tal-klassi tas-silġ tal-bastimenti tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2030.

(24)

Il-gżejjer mingħajr ebda konnessjoni bit-triq jew bil-ferrovija mal-kontinent jiddependu aktar fuq it-trasport marittimu mir-reġjuni l-oħra u jiddependu fuq il-konnessjonijiet marittimi għall-konnettività tagħhom. Biex il-gżejjer b'popolazzjoni żgħira jiġu megħjuna jibqgħu konnessi wara l-inklużjoni tal-attivitajiet ta’ transport marittimu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà għal Stat Membru li jitlob deroga temporanja mill-obbligi ta' ċediment skont dik id-Direttiva għal ċerti attivitajiet ta' trasport marittimu ma' gżejjer b'popolazzjoni ta' inqas minn 200 000 resident permanenti.

(25)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jitolbu li kuntratt ta' servizz pubbliku tranżnazzjonali jew obbligu ta' servizz pubbliku tranżnazzjonali bejn żewġ Stati Membri jiġi eżentat temporanjament minn ċerti obbligi skont id-Direttiva 2003/87/KE. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tkun limitata għal konnessjonijiet bejn Stat Membru mingħajr fruntiera tal-art ma' Stat Membru ieħor u l-eqreb Stat Membru ġeografikament, bħall-konnessjoni marittima bejn Ċipru u l-Greċja, li ilha assenti għal aktar minn għoxrin sena. Dik id-deroga temporanja tkun tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-ħtieġa kbira li jiġi pprovdut servizz ta' interess ġenerali u li jiġu żgurati l-konnettività kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(26)

Filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet permanenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni kif rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u minħabba d-dipendenza qawwija tagħhom fuq it-trasport marittimu, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-preservazzjoni tal-aċċessibbiltà ta’ tali reġjuni u l-konnettività effiċjenti tagħhom permezz tat-trasport marittimu. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi pprovduta deroga temporanja minn ċerti obbligi skont id-Direttiva 2003/87/KE għal emissjonijiet mill-attivitajiet tat-trasport marittimu bejn port li jinsab f'reġjun ultraperiferiku ta' Stat Membru u port li jinsab fl-istess Stat Membru, inklużi portijiet li jinsabu fl-istess reġjun ultraperiferiku u f'reġjun ultraperiferiku ieħor tal-istess Stat Membru.

(27)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali futuri u l-isforzi li jsiru biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż it-tieni rendikont globali fl-2028, u r-rendikonti globali sussegwenti li minn hemm 'il quddiem isiru kull ħames snin, maħsuba biex jinformaw l-NDC suċċessivi. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu riveduti wkoll fil-każ tal-adozzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq mill-OMI biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra għat-trasport marittimu. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta' tali miżura u qabel ma ssir operattiva. F'dak ir-rapport jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina dik il-miżura globali bbażata fuq is-suq fir-rigward tal-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, l-integrità ambjentali ġenerali tagħha, inkluż meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE li jkopru t-trasport marittimu, u kwalunkwe kwistjoni relatata mal-koerenza tal-EU ETS u dik il-miżura. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni fir-rapport tagħha tqis il-livell ta' parteċipazzjoni f'dik il-miżura globali bbażata fuq is-suq, l-infurzabbiltà, it-trasparenza, il-penali għan-nuqqas ta' konformità tagħha, il-proċessi għall-input pubbliku, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri u r-responsabbiltà. Meta jkun xieraq, ir-rapport jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva li temenda d-Direttiva 2003/87/KE b'mod li jkun konsistenti mal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, u bl-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq u l-EU ETS, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe piż doppju sinifikanti, u b'hekk ifakkar fil-kompetenza tal-Unjoni li tirregola s-sehem tagħha ta' emissjonijiet minn vjaġġi marittimi internazzjonali, f'konformità mal-obbligi tal-Ftehim ta' Pariġi.

(28)

Biż-żieda fil-kostijiet tat-tbaħħir li l-estensjoni tad-Direttiva 2003/87/KE għall-attivitajiet ta' transport marittimu tinvolvi, hemm riskju ta' evażjoni minħabba n-nuqqas ta' miżura globali bbażata fuq is-suq. Il-waqfiet evażivi fil-portijiet barra mill-Unjoni u r-rilokazzjoni tal-attivitajiet ta' trażbord lejn portijiet barra mill-Unjoni mhux biss se jnaqqsu l-benefiċċji ambjentali tal-internalizzazzjoni tal-kost tal-emissjonijiet mill-attivitajiet ta’ transport marittimu iżda jistgħu jwasslu wkoll għal emissjonijiet addizzjonali minħabba d-distanza żejda li jivvjaġġa bastiment biex jevadi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk huwa xieraq li ċerti waqfiet f'portijiet mhux tal-Unjoni jiġu esklużi mid-definizzjoni ta' “port ta’ waqfa”. Dik l-esklużjoni jenħtieġ li tkun immirata lejn portijiet fil-viċinanza tal-Unjoni fejn ir-riskju ta' evażjoni huwa l-ikbar. Limitu ta' 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru jikkostitwixxi rispons proporzjonat għal imġiba evażiva, u jsib bilanċ bejn il-piż addizzjonali u r-riskju ta' evażjoni. Barra minn hekk, l-esklużjoni mid-definizzjoni ta' “port ta’ waqfa” jenħtieġ li tapplika biss għal waqfiet minn bastimenti tal-kontejners f'ċerti portijiet mhux tal-Unjoni fejn it-trażbord tal-kontejners jirrappreżenta l-biċċa l-kbira tat-traffiku tal-kontejners. Għal tali vjaġġi, ir-riskju ta' evażjoni, fin-nuqqas ta' miżuri ta' mitigazzjoni, jikkonsisti wkoll fiċ-ċentri portwarji li jiġu mċċaqalqa lejn portijiet barra mill-Unjoni, u dan jaggrava l-effetti tal-evażjoni. Biex jiġu żgurati l-proporzjonalità tal-miżura u li tirriżulta fi trattament ugwali, jenħtieġ li jitqiesu l-miżuri f'pajjiżi terzi li jkollhom effett ekwivalenti għad-Direttiva 2003/87/KE.

(29)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-funzjonament tad-Direttiva 2003/87/KE b'rabta mal-attivitajiet tat-trasport marittimu fid-dawl tal-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, inkluż l-identifikazzjoni ta' mġiba evażiva sabiex tiġi evitata tali mġiba fi stadju bikri, u jenħtieġ li tipproponi miżuri biex tiżgura l-effettività ta’ dik id-Direttiva. Tali miżuri jistgħu jinkludu żieda fir-rekwiżiti ta' ċediment għal vjaġġi meta r-riskju ta' evażjoni jkun ogħla, bħal lejn u minn port li jinsab fil-viċinanza tal-Unjoni, f'pajjiż terz li ma jkunx adotta miżuri simili għad-Direttiva 2003/87/KE.

(30)

Meta jitqies il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-emissjonijiet minn bastimenti ta' inqas minn tunellaġġ gross ta' 5 000 jirrappreżentaw inqas minn 15 % tal-emissjonijiet minn bastimenti, iżda dawn jiġu emessi minn għadd kbir ta' bastimenti. Għal raġunijiet ta' prattikabilità amministrattiva, għadu kmieni wisq biex il-bastimenti ta’ inqas minn tunnellaġġ gross ta’ 5 000 jiġu inklużi fl-EU ETS mill-bidu tal-inklużjoni tat-trasport marittimu, iżda l-inklużjoni tagħhom fil-futur ittejjeb l-effettività tal-EU ETS u potenzjalment tnaqqas l-imġiba evażiva bl-użu ta' bastimenti taħt il-livell limitu ta' tunnellaġġ gross ta' 5 000. Għalhekk, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih jenħtieġ li teżamina l-fattibbiltà u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-inklużjoni fid-Direttiva 2003/87/KE tal-emissjonijiet minn bastimenti taħt it-tunnellaġġ gross ta' 5 000, inklużi bastimenti offshore.

(31)

Jenħtieġ li l-persuna jew l-organizzazzjoni responsabbli għall-konformità mal-EU ETS tkun il-kumpanija tat-tbaħħir, definita bħala s-sid tal-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew in-noleġġatur tal-bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu ħadu r-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mingħand is-sid tal-bastiment u li, meta jassumu tali responsabbiltà, ikunu qablu li jieħdu f'idejhom id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta' Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis. Din id-definizzjoni hija bbażata fuq id-definizzjoni ta' "kumpannija" fl-Artikolu 3, il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2015/757, u f'konformità mas-sistema globali ta' ġbir tad-data stabbilita fl-2016 mill-OMI.

(32)

L-emissjonijiet minn bastiment jiddependu, fost l-oħrajn, fuq il-miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bastiment meħuda minn sid il-bastiment, u fuq il-fjuwil, il-merkanzija li tinġarr u r-rotta u l-veloċità tal-bastiment, li jistgħu jkunu taħt il-kontroll ta' entità differenti minn sid il-bastiment. Ir-responsabbiltajiet għax-xiri tal-fjuwil jew għat-teħid ta' deċiżjonijiet operazzjonali li jaffettwaw l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-bastiment jistgħu jittieħdu minn entità oħra għajr il-kumpanija tat-tbaħħir skont arranġament kuntrattwali. Meta jsiru n-negozjati dwar il-kuntratt, l-aspetti tal-aħħar, b’mod partikolari, ma jkunux magħrufa u għalhekk l-emissjonijiet finali mill-bastiment kopert mid-Direttiva 2003/87/KE ma jkunux fiċ-ċert. Madankollu, sakemm il-kostijiet tal-karbonju ġew mgħoddija lill-entità li topera l-bastiment, l-inċentivi biex jiġu implimentati miżuri operazzjonali għall-effiċjenza tal-fjuwil ikunu limitati. F'konformità mal-prinċipju ta' ‘min iniġġes iħallas’ u biex tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza u l-użu ta' fjuwils aktar nodfa, il-kumpanija tat-tbaħħir jenħtieġ li għalhekk tkun intitolata, skont il-liġi nazzjonali, li titlob rimborż għall-kostijiet li jirriżultaw miċ-ċediment tal-kwoti mill-entità li hija direttament responsabbli għad-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-bastiment.

Filwaqt li tali mekkaniżmu ta' rimborż jista' jkun soġġett għal arranġament kuntrattwali, jenħtieġ li, biex inaqqsu l-kostijiet amministrattivi, l-Istati Membri ma jkunux obbligati jiżguraw jew jivverifikaw l-eżistenza ta' tali kuntratti, iżda minflok jenħtieġ li jipprevedu, fil-liġi nazzjonali, dritt statutorju biex il-kumpanija tat-tbaħħir tiġi rimborżata kif ukoll l-aċċess korrispondenti għall-ġustizzja biex dak id-dritt jiġi infurzat. Għall-istess raġunijiet, dak l-intitolament, inkluż kwalunkwe kunflitt possibbli relatat mar-rimborż bejn il-kumpanija tat-tbaħħir u l-entità li topera l-bastiment, jenħtieġ li ma jaffettwax l-obbligi tal-kumpanija tat-tbaħħir vis-à-vis l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, u lanqas il-miżuri ta' infurzar li jistgħu jkunu meħtieġa kontra kumpanija bħal din biex tiġi żgurata li jkun hemm il-konformità sħiħa minn dik il-kumpanija mad-Direttiva 2003/87/KE. Fl-istess ħin, peress li l-għan tad-dispożizzjoni li tikkonċerna d-dritt għal rimborż huwa marbut mill-qrib mal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-obbligi skont din id-Direttiva minn kumpanija tat-tbaħħir fil-konfront ta' Stat Membru partikolari, huwa importanti li dak l-intitolament jkun osservat fl-Unjoni kollha, fir-relazzjonijiet kuntrattwali kollha li jippermettu li entità għajr is-sid tal-bastiment tiddetermina l-merkanzija li tinġarr jew ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment, b'mod li jissalvagwardja l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq intern, li jistgħu jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jipprevjenu lill-partijiet għal tali ftehimiet kuntrattwali milli jevitaw id-dritt għal rimborż billi jinkludu klawżola dwar l-għażla tal-liġi.

(33)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji tat-tbaħħir, jenħtieġ li Stat Membru wieħed ikun responsabbli għal kull kumpanija tat-tbaħħir. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika lista inizjali ta' kumpaniji tat-tbaħħir li wettqu attività ta’ trasport marittimu li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS, li tispeċifika l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir. Jenħtieġ li l-lista tiġi aġġornata regolarment u mill-inqas kull sentejn biex il-kumpaniji tat-tbaħħir jiġu attribwiti mill-ġdid lil tali awtorità amministrattiva oħra, kif rilevanti. Għall-kumpaniji tat-tbaħħir irreġistrati fi Stat Membru, jenħtieġ li l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir tkun dak l-Istat Membru. Għall-kumpaniji tat-tbaħħir irreġistrati f'pajjiż terz, jenħtieġ li l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, tkun l-Istat Membru li fih il-kumpanija tat-tbaħħir kellha l-akbar numru stmat ta' waqfiet f'portijiet minn vjaġġi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fl-erba' snin ta’ qabel ta' monitoraġġ. Għall-kumpaniji tat-tbaħħir li huma rreġistrati f'pajjiż terz u li ma wettqu l-ebda vjaġġ li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fl-erba' snin ta’ qabel ta' monitoraġġ, jenħtieġ li l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir tkun l-Istat Membru fejn bastiment tal-kumpanija tat-tbaħħir ikun beda jew temm l-ewwel vjaġġ tiegħu li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika u taġġorna, kif rilevanti, fuq bażi biennali lista ta' kumpaniji tat-tbaħħir li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, li tispeċifika l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir. Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kumpaniji tat-tbaħħir, jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu regoli armonizzati għall-amministrazzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir li għalihom għandhom responsabbiltà, f'konformità mar-regoli dettaljati li jridu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

(34)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji tat-tbaħħir li jamministraw ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE. Fil-każ li kumpanija tat-tbaħħir tonqos milli tikkonforma ma' dawk ir-rekwiżiti u kwalunkwe miżura ta' infurzar meħuda mill-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir tkun naqset milli tiżgura l-konformità, jenħtieġ li l-Istati Membri jaġixxu f'solidarjetà. Bħala l-aħħar miżura, jenħtieġ li l-Istati Membri, ħlief għall-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, jkunu jistgħu jirrifjutaw id-dħul lill-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija tat-tbaħħir ikkonċernata, u l-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu jenħtieġ li jkun jista' jżomm dak il-bastiment.

(35)

Jenħtieġ li l-kumpaniji tat-tbaħħir jimmonitorjaw u jirrapportaw id-data aggregata tagħhom dwar l-emissjonijiet mill-attivitajiet tat-trasport marittimu fil-livell tal-kumpaniji f'konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/757. Ir-rapporti dwar id-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji jenħtieġ li jiġu vverifikati f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dak ir-Regolament. Meta jwettaq verifika fil-livell tal-kumpaniji, jenħtieġ li l-verifikatur ma jivverifikax ir-rapporti dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-bastimenti jew ir-rapporti fil-livell tal-bastimenti li għandhom jiġu sottomessi meta hemm bidla fil-kumpanija, billi dawk ir-rapporti fil-livell tal-bastimenti se jkunu ġew ivverifikati diġà.

(36)

Abbażi tal-esperjenza minn kompiti simili relatati mal-ħarsien tal-ambjent, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) jew organizzazzjoni rilevanti oħra, kif xieraq u f'konformità mal-mandat tagħha, tassisti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir b’rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Minħabba l-esperjenza tagħha bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757 u l-għodod tal-IT tagħha, l-EMSA jenħtieġ li tgħin lill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet iġġenerati mill-attivitajiet ta’ transport marittimu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, billi jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni jew jiġu żviluppati linji gwida u kriterji. Il-Kummissjoni, assistita mill-EMSA, jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tiżviluppa għodod ta' monitoraġġ xierqa, kif ukoll gwida, ħalli tiffaċilita u tikkoordina l-attivitajiet ta' verifika u infurzar relatati mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE għat-trasport marittimu. Safejn ikun prattikabbli, jenħtieġ li tali għodod ikunu disponibbli għall-Istati Membri u l-verifikaturi sabiex jiġi żgurat infurzar sod tal-miżuri nazzjonali li jittrasportaw id-Direttiva 2003/87/KE.

(37)

B'mod parallel mal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2015/757 qed jiġi emendat biex jipprevedi regoli ta' monitoraġġ, rapportar u verifika li huma meħtieġa għal estensjoni tal-EU ETS għall-attivitajiet tat-trasport marittimu u biex jipprevedi l-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta' bastimenti addizzjonali.

(38)

Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) emenda l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE biex jippermetti lill-operaturi kollha jużaw il-kwoti kollha li jinħarġu. Ir-rekwiżit li l-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra jkun fihom obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti, skont l-Artikolu 6(2), il-punt (e), ta' dik id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi allinjat kif xieraq.

(39)

Il-kisba tal-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Unjoni għall-2030 se tkun teħtieġ tnaqqis fl-emissjonijiet tas-setturi koperti mill-EU ETS ta' 62 % meta mqabbla mal-2005. Il-kwantità ta' kwoti tal-EU ETS fl-Unjoni kollha jeħtieġ li titnaqqas biex jinħolqu s-sinjal meħtieġ tal-prezz tal-karbonju fit-tul u l-impetu għal dak il-grad ta' dekarbonizzazzjoni. Il-kwantità totali ta' kwoti jenħtieġ li titnaqqas fl-2024 u fl-2026 biex issir aktar konformi mal-emissjonijiet attwali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiżdied il-fattur ta' tnaqqis lineari fl-2024 u fl-2028, filwaqt li titqies ukoll l-inklużjoni tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu. It-trajettorja tal-limitu aktar qawwija li tirriżulta minn dawk il-bidliet se twassal għal livelli ferm ogħla ta' tnaqqis kumulattiv tal-emissjonijiet sal-2030 milli kieku kien iseħħ skont id-Direttiva (UE) 2018/410. Jenħtieġ li ċ-ċifri relatati mal-inklużjoni tat-trasport marittimu jiġu derivati mill-emissjonijiet mill-attivitajiet tat-trasport marittimu li huma indirizzati fl-Artikolu 3ga tad-Direttiva 2003/87/KE u rrapportati f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 għall-2018 u l-2019 fl-Unjoni u fl-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, aġġustati, mill-2021 sal-2024, bil-fattur ta' tnaqqis lineari għas-sena 2024. Jenħtieġ li l-fattur ta' tnaqqis lineari jiġi applikat fl-2024 għaż-żieda fil-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha f'dik is-sena.

(40)

Il-kisba tal-ambizzjoni klimatika miżjuda se tirrikjedi riżorsi pubbliċi u privati sostanzjali fl-Unjoni kif ukoll fi Stati Membri li jridu jiġu ddedikati għat-tranżizzjoni klimatika. Biex jikkomplementa u jsaħħaħ l-infiq sostanzjali relatat mal-klima fil-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li d-dħul kollu mill-irkant mhux attribwit għall-baġit tal-Unjoni fil-forma ta' riżorsi proprji, jew il-valur finanzjarju ekwivalenti ta’ tali dħul mill-irkant, jintużaw għal finijiet relatati mal-klima, bl-eċċezzjoni tad-dħul użat għall-kumpens ta' kostijiet tal-karbonju indirett. Il-lista ta' finijiet relatati mal-klima fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri finijiet addizzjonali b'impatt ambjentali pożittiv. Jenħtieġ li dan jinkludi l-użu għal appoġġ finanzjarju biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali f'unitajiet domestiċi bi dħul baxx u medju billi jitnaqqsu t-taxxi distortivi u tnaqqis fil-mira ta' dazji u spejjeż għall-elettriku rinnovabbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw kull sena dwar l-użu ta' dħul mill-irkantar f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), filwaqt li jispeċifikaw, meta rilevanti u kif xieraq, liema dħul jintuża u l-azzjonijiet li jittieħdu biex jimplimentaw l-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima u l-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta tagħhom.

(41)

Id-dħul mill-irkantar tal-Istati Membri se jiżdied bħala riżultat tal-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-EU ETS. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jżidu l-użu tad-dħul tal-EU ETS skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87/KE biex jikkontribwixxu għall-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni aħjar tal-ekosistemi bbażati fuq il-baħar, b'mod partikolari ż-żoni protetti tal-baħar.

(42)

Huma meħtieġa riżorsi finanzjarji sinifikanti biex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Patt Klimatiku ta' Glasgow iħeġġeġ lill-Partijiet tal-pajjiżi żviluppati biex b'mod urġenti u sinifikanti joffru aktar finanzjament għall-klima. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-Tħejjijiet għas-27 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 27), il-Kunsill ifakkar li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar kontributur għall-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-klima, u mill-2013 'l hawn, żiedu b'aktar mid-doppju l-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament għall-klima biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill iġedded ukoll l-impenn qawwi li ħadu l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jżidu l-finanzjament internazzjonali tagħhom għall-klima u jilħaq l-għan tal-pajjiżi żviluppati li jimmobilizzaw mill-inqas USD 100 biljun fis-sena malajr kemm jista' jkun u sal-2025 minn varjetà wiesgħa ta' sorsi, u jistenna li l-għan jintlaħaq fl-2023.

(43)

Biex jiġu indirizzati l-effetti distributtivi u soċjali tat-tranżizzjoni fl-Istati Membri bi dħul baxx, jenħtieġ li jintuża ammont addizzjonali ta' 2,5 % tal-kwantità ta' kwoti madwar l-Unjoni kollha mill-2024 sal-2030 biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni enerġetika tal-Istati Membri bi prodott domestiku gross (PDG) per capita taħt il-75 % tal-medja tal-Unjoni fis-snin 2016 sa 2018, permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 10d tad-Direttiva 2003/87/KE.

(44)

L-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw ir-riżorsi allokati għall-Fond għall-Modernizzazzjoni biex jiffinanzjaw investimenti li jinvolvu r-reġjuni tal-fruntiera tal-Unjoni kontigwi meta dan ikun rilevanti għat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Istati Membri benefiċjarji.

(45)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti aktar inċentivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bl-użu ta' tekniki kosteffiċjenti. Għal dak l-għan, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għal installazzjonijiet stazzjonarji mill-2026 'il quddiem jenħtieġ li tkun kundizzjonali fuq investimenti f'tekniki biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqsu l-emissjonijiet, b'mod partikolari għal utenti kbar tal-enerġija. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-applikazzjoni ta’ dik il-kundizzjonalità ma tipperikolax l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-integrità ambjentali jew it-trattament ugwali tal-installazzjonijiet madwar l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), tadotta atti delegati li jissupplimentaw din id-Direttiva biex tindirizza kwalunkwe kwistjoni identifikata b'mod partikolari dwar il-prinċipji msemmija hawn fuq u tipprevedi regoli sempliċi f'termini ta' amministrazzjoni għall-applikazzjoni tal-kundizzjonalità. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jkunu parti mir-regoli ġenerali dwar l-allokazzjoni bla ħlas, bl-użu tal-proċedura stabbilita għall-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali, u jipprevedu skedi ta' żmien, kriterji għar-rikonoxximent tal-miżuri implimentati tal-effiċjenza enerġetika, kif ukoll għal miżuri alternattivi li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Barra minn hekk, l-inċentivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Barra minn hekk, jenħtieġ li inċentivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jissaħħu aktar għal installazzjonijiet b'intensitajiet għoljin ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra. Għal dak l-għan, mill-2026 'il quddiem, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-20 % tal-installazzjonijiet stazzjonarji bl-ogħla intensitajiet ta' emissjonijiet taħt parametru referenzjarju ta' prodott partikolari jenħtieġ li tkun kundizzjonali wkoll fuq l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tan-newtralità klimatika.

(46)

Il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM), stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), huwa stabbilit biex jissostitwixxi l-mekkaniżmi stabbiliti skont id-Direttiva 2003/87/KE ħalli jiġi evitat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Sal-punt li s-setturi u s-subsetturi jkunu koperti minn dik il-miżura, jenħtieġ li huma ma jirċevux allokazzjoni bla ħlas. Madankollu, hija meħtieġa eliminazzjoni gradwali tranżitorja tal-kwoti bla ħlas biex il-produtturi, l-importaturi u n-negozjanti jkunu jistgħu jaġġustaw għar-reġim il-ġdid. Jenħtieġ li t-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas jiġi implimentat billi jiġi applikat fattur għall-allokazzjoni bla ħlas għas-setturi tas-CBAM, filwaqt li s-CBAM jiġi introdott gradwalment. Jenħtieġ li l-fattur CBAM ikun ugwali għal 100 % għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament u tmiem l-2025 u, soġġett għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 36(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jkun ugwali għal 97,5 % fl-2026, 95 % fl-2027, 90 % fl-2028, 77,5 % fl-2029, 51,5 % fl-2030, 39 % fl-2031, 26,5 % fl-2032 u 14 % fl-2033. Mill-2034, jenħtieġ li ma japplika l-ebda fattur CBAM.

Jenħtieġ li l-atti delegati rilevanti dwar l-allokazzjoni bla ħlas jiġu aġġustati kif xieraq għas-setturi u s-subsetturi koperti mis-CBAM. L-allokazzjoni bla ħlas li ma għadhiex tiġi pprovduta lis-setturi tas-CBAM abbażi ta’ dan il-kalkolu (id-domanda tas-CBAM) tiżdied mal-Fond għall-Innovazzjoni, sabiex tiġi appoġġata l-innovazzjoni f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, fil-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU), fil-qbid, it-trasport u l-ħżin ġeoloġiku tal-karbonju (CCS), fl-enerġija rinnovabbli u fil-ħżin tal-enerġija, b'mod li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-proġetti fis-setturi tas-CBAM. Biex jiġi rrispettat il-proporzjon tal-allokazzjoni bla ħlas disponibbli għas-setturi mhux tas-CBAM, l-ammont finali li jrid jitnaqqas mill-allokazzjoni bla ħlas u jsir disponibbli fil-Fond għall-Innovazzjoni jenħtieġ li jiġi kkalkulat abbażi tal-proporzjon li d-domanda tas-CBAM tirrappreżenta fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' allokazzjoni bla ħlas tas-setturi kollha li jirċievu allokazzjoni bla ħlas.

(47)

Sabiex jittaffew ir-riskji potenzjali ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju relatati mal-merkanzija soġġetta għas-CBAM u prodotta fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu simili tal-ipprezzar tal-karbonju, jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni qabel tmiem il-perjodu tranżitorju skont ir-Regolament (UE) 2023/956. Meta dik il-valutazzjoni tikkonkludi li jeżisti tali riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, jenħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tindirizza dak ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'mod li jkun konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jużaw id-dħul mill-irkant biex jindirizzaw kwalunkwe riskju residwu ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi tas-CBAM u f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Meta l-kwoti ġejjin minn tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas fl-applikazzjoni tar-regoli ta' kundizzjonalità ma jintużawx bis-sħiħ biex jiġu eżentati l-installazzjonijiet bl-inqas intensità tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-korrezzjoni transsettorjali, jenħtieġ li 50 % ta' dawk il-kwoti residwi jiżdiedu mal-Fond għall-Innovazzjoni.L-50 % l-oħra jenħtieġ li jiġu rkantati f'isem l-Istati Membri u jenħtieġ li jużaw id-dħul minnu biex jindirizzaw kwalunkwe riskju residwu ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi tas-CBAM.

(48)

Sabiex il-progress teknoloġiku jiġi rifless aħjar filwaqt li jiġu żgurati inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-innovazzjoni tiġi ppremjata kif xieraq, l-aġġustament minimu tal-valuri ta' referenza jenħtieġ li jiżdied minn 0,2 % għal 0,3 % fis-sena, u l-aġġustament massimu jenħtieġ li jiżdied minn 1,6 % għal 2,5 % fis-sena. Għall-perjodu mill-2026 sal-2030, b'hekk, jenħtieġ li l-valuri ta' referenza jiġu aġġustati f'medda ta' bejn 6 % u 50 % meta mqabbla mal-valur applikabbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020. Sabiex tiġi pprovduta l-prevedibbiltà lill-installazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddeterminaw il-valuri ta' referenza riveduti għall-allokazzjoni bla ħlas mill-aktar fis possibbli qabel il-bidu tal-perjodu mill-2026 sal-2030.

(49)

Biex jiġu inċentivati teknoloġiji rivoluzzjonarji ġodda fl-industrija tal-azzar u biex jiġi evitat tnaqqis sproporzjonat b'mod sinifikanti tal-valur ta' referenza, u fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-industrija tal-azzar bħall-intensità għolja tal-emissjonijiet u l-istruttura tas-suq internazzjonali u tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-valur ta' referenza tal-metall sħun għall-perjodu mill-2026 sal-2030 installazzjonijiet li kienu operattivi matul il-perjodu ta' referenza mill-2021 sal-2022 u li altrimenti kienu jiġu inklużi f'dak il-kalkolu minħabba r-rieżami tad-definizzjoni tal-valur ta' referenza tal-prodott tal-metall sħun.

(50)

Biex jiġu ppremjati dawk bl-aqwa prestazzjoni u l-innovazzjoni, jenħtieġ li l-installazzjonijiet li l-livelli ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom huma taħt il-medja tal-10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti taħt parametru referenzjarju partikolari jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali. Il-kwoti li mhumiex allokati minħabba tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas fl-applikazzjoni tar-regoli ta' kundizzjonalità jenħtieġ li jintużaw biex ikopru d-defiċit fit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas li jirriżulta mill-esklużjoni ta’ dawk bl-aqwa prestazzjoni mill-applikazzjoni tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali.

(51)

Sabiex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività industrijali tal-Unjoni, 20 miljun kwota addizzjonali mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas u 5 miljun kwota addizzjonali mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-Fond għall-Innovazzjoni. Meta tirrieżamina l-għażla taż-żmien u s-sekwenzjar tal-irkantar għall-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (17) fid-dawl tal-bidliet introdotti minn din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra li tagħmel disponibbli ammonti akbar ta' riżorsi fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE riveduta biex tagħti spinta lid-dekarbonizzazzjoni tas-setturi rilevanti.

(52)

Approċċ komprensiv għall-innovazzjoni huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (EU) 2021/1119. Fil-livell tal-Unjoni, l-isforzi meħtieġa għar-riċerka u l-innovazzjoni huma appoġġati, fost affarijiet oħra, permezz ta' Orizzont Ewropa, li jinkludi finanzjament sinifikanti u strumenti ġodda għas-setturi li jaqgħu taħt l-EU ETS. Konsegwentement, il-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex sinerġiji ma' Orizzont Ewropa u, meta jkun rilevanti, ma' programmi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni.

(53)

Il-Fond għall-Innovazzjoni jenħtieġ li jappoġġa tekniki, proċessi u teknoloġiji innovattivi, inkluż iż-żieda fit-tali tekniki, proċessi u teknoloġiji, bil-ħsieb li jiġu mnedija b'mod wiesa' madwar l-Unjoni. L-innovazzjoni rivoluzzjonarja jenħtieġ li tingħata prijorità fl-għażla ta' proġetti appoġġati permezz ta' għotjiet.

(54)

Jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni msemmi fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE jiġi estiż biex jappoġġa l-innovazzjoni f'teknoloġiji u proċessi b'livell baxx u żero ta' emissjonijiet tal-karbonju li jikkonċernaw il-konsum tal-fjuwils fil-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali, inklużi l-forom kollettivi tat-trasport bħat-trasport pubbliku u s-servizzi tal-kowċis. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Fond għall-Innovazzjoni jservi biex jappoġġa l-investimenti għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu, inklużi l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti, tal-portijiet, u tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, fl-elettrifikazzjoni tas-settur, fi fjuwils alternattivi sostenibbli, bħall-idroġenu u l-ammonijaka li jiġu prodotti minn sorsi rinnovabbli, f’teknoloġiji ta' propulsjoni b'emissjonijiet żero bħat-teknoloġiji tar-riħ, u f’innovazzjonijiet fir-rigward tal-bastimenti tal-klassi tas-silġ. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lil proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u għat-tnaqqis tal-impatti klimatiċi kollha tiegħu, inklużi l-emissjonijiet tal-karbonju iswed. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi suġġetti ddedikati fis-sejħiet għal proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni. Dawk is-sejħiet jenħtieġ li jqisu l-kwistjonijiet tal-protezzjoni tal-bijodiversità, l-istorbju u t-tniġġis tal-ilma. F'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport marittimu, jenħtieġ li jkunu eliġibbli l-proġetti b'valur miżjud ċar għall-Unjoni.

(55)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 (18), meta l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jibqgħux joperaw titjiriet koperti mill-EU ETS, il-kontijiet tagħhom jiġu stabbiliti għal status “eskluż”, u l-proċessi ma jistgħux jibqgħu jinbdew minn dawk il-kontijiet. Biex tiġi ppreservata l-integrità ambjentali tal-EU ETS, jenħtieġ li jintużaw il-kwoti li ma jinħarġux lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, minħabba li jwaqqfu l-operat tagħhom, biex ikopru kwalunkwe nuqqas ta' ċediment minn dawk l-operaturi, u kwalunkwe kwota li jifdal jenħtieġ li tintuża biex titħaffef l-azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima billi titqiegħed fil-Fond għall-Innovazzjoni.

(56)

Assistenza teknika mill-Kummissjoni ffukata fuq l-Istati Membri, li sa issa ppreżentaw ftit jew xejn proġetti, tikkontribwixxi biex tikseb għadd kbir ta' applikazzjonijiet għal proġetti għall-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li dik l-assistenza, fost affarijiet oħra, tappoġġa attivitajiet immirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-proposti għal proġetti li jinsabu fl-Istati Membri li sa issa ppreżentaw ftit jew xejn proġetti, pereżempju permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prassi, u t-tisħiħ tal-attivitajiet tal-punti ta' kuntatt nazzjonali. Miżuri oħra li għandhom l-istess għan jinkludu miżuri li jqajjmu s-sensibilizzazzjoni dwar l-għażliet ta' finanzjament u jżidu fil-kapaċità ta' dawk l-Istati Membri biex jidentifikaw u jappoġġaw applikanti potenzjali għal proġetti. Jenħtieġ li jiġu promossi wkoll sħubijiet ta' proġetti madwar l-Istati Membri u t-tlaqqigħ bejn applikanti potenzjali, b'mod partikolari għal proġetti fuq skala kbira.

(57)

Sabiex jitjieb ir-rwol tal-Istati Membri fil-governanza tal-Fond għall-Innovazzjoni u tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li tipprovdi analiżi tal-impatt mistenni tal-proġetti mogħtija skont is-settur u skont l-Istat Membru. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi wkoll ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tippubblikah. Soġġett għall-qbil tal-applikanti, wara li tingħalaq sejħa għal proposti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-Istati Membri dwar l-applikazzjonijiet għall-finanzjament ta' proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom u jenħtieġ li tipprovdilhom informazzjoni dettaljata dwar dawk l-applikazzjonijiet sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-Istati Membri tal-appoġġ għall-proġetti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li, qabel l-għoti tal-appoġġ, tinforma lill-Istati Membri dwar il-lista ta' proġetti magħżula. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' traspożizzjoni ma jfixklux l-innovazzjoni u jkunu teknoloġikament newtrali, filwaqt li l-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi assistenza teknika, b'mod partikolari lill-Istati Membri b'parteċipazzjoni effettiva baxxa, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni ġeografika effettiva fil-Fond għall-Innovazzjoni u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-proġetti ppreżentati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura wkoll monitoraġġ u rapportar komprensivi, inkluż informazzjoni dwar il-progress favur kopertura ġeografika effettiva u bbażata fuq il-kwalità madwar l-Unjoni u segwitu xieraq.

(58)

Sabiex ikun allinjat man-natura komprensiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-proċess tal-għażla għal-proġetti appoġġati permezz ta' għotjiet jenħtieġ li jagħti prijorità lil proġetti li jindirizzaw impatti ambjentali multipli. Sabiex jappoġġaw ir-replikazzjoni u l-penetrazzjoni aktar rapida fis-suq tat-teknoloġiji jew tas-soluzzjonijiet appoġġati, jenħtieġ li l-proġetti ffinanzjati mill-Fond għall-Innovazzjoni jikkondividu l-għarfien ma' proġetti rilevanti oħra kif ukoll ma' riċerkaturi bbażati fl-Unjoni li jkollhom interess leġittimu.

(59)

Il-Kuntratti għad-differenza (CDs), il-kuntratti għad-differenza għall-karbonju (CCDs) u l-kuntratti bi primjum fiss huma elementi importanti għall-iskattar fit-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-industrija, permezz ta’ tkabbier ta’ teknoloġiji ġodda, joffru l-opportunità li l-investituri f'teknoloġiji innovattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima jiġu ggarantiti prezz li jippremja t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 'il fuq minn dak ikkawżat mil-livell tal-prezzijiet tal-karbonju prevalenti fl-EU ETS. Il-firxa ta' miżuri li jista' jappoġġa l-Fond għall-Innovazzjoni jenħtieġ li tiġi estiża biex tipprovdi appoġġ għall-proġetti permezz ta' offerti kompetittivi, li jwasslu għall-għoti ta' CDs, CCDs jew kuntratti bi primjum fiss. L-offerti kompetittivi jkunu mekkaniżmu importanti biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni u biex jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi disponibbli. Huma joffru wkoll ċertezza lill-investituri f'dawk it-teknoloġiji. Bil-ħsieb li tiġi minimizzata kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti għall-baġit tal-Unjoni, il-mitigazzjoni tar-riskju jenħtieġ li tiġi żgurata fit-tfassil tas-CDs u s-CCDs u kopertura xierqa minn impenn baġitarju jenħtieġ li tiġi pprovduta b'kopertura sħiħa mill-inqas għall-ewwel żewġ ċikli ta’ CDs u CDDs b'approprjazzjonijiet li jirriżultaw mir-rikavat tal-irkantar tal-kwoti allokati skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Ma jeżisti l-ebda riskju bħal dan għal kuntratti bi primjum fiss minħabba li l-impenn legali se jkun kopert minn impenn baġitarju korrispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq, wara li tikkonkludi l-ewwel żewġ ċikli ta' CDs u CCDs, u kull darba li jkun meħtieġ wara dan, valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta att delegat biex tipprovdi, abbażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, għal rata ta' proviżjonament xierqa minflok kopertura sħiħa għal ċikli sussegwenti ta' CDs jew CCDs. Tali approċċ jenħtieġ li jqis kwalunkwe element li jista' jkun jnaqqas ir-riskji finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni, minbarra l-kwoti disponibbli fil-Fond għall-Innovazzjoni, bħal kondiviżjoni possibbli tar-responsabbiltà mal-Istati Membri, fuq bażi volontarja, jew mekkaniżmu possibbli ta' riassigurazzjoni mis-settur privat. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu previsti derogi minn partijiet mit-Titolu X tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Ir-rata ta' proviżjonament għall-ewwel żewġ ċikli ta' CDs u CCDs jenħtieġ li tkun ta' 100 %.

Madankollu, b'deroga mill-Artikolu 210(1), l-Artikolu 211(1) u (2) u l-Artikolu 218(1) ta' dak ir-Regolament, rata minima ta' proviżjonament ta' 50 % kif ukoll sehem massimu ta' dħul mill-Fond għall-Innovazzjoni li jrid jintuża għall-proviżjonament ta' 30 % jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'din id-Direttiva għal ċikli sussegwenti ta’ CDs u CCDs u l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista' tispeċifika r-rata ta' proviżjonament meħtieġa abbażi tal-esperjenza mill-ewwel żewġ sejħiet għall-proposti u l-ammont ta' dħul li jrid jintuża għall-proviżjonament. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligazzjoni finanzjarja totali mġarrba mill-baġit tal-Unjoni ma taqbiżx is-60 % tar-rikavat mill-irkantar għall-Fond għall-Innovazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-proviżjonament se jiġi, b'mod ġenerali, mill-Fond għall-Innovazzjoni, jenħtieġ li jsiru derogi mir-regoli fl-Artikoli 212, 213 u 214 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 relatati mal-fond ta' proviżjonament komuni stabbilit mill-Artikolu 212 ta' dak ir-Regolament. In-natura ġdida tas-CDs u tas-CCDs tista' teħtieġ ukoll derogi mill-Artikolu 209(2), il-punti (d) u (h), ta' dak ir-Regolament, peress li ma jiddependux fuq ingranaġġ/multiplikaturi jewjiddependu kompletament fuq valutazzjoni ex ante, mill-Artikolu 219(3), minħabba r-rabta mal-Artikolu 209(2), il-punt (d), u mill-Artikolu 219(6) tiegħu peress li s-sħab ta' implimentazzjoni mhux se jkollhom skoperturi ta' kreditu jew ekwità taħt garanzija. L-użu ta' kwalunkwe deroga mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li temenda s-sehem massimu ta' dħul mill-Fond għall-Innovazzjoni li jrid jintuża għall-proviżjonament b'mhux aktar minn 20 punt perċentwali 'l fuq minn dak li huwa previst f'din id-Direttiva.

(60)

Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa soġġett għar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(61)

Meta l-attività ta' installazzjoni tiġi sospiża temporanjament, l-allokazzjoni bla ħlas tiġi aġġustata għal-livelli ta' attività li jiġu rrapportati b'mod obbligatorju kull sena. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu l-ħruġ ta' kwoti tal-emissjonijiet lil installazzjonijiet li jkunu ssospendew l-operazzjonijiet, sakemm ma jkun hemm l-ebda evidenza li se jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ma jibqgħux jintalbu juru lill-awtorità kompetenti li l-installazzjoni tagħhom se terġa' tibda l-produzzjoni fi żmien speċifikat u raġonevoli f'każ ta' sospensjoni temporanja tal-attivitajiet.

(62)

Il-korrezzjonijiet tal-allokazzjoni bla ħlas mogħtija lil installazzjonijiet stazzjonarji skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87/KE jistgħu jirrikjedu l-għoti ta' kwoti bla ħlas addizzjonali jew it-trasferiment ta' kwoti żejda lura. Jenħtieġ li l-kwoti mwarrba għal parteċipanti ġodda skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE jintużaw għal dawk il-finijiet.

(63)

Mill-2013 'l hawn, il-produtturi tal-elettriku kienu obbligati jixtru l-kwoti kollha li kellhom bżonn biex jiġġeneraw l-elettriku. Madankollu, skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE, xi Stati Membri għandhom l-għażla li jipprovdu allokazzjoni tranżitorja bla ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija għall-perjodu mill-2021 sal-2030. Tliet Stati Membri għażlu li jużaw dik l-għażla. Minħabba l-ħtieġa ta' dekarbonizzazzjoni rapida, speċjalment fis-settur tal-enerġija, l-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu din l-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas biss għal investimenti mwettqa sal-31 ta' Diċembru 2024. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jżidu kwalunkwe kwota li jifdal għall-perjodu mill-2021 sal-2030 li mhijiex użata għal investimenti bħal dawn, fil-proporzjon li jiddeterminaw, mal-kwantità totali ta' kwoti li l-Istat Membru kkonċernat jirċievi għall-irkantar, jew jużawhom biex jappoġġaw investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Bl-eċċezzjoni tal-iskadenza għan-notifika tagħha, jenħtieġ li l-kwoti ttrasferiti lill-Fond għall-Modernizzazzjoni jkunu soġġetti għall-istess regoli li jikkonċernaw l-investimenti li huma applikabbli għall-kwoti diġà trasferiti skont l-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà u t-trasparenza fir-rigward tal-ammont ta' kwoti disponibbli jew għall-irkantar jew inkella għall-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas, u fir-rigward tal-assi ġestiti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ammonti ta' kwoti li jkun fadal li jridu jintużaw għal kull fini, rispettivament, sal-15 ta' Mejju 2024.

(64)

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jenħtieġ li jiġi allinjat mal-objettivi klimatiċi l-aktar reċenti tal-Unjoni billi jirrikjedi li l-investimenti jkunu konsistenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-Regolament (UE) 2021/1119, u li jiġi eliminat l-appoġġ għal kwalunkwe investiment relatat mal-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili, minbarra fir-rigward tal-appoġġ għal tali investimenti bi dħul minn kwoti ttrasferiti volontarjament fil-Fond għall-Modernizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-appoġġ limitat għal tali investimenti jibqa' possibbli bi dħul mill-allokazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta' dik id-Direttiva taħt ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari meta l-attività tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli skont ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u fir-rigward tal-kwoti rkantati sal-2027. Għal din l-aħħar kategorija ta' kwoti, l-użi downstream tal-fjuwils fossili mhux solidi jenħtieġ li, barra minn hekk, ma jiġux appoġġati bi dħul minn kwoti rkantati wara l-2028. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-persentaġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jeħtieġ li jiġi ddedikat għall-investimenti ta' prijorità jiżdied għal 80 % għall-kwoti tal-Fond għall-Modernizzazzjoni ttrasferiti f'konformità mal-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva, u għal 90 % għall-ammont addizzjonali ta' 2,5 % mill-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha.

L-effiċjenza enerġetika inkluż fl-industrija, it-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart; it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli; kif ukoll l-appoġġ għall-unitajiet domestiċi biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku, inkluż f'żoni rurali u remoti, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investimenti ta' prijorità. Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġi vvalutat aħjar l-impatt tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, jenħtieġ li l-Kumitat tal-Investiment jirrapporta kull sena lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-esperjenza fl-evalwazzjoni tal-investimenti, b'mod partikolari f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet u kostijiet tat-tnaqqis.

(65)

Id-Direttiva (UE) 2018/410 introduċiet dispożizzjonijiet relatati mal-kanċellazzjoni mill-Istati Membri ta' kwoti mill-volum tal-irkant tagħhom fir-rigward tal-għeluq tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tagħhom. Fid-dawl taż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni u d-dekarbonizzazzjoni aċċelerata li tirriżulta tas-settur tal-elettriku, tali kanċellazzjoni saret dejjem aktar rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk l-użu ta' kanċellazzjoni mill-Istati Membri jistax jiġi ffaċilitat billi jiġu emendati l-atti delegati rilevanti adottati skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(66)

L-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas introdotti fid-Direttiva (UE) 2018/410 u li saru effettivi mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 (22) tejbu l-effiċjenza u l-inċentivi pprovduti mill-allokazzjoni bla ħlas, iżda żiedu l-piż amministrattiv u għamlu d-data storika tal-ħruġ tal-allokazzjoni bla ħlas tat-28 ta' Frar inoperattiva. Sabiex jitqiesu aħjar l-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas, huwa xieraq li jsiru aġġustamenti fiċ-ċiklu ta' konformità. Għalhekk, l-iskadenza għall-awtoritajiet kompetenti biex jagħtu allokazzjoni bla ħlas jenħtieġ li tiġi posposta mit-28 ta' Frar għat-30 ta' Ġunju u l-iskadenza għall-operaturi biex iċedu l-kwoti jenħtieġ li tiġi posposta mit-30 ta' April għat-30 ta' Settembru.

(67)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (23) jistabbilixxi regoli dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet mill-bijomassa, li huma konsistenti mar-regoli dwar l-użu tal-bijomassa stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġija rinnovabbli. Hekk kif il-leġiżlazzjoni ssir aktar elaborata dwar il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijomassa bl-aħħar regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), l-għoti ta' setgħat ta' implimentazzjoni fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li jiġi estiż b'mod espliċitu għall-adozzjoni tal-aġġustamenti meħtieġa għall-applikazzjoni fl-EU ETS tal-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijomassa, inklużi l-bijofjuwils, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tispeċifika kif għandu jitqies il-ħżin tal-emissjonijiet minn taħlitiet ta' bijomassa b'rata żero u bijomassa li mhijiex minn sorsi b'rata żero.

(68)

Il-fjuwils likwidi u gassużi rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika u l-fjuwils tal-karbonju riċiklati jistgħu jkunu importanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'setturi li huma diffiċli biex jiġu dekarbonizzati. Meta l-fjuwils tal-karbonju riċiklati u l-fjuwils likwidi u gassużi rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika jiġu prodotti minn CO2 maqbud taħt attività koperta minn din id-Direttiva, jenħtieġ li l-emissjonijiet jitqiesu taħt dik l-attività. Biex jiġi żgurat li l-fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika u l-fjuwils tal-karbonju riċiklati jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u biex jiġi evitat għadd doppju għall-fjuwils li jagħmlu dan, huwa xieraq li l-għoti tas-setgħa msemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jiġi estiż b'mod espliċitu għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-aġġustamenti meħtieġa għal kif għandu jitqies ir-rilaxx eventwali ta’ CO2, b'mod li jiżgura li jitqiesu l-emissjonijiet kollha, inkluż meta tali fjuwils jiġu prodotti minn CO2maqbud barra l-Unjoni, filwaqt li jiġi evitat l-għadd doppju u jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ inċentivi xierqa għall-qbid tal-emissjonijiet, filwaqt li jitqies ukoll it-trattament ta' dawk il-fjuwils skont id-Direttiva (UE) 2018/2001.

(69)

Billi s-CO2 huwa mistenni li jiġi ttrasportat ukoll b'mezzi oħrajn għajr pipelines, bħal bil-bastimenti u bit-trakkijiet, jenħtieġ li l-kopertura attwali fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE għat-trasport ta' gassijiet serra għall-fini tal-ħżin tiġi estiża għall-mezzi kollha tat-trasport għal raġunijiet ta' trattament ugwali u irrispettivament minn jekk il-mezzi tat-trasport humiex koperti mill-EU ETS. Meta l-emissjonijiet mit-trasport ikunu koperti wkoll minn attività oħra skont id-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-emissjonijiet jitqiesu taħt dik l-attività l-oħra biex jiġi evitat għadd doppju.

(70)

L-esklużjoni mill-EU ETS ta' installazzjonijiet li jużaw esklussivament il-bijomassa wasslet għal sitwazzjonijiet fejn l-installazzjonijiet li jaħarqu sehem għoli ta' bijomassa jkunu kisbu profitti mhux previsti billi jkunu rċevew kwoti bla ħlas li jaqbżu bil-kbir l-emissjonijiet attwali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi introdott valur ta' livell limitu għall-kombustjoni tal-bijomassa b'rata żero, li 'l fuq minnu l-installazzjonijiet jiġu esklużi mill-EU ETS. L-introduzzjoni ta' livell limitu jipprovdi aktar ċertezza dwar liema installazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS u jippermetti li l-kwoti bla ħlas jitqassmu b'mod aktar ugwali lil setturi li jinsabu f'riskju akbar ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'mod partikolari. Jenħtieġ li l-livell limitu jiġi stabbilit f'livell ta' 95 % biex jiġu bbilanċjati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-installazzjonijiet li jibqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS. Għalhekk, l-installazzjonijiet li żammew il-kapaċità fiżika li jaħarqu l-fjuwils fossili jenħtieġ li ma jiġux inċentivati biex jerġgħu lura għall-użu ta' tali fjuwils. Livell limitu ta' 95 % jiżgura li jekk installazzjoni tuża fjuwils fossili bil-għan li tibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS biex tibbenefika minn kwoti ta' allokazzjoni bla ħlas, il-kostijiet tal-karbonju relatati mal-użu ta' dawk il-fjuwils fossili jkunu importanti biżżejjed biex jaġixxu ta' diżinċentiv.

Dak il-livell limitu jiżgura wkoll li l-installazzjonijiet li jużaw kwantità mdaqqsa ta' fjuwils fossili jibqgħu taħt l-obbligi ta' monitoraġġ tal-EU ETS, u b'hekk tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni potenzjali tal-obbligi eżistenti ta' monitoraġġ, rapportar u verifika. Fl-istess ħin, installazzjonijiet li jaħarqu sehem aktar baxx ta' bijomassa b'rata żero jenħtieġ li jkomplu jiġu mħeġġa, permezz ta' mekkaniżmu flessibbli, biex ikomplu jnaqqsu l-kombustjoni tal-fjuwils fossili filwaqt li jibqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS sakemm l-użu tagħhom tal-bijomassa sostenibbli jkun tant sostanzjali li l-inklużjoni tagħhom taħt l-EU ETS ma tibqax ġustifikata. Barra minn hekk, l-esperjenza uriet li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa, li effettivament hija livell limitu ta' 100 % ħlief għall-kombustjoni tal-fjuwils fossili matul il-fażijiet tal-bidu u tat-tmiem tat-tħaddim, teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid u definizzjoni aktar preċiża. Il-livell limitu ta' 95 % jippermetti l-kombustjoni tal-fjuwils fossili matul il-fażijiet tal-bidu u tat-tmiem tat-tħaddim.

(71)

Sabiex jinċentivaw l-adozzjoni ta' teknoloġiji b'livell baxx u żero ta' emissjonijiet tal-karbonju, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-operaturi bl-għażliet li jibqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS sa tmiem il-perjodu attwali u dak tal-ħames snin li jmiss imsemmi fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jekk l-installazzjoni tbiddel il-proċess ta' produzzjoni tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha u ma tibqax tissodisfa l-livell limitu ta' 20 MW tal-input termiku nominali totali.

(72)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ippubblikat ir-rapport finali tagħha dwar il-kwoti ta' emissjonijiet u derivattivi assoċjati fit-28 ta' Marzu 2022. Ir-rapport huwa analiżi komprensiva tal-integrità tas-suq Ewropew tal-karbonju u pprovda għarfien espert u rakkomandazzjonijiet fir-rigward taż-żamma tal-funzjonament xieraq tas-suq tal-karbonju. Sabiex jiġu mmonitorjati kontinwament l-integrità u t-trasparenza tas-suq, ir-rapportar mill-ESMA jenħtieġ li jitwettaq fuq bażi regolari. L-ESMA diġà qiegħda tivvaluta l-iżviluppi tas-suq u, meta jkun meħtieġ, tipprovdi rakkomandazzjonijiet, fil-qasam tal-kompetenza tagħha, fir-rapporti tagħha dwar xejriet, riskji u vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25). L-analiżi tas-suq Ewropew tal-karbonju, li tinkludi l-irkanti tal-kwoti tal-emissjonijiet, in-negozjar fuq il-post u barra l-borża fil-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom, jenħtieġ li tkun parti minn dak ir-rapportar annwali. Dan l-obbligu jwassal għas-simplifikar tar-rapportar magħmul mill-ESMA u jippermetti tqabbil bejn is-swieq, b'mod partikolari minħabba rabtiet b'saħħithom bejn l-EU ETS u s-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet.

Tali analiżi regolari mill-ESMA jenħtieġ li b'mod partikolari timmonitorja kwalunkwe volatilità tas-suq u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet, l-operat tal-irkantijiet u l-operazzjonijiet tan-negozjar fis-suq, il-likwidità u l-volumi nnegozjati, u l-kategoriji u l-imġiba kummerċjali tal-parteċipanti fis-suq, inkluża attività spekulattiva li jkollha impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet. Jenħtieġ li l-valutazzjonijiet tagħha, meta jkun rilevanti, jinkludu rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l-integrità u t-trasparenza tas-suq kif ukoll l-obbligi ta' rapportar, u biex jissaħħu l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-abbuż tas-suq u biex tingħata għajnuna għaż-żamma ta' swieq ordnati għall-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq il-valutazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tar-rapport annwali dwar is-suq tal-karbonju u, fejn meħtieġ, fir-rapporti biex tiżgura l-funzjonament aħjar tas-suq tal-karbonju.

(73)

Sabiex jiġu inċentivati aktar l-investimenti meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin distrettwali u jiġu indirizzati l-aspetti soċjali relatati mal-prezzijiet għolja tal-enerġija u l-intensità għolja tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali, fl-Istati Membri b'sehem għoli ħafna ta' emissjonijiet minn tisħin distrettwali meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija, jenħtieġ li l-operaturi jkunu jistgħu japplikaw għal allokazzjoni tranżitorja bla ħlas addizzjonali għall-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali, u jenħtieġ li l-valur addizzjonali tal-allokazzjoni bla ħlas jiġi investit biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet qabel l-2030. Biex jiġi żgurat li dak it-tnaqqis iseħħ, jenħtieġ li l-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas addizzjonali tkun kondizzjonali fuq l-investimenti magħmula u fuqit-tnaqqis fl-emissjonijiet miksuba kif stabbilit fi pjanijiet tan-newtralità klimatika li jridu jitfasslu mill-operaturi għall-installazzjonijiet rilevanti tagħhom.

(74)

Żidiet eċċessivi mhux mistennija jew f'daqqa fil-prezzijiet fis-suq tal-karbonju jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-prevedibbiltà tas-suq, li hija essenzjali għall-ippjanar tal-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, il-miżura li tapplika f'każ ta' fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet fis-suq għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tissaħħaħ b'attenzjoni biex tittejjeb ir-reattività tagħha għal flutwazzjonijiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet. Jekk il-kundizzjoni ta' skattar bbażata fuq iż-żieda fil-prezz medju tal-kwoti tiġi ssodisfata, din il-miżura ta' salvagwardja bbażata fuq ir-regoli jenħtieġ li tiġi applikata awtomatikament, b'hekk jirriżulta f'rilaxx ta' għadd predeterminat ta' kwoti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26). Il-kundizzjoni ta' skattar jenħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib mill-Kummissjoni u ppubblikata kull xahar biex tittejjeb it-trasparenza. Biex jiġi żgurat l-irkantar ordnat tal-kwoti rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq skont din il-miżura ta' salvagwardja u biex tittejjeb il-prevedibbiltà tas-suq, jenħtieġ li din il-miżura ma terġax tapplika sa mill-inqas tnax-il xahar wara t-tmiem tar-rilaxx preċedenti tal-kwoti fis-suq skont il-miżura.

(75)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 - Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna" issottolinjat l-isfida partikolari li jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq. Għalhekk, il-Kummissjoni ħabbret li espansjoni ulterjuri tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tista' tinkludi emissjonijiet mill-bini u mit-trasport bit-triq, filwaqt li indikat li l-kopertura tal-emissjonijiet kollha mil-kombustjoni tal-fjuwil tippreżenta benefiċċji importanti. L-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li jiġi applikat għall-fjuwils użati għall-kombustjoni fis-setturi tal-bini u t-trasport bit-triq kif ukoll f’setturi addizzjonali li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali mhux koperti mill-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE bħat-tisħin ta’ faċilitajiet industrijali (“setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali”). Għal dawk is-setturi, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet separata iżda b’mod parallel biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet li tiffunzjona tajjeb għall-installazzjonijiet stazzjonarji u għall-avjazzjoni. Is-sistema l-ġdida hija akkumpanjata minn politiki komplementari li jsawru l-aspettattivi tal-parteċipanti fis-suq u li jimmiraw għal sinjal tal-prezz tal-karbonju għall-ekonomija kollha filwaqt li jipprovdu miżuri biex jiġu evitati impatti bla bżonn fuq il-prezzijiet. L-esperjenza preċedenti wriet li l-iżvilupp tas-sistema l-ġdida jeħtieġ l-istabbiliment ta' sistema effiċjenti ta' monitoraġġ, rapportar u verifika. Bil-ħsieb li jiġu żgurati sinerġiji u konsistenza mal-infrastruttura eżistenti tal-Unjoni għall-EU ETS, huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali permezz ta' emenda għad-Direttiva 2003/87/KE.

(76)

Sabiex jiġi stabbilit il-qafas ta' implimentazzjoni meħtieġ u jiġi pprovdut perjodu ta' żmien raġonevoli biex tintlaħaq il-mira tal-2030, jenħtieġ li l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali jibda fl-2025. Matul l-ewwel snin, jenħtieġ li l-entitajiet regolati jkunu meħtieġa jżommu permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom għas-snin mill-2024 sal-2026. Jenħtieġ li l-ħruġ ta' kwoti u l-obbligi ta' konformità għal dawk l-entitajiet ikunu applikabbli mill-2027. Dan is-sekwenzjar jippermetti l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet f’dawk is-setturi jibda b'mod ordnat u effiċjenti. Dan jippermetti wkoll li l-miżuri jkunu fis-seħħ biex tiġi żgurata introduzzjoni soċjalment ġusta tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, sabiex jittaffa l-impatt tal-prezz tal-karbonju fuq unitajiet domestiċi vulnerabbli u fuq l-utenti tat-trasport.

(77)

Minħabba l-għadd kbir ħafna ta' emittenti żgħar fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit il-punt ta' regolamentazzjoni fil-livell ta' entitajiet li jarmu direttament gassijiet serra, kif inhu l-każ għall-installazzjonijiet stazzjonarji u għall-avjazzjoni. Għalhekk, għal raġunijiet ta' fattibbiltà teknika u effiċjenza amministrattiva, huwa aktar xieraq li jiġi stabbilit il-punt ta' regolamentazzjoni aktar 'il fuq fil-katina tal-provvista. L-att li jiskatta l-obbligu ta' konformità taħt is-sistema l-ġdida ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li jkun ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq, inkluż għalt-trasport bit-triq ta' gassijiet serra għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku tagħhom, kif ukoll fis-setturi addizzjonali li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali mhux koperti mill-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE. Biex tiġi evitata kopertura doppja, ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw f'attivitajiet skont l-Anness I ta' dik id-Direttiva ma jenħtieġx li jiġi kopert.

(78)

L-entitajiet regolati fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali u l-punt ta' regolamentazzjoni jenħtieġ li jiġu definiti f'konformità mas-sistema tad-dazju tas-sisa stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (27), bl-adattamenti meħtieġa, billi dik id-Direttiva diġà tistabbilixxi sistema robusta ta' kontroll għall-kwantitajiet kollha ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum għall-finijiet tal-ħlas tad-dazji tas-sisa. Il-konsumaturi finali tal-fjuwils f'dawk is-setturi jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-obbligi skont id-Direttiva 2003/87/KE.

(79)

L-entitajiet regolati li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rekwiżiti simili ta' permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra bħall-operaturi ta' installazzjonijiet stazzjonarji. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-applikazzjonijiet għal permessi, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi, il-kontenut, u r-rieżami, u kwalunkwe bidla relatata mal-entità regolata. Sabiex is-sistema l-ġdida tibda b'mod ordnat, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-entitajiet regolati li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ikollhom permess validu mill-bidu tas-sistema fl-2025.

(80)

Jenħtieġ li l-kwantità totali ta' kwoti għas-sistema l-ġdida ta' kwoti tal-emissjonijiet issegwi trajettorja lineari biex tilħaq il-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030, filwaqt li jitqies il-kontribut kosteffiċjenti tas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 43 % sal-2030, meta mqabbel mal-2005 u tas-setturi addizzjonali, kontribut kosteffiċjenti kkombinat ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 42 % sal-2030, meta mqabbel mal-2005. Jenħtieġ li l-kwantità totali ta' kwoti tiġi stabbilita għall-ewwel darba fl-2027 biex issegwi trajettorja li tibda fl-2024 mill-valur tal-limiti tal-emissjonijiet tal-2024, ikkalkulat f'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) abbażi tal-emissjonijiet ta' referenza għal dawn is-setturi koperti għall-2005 u għall-perjodu mill-2016 sal-2018 kif determinat skont l-Artikolu 4(3) ta' dak ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fattur ta' tnaqqis lineari jiġi stabbilit għal 5,10 %. Mill-2028, jenħtieġ li l-kwantità totali ta' kwoti tiġi stabbilita abbażi tal-emissjonijiet medji rrapportati għas-snin 2024, 2025 u 2026, u jenħtieġ li tonqos bl-istess rata ta’ tnaqqis annwali assolut kif stabbilit mill-2024, li jikkorrispondi għal fattur ta' tnaqqis lineari ta' 5,38 % meta mqabbel mal-valur komparabbli tal-2025 tat-trajettorja definita hawn fuq. Jekk dawk l-emissjonijiet ikunu ogħla b'mod sinifikanti minn dak il-valur tat-trajettorja u jekk tali diverġenza ma tkunx dovuta għal differenzi fuq skala żgħira fil-metodoloġiji tal-kejl tal-emissjonijiet, jenħtieġ li l-fattur ta' tnaqqis lineari jiġi aġġustat biex jintlaħaq il-livell ta’ tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet fl-2030.

(81)

L-irkantar tal-kwoti huwa l-aktar metodu sempliċi u ekonomikament effiċjenti għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet, u jevita wkoll profitti mhux previsti. Kemm is-settur tal-bini kif ukoll dak tat-trasport bit-triq huma taħt pressjoni kompetittiva relattivament żgħira jew mhux eżistenti minn barra l-Unjoni u mhumiex esposti għal riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwoti għall-bini u għat-trasport bit-triq jiġu allokati biss permezz ta' rkantar, mingħajr ma jkun hemm allokazzjoni bla ħlas.

(82)

Sabiex jiġi żgurat bidu bla xkiel tas-sistema ta' kwoti tal-emissjonijiet il-ġdida u b'kont meħud tal-ħtieġa tal-entitajiet regolati li jiħħeġġjaw jew jixtru kwoti bil-quddiem biex itaffu r-riskju tagħhom tal-prezz u tal-likwidità, jenħtieġ li jiġu rkantati ammont ogħla ta' kwoti minn kmieni. Għalhekk, jenħtieġ li l-volumi tal-irkant fl-2027 ikunu 30 % ogħla mill-kwantità totali tal-kwoti għall-2027. Dan l-ammont ikun biżżejjed biex jipprovdi likwidità, kemm jekk l-emissjonijiet jonqsu f'konformità mat-tnaqqis meħtieġ, kif ukoll f'każ li t-tnaqqis fl-emissjonijiet iseħħ biss b'mod progressiv. Jenħtieġ li r-regoli dettaljati għal dak it-tqassim minn qabel tal-volum tal-irkant jiġu stabbiliti f'att delegat relatat mal-irkantar, adottat skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(83)

Ir-regoli ta' distribuzzjoni dwar l-ishma tal-irkant huma rilevanti ħafna għal kwalunkwe dħul mill-irkant li jakkumula għall-Istati Membri, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw l-impatti soċjali ta' sinjal tal-prezz tal-karbonju fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq. Minkejja l-fatt li dawk is-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali għandhom karatteristiċi differenti ħafna, huwa xieraq li tiġi stabbilita regola ta' distribuzzjoni komuni simili għal dik applikabbli għall-installazzjonijiet stazzjonarji. Il-maġġoranza tal-kwoti jenħtieġ li titqassam fost l-Istati Membri kollha abbażi tad-distribuzzjoni medja tal-emissjonijiet fit-trasport bit-triq, il-bini kummerċjali u istituzzjonali u l-bini residenzjali, matul il-perjodu mill-2016 sal-2018.

(84)

L-introduzzjoni tal-prezz tal-karbonju fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn kumpens soċjali effettiv, speċjalment fid-dawl tal-livelli eżistenti ta' faqar enerġetiku. Madwar 34 miljun ċittadin Ewropew, kważi 6,9 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, qalu li ma jistgħux jaffordjaw li jsaħħnu djarhom b'mod suffiċjenti fi stħarriġ li sar fl-2021 madwar l-Unjoni kollha. Biex jinkiseb kumpens soċjali u distributtiv effettiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jonfqu d-dħul mill-irkant mill-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali għall-finijiet relatati mal-klima u l-enerġija diġà speċifikati għas-sistema eżistenti ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, billi jagħtu prijorità lil attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-aspetti soċjali tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, jew għal miżuri miżjuda speċifikament biex jindirizzaw it-tħassib relatat għal dawk is-setturi, inklużi miżuri ta' politika relatati skont id-Direttiva 2012/27/UE.

Fond Soċjali għall-Klima ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) se jipprovdi finanzjament iddedikat lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-gruppi vulnerabbli l-aktar affettwati, speċjalment l-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku jew tat-trasport. Il-Fond Soċjali għall-Klima ser jippromwovi l-ġustizzja u s-solidarjetà bejn u fi ħdan l-Istati Membri, filwaqt li jtaffi r-riskju tal-faqar enerġetiku u tat-trasport matul it-tranżizzjoni. Huwa se jibni fuq il-mekkaniżmi ta' solidarjetà eżistenti u jikkomplementahom, f'sinerġija ma' programmi u fondi oħra ta' nfiq tal-Unjoni. 50 miljun kwota mill-EU ETS skont l-Artikolu 10a(8b) tad-Direttiva 2003/87/KE u 150 miljun kwota mill-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, u d-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti li jikkonċernaw is-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, sa massimu ta’ EUR 65 000 000 000, jenħtieġ li jintużaw għall-finanzjament tal-Fond Soċjali għall-Klima fil-forma ta' dħul assenjat estern fuq bażi temporanja u eċċezzjonali, sakemm isiru d-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2021 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea rigward l-istabbiliment ta' riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-EU ETS f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu,) tat-TFUE.

Huwa meħtieġ li jiġi previst li, meta tiġi adottata deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE li tistabbilixxi dik ir-riżorsa proprja ġdida, jenħtieġ li, meta tali deċiżjoni tidħol fis-seħħ, l-istess dħul ma jibqax assenjat esternament. Fir-rigward tal-Fond Soċjali għall-Klima, f'każ tal-adozzjoni ta' tali deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tippreżenta, kif xieraq, il-proposti meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament (UE) 2023/955. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2027.

(85)

Ir-rapportar dwar l-użu tad-dħul mill-irkantar jenħtieġ li jiġi allinjat mar-rapportar attwali stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1999.

(86)

L-entitajiet regolati koperti mis-sistema l-ġdida ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li jċedu l-kwoti għall-emissjonijiet ivverifikati tagħhom li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta' fjuwils li jkunu rrilaxxaw għall-konsum. Jenħtieġ li huma jċedu l-kwoti għall-ewwel darba għall-emissjonijiet ivverifikati tagħhom fl-2027. Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv, għadd ta' regoli applikabbli għas-sistema eżistenti tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għal installazzjonijiet stazzjonarji u għall-avjazzjoni jenħtieġ li jsiru applikabbli għas-sistema l-ġdida ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq oħrajn addizzjonali, bl-adattamenti meħtieġa. Dan jinkludi, b'mod partikolari, regoli dwar it-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti, kif ukoll ir-regoli dwar il-validità tal-kwoti, il-penali, l-awtoritajiet kompetenti u l-obbligi ta' rapportar tal-Istati Membri.

(87)

Ċerti Stati Membri diġà għandhom taxxi nazzjonali fuq il-karbonju li japplikaw għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta deroga temporanja sa tmiem l-2030. Biex jiġi żgurat li l-objettivi tad-Direttiva 2003/87/KE jinkisbu u li s-sistema l-ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet hija koerenti, jenħtieġ li l-għażla tal-applikazzjoni ta’ dik id-deroga tkun disponibbli biss meta r-rata tat-taxxa nazzjonali tkun ogħla mill-prezz medju tal-irkantar għas-sena rilevanti, u jenħtieġ li tapplika biss għall-obbligu ta' ċediment tal-entitajiet regolati li jħallsu tali taxxa. Biex jiġu żgurati l-istabbiltà u t-trasparenza tas-sistema, it-taxxa nazzjonali, inkluż ir-rati tat-taxxa rilevanti, jenħtieġ li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sat-tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva. Id-deroga jenħtieġ li ma taffettwax id-dħul assenjat estern għall-Fond Soċjali għall-Klima jew, jekk stabbilita skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE, riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul mill-iskambju tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali.

(88)

Sabiex l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali jkun effettiv, jenħtieġ li jkun possibbli li l-emissjonijiet jiġu mmonitorjati b'ċertezza għolja u b'kost raġonevoli. Jenħtieġ li l-emissjonijiet jiġu attribwiti lill-entitajiet regolati abbażi tal-kwantitajiet ta' fjuwil rilaxxati għall-konsum u kkombinati ma' fattur ta' emissjoni. Jenħtieġ li l-entitajiet regolati jkunu jistgħu jidentifikaw u jiddifferenzjaw b'mod affidabbli u preċiż is-setturi li fihom jiġu rilaxxati l-fjuwils għall-konsum, kif ukoll l-utenti finali tal-fjuwils, sabiex jiġu evitati effetti mhux mixtieqa, bħal piż doppju. Fl-għadd żgħir ta' każijiet meta ma jistax jiġi evitat l-għadd doppju bejn l-emissjonijiet fl-EU ETS eżistenti u s-sistema l-ġdida ta’ skambju ta’ emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, jew meta l-kostijiet jirriżultaw minħabba ċ-ċediment tal-kwoti għall-emissjonijiet minn attivitajiet mhux koperti mid-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw tali dħul biex jikkumpensaw għall-għadd doppju inevitabbli jew kostijiet oħra bħal dawn barra s-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali f'konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tiżgura kundizzjonijiet uniformi biex jiġi evitat l-għadd doppju u ċ-ċediment ta' kwoti għal emissjonijiet mhux koperti mis-sistema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, u biex jiġi pprovdut kumpens finanzjarju. Biex tkompli tittaffa kwalunkwe kwistjoni ta' għadd doppju, l-iskadenzi għall-monitoraġġ u ċ-ċediment fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li tkun xahar wara l-iskadenzi fis-sistema eżistenti għall-installazzjonijiet stazzjonarji u l-avjazzjoni. Biex ikun hemm biżżejjed data biex tiġi stabbilita l-kwantità totali ta' kwoti għall-perjodu mill-2028 sal-2030, l-entitajiet regolati li jkollhom permess fil-bidu tas-sistema fl-2025 jenħtieġ li jirrapportaw l-emissjonijiet storiċi assoċjati tagħhom għall-2024.

(89)

It-trasparenza fir-rigward tal-kostijiet tal-karbonju u sa liema punt jiġu mogħdija fuq il-konsumaturi huma ta' importanza ewlenija biex ikun jista' jsir tnaqqis rapidu u kosteffiċjenti tal-emissjonijiet fis-setturi kollha tal-ekonomija. Dan huwa ta' importanza partikolari f'sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet li hija bbażata fuq obbligi upstream. Is-sistema l-ġdida ta' skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet huwa maħsub biex jinċentiva lill-entitajiet regolati biex inaqqsu l-kontenut tal-karbonju tal-fjuwils u jenħtieġ li tali entitatjiet ma jagħmlux profitti mhux dovuti billi jiġu mogħdija aktar kostijiet tal-karbonju fuq il-konsumaturi milli jġarrbu huma. Filwaqt li l-irkantar sħiħ tal-kwoti tal-emissjonijiet skont is-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali diġà jillimita l-okkorrenza ta' tali profitti mhux dovuti, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja sa liema punt l-entitajiet regolati jgħaddu l-kostijiet tal-karbonju, sabiex jiġu evitati profitti mhux mistennija. Fir-rigward tal-Kapitolu IVa, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena, meta jkun possibbli skont it-tip ta' fjuwil, dwar il-livell medju tal-ispejjeż tal-karbonju li jkunu ġew mogħdija fuq il-konsumaturi fl-Unjoni.

(90)

Huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri biex jiġi indirizzat ir-riskju potenzjali ta' żidiet eċċessivi fil-prezzijiet, li, jekk ikunu partikolarment għoljin fil-bidu tas-sistema tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet il-ġdida, jistgħu jimminaw ir-rieda tal-unitajiet domestiċi u tal-individwi li jinvestu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jikkomplementaw is-salvagwardji pprovduti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq u li saru operattivi fl-2019. Filwaqt li s-suq se jkompli jiddetermina l-prezz tal-karbonju, il-miżuri ta' salvagwardja se jiġu skattati permezz ta' mekkaniżmu awtomatiku bbażat fuq ir-regoli, fejn il-kwoti jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq biss jekk jiġu ssodisfati kundizzjonijiet konkreti ta' skattar, wieħed jew aktar, ibbażati fuq iż-żieda fil-prezz medju tal-kwoti. Dan il-mekkaniżmu addizzjonali jenħtieġ li jkun ukoll reattiv ferm, sabiex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva dovuta għal fatturi għajr dak ta' tibdil fil-prinċipji fundamentali tas-suq. Jenħtieġ li l-miżuri jiġu adattati għal livelli differenti ta' żieda eċċessiva fil-prezzijiet, li tirriżulta fi gradi differenti ta’ intervent. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-iskattar jiġu mmonitorjati mill-qrib mill-Kummissjoni u jenħtieġ li l-miżuri jiġu adottati mill-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta' akkumpanjament li jistgħu jadottaw l-Istati Membri biex jindirizzaw l-impatti soċjali negattivi.

(91)

Sabiex tiżdied iċ-ċertezza għaċ-ċittadini li l-prezz tal-karbonju fis-snin inizjali tas-sistema l-ġdida tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ma jaqbiżx il-EUR 45, huwa xieraq li jiġi inkluż mekkaniżmu addizzjonali ta' stabbiltà tal-prezzijiet biex jiġu rilaxxati kwoti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f'każ li l-prezz tal-karbonju jaqbeż dak il-livell. Fil-prinċipju, il-miżura jenħtieġ li tapplika darba matul perjodu ta' 12-il xahar. Madankollu, jenħtieġ li tkun tista' terġa' tapplika wkoll matul l-istess perjodu ta' 12-il xahar meta l-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, tqis li l-evoluzzjoni tal-prezz tiġġustifika rilaxx ieħor tal-kwoti. Fid-dawl tal-għan ta' dan il-mekkaniżmu li jiżgura l-istabbiltà fis-snin inizjali tas-sistema l-ġdida tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-funzjonament tiegħu u jekk jenħtieġx li jitkompla wara l-2029.

(92)

Bħala mekkaniżmu ta' salvagwardja addizzjonali qabel il-bidu tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi ttardjata l-applikazzjoni tal-limitu massimu u l-obbligi ta' ċediment meta l-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass jew taż-żejt ikunu eċċezzjonalment għoljin meta mqabbla max-xejriet storiċi. Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun awtomatiku, jiġifieri li l-applikazzjoni tal-limitu massimu u l-obbligi ta' ċediment jiddewmu b'sena jekk jiġu ssodisfati l-iskattaturi konkreti tal-prezz tal-enerġija. Il-prezzijiet ta' referenza jenħtieġ li jiġu ddeterminati abbażi ta' kuntratti ta' referenza fis-swieq bl-ingrossa tal-gass u taż-żejt li huma disponibbli immedjatament u l-aktar rilevanti għall-konsumaturi finali. Jenħtieġ li jiġu previsti kundizzjonijiet ta' skattar separati għall-prezzijiet tal-gass u taż-żejt, peress li l-iżviluppi fil-prezzijiet tagħhom isegwu xejriet storiċi differenti. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi ċarezza dwar l-applikazzjoni tad-dewmien biżżejjed minn qabel, permezz ta' avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(93)

L-applikazzjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali jenħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni, inkluż il-grad ta' konverġenza fil-prezzijiet mal-EU ETS eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, jenħtieġ li jiġi propost rieżami lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jittejbu l-effettività, l-amministrazzjoni u l-applikazzjoni prattika tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għal dawk is-setturi abbażi tal-għarfien miksub, kif ukoll konverġenza miżjuda fil-prezzijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta l-ewwel rapport dwar dawk il-kwistjonijiet sal-1 ta' Jannar 2028.

(94)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3ga(2), l-Artikolu 3gf(2) u (4), l-Artikolu 10b(4), l-Artikolu 12(3-d) u (3-c), l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 30f(3) u (5) u l-Artikolu 30h(7) tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Biex jiġu żgurati sinerġiji mal-qafas regolatorju eżistenti, l-għoti ta' setgħat ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikoli 14 u 15 ta' dik id-Direttiva jenħtieġ li jiġi estiż biex ikopri s-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u setturi addizzjonali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni, ħlief is-setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 3gf(2) u l-Artikolu 12(3-d) u (3-c) tad-Direttiva 2003/87/KE, ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30).

(95)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f'din id-Direttiva u f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk fir-Regolament (UE) 2021/1119, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jagħmlu użu mill-evidenza xjentifika l-aktar reċenti waqt l-implimentazzjoni tal-politiki. Għalhekk, meta l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jipprovdi pariri xjentifiċi u joħroġ rapporti dwar l-EU ETS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis tali pariri u rapporti, b'mod partikolari, fir-rigward tal-ħtieġa għal politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità mal-objettivi u l-miri tar-Regolament (UE) 2021/1119, u politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni fid-dawl tal-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ta' miżuri globali bbażati fuq is-suq għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu.

(96)

Biex tiġi rikonoxxuta l-kontribuzzjoni tad-dħul tal-EU ETS għat-tranżizzjoni klimatika, jenħtieġ li tiġi introdotta tikketta tal-EU ETS. Fost miżuri oħra biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-finanzjament mill-EU ETS, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-proġetti u l-attivitajiet appoġġati permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Fond għall-Innovazzjoni jiġu indikati b'mod ċar bħala li ġejjin mid-dħul tal-EU ETS billi juru tikketta xierqa.

(97)

Bl-għan li jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, jenħtieġ li tiġi stabbilita mira klimatika għall-Unjoni kollha għall-2040, abbażi ta' proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dak ir-Regolament. L-EU ETS jenħtieġ li tiġi rieżaminata biex tiġi allinjata mal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040. Bħala riżultat, sa Lulju 2026, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar diversi aspetti tal-EU ETS, u takkumpanja r-rapport, meta jkun xieraq, bi proposta leġiżlattiva u valutazzjoni tal-impatt. F'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1119, jenħtieġ li tingħata prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet diretti, li se jkollu jiġi kkomplementat minn żieda fl-assorbimenti tal-karbonju sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika. Għalhekk, fost aspetti oħra, sa Lulju 2026 il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif l-emissjonijiet imneħħija mill-atmosfera u maħżuna b'mod sikur u permanenti, pereżempju permezz tal-qbid dirett mill-arja, jistgħu potenzjalment jiġu koperti mill-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, mingħajr ma jiġi kkumpensat it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet. Sakemm l-istadji kollha tal-ħajja ta' prodott, li fih jintuża l-karbonju maqbud, ikunu soġġetti għall-ipprezzar tal-karbonju, b'mod partikolari fl-istadju tal-inċinerazzjoni tal-iskart, id-dipendenza fuq il-kontabbiltà għall-emissjonijiet fil-punt tar-rilaxx tagħhom mill-prodotti fl-atmosfera tirriżulta f'sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet.

Sabiex tirregola l-qbid tal-karbonju b'mod li jnaqqas l-emissjonijiet netti u tiżgura li l-emissjonijiet kollha kkunsidrati u li jiġi evitat l-għadd doppju, filwaqt li tiġġenera inċentivi ekonomiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta, sa Lulju 2026, jekk l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra koperti mid-Direttiva 2003/87/KE humiex effettivament ikkunsidrati, u jekk l-għadd doppju huwiex effettivament evitat. B'mod partikolari, jenħtieġ li tivvaluta l-kontabbiltà għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jitqiesu li jkunu nqabdu u ntużaw fi prodott b'mod differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 12(3b), u tqis l-istadji downstream, inkluż ir-rimi u l-inċinerazzjoni tal-iskart. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fattibbiltà li jitnaqqsu l-livelli limitu massimi ta' input termiku nominali totali ta' 20 MW għall-attivitajiet fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji ambjentali u l-piż amministrattiv.

(98)

Sa Lulju 2026, il-Kummissjoni jenħtieġ ukoll li tivvaluta u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fattibbiltà tal-inklużjoni tal-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali fl-EU ETS, inkluż bil-ħsieb tal-inklużjoni tagħhom mill-2028, u jipprovdi valutazzjoni tal-ħtieġa potenzjali li Stat Membru jkollu l-għażla li ma jipparteċipax sa tmiem l-2030, filwaqt li titqies l-importanza tas-setturi kollha li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet. L-inklużjoni ta' installazzjonijiet ta' inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali fl-EU ETS tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari billi tinkoraġġixxi r-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid u t-tiswija tal-prodotti, filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għad-dekarbonizzazzjoni fl-ekonomija kollha. L-inklużjoni tal-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali ssaħħaħ l-inċentivi għall-ġestjoni sostenibbli tal-iskart f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn ir-reġjuni li jkunu inkludew l-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS.

Biex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-iskart mill-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali lejn il-landfills fl-Unjoni, li joħolqu emissjonijiet tal-metan, u biex jiġu evitati l-esportazzjonijiet tal-iskart lejn pajjiżi terzi, b'impatt potenzjalment negattiv fuq l-ambjent, fir-rapport tagħha l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis id-devjazzjoni potenzjali tal-iskart lejn ir-rimi permezz tar-rimi f'landfills fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-iskart lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali, l-allinjament mal-objettivi tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u r-robustezza u l-eżattezza fir-rigward tal-monitoraġġ u l-kalkolu tal-emissjonijiet. Meta jitqiesu l-emissjonijiet tal-metan mir-rimi fil-landfills u biex jiġi evitat il-ħolqien ta' kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta' kompetizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-possibbiltà li tinkludi, fl-EU ETS, proċessi oħra tal-ġestjoni tal-iskart, bħar-rimi fil-landfills, il-fermentazzjoni, l-ikkompostjar u t-trattament mekkaniku u bijoloġiku, meta tivvaluta l-fattibbiltà li jiġu inklużi installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali.

(99)

Sabiex jiġu adottati atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar, ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità, ir-regoli dwar l-operat tal-Fond tal-Innovazzjoni, ir-regoli dwar l-operat tal-mekkaniżmu tal-offerti kompetittivi fir-rigward ta’ CDs u CCDs, ir-rekwiżiti biex jitqies li l-gassijiet serra jkunu saru permanentement marbuta kimikament fi prodott u l-estensjoni tal-attività msemmija fl-Anness III għad-Direttiva 2003/87/KE għal setturi oħra. Barra minn hekk, biex jiġu żgurati sinerġiji mal-qafas regolatorju eżistenti, jenħtieġ li d-delega fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE li tikkonċerna l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar tiġi estiża biex tkopri s-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (32). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(100)

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-EU ETS eżistenti u l-estensjoni tagħha għat-trasport marittimu jenħtieġ li japplikaw mill-2024 f'konformità mal-ħtieġa ta' azzjoni klimatika urġenti u għas-setturi kollha biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'mod kosteffettiv. Konsegwentement, l-Istati Membri jenħtieġ li jittrasponu d-dispożizzjonijiet relatati ma' dawk is-setturi sal-31 ta' Diċembru 2023. Madankollu, l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali jenħtieġ li tkun it-30 ta' Ġunju 2024, peress li r-regoli dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika u l-permessi għal dawk is-setturi japplikaw mill-1 ta' Jannar 2025, u jirrikjedu biżżejjed żmien għal implimentazzjoni ordnata. Bħala eċċezzjoni, biex jiġu ggarantiti t-trasparenza u r-rapportar robust, jenħtieġ li l-Istati Membri jittrasponu l-obbligu li jirrapportaw dwar l-emissjonijiet storiċi għal dawk is-setturi sal-31 ta' Diċembru 2023, peress li dak l-obbligu huwa relatat mal-emissjonijiet fis-sena 2024. F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (33), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(101)

EU ETS riformata u li tiffunzjona sewwa, li tinkludi strument li jistabbilizza s-suq, hija mezz ewlieni għall-Unjoni biex tilħaq il-mira għall-2030 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha, l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi minn dakinhar 'il quddiem kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, kif ukoll l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. Ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq tfittex li tindirizza l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti fis-suq. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 jipprovdi li r-riżerva trid tiġi rieżaminata tliet snin wara li ssir operattiva, billi tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċifra perċentwali għad-determinazzjoni tal-għadd ta' kwoti li jridu jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, il-livell limitu għall-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni (TNAC) li jiddetermina l-inkorporazzjoni tal-kwoti, u l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva. Il-livell limitu attwali li jiddetermina t-tqegħid ta' kwoti fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq ġie stabbilit fl-2018, bl-aħħar rieżami tal-EU ETS, filwaqt li l-fattur ta' tnaqqis lineari qed jiżdied b'din id-Direttiva. Għalhekk, bħala parti mir-rieżami regolari tal-funzjonament tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-ħtieġa ta' aġġustament potenzjali ta' dak il-livell limitu, f'konformità mal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE.

(102)

Waqt li titqies il-ħtieġa li jingħata sinjal ta' investiment aktar b'saħħtu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b'mod kosteffiċjenti u bil-ħsieb li tissaħħaħ l-EU ETS, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tiġi emendata sabiex tiżdied ir-rata perċentwali għad-determinazzjoni tal-għadd ta' kwoti li jridu jitqiegħdu kull sena fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq. Barra minn hekk, għal livelli aktar baxxi tat-TNAC, jenħtieġ li l-inkorporazzjoni tkun ugwali għad-differenza bejn it-TNAC u l-livell limitu li jiddetermina l-inkorporazzjoni tal-kwoti. Dan jipprevjeni l-inċertezza konsiderevoli fil-volumi tal-irkant li tirriżulta meta t-TNAC ikun qrib il-livell limitu, u fl-istess ħin jiżgura li l-eċċess jilħaq il-wisa' tal-banda tal-volum li fiha s-suq tal-karbonju jitqies li jopera b'mod bilanċjat.

(103)

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-livell ta' kwoti li jifdal fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq wara l-invalidazzjoni jkun prevedibbli, jenħtieġ li l-invalidazzjoni tal-kwoti fir-riżerva ma tibqax tiddependi fuq il-volumi tal-irkant tas-sena preċedenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-għadd ta' kwoti fir-riżerva jiġi stabbilit f'livell ta' 400 miljun kwota, li jikkorrispondi għal-livell limitu inferjuri għall-valur tat-TNAC.

(104)

L-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal din id-Direttiva wriet ukoll li jenħtieġ li d-domanda netta mill-avjazzjoni tiġi inkluża fit-TNAC. Barra minn hekk, billi l-kwoti tal-avjazzjoni jistgħu jintużaw bl-istess mod bħall-kwoti ġenerali, l-inklużjoni tal-avjazzjoni fir-riżerva tagħmilha għodda aktar preċiża u, b'hekk, għodda aħjar, biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq. Jenħtieġ li l-kalkolu tat-TNAC jinkludi l-emissjonijiet tal-avjazzjoni u l-kwoti maħruġa fir-rigward tal-avjazzjoni mis-sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(105)

Biex jiġi ċċarat il-kalkolu tat-TNAC, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tispeċifika li huma biss il-kwoti maħruġa u mhux imqiegħda fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq li huma inklużi fil-provvista tal-kwoti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-formula ma tibqax tnaqqas l-għadd ta' kwoti fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq mill-provvista tal-kwoti. Din il-bidla ma jkollha l-ebda impatt materjali fuq ir-riżultat tal-kalkolu tat-TNAC, inkluż fuq il-kalkoli tal-passat tat-TNAC jew fuq ir-riżerva.

(106)

Sabiex jittaffa r-riskju ta' żbilanċi fil-provvista u fid-domanda assoċjati mal-bidu tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, kif ukoll biex dan isir aktar reżistenti għax-xokkijiet fis-suq, jenħtieġ li l-mekkaniżmu bbażat fuq ir-regoli tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq jiġi applikat għal dawk is-setturi. Sabiex dik ir-riżerva tkun operattiva mill-bidu tas-sistema, jenħtieġ li tiġi stabbilita b'dotazzjoni inizjali ta' 600 miljun kwota għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u f'setturi addizzjonali. Il-livelli limitu inferjuri u superjuri inizjali, li jiskattaw ir-rilaxx jew l-inkorporazzjoni tal-kwoti mir-riżerva, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal klawżola ta' rieżami ġenerali. Elementi oħrajn, bħall-pubblikazzjoni tat-TNAC jew il-kwantità ta' kwoti rilaxxati jew imqiegħda fir-riżerva, jenħtieġ li jsegwu r-regoli tar-riżerva għal setturi oħrajn.

(107)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti b'mod li huwa proporzjonat għall-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra netti fl-ekonomija kollha għall-2030 permezz ta' mekkaniżmu estiż u emendat ibbażat fuq is-suq għall-Unjoni kollha, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(108)

Jenħtieġ, għalhekk, li d-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Din id-Direttiva tipprevedi wkoll li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiżdied sabiex jikkontribwixxi għal-livelli tat-tnaqqis li huma kkunsidrati xjentifikament meħtieġa biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u l-miri klimatiċi tagħha kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u b'hekk biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi (*2).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1)."

(*2)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.";"

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet elenkati fl-Annessi I u III, u għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II. Meta installazzjoni li tkun inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS minħabba t-tħaddim tal-unitajiet ta' kombustjoni b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW tbiddel il-proċessi ta' produzzjoni tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha u ma tibqax tissodisfa dak il-livell limitu, l-Istat Membru li fih tinsab l-installazzjoni għandu jipprovdi lill-operatur bl-għażliet biex jibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS sa tmiem il-perjodu attwali u dak tal-ħames snin li jmiss imsemmi fl-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, wara l-bidla fil-proċessi tal-produzzjoni tagħha. L-operatur ta' dik l-installazzjoni jista' jiddeċiedi li l-installazzjoni għandha tibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS sa tmiem il-perjodu attwali ta' ħames snin biss jew anki tal-perjodu ta' ħames snin li jmiss, wara l-bidla fil-proċessi tal-produzzjoni tagħha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-bidliet meta mqabbla mal-lista ppreżentata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1).

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*3)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).”;"

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

“emissjonijiet” tfisser ir-rilaxx ta’ gassijiet serra minn sorsi f’installazzjoni jew ir-rilaxx minn inġenju tal-ajru waqt li jkun qed iwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I jew minn bastimenti waqt li jkunu qed iwettqu attività marbuta mat-trasport marittimu elenkata fl-Anness I tal-gassijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività, jew ir-rilaxx ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-attività msemmija fl-Anness III;”;

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

“permess għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tfisser il-permess maħruġ f’konformità mal-Artikoli 5, 6 u 30b;”;

(c)

il-punt (u) huwa mħassar;

(d)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(w)

“kumpanija tat-tbaħħir” tfisser is-sid tal-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew in-noleġġatur tal-bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu ħadu r-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mingħand is-sid tal-bastiment u li, meta jassumu tali responsabbiltà, ikunu qablu li jieħdu f’idejhom id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis, kif stabbilit fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

(x)

“vjaġġ” tfisser vjaġġ kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

(y)

“awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir” tfisser l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-EU ETS fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir f’konformità mal-Artikolu 3gf;

(z)

“port ta’ waqfa” tfisser il-port fejn bastiment jieqaf biex jgħabbi jew iħott merkanzija jew biex jimbarka jew jiżbarka passiġġieri, jew il-port fejn bastiment offshore jieqaf biex jissostitwixxi l-ekwipaġġ; waqfiet għall-finijiet uniċi ta’ riforniment tal-fjuwil, akkwist ta’ provvisti, bdili tal-ekwipaġġ ta’ bastiment għajr bastiment offshore, dħul f’baċiri jew tiswijiet lill-bastiment u/jew lit-tagħmir tiegħu, waqfiet fil-port minħabba li l-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew ikun f’diffikultà, trasferimenti minn bastiment għal ieħor imwettqa barra mill-portijiet, waqfiet għall-fini unika li bastiment jistkenn minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minħabba attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, u waqfiet ta’ bastimenti tal-kontejners f’port ġar tat-trażbord tal-kontejners elenkat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 3ga(2) huma esklużi;

(aa)

“bastiment tal-kruċieri” tfisser bastiment tal-passiġġieri li ma għandux gverta tal-merkanzija u li huwa ddisinjat esklużivament għat-trasport kummerċjali tal-passiġġieri f’akkomodazzjoni matul il-lejl fuq vjaġġ bil-baħar;

(ab)

“kuntratt għad-differenza” jew “CD” tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-produttur, magħżul permezz ta’ mekkaniżmu ta’ offerti kompetittivi bħal irkant, ta’ prodott b’livell baxx jew żero ta’ karbonju, ’’ u taħt liema l-produttur jingħata appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni li jkopri d-differenza bejn il-prezz rebbieħ, magħruf ukoll bħala l-prezz tal-eżerċitar, minn naħa waħda, u prezz ta' referenza derivat mill-prezz tal-prodott b'livell baxx jew żero ta' karbonju prodott, il-prezz tas-suq ta' sostitut mill-qrib, jew taħlita ta' dawk iż-żewġ prezzjiet min-naħa l-oħra;

(ac)

"kuntratt għad-differenza għall-karbonju" jew "CCD" tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-produttur, magħżul permezz ta' mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi bħal irkant, ta' prodott b'livell baxx jew żero ta' karbonju, u taħt liema l-produttur jingħata appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni li jkopri d-differenza bejn il-prezz rebbieħ, magħruf ukoll bħala l-prezz tal-eżerċitar, minn naħa waħda, u prezz ta' referenza, derivat mill-prezz medju tal-kwoti, min-naħa l-oħra;

(ad)

"kuntratt bi primjum fiss" tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-produttur, magħżul permezz ta' mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi bħal irkant, ta' prodott b'livell baxx jew żero ta' karbonju, u taħt liema l-produttur jingħata appoġġ fil-forma ta' ammont fiss għal kull unità tal-prodott manifatturat;

(ae)

"entità regolata" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, ħlief għal kwalunkwe konsumatur finali tal-fjuwils, li tinvolvi ruħha fl-attività msemmija fl-Anness III u li taqa' f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

meta l-fjuwil jgħaddi minn maħżen tat-taxxa kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (11), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (*6), il-magazzinier awtorizzat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), ta' dik id-Direttiva, responsabbli biex iħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut skont l-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva;

(ii)

jekk il-punt (i) ta' dan il-punt ma jkunx applikabbli, kwalunkwe persuna oħra responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2020/262 jew l-Artikolu 21(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (*7) fir-rigward tal-fjuwils koperti mill-Kapitolu IVa ta’ din id-Direttiva;

(iii)

jekk il-punti (i) u (ii) ta' dan il-punt ma jkunux applikabbli, kwalunkwe persuna oħra li trid tiġi rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru bil-għan li tkun responsabbli li tħallas id-dazju tas-sisa, inkluża kwalunkwe persuna eżentata mill-ħlas tad-dazju tas-sisa, kif imsemmi fl-Artikolu 21(5), ir-raba' subparagrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE;

(iv)

jekk il-punti (i), (ii) u (iii) ma jkunux applikabbli, jew jekk diversi persuni jkunu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-istess dazju tas-sisa, kwalunkwe persuna oħra maħtura minn Stat Membru;

(af)

"fjuwil" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa ta' din id-Direttiva tfisser kwalunkwe prodott tal-enerġija msemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, inklużi l-fjuwils elenkati fit-Tabella A u fit-Tabella C tal-Anness I ta' dik id-Direttiva, kif ukoll kwalunkwe prodott ieħor maħsub għall-użu, offrut għall-bejgħ jew użat bħala fjuwil tal-magni jew fjuwil tat-tisħin kif speċifikat fl-Artikolu 2(3) ta' dik id-Direttiva, inkluż għall-produzzjoni tal-elettriku;

(ag)

"rilaxx għall-konsum" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa ta' din id-Direttiva tfisser rilaxx għall-konsum kif definit fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva (UE) 2020/262;

(ah)

"prezz tal-gass TTF" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa tfisser il-prezz tal-kuntratt tal-futuri tal-gass b'xahar bil-quddiem innegozjat fil-Punt ta' Negozjar Virtwali tal-Faċilità ta' Trasferiment ta' Titoli (TTF), operat minn Gasunie Transport Services B.V.;

(ai)

"prezz taż-żejt mhux raffinat Brent" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa tfisser il-prezz tal-futuri b'xahar bil-quddiem għaż-żejt mhux raffinat, użat bħala prezz ta' referenza għax-xiri taż-żejt.

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fi ħdan il-Komunità u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 1)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55)."

(*6)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta' Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4)."

(*7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).”;"

(4)

it-titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-avjazzjoni u t-Trasport Marittimu";

(5)

l-Artikolu 3a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3a

Kamp ta' applikazzjoni

L-Artikoli 3b sa 3g għandhom japplikaw għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I. L-Artikoli 3ga sa 3gg għandhom japplikaw fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu elenkati fl-Anness I."

;

(6)

l-Artikolu 3g huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3g

Pjanijiet ta' monitoraġġ u rapportar

L-Istat Membru li jkun qed jamministra għandu jiżgura li kull operatur tal-inġenji tal-ajru jippreżenta lill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru pjan ta' monitoraġġ li jistabbilixxi miżuri għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet u li tali pjanijiet ikunu approvati mill-awtorità kompetenti skont l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14."

;

(7)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 3ga

Il-kamp ta' applikazzjoni għall-attivitajiet tat-trasport marittimu

1.   L-allokazzjoni tal-kwoti u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' ċediment fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu għandhom japplikaw fir-rigward ta' ħamsin fil-mija (50 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jaslu f'port ta’ waqfa barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, ħamsin fil-mija (50 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port ta’ waqfa barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jasal f'port ta’waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, mija fil-mija (100 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jaslu f'port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, u mija fil-mija (100 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti ġewwa port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2023, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi lista tal-portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien u taġġorna dik il-lista sal-31 ta' Diċembru kull sentejn minn hemm 'il quddiem.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jelenkaw port bħala il-port tat-trażbord tal-kontejners ġirien fejn is-sehem tat-trażbord tal-kontejners, imkejjel f'unitajiet ekwivalenti għal għoxrin pied, jaqbeż il-65 % tat-traffiku totali tal-kontejners ta' dak il-port matul il-perjodu ta' tnax-il xahar l-aktar reċenti li għalih tkun disponibbli data rilevanti u fejn tak il-port jkun jinsab barra mill-Unjoni iżda inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-kontejners għandhom jitqiesu li huma ttrażbordati meta jinħattu minn bastiment għall-port għall-fini unika biex jitgħabbew fuq bastiment ieħor. Il-lista stabbilita mill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ma għandhiex tinkludi portijiet li jinsabu f'pajjiż terz għal liema dak il-pajjiż terz effettivament japplika miżuri ekwivalenti għal din id-Direttiva.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

3.   L-Artikoli 9, 9a u 10 għandhom japplikaw għall-attivitajiet tat-trasport marittimu bl-istess mod kif japplikaw għal attivitajiet oħrajn koperti mill-EU ETS bl-eċċezzjoni li ġejja fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10.

Sal-31 ta' Diċembru 2030, sehem mill-kwoti għandu jiġi attribwit lill-Istati Membri bi proporzjon ta' kumpaniji tat-tbaħħir li kienu jkunu taħt ir-responsabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 3gf meta mqabbla mal-popolazzjoni rispettiva tagħhom fl-2020 u abbażi tad-data disponibbli għall-perjodu mill-2018 sal-2020, b'aktar minn 15-il kumpanija tat-tbaħħir għal kull miljun abitant. Il-kwantità tal-kwoti għandha tikkorrispondi għal 3,5 % tal-kwantità addizzjonali tal-kwoti minħabba ż-żieda fil-limitu massimu għat-trasport marittimu msemmi fl-Artikolu 9, it-tielet paragrafu, fis-sena rilevanti. Għas-snin 2024 u 2025, il-kwantità tal-kwoti għandha, barra minn hekk, tiġi mmultiplikata bil-perċentwali applikabbli għas-sena rilevanti skont l-Artikolu 3gb, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b). Id-dħul ġenerat mill-irkantar ta' dak is-sehem ta' kwoti għandu jintuża għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (g), fir-rigward tas-settur marittimu, u l-punti (f) u (i). 50 % tal-kwantità tal-kwoti għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri rilevanti abbażi tas-sehem tal-kumpaniji tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà tagħhom u l-bqija mqassma f'ishma indaqs bejniethom.

Artikolu 3gb

L-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti għat-trasport marittimu

Il-kumpaniji tat-tbaħħir għandhom ikunu responsabbli biex iċedu l-kwoti skont l-iskeda li ġejja:

(a)

40 % tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għall-2024 li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' ċediment f'konformità mal-Artikolu 12;

(b)

70 % tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għall-2025 li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' ċediment f'konformità mal-Artikolu 12;

(c)

100 % tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għall-2026 u kull sena wara din f'konformità mal-Artikolu 12.

Fejn jiġu ċeduti inqas kwoti meta mqabbla mal-emissjonijiet ivverifikati mit-trasport marittimu għas-snin 2024 u 2025, ladarba tkun ġiet stabbilita d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati u l-kwoti ċeduti fir-rigward ta' kull sena, ammont ta’ kwoti li jikkorrispondi għal dik id-differenza għandha tiġi kkanċellata minflok irkantata skont l-Artikolu 10.

Artikolu 3gc

Dispożizzjonijiet għat-trasferiment tal-kostijiet tal-EU ETS mill-kumpanija tat-tbaħħir għal entità oħra

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta r-responsabbiltà aħħarija għax-xiri tal-fjuwil jew l-operat tal-bastiment, jew it-tnejn, tittieħed minn entità għajr il-kumpanija tat-tbaħħir skont l-arranġament kuntrattwali, il-kumpanija tat-tbaħħir tkun intitolata għal rimborż minn dik l-entità għall-kostijiet li jirriżultaw miċ-ċediment tal-kwoti.

L-“operat tal-bastiment” għall-finijiet ta' dan l-Artikolu tfisser id-determinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr jew ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment. Il-kumpanija tat-tbaħħir għandha tibqa' l-entità responsabbli għaċ-ċediment tal-kwoti kif meħtieġ skont l-Artikoli 3gb u 12 u għall-konformità ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà tagħhom jikkonformaw mal-obbligi li jċedu l-kwoti skont l-Artikoli 3gb u 12, minkejja l-intitolament ta’ tali kumpaniji ta’ tbaħħir li jiġu rimborżati mill-operaturi kummerċjali għall-kostijiet li jirriżultaw miċ-ċediment.

Artikolu 3gd

Il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu

Fir-rigward tal-emissjonijiet mill-attivitajiet tat-trasport marittimu elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, l-awtorità amministrattiva, fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir, għandha tiżgura li kumpanija tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà tagħha timmonitorja u tirrapporta l-parametri rilevanti matul perjodu ta' rapportar, u tippreżentalha data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji f'konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 3ge

Ir-regoli tal-verifika u l-akkreditazzjoni għall-emissjonijiet mit-trasport marittimu

L-awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandha tiżgura li r-rapportar tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji tat-tbaħħir preżentata minn kumpanija tat-tbaħħir skont l-Artikolu 3gd ta’ din id-Direttiva jiġi vverifikat f'konformità mar-regoli ta' verifika u akkreditazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 3gf

Awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir

1.   L-awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandha tkun:

(a)

fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir irreġistrata fi Stat Membru, l-Istat Membru li fih hija rreġistrata l-kumpanija tat-tbaħħir;

(b)

fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir li mhijiex irreġistrata fi Stat Membru, l-Istat Membru bl-akbar għadd stmat ta' waqfiet f'port minn vjaġġi mwettqa minn dik il-kumpanija tat-tbaħħir fl-erba' snin ta’ qabel ta' monitoraġġ u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga;

(c)

fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir li mhijiex irreġistrata fi Stat Membru u li ma wettqet l-ebda vjaġġ li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga fl-erba' snin ta' monitoraġġ preċedenti, l-Istat Membru fejn bastiment tal-kumpanija tat-tbaħħir ikun beda jew temm l-ewwel vjaġġ tiegħu li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit f'dak l-Artikolu.

2.   Abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni:

(a)

qabel l-1 ta' Frar 2024, lista ta' kumpaniji tat-tbaħħir li wettqu attività ta’ trasport marittimu elenkata fl-Anness I li kienet taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga fl-1 ta' Jannar 2024, jew b'effett minn dik id-data, li tispeċifika l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kull kumpanija tat-tbaħħir f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

qabel l-1 ta' Frar 2026 u kull sentejn minn hemm 'il quddiem, lista aġġornata biex tagħti lura l-kumpaniji tat-tbaħħir irreġistrati fi Stat Membru lil awtorità amministrattiva oħra fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir jekk ikunu bidlu l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni fl-Unjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu, jew biex tinkludi kumpaniji tat-tbaħħir li sussegwentement ikunu wettqu attività ta’ trasport marittimu elenkata fl-Anness I li tkun waqgħet fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga, f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu; u

(c)

qabel l-1 ta' Frar 2028 u kull erba' snin minn hemm 'il quddiem, lista aġġornata biex tagħti lura l-kumpaniji tat-tbaħħir li mhumiex irreġistrati fi Stat Membru lil awtorità amministrattiva oħra fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu.

3.   Awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir li, skont il-lista stabbilita skont il-paragrafu 2, hija responsabbli għal kumpanija tat-tbaħħir għandha żżomm dik ir-responsabbiltà irrispettivament mill-bidliet sussegwenti fl-attivitajiet jew ir-reġistrazzjoni tal-kumpanija tat-tbaħħir sakemm dawk il-bidliet jiġu riflessi f'lista aġġornata.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati relatati mal-amministrazzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir skont din id-Direttiva. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

Artikolu 3gg

Rapportar u rieżami

1.   Fil-każ tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) ta' miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid din id-Direttiva fid-dawl ta' dik il-miżura adottata.

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta' tali miżura globali bbażata fuq is-suq u qabel ma ssir operattiva. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina l-miżura globali bbażata fuq is-suq fir-rigward ta':

(a)

l-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

(b)

l-integrità ambjentali ġenerali tagħha, inkluż meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jkopru t-trasport marittimu; u

(c)

kwalunkwe kwistjoni relatata mal-koerenza bejn l-EU ETS u dik il-miżura.

Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni tista' takkumpanja r-rapport msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu bi proposta leġiżlattiva li temenda din id-Direttiva b'mod li jkun konsistenti mal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, u bl-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-implimentazzjoni tal- miżura globali bbażata fuq is-suq u l-EU ETS, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe piż doppju sinifikanti.

2.   Fil-każ li sal-2028 l-OMI ma tadottax miżura globali bbażata fuq is-suq biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u mill-inqas għal livell komparabbli ma' dak li jirriżulta mill-miżuri tal-Unjoni meħuda skont din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha teżamina l-ħtieġa li tiġi applikata l-allokazzjoni tal-kwoti u r-rekwiżiti ta' ċediment fir-rigward ta' aktar minn ħamsin fil-mija (50 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi bejn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u port ta’ waqfa barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tikkunsidra l-progress fil-livell tal-OMI u teżamina jekk kwalunkwe pajjiż terz għandux miżura bbażata fuq is-suq ekwivalenti għal din id-Direttiva u tivvaluta r-riskju ta' żieda fil-prattiki evażivi, inkluż permezz ta' bidla għal modi oħra ta' trasport jew ċaqliq ta' ċentri portwarji lejn portijiet barra mill-Unjoni.

Meta jkun xieraq, ir-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex tiġi emendata din id-Direttiva.

3.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu fir-rigward tat-trasport marittimu, b'mod partikolari biex tidentifika mġiba evażiva sabiex tipprevjeni tali mġiba fi stadju bikri, inkluż b’kunsiderazzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi, u tirrapporta kull sentejn mill-2024, dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu fir-rigward ta’ trasport marittimu u x-xejriet possibbli fir-rigward tal-kumpaniji ta’ tbaħħir li jfittxu li jevadu r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja wkoll l-impatti fir-rigward, fost oħrajn, ta' żidiet possibbli fil-kostijiet tat-trasport, distorsjonijiet tas-suq u bidliet fit-traffiku tal-portijiet, bħall-evażjoni tal-portijiet u ċ-ċaqliq taċ-ċentri tat-trażbord, il-kompetittività ġenerali tas-settur marittimu fl-Istati Membri, u b'mod partikolari l-impatti fuq dawk is-servizzi tat-tbaħħir li jikkostitwixxu servizzi essenzjali ta' kontinwità territorjali. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-Kapitolu fir-rigward ta’ trasport marittimu, b'mod partikolari miżuri biex jiġu indirizzati ix-xejriet fir-rigward ta' kumpaniji ta’ tbaħħir li jfittxu li jevadu r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

4.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2028, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3ga(3), it-tieni subparagrafu, lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2030 u, jekk xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva għal dak il-għan.

5.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha teżamina l-fattibbiltà u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-inklużjoni f'din id-Direttiva tal-emissjonijiet minn bastimenti, inklużi bastimenti offshore, b'tunnellaġġ gross ta' inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400, li jibni, b'mod partikolari, fuq l-analiżi li takkumpanja r-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/757 mistennija sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Dak ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll l-interkonnessjonijiet bejn din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2015/757 u jibni fuq l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tiegħu. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll kif din id-Direttiva tista' tagħti kont bl-aħjar mod tal-użu ta' fjuwils marittimi rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fuq bażi ta' ċiklu tal-ħajja. Meta jkun xieraq, ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva."

;

(8)

l-Artikolu 3h huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3h

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Anness I minbarra l-attivitajiet tal-avjazzjoni u l-attivitajiet tat-trasport marittimu."

;

(9)

fl-Artikolu 6(2), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e)

obbligu li ċċedi kwoti ekwivalenti għat-total ta’ emissjonijiet tal-installazzjoni f'kull sena kalendarja, kif ivverifikati f'konformità mal-Artikolu 15, sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 12(3).";

(10)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 8

Koordinazzjoni mad-Direttiva 2010/75/UE

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta l-installazzjonijiet iwettqu attivitajiet li huma inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 2010/75/UE, il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-ħruġ ta' permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġu kkoordinati ma' dawk għall-ħruġ ta’ permess previst f'dik id-Direttiva. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu integrati fil-proċeduri previsti fid-Direttiva 2010/75/UE.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-effettività tas-sinerġiji mad-Direttiva 2010/75/UE. Il-permessi ambjentali u rilevanti għall-klima għandhom jiġu kkoordinati biex tiġi żgurata eżekuzzjoni effiċjenti u rapida tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija. Il-Kummissjoni tista' tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest ta' kwalunkwe rieżami futur ta' din id-Direttiva."

;

(11)

fl-Artikolu 9 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"Fl-2024, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha titnaqqas b'90 miljun kwota. Fl-2026, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha titnaqqas b'27 miljun kwota. Fl-2024, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha tiżdied bi 78,4 miljun kwota għat-trasport marittimu. Il-fattur lineari għandu jkun 4,3 % mill-2024 sal-2027 u 4,4 % mill-2028. Il-fattur lineari għandu japplika wkoll għall-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet medji mit-trasport marittimu rrapportati f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 għall-2018 u l-2019 li huma indirizzati fl-Artikolu 3ga ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha sas-6 ta’ Settembru 2023.

Mill-1 ta' Jannar 2026 u l-1 ta' Jannar 2027 rispettivament, il-kwantità ta' kwoti għandha tiżdied biex titqies il-kopertura ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra għajr l-emissjonijiet tas-CO2 mill-attivitajiet tat--trasport marittimu u l-kopertura tal-emissjonijiet ta' bastimenti offshore, abbażi tal-emissjonijiet tagħhom għall-aktar sena reċenti li għaliha tkun disponibbli d-data. Minkejja l-Artikolu 10(1), il-kwoti li irriżultaw minn dik iż-żieda għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10a(8).";

(12)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2 % tal-kwantità totali tal-kwoti bejn l-2021 u l-2030 għandhom jiġu rkantati biex jiġi stabbilit fond għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija ta' ċerti Stati Membri (l-“Istati Membri benefiċjarji”) kif stabbilit fl-Artikolu 10d (il-“Fond għall-Modernizzazzjoni”). L-Istati Membri benefiċjarji għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom ikunu l-Istati Membri b'PDG per capita bi prezzijiet tas-suq taħt is-60 % tal-medja tal-Unjoni fl-2013. Il-fondi li jikkorrispondu għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom jitqassmu f'konformità mal-Parti A tal-Anness IIb.

Barra minn hekk, 2,5 % tal-kwantità totali ta' kwoti bejn l-2024 u l-2030 għandhom jiġu rkantati għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istati Membri benefiċjarji għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom ikunu l-Istati Membri b'PDG per capita bi prezzijiet tas-suq taħt il-75 % tal-medja tal-Unjoni matul il-perjodu mill-2016 sal-2018. Il-fondi li jikkorrispondu għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom jitqassmu f'konformità mal-Parti B tal-Anness IIb.";

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

"3.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ħlief għad-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE u mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw dak id-dħul, bl-eċċezzjoni tad-dħul użat għall-kumpens tal-kostijiet indiretti tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 10a(6) ta’ din id-Direttiva, jew l-ekwivalenti f'valur finanzjarju ta' dak id-dħul, għal wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:"

;

(c)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) sa (f) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(b)

għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u grilji għat-trażmissjoni tal-elettriku biex jitwettqu l-impenn tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u l-għanijiet tal-Unjoni dwar l-interkonnettività, kif ukoll biex jiġu żviluppati teknoloġiji oħra li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni għal ekonomija sikura u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u bħala għajnuna fit-twettiq tal-impenn tal-Unjoni li tiżdied l-effiċjenza enerġetika għal-livelli maqbula f'atti leġiżlattivi rilevanti, inkluż il-produzzjoni tal-elettriku minn awtokonsumaturi ta' sorsi rinnovabbli u komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli;

(c)

għal miżuri mmirati biex jevitaw id-deforestazzjoni u jappoġġaw il-protezzjoni u r-restawr tat-torbiera, tal-foresti u ta’ ekosistemi oħra tal-art jew ekosistemi tal-baħar, inklużi miżuri li jikkontribwixxu għall-protezzjoni, ir-restawr u ġestjoni aħjar tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni protetti tal-baħar, u jżidu l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni favur il-bijodiversità, inkluż f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li rratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi, u miżuri biex jiġu ttrasferiti t-teknoloġiji u jiġi ffaċilitat l-adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima f'dawk il-pajjiżi;

(d)

għas-sekwestrazzjoni tal-forestrija u fil-ħamrija fl-Unjoni;

(e)

għall-ġbir u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 b'mod ambjentalment sikur, b'mod partikolari minn impjanti tal-enerġija tal-fjuwils fossili solidi u numru ta' setturi u subsetturi industrijali, inkluż f'pajjiżi terzi, u metodi innovattivi u teknoloġiċi tal-assorbiment tal-karbonju, bħall-qbid dirett mill-arja u l-ħżin;

(f)

għall-investiment u l-aċċelerazzjoni fil-bidla lejn forom ta' trasport li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur, inkluż l-iżvilupp ta' trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija u servizzi u teknoloġiji tal-karozzi tal-linja li ma jagħmlux ħsara lill-klima, miżuri għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, inkluż it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti, il-portijiet, it-teknoloġiji u l-infrastruttura innovattivi, u fjuwils alternattivi sostenibbli, bħall-idroġenu u l-ammonijaka li huma prodotti minn sorsi rinnovabbli, u teknoloġiji ta' propulsjoni b'emissjonijiet żero, u għall-finanzjament ta' miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-ajruporti f'konformità ma' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta' infrastruttura ta' fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal trasport bl-ajru sostenibbli;";

(d)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(h)

miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza enerġetika, is-sistemi tat-tisħin distrettwali u l-iżolazzjoni, biex jappoġġjaw is-sistemi ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti u rinnovabbli, jew biex jappoġġaw ir-rinnovazzjoni profonda u profonda fi stadji tal-bini f'konformità mad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8), li tibda mir-rinnovazzjoni tal-bini bl-agħar prestazzjoni;

(*8)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).”;"

(e)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

"(ha)

għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju biex jiġu indirizzati aspetti soċjali f'unitajiet domestiċi bi dħul baxx u medju, inkluż billi jitnaqqsu t-taxxi distortivi, u tnaqqis mmirat ta' dazji u spejjeż għall-elettriku rinnovabbli;

(hb)

għall-finanzjament ta' skemi ta' dividendi klimatiċi nazzjonali b'impatt ambjentali pożittiv ipprovat kif iddokumentat fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9).

(*9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).";"

(f)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (k) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(k)

għall-promozzjoni tal-formazzjoni tal-ħiliet u r-riallokazzjoni tal-ħaddiema sabiex isir kontribut għal transizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima, b'mod partikolari f'reġjuni milquta l-agħar mit-transizzjoni tal-impjiegi, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, u biex isir investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li potenzjalment huma affettwati mit-transizzjoni, inklużi l-ħaddiema fit-trasport marittimu;

(l)

għall-indirizzar ta' kwalunkwe riskju residwu ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi koperti mill-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10), li jappoġġa t-transizzjoni u jippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tagħhom f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(*10)  Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52).";"

(g)

fil-paragrafu 3, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

"Meta jiġi ddeterminat l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jibqa' jiżdied il-finanzjament internazzjonali għall-klima fil-pajjiżi terzi vulnerabbli msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (j).";

(h)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jitqiesu li ssodisfaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu jekk ikollhom fis-seħħ u jimplimentaw politiki ta' appoġġ fiskali jew finanzjarju, inkluż b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew politiki regolatorji nazzjonali, li jimmassimizzaw l-appoġġ finanzjarju, stipulati għall-finijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu u li jkollhom valur ekwivalenti għad-dħul imsemmi fl-ewwel subparagrafu.";

(i)

fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-dħul u l-azzjonijiet meħuda skont dan il-paragrafu fir-rapporti tagħhom imressqa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li jispeċifikaw, meta jkun rilevanti u kif xieraq, liema dħul jintuża u l-azzjonijiet li jittieħdu biex jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima mressaq f'konformità ma’ dak ir-Regolament, u l-pjanijiet territorjali tagħhom għal transizzjoni ġusta mħejjija f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11).

Ir-rapportar għandu jkun dettaljat biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mal-ewwel subparagrafu.

(*11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).";"

(j)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 ta' din id-Direttiva biex tissupplementa din id-Direttiva fir-rigward tal-għażla taż-żmiene, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar, inklużi modalitajiet għall-irkantar li huma meħtieġa għat-trasferiment ta' sehem mid-dħul għall-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 30d(4) ta' din id-Direttiva jew bħala riżorsi proprji skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE, sabiex jiġi żgurat li dan jitwettaq b'mod miftuħ, trasparenti, armonizzat u mhux diskriminatorju. Għal dak il-għan, il-proċess għandu jkun prevedibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-għażla taż-żmien u s-sekwenzjar tal-irkanti u l-ammont stmat ta' kwoti li għandhom isiru disponibbli.";

(k)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju. Kull sena, għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju u dwar politiki rilevanti oħra dwar il-klima u l-enerġija, inklużi t-tħaddim tal-irkanti, il-likwidità u l-volumi nnegozjati, u li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu u l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri dwar il-miżuri finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10a(6). Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni rilevanti titressaq lill-Kummissjoni mill-inqas xahrejn qabel ma l-Kummissjoni tadotta r-rapport."

;

(l)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"6.   L-ESMA għandha timmonitorja regolarment l-integrità u t-trasparenza tas-suq Ewropew tal-karbonju, b'mod partikolari fir-rigward tal-volatilità tas-swieq u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet, it-tħaddim tal-irkanti, l-operazzjonijiet ta' skambju fis-suq għall-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom, inklużi n-negozjar barra l-borża, il-likwidità u l-volumi nnegozjati, u l-kategoriji u l-imġiba tan-negozjar tal-parteċipanti fis-suq, inklużi l-pożizzjonijiet tal-intermedjarji finanzjarji. L-ESMA għandha tinkludi s-sejbiet rilevanti u, meta jkun meħtieġ, għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet fil-valutazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku f'konformità mal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*12). Għall-finijiet tal-kompiti msemmija fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dettaljata tat-tipi kollha ta' tranżazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13).

(*12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)."

(*13)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).";"

(13)

l-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

wara t-tieni subparagrafu jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin:

"Jekk installazzjoni tkun koperta mill-obbligu li twettaq awditjar tal-enerġija jew li timplimenta sistema ċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*14) u jekk ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar jew tas-sistema ċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija ma jkunux implimentati, dment li ż-żmien tal-ħlas lura għall-investimenti rilevanti ma jaqbiżx it-tliet snin jew dment li l-kostijiet ta' dawk l-investimenti ma jkunux sproporzjonati, alllura l-ammont ta' allokazzjoni bla ħlas għandu jitnaqqas b'20 %. L-ammont ta' allokazzjoni bla ħlas ma għandux jitnaqqas jekk operatur juri li jkun implimenta miżuri oħrajn li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra ekwivalenti għal dawk irrakkomandati mir-rapport tal-awditjar jew mis-sistema ċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija għall-installazzjoni kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha tissupplementa din id-Direttiva billi, fl-atti delegati adottati skont dan il-paragrafu u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli fl-ambitu tad-Direttiva 2012/27/UE, tipprevedi regoli armonizzati amministrattivament sempliċi għall-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu li jiżguraw li l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità ma tipperikolax kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-integrità ambjentali jew it-trattament ugwali bejn installazzjonijiet madwar l-Unjoni. Dawk ir-regoli armonizzati għandhom, b'mod partikolari, jipprevedu skedi ta' żmien, kriterji għar-rikonoxximent tal-miżuri implimentati ta' effiċjenza enerġetika kif ukoll għal miżuri alternattivi li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, bl-użu tal-proċedura għall-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 11(1) ta' din id-Direttiva.

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, it-tnaqqis b'20 % msemmi f'dak is-subparagrafu għandu jiġi applikat meta, sal-1 ta' Mejju 2024, l-operaturi tal-installazzjonijiet li l-livelli tagħhom ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra jkunu ogħla mit-80 perċentil tal-livell ta' emissjonijiet għall-parametri referenzjarji tal-prodotti rilevanti ma jkunux stabbilew pjan ta' newtralità klimatika għal kull waħda minn dawk l-installazzjonijiet għall-attivitajiet tagħhom koperti minn din id-Direttiva. Dak il-pjan għandu jinkludi l-elementi speċifikati fl-Artikolu 10b(4) u għandu jkun stabbilit f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni previsti f’dak l-Artikolu). L-Artikolu 10(4) għandu jitqies li jirreferi biss għal-livell ta' installazzjoni. Il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin imsemmija fl-Artikolu 10b(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), għandha tiġi vverifikata fir-rigward tal-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2025 u fir-rigward ta' kull perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull ħames sena sussegwenti, f'konformità mal-proċeduri ta' verifika u akkreditazzjoni previsti fl-Artikolu 15. Ebda kwota bla ħlas lil hinn minn 80 % ma għandha tiġi allokata jekk il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin intermedji ma tkunx ġiet ivverifikata fir-rigward tal-perjodu sa tmiem l-2025 jew fir-rigward tal-perjodu mill-2026 sal-2030.

Il-kwoti li ma jiġux allokati minħabba tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas f'konformità mat-tielet u l-ħames subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jintużaw biex jeżentaw l-installazzjonijiet mill-aġġustament f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Meta jkun jifdal xi kwoti bħal dawn, 50 % ta' dawnk il-kwoti għandhom isiru disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu. Il-50 % l-oħra ta' dawk il-kwoti għandhom jiġu rkantati f'konformità mal-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva u l-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul rispettiv biex jindirizzaw kwalunkwe riskju residwu ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi koperti mill-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/956, filwaqt li jappoġġaw it-transizzjoni u jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tagħhom f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas lil installazzjonijiet f'setturi jew subsetturi, sal-punt li dawn ikunu koperti minn miżuri oħrajn li jindirizzaw ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/956. Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu aġġustati kif xieraq.

(*14)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).";"

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Għal kull settur u subsettur, fil-prinċipju, il-parametru referenzjarju għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti pjuttost milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta' produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. Sabiex jiġu pprovduti aktar inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-installazzjonijiet li jużaw teknoloġiji ġodda li parzjalment inaqqsu jew kompletament jeliminaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u installazzjonijiet li jużaw teknoloġiji eżistenti, il-parametri referenzjarji ex ante ddeterminati għall-Unjoni kollha għandhom jiġu rieżaminati fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fil-perjodu mill-2026 sal-2030, bil-ħsieb li potenzjalment jiġu mmodifikati d-definizzjonijiet u l-konfini tas-sistema tal-parametri referenzjarji tal-prodotti eżistenti, filwaqt li bħala prinċipji gwida jitqiesu l-potenzjal ta' użu ċirkolari tal-materjali u li l-parametri referenzjarji għandhom ikunu indipendenti mill-feedstock u mit-tip ta' proċess ta' produzzjoni, meta l-proċessi ta' produzzjoni jkollhom l-istess fini. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta l-atti ta' implimentazzjoni għall-fini li tiddetermina l-valuri ta' referenza riveduti għall-allokazzjoni bla ħlas f'konformità mal-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, mill-aktar fis possibbli u qabel il-bidu tal-perjodu mill-2026 sal-2030.";

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a.   Soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956, ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas b'rabta mal-produzzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għall-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956, il-produzzjoni ta' oġġetti elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament għandha tibbenefika minn allokazzjoni bla ħlas f'ammonti mnaqqsa. Għandu jiġi applikat fattur li jnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti (il-fattur CBAM). Il-fattur CBAM għandu jkun ugwali għal 100 % għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament u l-aħħar tal-2025 u, soġġett għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 36(2), il-punt (b), ta' dak ir-Regolament, għandu jkun ugwali għal 97,5 % fl-2026, 95 % fl-2027, 90 % fl-2028, 77,5 % fl-2029, 51,5 % fl-2030, 39 % fl-2031, 26,5 % fl-2032 u 14 % fl-2033. Mill-2034, ma għandu japplika ebda fattur CBAM.

It-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas għandu jiġi kkalkolat kull sena bħala s-sehem medju tad-domanda għall-allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/956 meta mqabbla mad-domanda totali għall-allokazzjoni bla ħlas ikkalkolata għall-installazzjonijiet kollha, għall-perjodu rilevanti msemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva. F’dan il-kalkolu għandu jiġi applikat il-fattur CBAM.

Il-kwoti li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-paragrafu 8.

Sal-31 ta’ Diċembru 2024 u bħala parti mir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 10(5) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal oġġetti soġġetti għas-CBAM u prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu simili ta' pprezzar tal-karbonju. Ir-rapport, b'mod partikolari, għandu jivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f'setturi li s-CBAM se japplika għalihom, b'mod partikolari r-rwol u l-adozzjoni mħaffa tal-idroġenu, u l-iżviluppi fir-rigward tal-flussi kummerċjali u l-emissjonijiet inkorporati ta' oġġetti prodotti minn dawk is-setturi fis-suq globali. Meta r-rapport jikkonkludi li hemm riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal oġġetti prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu ekwivalenti ta' pprezzar tal-karbonju, il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tindirizza dak ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'mod li jkun konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluż l-Artikolu XX tal- Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994,, u li jqis id-dekarbonizzazzjoni tal-installazzjonijiet fl-Unjoni."

;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fit-tielet subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c)

Għall-perjodu mill-2026 sal-2030, il-valuri ta' referenza għandhom jiġu ddeterminati bl-istess mod kif stabbilit fil-punti (a) u (d) ta' dan is-subparagrafu, filwaqt li jitqies il-punt (e) ta' dan is-subparagrafu, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 11 għas-snin 2021 u 2022 u abbażi tal-applikazzjoni tar-rata ta' tnaqqis annwali fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2028.";

(ii)

fit-tielet subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(d)

Fejn ir-rata ta' tnaqqis annwali taqbeż it-2,5 % jew tkun inqas minn 0,3 %, il-valuri ta' referenza għall-perjodu mill-2026 sal-2030 għandhom ikunu l-valuri ta' referenza applikabbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020 imnaqqsa bi kwalunkwe waħda minn dawk iż-żewġ rati perċentwali li tkun rilevanti, fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2028.

(e)

Għall-perjodu mill-2026 sal-2030, ir-rata ta' tnaqqis annwali għall-valur referenzjarju tal-prodott għall-metall sħun ma għandhiex tiġi affettwata mill-bidla fid-definizzjonijiet tal-parametru referenzjarju u l-limiti tas-sistema applikabbli skont il-paragrafu 1, it-tmien subparagrafu.";

(iii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"B'deroga fir-rigward tal-valuri ta' referenza għall-aromatiċi u l-gass sintetiku, dawk il-valuri ta' referenza għandhom jiġu aġġustati bl-istess persentaġġ bħall-parametri referenzjarji tar-raffineriji sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-produtturi ta' dawk il-prodotti.";

(d)

il-paragrafi 3 u 4 huma mħassra;

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.   Sabiex jiġi rispettat is-sehem tal-irkantar stabbilit fl-Artikolu 10, għal kull sena li fiha l-għadd tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas ma jilħaqx l-ammont massimu li jirrispetta s-sehem tal-irkantar, il-kwoti li jifdal sa dak l-ammont għandhom jintużaw għall-prevenzjoni jew il-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas sabiex jiġi rrispettat is-sehem tal-irkantar fis-snin ta' wara. Meta, madankollu, jintlaħaq l-ammont massimu, l-allokazzjonijiet bla ħlas għandhom ikunu aġġustati kif xieraq. Kwalunkwe tali aġġustament għandu jsir b'mod uniformi. Madankollu, l-installazzjonijiet li l-livelli ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom ikunu taħt il-medja tal-10 % tal-installazzjonijiet l-aktar effiċjenti f'settur jew subsettur fl-Unjoni għall-parametri referenzjarji rilevanti f'sena meta japplika l-aġġustament, għandhom jiġu eżentati minn dak l-aġġustament."

;

(f)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri finanzjarji f'konformità mat-tieni u mar-raba' subparagrafi ta' dan il-paragrafu li jiffavorixxu setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba kostijiet indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba mill-kostijiet tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jingħaddu għall-prezzijiet tal-elettriku, dment li tali miżuri finanzjarji jkunu f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u, b'mod partikolari, ma jikkawżawx distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-miżuri finanzjarji adottati ma għandhomx jikkumpensaw il-kostijiet indiretti koperti minn allokazzjoni bla ħlas f'konformità mal-parametri referenzjarji stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Meta Stat Membru jonfoq ammont ogħla mill-ekwivalenti ta' 25 % tad-dħul mill-irkant imsemmi fl-Artikolu 10(3) għas-sena li fiha jkunu ġġarrbu l-kostijiet indiretti, huwa għandu jistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom ikun inqabeż dak l-ammont.";

(g)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Mill-2021 'il quddiem, il-kwoti li, skont il-paragrafi 19, 20 u 22, mhumiex allokati għal installazzjonijiet għandhom jiżdiedu mal-ammont ta' kwoti mwarrba f'konformità mal-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, ta' dan il-paragrafu.";

(h)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"8.   345 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 80 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10, kif ukoll il-kwoti li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas imsemmija fil-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' fond (il-"Fond għall-Innovazzjoni") bl-għan li jappoġġa l-innovazzjoni f'tekniki, proċessi u teknoloġiji b'livell baxx jew żero ta' karbonju li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi koperti minn din id-Direttiva u jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità, inklużi proġetti bl-għan li tali tekniki, proċessi u teknoloġiji jiżdiedu fid-dawl tal-implimentazzjoni wiesgħa tagħhom fl-Unjoni kollha. Tali proġetti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għandhom jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija u r-riżorsi f'konformità mal-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi minn qabel il-kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni biex tiżgura li ammont adegwat ta' riżorsi jkun disponibbli ħalli titħaddan l-innovazzjoni, inkluż għaż-żieda.

Il-kwoti li ma jinħarġux lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru minħabba li jwaqqfu l-operat tagħhom u li ma humiex meħtieġa biex ikopru kwalunkwe nuqqas ta' ċediment minn dawk l-operaturi għandhom jintużaw ukoll għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Barra minn hekk, 5 miljun kwota mill-kwantità msemmija fl-Artikolu 3c(5) u (7) relatati mal-kwoti tal-avjazzjoni għall-2026 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Barra minn hekk, 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jissupplimentaw kull dħul li jifdal mit-300 miljun kwota disponibbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (*15), u għandhom jintużaw b'mod f'waqtu għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu jkopri s-setturi elenkati fl-Annessi I u III, kif ukoll prodotti u proċessi li jissostitwixxu lil dawk intensivi fil-karbonju prodotti jew użati fis-setturi elenkati fl-Anness I, inklużi teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli u ta' ħżin tal-enerġija u qbid u użu tal-karbonju (CCU) li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari għall-emissjonijiet inevitabbli tal-proċessi, u għandu jgħin biex jistimula l-kostruzzjoni u t-tħaddim ta' proġetti mmirati lejn il-qbid, it-trasport u l-ħżin ġeoloġiku (CCS) li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent tas-CO2, b'mod partikolari għall-emissjonijiet inevitabbli tal-proċessi industrijali, u l-qbid dirett tas-CO2 mill-atmosfera bi ħżin sikur, sostenibbli u permanenti (DACS), f'postijiet ġeografikament bilanċjati. Il-Fond għall-Innovazzjoni jista' jappoġġa wkoll teknoloġiji u infrastruttura innovattivi rivoluzzjonarji, inkluża l-produzzjoni ta' fjuwils b'livell baxx jew żero ta' karbonju, għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, tal-avjazzjoni, tat-trasport ferrovjarju u tat-trasport bit-triq, inklużi forom kollettivi ta' trasport bħat-trasport pubbliku u s-servizzi ta' kowċis.

Għall-avjazzjoni, jista' jappoġġa wkoll l-elettrifikazzjoni u azzjonijiet biex jitnaqqsu l-impatti ġenerali tal-avjazzjoni fuq il-klima.

Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil proġetti f'setturi koperti mir-Regolament (UE) 2023/956 biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, fis-CCU, fis-CCS, fl-enerġija rinnovabbli u fil-ħżin tal-enerġija, b'mod li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bil-għan li jingħata, matul il-perjodu mill-2021 sal-2030, lill-proġetti f'dawk is-setturi sehem sinifikanti tal-ekwivalenza fil-valur finanzjarju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1a, ir-raba’ subparagrafu, ta' dan l-Artikolu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, qabel l-2027, tista' tvara sejħiet għal proposti ddedikati għas-setturi koperti minn dak ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħti attenzjoni speċjali lil proġetti li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u għandha tinkludi suġġetti ddedikati għal dak il-fini fis-sejħiet għal proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni, meta xieraq, inkluż għall-elettrifikazzjoni tat-trasport marittimu, kif ukoll biex jiġi indirizzat l-impatt sħiħ tagħha fuq il-klima, inklużi l-emissjonijiet tal-karbonju iswed. Tali sejħiet għal proposti għandhom ukoll, fil-kriterji użati għall-għażla tal-proġetti, iqisu b'mod partikolari il-potenzjal biex tiżdied il-protezzjoni tal-bijodiversità u biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku u tal-ilma minn proġetti u investimenti.

Il-Fond għall-Innovazzjoni, f'konformità mal-paragrafu 8a, jista' jappoġġa proġetti permezz ta' offerti kompetittivi, bħal CDs, CCDs jew kuntratti bi primjum fiss biex jappoġġa teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni li għalihom il-prezz tal-karbonju jista' ma jkunx inċentiv biżżejjed.

Il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u Orizzont Ewropa, b'mod partikolari fir-rigward tas-sħubijiet Ewropej, u, meta jkun rilevanti, għandha tfittex sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u programmi oħrajn tal-Unjoni.

Il-proġetti fit-territorju tal-Istati Membri kollha, inklużi proġetti fuq skala żgħira u fuq skala medja, għandhom ikunu eliġibbli u, għall-attivitajiet marittimi, proġetti b'valur miżjud ċar għall-Unjoni għandhom ikunu eliġibbli. It-teknoloġiji li jirċievu appoġġ għandhom ikunu innovattivi u jkunu għadhom mhux kummerċjalment vijabbli fuq skala simili mingħajr appoġġ, iżda għandhom jirrappreżentaw soluzzjonijiet rivoluzzjonarji jew ikunu maturi biżżejjed għall-applikazzjoni fuq skala prekummerċjali.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond għall-Innovazzjoni jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva. Ir-rikavat mill-irkantar għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*16). L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jiġu diżaggregati f'pagamenti akkont annwali fuq diversi snin.

Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri b'parteċipazzjoni effettiva baxxa fi proġetti taħt il-Fond għall-Innovazzjoni bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istat Membru rikjedenti biex jappoġġa l-isforzi tal-proponenti tal-proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom ħalli jissottomettu applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni ġeografika effettiva fil-Fond għall-Innovazzjoni u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-proġetti ppreżentati. Il-Kummissjoni għandha tipprova tikseb kopertura ġeografika effettiva u bbażata fuq il-kwalità b’rabta mal-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni madwar l-Unjoni u għandha tiżgura monitoraġġ komprensiv tal-progress u segwitu xieraq f’dak ir-rigward.

Soġġett għall-qbil tal-applikanti, wara li tingħalaq sejħa għal proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-applikazzjonijiet għall-finanzjament ta' proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom u għandha tipprovdilhom informazzjoni dettaljata dwar dawk l-applikazzjonijiet sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-Istati Membri tal-appoġġ għall-proġetti. Barra minn hekk, qabel l-għoti tal-appoġġ, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar il-lista ta' proġetti magħżula minn qabel.

Il-proġetti għandhom jintgħażlu permezz ta' proċedura tal-għażla trasparenti, b'mod newtrali fir-rigward tat-teknoloġija f'konformità mal-objettivi tal-Fond għall-Innovazzjoni kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, filwaqt li jitqies il-punt sa fejn il-proġetti jipprovdu kontribut sinifikanti għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni filwaqt li jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u, fejn ikun rilevanti, il-punt sa fejn il-proġetti jikkontribwixxu biex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ferm taħt il-parametri referenzjarji msemmija fil-paragrafu 2. Il-proġetti għandu jkollhom il-potenzjal għal applikazzjoni mifruxa jew li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-kostijiet tat-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fis-setturi kkonċernati. Għandha tingħata prijorità lit-teknoloġiji u lill-proċessi innovattivi li jindirizzaw bosta impatti ambjentali. Proġetti li jinvolvu s-CCU għandhom iwasslu għal tnaqqis nett fl-emissjonijiet u jiżguraw l-evitar jew il-ħżin permanenti tas-CO2. Fil-każ ta' għotjiet ipprovduti permezz ta' sejħiet għal proposti, jistgħu jiġu appoġġati sa 60 % tal-kostijiet rilevanti tal-proġetti, li 40 % minnhom ma hemmx bżonn li jkunu dipendenti fuq l-evitar ivverifikat tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, dment li jinkisbu l-istadji ewlenin iddeterminati minn qabel, filwaqt li titqies it-teknoloġija użata. Fil-każ ta' appoġġ ipprovdut permezz ta' offerti kompetittivi u fil-każ ta' appoġġ għal assistenza teknika, jistgħu jiġu appoġġati sa 100 % tal-kostijiet rilevanti tal-proġetti. Il-potenzjal ta' tnaqqis fl-emissjonijiet f'bosta setturi offrut minn proġetti kkombinati, inkluż f'żoni fil-qrib, għandu jitqies fil-kriterji użati għall-għażla tal-proġetti.

Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond għall-Innovazzjoni għandhom ikunu meħtieġa jaqsmu l-għarfien ma' proġetti rilevanti oħra kif ukoll ma' riċerkaturi bbażati fl-Unjoni li jkollhom interess leġittimu. It-termini tal-kondiviżjoni tal-għarfien għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f'sejħiet għal proposti.

Is-sejħiet għal proposti għandhom ikunu miftuħa u trasparenti. Fit-tħejjija tas-sejħiet għal proposti, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li s-setturi kollha jkunu koperti kif xieraq. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tiżgura li s-sejħiet jiġu kkomunikati bl-aktar mod wiesa' possibbli, u speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva f’dak li jikkonċerna r-regoli dwar it-tħaddim tal-Fond għall-Innovazzjoni, inklużi l-proċedura u l-kriterji tal-għażla, u s-setturi eliġibbli u r-rekwiżiti teknoloġiċi għat-tipi differenti ta' appoġġ.

L-ebda proġett ma għandu jirċievi appoġġ permezz tal-mekkaniżmu skont dan is-subparagrafu li jaqbeż 15 % tal-għadd totali ta' kwoti disponibbli għal dan l-għan. Dak l-appoġġ għandu jitqies skont il-paragrafu 7.

Sal-31 ta' Diċembru 2023 u kull sena wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima msemmi fl-Artikolu 22a(1) ta' din id-Direttiva, dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li tipprovdi analiżi tal-proġetti mogħtija finanzjament skont is-settur u skont l-Istat Membru, u l-kontribut mistenni ta’ dawk il-proġetti favur l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tippubblika dak ir-rapport.

(*15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39)."

(*16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).";"

(i)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

"8a.   Għal CDs u CCDs mogħtija wara l-konklużjoni ta' mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi, għandha tiġi pprovduta kopertura xierqa permezz ta’ impenji baġitarji li jirriżultaw mir-rikavati tal-irkantar ta' kwoti disponibbli fil-Fond għall-Innovazzjoni u dawk l-impenji baġitarji jistgħu jiġu diżaggregati f'pagamenti akkont annwali fuq diversi snin. Għall-ewwel żewġ ċikli tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi, il-kopertura tar-responsabbiltà finanzjarja relatata mas-CDs u s-CCDs għandha tkun żgurata bis-sħiħ b'approprjazzjonijiet li jirriżultaw mir-rikavati tal-irkantar ta' kwoti allokati lill-Fond għall-Innovazzjoni skont il-paragrafu 8.

Abbażi ta' valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva mill-Kummissjoni tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' CDs u CCDs, li għandha ssir wara l-konklużjoni tal-ewwel żewġ ċikli tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi u kull darba li jkun meħtieġ wara dan f'konformità mal-prinċipju tal-prudenza, skont liema l-assi u l-profitti ma għandhomx jiġu sopravalutati u l-obbligazzjonijiet u t-telf ma għandhomx jiġu sottovalutati, il-Kummissjoni, f'konformità mal-għoti tas-setgħa msemmija fit-tmien subparagrafu, tista' tiddeċiedi li tkopri biss parti mill-obbligazzjoni finanzjarja relatata ma' CDs u CCDs permezz tal-mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu u tkopri l-parti li jifdal permezz ta’ mezzi oħrajn. Il-Kummissjoni għandha timmira li tillimita l-użu ta' mezzi oħra ta' kopertura.

Meta l-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li mezzi oħra ta' kopertura huma meħtieġa biex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tas-CDs u s-CCDs, il-Kummissjoni għandha timmira għal taħlita bbilanċjata ta' mezzi oħra ta' kopertura. B'deroga mill-Artikolu 210(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-portata tal-użu ta' mezzi oħra ta' kopertura skont l-att delegat previst fit-tmien subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-obbligazzjoni finanzjarja li jifdal għandha tkun koperta biżżejjed, fid-dawl tal-prinċipji tat-Titolu X tar-Regolament (EU, Euratom) 2018/1046, jekk ikun meħtieġ, adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-CDs u s-CCDs, b'deroga mill-Artikolu 209(2), il-punti (d) u (h), l-Artikolu 210(1), l-Artikolu 211(1), (2), (4) u (6), l-Artikoli 212, 213 u 214, l-Artikolu 218(1) u l-Artikolu 219(3) u (6) ta' dak ir-Regolament. Meta jkun applikabbli, mezzi oħra ta' kopertura, ir-rata ta' proviżjonament u d-derogi meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti f'att delegat previst fit-tmien subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tuża aktar minn 30 % tar-rikavati tal-irkantar tal-kwoti allokati lill-Fond għall-Innovazzjoni skont il-paragrafu 8 għall-proviżjonament għas-CDs u s-CCDs.

Ir-rata ta' proviżjonament ma għandhiex tkun inqas minn 50 % tal-obbligazzjoni finanzjarja totali mġarrba mill-baġit tal-Unjoni għas-CDs u s-CCDs. Meta tiġi stabbilita ir-rata ta’ proviżjonament, il-Kummissjoni għandha tqis elementi li jistgħu jnaqqsu r-riskji finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni, lil hinn mill-approprjazzjonijiet disponibbli fil-Fond għall-Innovazzjoni, bħall-kondiviżjoni possibbli ta' obbligazzjoni ma' Stati Membri fuq bażi volontarja, jew mekkaniżmu possibbli ta' assigurazzjoni mill-ġdid mis-settur privat. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid ir-rata ta' proviżjonament mill-inqas kull tliet snin mid-data ta' applikazzjoni tal-att delegat li jkun stabbiliha għall-ewwel darba.

Sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet spekulattivi, l-aċċess għall-offerti kompetittivi jista' jsir soġġett għall-pagament mill-applikanti ta' depożitu li għandu jintilef f'każ li l-kuntratt ma jiġix rispettat. Tali depożiti mitlufa għandhom jintużaw għall-Fond għall-Innovazzjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Kwalunkwe kontribuzzjoni mħallsa lill-awtorità awtorizzanti minn benefiċjarju f'konformità mat-termini tas-CD jew tas-CCD fejn il-prezz ta' referenza jkun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar (“reflows”) għandha tintuża għall-Fond għall-Innovazzjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) ta' dak ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 ta’ din id-Direttiva biex tissupplementa din id-Direttiva sabiex tipprevedi u tagħti dettall dwar mezzi oħra ta' kopertura, jekk ikun hemm, u, meta applikabbli, ir-rata ta' proviżjonament u d-derogi addizzjonali meħtieġa mit-Titolu X tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 kif stabbilit fir-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u barra minn hekk ir-regoli dwar it-tħaddim tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi, b'mod partikolari fir-rigward ta' depożiti u reflows.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-ħames subparagrafu ta' dan il-paragrafu billi tgħolli l-limitu ta' 30 % msemmi f'dak is-subparagrafu b'mhux aktar minn total ta' 20 punt perċentwali meta jkun meħtieġ biex tirrispondi għal domanda għal CDs u CCDs, filwaqt li tqis l-esperjenza tal-ewwel ċikli tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi u filwaqt li tqis il-ħtieġa li jinstab bilanċ xieraq fl-appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni bejn l-għotjiet u tali kuntratti.

L-appoġġ finanzjarju mill-Fond għall-Innovazzjoni għandu jkun proporzjonali għall-objettivi ta' politika stabbiliti f'dan l-Artikolu u ma għandux iwassal għal distorsjonijiet indebiti tas-suq intern. Għal dan l-għan, l-appoġġ għandu jingħata biss biex ikopri kostijiet addizzjonali jew riskji ta' investiment li ma jkunux jistgħu jiġġarrbu mill-investituri taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

8b.   40 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 10 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva għandhom isiru disponibbli għall-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*17). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond Soċjali għall-Klima jiġu rkantati fl-2025 f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva u l-att delegat adottat f'konformità ma' dak l-Artikolu. Id-dħul minn dak l-irkantar għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u għandu jintużaw f'konformità mar-regoli applikabbli għall-Fond Soċjali għall-Klima.”

(*17)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).";"

(j)

il-paragrafu 19 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"19.   Ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas lil installazzjoni li tkun waqfet topera. L-installazzjonijiet li l-permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra skadielhom jew ġie rtirat u l-installazzjonijiet li għalihom l-operazzjoni jew il-bidu mill-ġdid tal-operazzjoni huma teknikament impossibbli għandhom jitqiesu bħala li waqqfu l-operazzjonijiet."

;

(k)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"22.   Meta jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għall-allokazzjonijiet bla ħlas mogħtija skont l-Artikolu 11(2), tali korrezzjonijiet għandhom jitwettqu bi kwoti minn, jew billi jiżdiedu kwoti ma', l-ammont ta' kwoti mwarrba f'konformità mal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu."

;

(14)

fl-Artikolu 10b(4), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

"Fi Stat Membru fejn, fuq medja fis-snin mill-2014 sal-2018, is-sehem tal-emissjonijiet tiegħu mit-tisħin distrettwali tat-total tal-Unjoni ta' tali emissjonijiet, diviż bis-sehem ta' PDG ta’ dak l-Istat Membru tal-PDG totali tal-Unjoni huwa akbar minn ħamsa, allokazzjoni addizzjonali bla ħlas ta' 30 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a għandha tingħata lit-tisħin distrettwali għall-perjodu mill-2026 sal-2030, dment li volum ta' investiment ekwivalenti għall-valur ta' dik l-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali jiġi investit biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod sinifikanti qabel l-2030 f'konformità mal-pjanijiet ta' newtralità klimatika msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu u li l-kisba tal-miri u l-istadji importanti msemmija fil-punt (b) ta' dak is-subparagrafu jkun ikkonfermat mill-verifika mwettqa f'konformità mar-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Sal-1 ta' Mejju 2024, l-operaturi tat-tisħin distrettwali għandhom jistabbilixxu pjan ta' newtralità klimatika għall-installazzjonijiet li għalihom japplikaw għal allokazzjoni bla ħlas addizzjonali f'konformità mat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Dak il-pjan għandu jkun konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 u għandu jistabbilixxi:

(a)

miżuri u investimenti biex in-newtralità klimatika tinkiseb sal-2050 fil-livell tal-installazzjonijiet jew tal-kumpaniji, bl-esklużjoni tal-użu ta' krediti ta' kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju;

(b)

miri u stadji ewlenin intermedji biex, sal-31 ta' Diċembru 2025 u sal-31 ta' Diċembru ta' kull ħames sena sussegwenti, jitkejjel il-progress li jkun sar lejn il-kisba tan-newtralità klimatika kif stabbilit fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu;

(c)

stima tal-impatt ta' kull waħda mill-miżuri u kull wieħed mill-investimenti msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

Il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin imsemmija fit-tielet subparagrafu, il-punt (b), ta' dan il-paragrafu għandu jiġi vverifikat fir-rigward tal-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2025 u fir-rigward ta' kull perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull ħames sena sussegwenti, f'konformità mal-proċeduri ta' verifika u akkreditazzjoni previsti fl-Artikolu 15. Ebda kwota bla ħlas lil hinn mill-ammont msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandha tiġi allokata jekk il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin intermedji ma jkunx ġie vverifikat fir-rigward tal-perjodu sa tmiem l-2025 jew fir-rigward tal-perjodu mill-2026 sal-2030.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-kontenut minimu tal-informazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), ta' dan il-paragrafu u l-format tal-pjanijiet ta' newtralità klimatika msemmija f’dak is-subparagrafu u fl-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji ma' pjanijiet simili kif previst fid-dritt tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).";

(15)

fl-Artikolu 10c, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku u l-operaturi tan-network li jibbenefikaw jirrapportaw, sat-28 ta' Frar ta' kull sena, dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti magħżula tagħhom, inkluż il-bilanċ tal-allokazzjoni bla ħlas u n-nefqa fuq l-investiment imġarrba u t-tipi ta' investimenti appoġġati. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar dan lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tagħmel tali rapporti pubbliċi."

;

(16)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 10ca

Skadenza iqsar għall-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija

B'deroga mill-Artikolu 10c, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jagħtu allokazzjoni tranżitorja bla ħlas biss lil installazzjonijiet f'konformità ma' dak l-Artikolu għal investimenti li jsiru qabel il-31 ta' Diċembru 2024. Kwalunkwe kwota disponibbli għall-Istati Membri kkonċernati f'konformità mal-Artikolu 10c għall-perjodu mill-2021 sal-2030 li ma tintużax għal tali investimenti għandha, fil-proporzjon determinat mill-Istat Membru rispettiv:

(a)

tiżdied mal-kwantità totali ta' kwoti li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkanta skont l-Artikolu 10(2); jew

(b)

tintuża biex tappoġġa investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 10d, f'konformità mar-regoli applikabbli għad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10d(4).

Sal-15 ta' Mejju 2024, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-ammonti rispettivi ta' kwoti li jridu jintużaw skont l-Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u, b'deroga mill-Artikolu 10d(4), it-tieni sentenza, taħt l-Artikolu 10d."

;

(17)

l-Artikolu 10d huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Għandu jiġi stabbilit fond biex jappoġġa l-investimenti proposti mill-Istati Membri benefiċjarji, inkluż il-finanzjament ta' proġetti ta' investiment fuq skala żgħira, għall-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika għall-perjodu mill-2021 sal-2030 (il-"Fond għall-Modernizzazzjoni"). Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-irkantar tal-kwoti kif stabbilit fl-Artikolu 10, għall-Istati Membri benefiċjarji stabbiliti fih.

L-investimenti appoġġati għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Direttiva, kif ukoll mal-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" u tar-Regolament (UE) 2021/1119 u mal-objettivi fit-tul kif espressi fil-Ftehim ta' Pariġi. L-Istati Membri benefiċjarji, meta jkun xieraq, jistgħu jużaw ir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni biex jiffinanzjaw investimenti li jinvolvu r-reġjuni tal-fruntiera kontigwi tal-Unjoni. Ma għandu jiġi pprovdut l-ebda appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni lill-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw fjuwils fossili. Madankollu, id-dħul minn kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4ta' dan l-Artikolu jista' jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi.

Barra minn hekk, id-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta' din id-Direttiva jista', meta l-attività tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*18) u tkun debitament ġustifikata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi dment li, għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-kwoti jiġu rkantati qabel il-31 ta' Diċembru 2027 u, għall-investimenti li jinvolvu użijiet downstream ta' gass, il-kwoti jiġu rkantati qabel il-31 ta' Diċembru 2028.

(*18)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).";"

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Mill-inqas 80 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, u mill-kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u mill-inqas 90 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba' subparagrafu, għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-investimenti f'dawn li ġejjin:

(a)

il-ġenerazzjoni u l-użu tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, inkluż l-idroġenu rinnovabbli;

(b)

it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli;

(c)

it-tnaqqis tal-użu ġenerali tal-enerġija permezz tal-effiċjenza enerġetika, inkluż fl-industrija, fit-trasport, fil-bini, fl-agrikoltura u fl-iskart;

(d)

il-ħżin tal-enerġija u l-modernizzazzjoni tan-networks tal-enerġija, inklużi l-ġestjoni min-naħa tad-domanda, pipelines tat-tisħin distrettwali, grilji għat-trażmissjoni tal-elettriku, iż-żieda fl-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri u l-infrastruttura għal mobilità b'emissjonijiet żero;

(e)

l-appoġġ għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx, inkluż f'żoni rurali u remoti, biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku u biex jimmodernizzaw is-sistemi tat-tisħin tagħhom; u

(f)

tranżizzjoni ġusta f'reġjuni dipendenti fuq il-karbonju fl-Istati Membri benefiċjarji, sabiex jiġu appoġġati r-riallokazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, l-inizjattivi ta' tfittxija tal-impjiegi u n-negozji ġodda, fi djalogu mas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali, b’mod li huwa konsistenti mal-azzjonijiet rilevanti inklużi mill-Istati Membri fil-pjanijiet territorjali tagħhom għal tranżizzjoni ġusta, u li jikkontribwixxu għalihom, f'konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/1056, fejn rilevanti."

;

(c)

il-paragrafu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"11.   Il-kumitat tal-investiment għandu jirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza bl-evalwazzjoni tal-investimenti, b'mod partikolari f'termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kostijiet tat-tnaqqis. Sal-31 ta' Diċembru 2024, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-kumitat tal-investiment, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-oqsma għall-proġetti msemmija fil-paragrafu 2 u l-bażi li fuqha l-kumitat tal-investiment jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Il-kumitat tal-investiment għandu jara li r-rappport annwali jiġi ppubblikat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill."

;

(18)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 10f

Il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti"

Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-dħul ġenerat mill-irkantar tal-kwoti destinati għall-Fond għall-Innovazzjoni skont l-Artikolu 10a(8) ta’ din id-Direttiva, u tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet u r-raba' subparagrafi, ta’ din id-Direttiva, f'konformità mal-kriterji "la tagħmilx ħsara sinifikanti" stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, meta jintuża tali dħul għal attività ekonomika li għaliha jkunu ġew stabbiliti kriterji ta' skrinjar tekniku skont l-Artikolu 10(3), il-punt (b), ta' dak ir-Regolament biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali rilevanti."

;

(19)

fl-Artikolu 11(2), id-data "28 ta' Frar" hija sostitwita bit-"30 ta' Ġunju";

(20)

it-titolu tal-Kapitolu IV huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-Installazzjonijiet tal-Avjazzjoni, tat-Trasport Marittimu u dawk Stazzjonarji";

(21)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti maħruġa minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor jiġu rikonoxxuti għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi ta' operatur, ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jew ta' kumpanija tat-tbaħħir skont il-paragrafu 3."

;

(b)

il-paragrafu 2a huwa mħassar;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   L-Istati Membri, l-Istati Membri amministrattivi u l-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandhom jiżguraw li, sat-30 ta' Settembru ta' kull sena:

(a)

l-operatur ta' kull installazzjoni jċedi għadd ta' kwoti li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali minn dik l-installazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikolu 15;

(b)

kull operatur tal-inġenji tal-ajru jċedi għadd ta' kwoti li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikolu 15;

(c)

kull kumpanija tat-tbaħħir iċċedi għadd ta' kwoti li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali tagħha matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikolu 3ge.

L-Istati Membri, l-Istati Membri amministrattivi u l-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti f'konformità mal-ewwel subparagrafu jiġu sussegwentement ikkanċellati."

;

(d)

il-paragrafi li ġejjin jiddaħħlu wara l-paragrafu 3:

"3-e.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu jċedu 5 % inqas kwoti mill-emissjonijiet ivverifikati tagħhom rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn bastimenti tal-kategorija tas-silġ, dment li tali bastimenti jkollhom il-klassi tas-silġ IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti, stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni 25/7 tal-HELCOM.

Meta jiġu ċeduti inqas kwoti meta mqabbla mal-emissjonijiet ivverifikati, ladarba tkun ġiet stabbilita d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati u l-kwoti ċeduti fir-rigward ta' kull sena, ammont ta' kwoti li jikkorrispondi għal dik id-differenza għandu jiġi kkanċellat aktar milli rkantat skont l-Artikolu 10.

3-d.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 16, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru, għandha tiddisponi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li r-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet huma ssodisfati u li ma għandhom jieħdu ebda azzjoni kontra kumpaniji tat-tbaħħir fir-rigward tal-emissjonijiet li jiġu rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri, għajr bastimenti tal-kruċieri, u minn bastimenti ro-ro tal-passiġġieri, bejn port ta' gżira taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dak l-Istat Membru rikjedenti, mingħajr konnessjoni bit-triq jew bil-ferrovija mal-kontinent u b’ popolazzjoni ta' inqas minn 200 000 resident permanenti skont l-aħjar data l-aktar riċenti disponibbli fl-2022, u port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dak l-istess Stat Membru, u mill-attivitajiet, f’port, ta’ tali bastimenti fir-rigward ta' tali vjaġġi..

Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-gżejjer imsemmija fl-ewwel subparagrafu u l-portijiet ikkonċernati u żżomm dik il-lista aġġornata.

3-c.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 16, il-Kummissjoni, fuq talba konġunta ta' żewġ Stati Membri, li wieħed minnhom ma għandux fruntiera fuq l-art ma' Stat Membru ieħor u l-Istat Membru l-ieħor ikun l-Istat Membru ġeografikament l-iktar qrib tal-Istat Membru mingħajr tali fruntiera fuq l-art, għandha tiddisponi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li r-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet huma ssodisfati u li ma għandhom jieħdu ebda azzjoni kontra kumpaniji tat-tbaħħir fir-rigward tal-emissjonijiet li jiġu rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri jew bastimenti ro-ro tal-passiġġieri fil-qafas ta' kuntratt ta' servizz pubbliku tranżnazzjonali jew obbligu ta' servizz pubbliku tranżnazzjonali, stabbilit fit-talba konġunta, li jgħaqqdu ż-żewġ Stati Membri, u mill-attivitajiet, f'port, minn talibastimenti fir-rigward ta' tali vjaġġi.

3-b.   Ma għandux jinħoloq obbligu ta' ċediment tal-kwoti fir-rigward ta' emissjonijiet li jiġu rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn vjaġġi bejn port li jinsab f'reġjun ultraperiferiku ta' Stat Membru u port li jinsab fl-istess Stat Membru, inklużi vjaġġi bejn portijiet f’reġjun ultraperiferiku u vjaġġ bejn portijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru, u mill-attivitajiet, f’port, minn tali bastimenti fir-rigward ta' tali vjaġġi."

;

(e)

il-paragrafu 3-a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3-a.   Fejn meħtieġ, u sakemm ikun meħtieġ, sabiex tiġi mħarsa l-integrità ambjentali tal-EU ETS, l-operaturi, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, u l-kumpaniji tat-tbaħħir fl-EU ETS għandhom ikunu pprojbiti milli jużaw il-kwoti li jinħarġu minn Stat Membru li fir-rigward tagħhom hemm obbligi li jiskadu għall-operaturi, għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-kumpaniji tat-tbaħħir. L-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(3) għandhom jinkludu l-miżuri meħtieġa fil-każijiet imsemmija f'dan il-paragrafu."

;

(f)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"3b.   Ma għandux jinħoloq obbligu ta' ċediment tal-kwoti fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jitqiesu li jkunu nqabdu u ntużaw b’tali mod li ikunu saru kimikament marbuta b'mod permanenti fi prodott hekk li f'kundizzjonijiet ta' użu normali ma jidħlux fl-atmosfera, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva dwar ir-rekwiżiti biex tikkunsidra li l-gassijiet serra jkunu saru kimikament marbuta b'mod permanenti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”

;

(g)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-kwoti huma kkanċellati fi kwalunkwe waqt fuq talba tal-persuna li jkunu fil-pussess tagħha. F'każ tal-għeluq tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tagħhom minħabba miżuri nazzjonali addizzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkanċellaw kwoti, u huma mħeġġa ferm jagħmlu dan, mill-kwantità totali ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minnhom imsemmija fl-Artikolu 10(2) sa ammont li jikkorrispondi għall-medja tal-emissjonijiet verifikati tal-installazzjoni kkonċernata matul perjodu ta' ħames snin qabel l-għeluq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar tali kanċellazzjoni ppjanata, jew dwar ir-raġunijiet għal nuqqas ta' kanċellazzjoni, f'konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4)."

;

(22)

fl-Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni rigward l-arranġamenti dettaljati għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet u, meta jkun rilevanti, id-data dwar l-attività, mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I ta' din id-Direttiva, u l-effetti tal-emissjonijiet li mhumiex CO2 tal-avjazzjoni fuq rotot li għalihom l-emissjonijiet jiġu rrapportati fl-ambitu ta' din id-Direttiva, li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rapportar stabbiliti fl-Anness IV ta' din id-Direttiva u r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw ukoll il-potenzjal ta' tisħin globali ta' kull gass serra u jqisu l-għarfien xjentifiku aġġornat dwar l-effetti tal-emissjonijiet li mhumiex CO2 tal-avjazzjoni fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet u l-effetti tagħhom, inklużi l-effetti tel-emissjonijiet li mhumiex CO2 tal-avjazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni tal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont din id-Direttiva, sabiex tali bijomassa jkollha rata żero. Huma għandhom jispeċifikaw kif għandu jitqies il-ħżin tal-emissjonijiet minn taħlita ta' sorsi b'rata żero u sorsi mhux b'rata żero. Huma għandhom jispeċifikaw ukoll kif għandhom jitqiesu l-emissjonijiet minn fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika u fjuwils tal-karbonju riċiklati, filwaqt li jiżguraw li jitqiesu tali emissjonijiet u li jiġi evitat għadd doppju.”;

(23)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi, tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-kumpaniji tat-tbaħħir li qegħdin jiksru r-rekwiżiti li jċedu biżżejjed kwoti skont din id-Direttiva."

;

(b)

fil-paragrafu 3, id-data "30 ta' April" hija sostitwita bit-"30 ta' Settembru";

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"3a.   Il-penali stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward tal-kumpaniji tat-tbaħħir."

;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"11a.   Fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir li tkun naqset milli tikkonforma mal-obbligi ta' ċediment għal żewġ perjodi ta' rapportar konsekuttivi jew aktar, u fejn miżuri ta' infurzar oħrajn ikunu naqsu milli jiżguraw il-konformità, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tad-dħul tista', wara li tagħti l-opportunità lill-kumpanija tat-tbaħħir ikkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, toħroġ ordni ta' tkeċċija, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' tkeċċija, kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, għandu jirrifjuta d-dħul tal-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija tat-tbaħħir ikkonċernata fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sakemm il-kumpanija tat-tbaħħir tissodisfa l-obbligi ta' ċediment tagħha f'konformità mal-Artikolu 12. Meta l-bastiment itajjar il-bandiera ta' Stat Membru u jidħol jew jinstab f'wieħed mill-portijiet tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija tat-tbaġġir ikkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, għandu jżomm il-bastiment sakemm il-kumpanija tat-tbaħħir tissodisfa l-obbligi ta’ ċediment tagħha.

Meta bastiment li jtajjar ta’ kumpanija ta’ tbaħħir kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tinstab f'wieħed mill-portijiet tal-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija ta’ tbaħħir kkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, jista' joħroġ ordni ta' detenzjoni tal-Istat tal-bandiera sakemm il-kumpanija tat-tbaħħir tissodisfa l-obbligi ta’ ċediment tagħha. Għandu jinforma lill-Kummissjoni, lill-EMSA u lill-Istati Membri l-oħra b'dan. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' detenzjoni tal-Istat tal-bandiera, kull Stat Membru għandu jieħu l-istess miżuri bħal dawk li huma meħtieġa wara l-ħruġ ta’ ordni ta' tkeċċija f'konformità mal-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli marittimi internazzjonali applikabbli fil-każ ta' bastimenti f'diffikultà."

;

(24)

l-Artikolu 18b huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 18b

Assistenza mill-Kummissjoni, mill-ESMA u minn organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn

1.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3c(4) u l-Artikoli 3g, 3gd, 3ge, 3gf, 3gg u 18a, il-Kummissjoni, l-Istat Membru amministrattiv u l-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir jistgħu jitolbu l-assistenza tal-EMSA jew ta' organizzazzjoni rilevanti oħra u jistgħu jikkonkludu, għal dak l-għan, kwalunkwe ftehim xieraq ma' dawk l-organizzazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni, assistita mill-EMSA, għandha tagħmel ħilitha biex tiżviluppa għodod u gwida xierqa biex tiffaċilita u tikkoordina l-attivitajiet ta' verifika u infurzar relatati mal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għat-trasport marittimu. Sa fejn ikun prattikabbli, tali gwida u għodod għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri u l-verifikaturi għal finijiet ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u sabiex jiġi żgurat aħjar infurzar robust tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva."

;

(25)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3c(6), l-Artikolu 3d(3), fl-Artikolu 10(4), fl-Artikolu 10a(1), (8) u (8a), fl-Artikolu 10b(5), fl-Artikolu 12(3b), fl-Artikolu 19(3), fl-Artikolu 22, fl-Artikolu 24(3), fl-Artikolu 24a(1), fl-Artikolu 25a(1), fl-Artikolu 28c u fl-Artikolu 30j(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mit-8 ta' April 2018.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3c(6), l-Artikolu 3d(3), fl-Artikolu 10(4), fl-Artikolu 10a(1), (8) u (8a), fl-Artikolu 10b(5), fl-Artikolu 12(3b), fl-Artikolu 19(3), fl-Artikolu 22, fl-Artikolu 24(3), fl-Artikolu 24a(1), fl-Artikolu 25a(1), fl-Artikolu 28c u fl-Artikolu 30j(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ."

;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3c(6), l-Artikolu 3d(3), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 10a(1), (8) jew (8a) l-Artikolu 10b(5), l-Artikolu 12(3b), l-Artikolu 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 24a(1), l-Artikolu 25a(1), l-Artikolu 28c jew l-Artikolu 30j(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

;

(26)

l-Artikolu 29 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 29

Rapport biex jiġi żgurat il-funzjonament aħjar tas-suq tal-karbonju

Jekk ir-rapporti regolari dwar is-suq tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 10(5) u (6) ikun fihom evidenza li s-suq tal-karbonju mhuwiex jiffunzjona tajjeb, il-Kummissjoni, fi żmien perjodu ta' tliet xhur, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista' jkun akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposti leġiżlattivi bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-integrità tas-suq tal-karbonju, inklużi s-swieq tad-derivattivi relatati, u li jiġu indirizzati l-miżuri korrettivi biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu kif ukoll biex jissaħħu l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet ta' abbuż tas-suq."

;

(27)

l-Artikolu 29a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 29a

Miżuri f'każ ta' fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet

1.   Jekk il-prezz medju tal-kwoti għas-sitt xhur kalendarji preċedenti jkun aktar minn 2,4 darbiet il-prezz medju tal-kwoti għall-perjodu ta' referenza tas-sentejn preċedenti, għandhom jiġu rilaxxati 75 miljun kwota mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f'konformità mal-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

Il-prezz tal-kwoti msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu, għall-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III, ikun il-prezz tal-irkantijiet imwettqa f'konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4).

Il-perjodu ta' referenza tas-sentejn preċedenti msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-perjodu ta' sentejn li jintemm qabel l-ewwel xahar tal-perjodu ta' sitt xhur kalendarji msemmi f'dak is-subparagrafu.

Meta l-kundizzjoni fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu tiġi ssodisfata u l-paragrafu 2 ma jkunx applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'dak ir-rigward f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jindika d-data li fiha l-kundizzjoni ġiet issodisfata.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika fl-ewwel tlett ijiem tax-xogħol ta' kull xahar il-prezz medju tal-kwoti għas-sitt xhur kalendarji preċedenti u l-prezz medju tal-kwoti għall-perjodu ta' referenza tas-sentejn preċedenti. Jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tiġix issodisfata, il-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll il-livell li l-prezz medju tal-kwoti jkollu jilħaq fix-xahar ta' wara sabiex tiġi ssodisfata l-kundizzjoni msemmija f'dak is-subparagrafu.

2.   Meta l-kundizzjoni għar-rilaxx ta' kwoti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq skont il-paragrafu 1 tkun ġiet issodisfata, il-kundizzjoni msemmija f'dak il-paragrafu ma għandhiex titqies li reġgħet ġiet issodisfata sa mill-inqas tnax-il xahar wara tmiem ir-rilaxx preċedenti.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(4)."

;

(28)

l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Din id-Direttiva għandha tibqa' tiġi rieżaminata fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u l-isforzi mwettqa biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi, u ta’ kwalunkwe impenn rilevanti li jirriżulta mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima."

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Il-miżuri biex jiġu appoġġati ċerti industriji intensivi fl-enerġija li jistgħu ikunu soġġetti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju msemmija fl-Artikoli 10a u 10b ta' din id-Direttiva għandhom ukoll jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-miżuri ta' politika dwar it-tibdil fil-klima f'ekonomiji ewlenin oħra. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk il-miżuri marbuta mal-kumpens ta' kostijiet indiretti għandhomx jiġu armonizzati aktar. Il-miżuri applikabbli għas-setturi tas-CBAM għandhom jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956. Qabel l-1 ta' Jannar 2028, u kull sentejn wara dik id-data, bħala parti mir-rapporti tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 30(6) ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-CBAM fuq ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, inkluż fir-rigward tal-esportazzjonijiet.

Ir-rapport għandu jivvaluta l-ħtieġa li jittieħdu miżuri addizzjonali, inkluż miżuri leġiżlattivi, biex jiġu indirizzati r-riskji ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rapport, meta jkun xieraq, għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva."

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest ta' kull rendikont globali miftiehem fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni fid-dawl tat-tnaqqis meħtieġ ta' gassijiet serra mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inkluż fir-rigward tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tista' tagħmel proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex din id-Direttiva tiġi emendata, b'mod partikolari sabiex tkun żgurata l-konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 u l-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament. Meta tagħmel il-proposti leġiżlattivi tagħha, il-Kummissjoni għandha, għal dak il-għan, tikkunsidra, fost oħrajn, l-baġit indikattiv proġettat tal-Unjoni għall-gassijiet serra għall-perjodu mill-2030 sal-2050 kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament."

;

(d)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"5.   Sal-31 ta' Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwistjonijiet li ġejjin, akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposta leġiżlattiva u valutazzjoni tal-impatt:

(a)

kif l-emissjonijiet negattivi li jirriżultaw mill-gassijiet serra li jitneħħew mill-atmosfera u jinħażnu b'mod sikur u permanenti jistgħu jitqiesu u kif dawk l-emissjonijiet negattivi jistgħu jiġu koperti bl-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, jekk ikun xieraq, inkluż kamp ta' applikazzjoni ċar u kriterji stretti għal tali kopertura, u salvagwardji biex jiġi żgurat li tali assorbimenti ma jikkumpensawx it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet f'konformità mal-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119;

(b)

il-fattibbiltà li, mill-2031, jitbaxxew il-limiti tal-input termiku nominali totali ta' 20 MW għall-attivitajiet fl-Anness I;

(c)

jekk l-emissjonijiet kollha ta' gassijiet serra koperti minn din id-Direttiva humiex effettivament meqjusa, u jekk l-għadd doppju huwiex effettivament evitat; b'mod partikolari, għandha tivvaluta l-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jitqiesu li jkunu nqabdu u ntużaw fi prodott b'mod differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 12(3b).

6.   Meta tirrieżamina din id-Direttiva, f'konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tanalizza kif jistgħu jiġu stabbiliti rabtiet bejn l-EU ETS u swieq oħra tal-karbonju, mingħajr ma xxekkel il-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika u tal-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119.

7.   Sal-31 ta' Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-inklużjoni tal-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali fl-EU ETS, inkluż bil-ħsieb tal-inklużjoni tagħhom mill-2028 u b'valutazzjoni tal-ħtieġa potenzjali ta' għażla ta' nonparteċipazzjoni għal Stat Membru sal-31 ta' Diċembru 2030. F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tqis l-importanza li s-setturi kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u d-devjazzjoni potenzjali tal-iskart lejn ir-rimi b’rimi f'landfill fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-iskart lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, għandha tqis kriterji rilevanti bħall-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali, l-allinjament mal-objettivi tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*19) u r-robustezza u l-eżattezza fir-rigward tal-monitoraġġ u l-kalkolu tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva, għandha takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu jiġu applikati għall-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti addizzjonali fir-rigward tal-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali, u biex jiġu evitati devjazzjoni potenzjali tal-iskart.

Fir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-possibbiltà li tinkludi proċessi oħra ta' mmaniġġjar tal-iskart fl-EU ETS, b'mod partikolari landfills li joħolqu emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż fl-Unjoni. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tista' wkoll takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex tinkludi tali proċessi oħra ta' mmaniġġjar tal-iskart fl-EU ETS.

(*19)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).";"

(29)

il-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 30:

"Kapitolu IVa

Sistema ta' Skambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet għas-Setturi tal-Bini, tat-Trasport bit-Triq u oħrajn addizzjonali

Artikolu 30a

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, għall-ħruġ u għaċ-ċediment ta' kwoti, għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-verifika fir-rigward tal-attività msemmija fl-Anness III. Dan il-Kapitolu ma għandu japplika għall-ebda emissjoni koperta mill-Kapitoli II u III.

Artikolu 30b

Permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta' Jannar 2025, l-ebda entità regolata ma twettaq l-attività msemmija fl-Anness III, sakemm dik l-entità regolata ma jkollhiex permess maħruġ minn awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Applikazzjoni lill-awtorità kompetenti mill-entità regolata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra skont dan il-Kapitolu għandha tinkludi, mill-inqas, deskrizzjoni ta':

(a)

l-entità regolata;

(b)

it-tip ta' fjuwils li tirrilaxxa għall-konsum u li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi msemmija fl-Anness III u l-mezzi li permezz tagħhom tirrilaxxa dawk il-fjuwils għall-konsum;

(c)

l-użu/ jew l-użi finali tal-fjuwils rilaxxati għall-konsum għall-attività msemmija fl-Anness III;

(d)

il-miżuri ppjanati għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet, f'konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 30f;

(e)

sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni lill-entità regolata msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-attività msemmija fl-Anness III, jekk tkun sodisfatta li l-entità hija kapaċi timmonitorja u tirrapporta l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum skont l-Anness III.

4.   Il-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra għandu jkun fihom, mill-inqas, dawn li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-entità regolata;

(b)

deskrizzjoni tal-mezzi li bihom l-entità regolata tirrilaxxa l-fjuwils għall-konsum fis-setturi koperti minn dan il-Kapitolu;

(c)

lista tal-fjuwils li l-entità regolata tirrilaxxa għall-konsum fis-setturi koperti minn dan il-Kapitolu;

(d)

pjan ta' monitoraġġ li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14;

(e)

ir-rekwiżiti ta' rapportar stabbiliti mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14;

(f)

obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti, maħruġa taħt dan il-Kapitolu, ugwali għall-emissjonijiet totali f'kull sena kalendarja, kif ivverifikati f'konformità mal-Artikolu 15, u sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 30e(2).

5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entitajiet regolati jaġġornaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ mingħajr ma jbiddlu l-permess. L-entitajiet regolati għandhom jissottomettu kwalunkwe pjan ta' monitoraġġ aġġornat lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

6.   L-entità regolata għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla ppjanata fin-natura tal-attività tagħha jew fil-fjuwils li tirrilaxxa għall-konsum, li tista' tirrikjedi aġġornament tal-permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Meta jkun xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess f'konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14. Meta jkun hemm bidla fl-identità tal-entità regolata koperta minn dan il-Kapitolu, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess biex ikun jinkludi l-isem u l-indirizz tal-entità regolata l-ġdida.

Artikolu 30c

Il-kwantità tal-kwoti fl-Unjoni kollha

1.   Il-kwantità ta' kwoti maħruġa fl-Unjoni kollha skont dan il-Kapitolu kull sena mill-2027 għandha tibda tonqos b'mod lineari mill-2024. Il-valur tal-2024 għandu jiġi definit bħala l-limiti tal-emissjonijiet tal-2024, ikkalkolati abbażi tal-emissjonijiet ta' referenza skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*20) għas-setturi koperti minn dan il-Kapitolu u bl-applikazzjoni tat-trajettorja lineari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kollha fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. Il-kwantità għandha tonqos kull sena wara l-2024 b'fattur ta' tnaqqis lineari ta' 5,10 %. Sal-1 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għas-sena 2027.

2.   Il-kwantità ta' kwoti maħruġa fl-Unjoni kollha skont dan il-Kapitolu kull sena mill-2028 għandha tonqos b'mod lineari mill-2025 abbażi tal-emissjonijiet medji rrapportati skont dan il-Kapitolu għas-snin mill-2024 sal-2026. Il-kwantità ta' kwoti għandha tonqos b'fattur ta' tnaqqis lineari ta' 5,38 %, ħlief jekk japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IIIa, f'liema każ il-kwantità għandha tonqos b'fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat f'konformità mar-regoli stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IIIa. Sat-30 ta' Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għall-2028 u, jekk ikun meħtieġ, il-fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat.

3.   Il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha maħruġa taħt dan il-Kapitolu għandha tiġi aġġustata għal kull sena mill-2028 biex tiġi kkumpensata l-kwantità ta' kwoti ċeduti f'każijiet li fihom ma kienx possibbli li jiġi evitat l-għadd doppju tal-emissjonijiet jew li fihom il-kwoti jkunu ġew ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu kif imsemmi fl-Artikolu 30f(5). L-aġġustament għandu jikkorrispondi għall-ammont totali ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu li ġew ikkumpensati fis-sena ta' rapportar rilevanti skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 30f(5), it-tieni subparagrafu.

4.   Stat Membru li, skont l-Artikolu 30j, unilateralment estenda l-attività msemmija fl-Anness III għal setturi li mhumiex elenkati f’dak l-Anness għandu jiżgura li l-entitajiet regolati kkonċernati jippreżentaw, sat-30 ta' April tas-sena rilevanti, lill-awtorità kompetenti rilevanti, rapport debitament sostanzjat f'konformità mal-Artikolu 30f. Jekk id-data ppreżentata tkun debitament sostanzjata, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'dan sat-30 ta' Ġunju tas-sena rilevanti. Il-kwantità ta' kwoti li jridu jinħarġu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi aġġustata filwaqt li jitqies ir-rapport debitament sostanzjat ppreżentat mill-entitajiet regolati.

Artikolu 30d

L-irkantar ta' kwoti għall-attività msemmija fl-Anness III

1.   Mill-2027, il-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rkantati, sakemm ma jitqegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. Il-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rkantati separatament mill-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III ta' din id-Direttiva.

2.   L-irkantar tal-kwoti skont dan il-Kapitolu għandu jibda fl-2027 b'ammont li jikkorrispondi għal 130 % tal-volumi tal-irkant għall-2027 stabbiliti abbażi tal-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għal dik is-sena u l-ishma u l-volumi tal-irkant rispettivi skont il-paragrafi 3 sa 6 ta' dan l-Artikolu. It- 30 % addizzjonali li jridu jiġu rkantati għandhom jintużaw biss biex jiġu ċeduti l-kwoti skont l-Artikolu 30e(2) u jistgħu jiġu rkantati sal-31 ta' Mejju 2028. It-30 % addizzjonali għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkant għall-perjodu mill-2029 sal-2031. Il-kundizzjonijiet għall-irkantijiet previsti f’dan il-paragrafu għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu u mal-Artikolu 10(4).

Fl-2027, għandhom jinħolqu 600 miljun kwota koperti minn dan il-Kapitolu bħala parteċipazzjonijiet fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq skont l-Artikolu 1a(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

3.   Għandhom jiġu rkantati 150 miljun kwota maħruġa taħt dan il-Kapitolu u d-dħul kollu minn dawk l-irkanti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 sal-2032.

4.   Mill-ammont ta' kwoti li jifdal u sabiex jiġi ġġenerat, flimkien mad-dħul mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 10a(8b) ta’ din id-Direttiva, ammont massimu ta' EUR 65 000 000 000, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ammont addizzjonali ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu jiġi rkantat u d-dħul ġenerat minn dawk l-irkanti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/955 sal-2032.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond Soċjali għall-Klima msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u f'dan il-paragrafu jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet msemmija fl-Artikolu 10(4) u fl-atti delegati adottati skont dak l-Artikolu.

Id-dħul mill-irkantar tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u f'dan il-paragrafu għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u għandu jiġi użat f'konformità mar-regoli applikabbli għall-Fond Soċjali għall-Klima.

L-ammont annwali allokat għall-Fond Soċjali għall-Klima f'konformità mal-Artikolu 10a(8b), il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż:

(a)

għall-2026, EUR 4 000 000 000;

(b)

għall-2027, EUR 10 900 000 000;

(c)

għall-2028, EUR 10 500 000 000;

(d)

għall-2029, EUR 10 300 000 000;

(e)

għall-2030, EUR 10 100 000 000;

(f)

għall-2031, EUR 9 800 000 000;

(g)

għall-2032, EUR 9 400 000 000.

Meta s-sistema ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet stabbilita f'konformità ma' dan il-Kapitolu tiġi posposta sal-2028 skont l-Artikolu 30k, l-ammont massimu li jrid jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun ta' EUR 54 600 000 000. F'tali każ, l-ammonti annwali allokati għall-Fond Soċjali għall-Klima ma għandhomx jaqbżu kumulattivament għas-snin 2026 u 2027, EUR 4 000 000 000, u għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2028 sal-31 ta' Diċembru 2032, l-ammont annwali rilevanti ma għandux jaqbeż:

(a)

għall-2028, EUR 11 400 000 000;

(b)

għall-2029, EUR 10 300 000 000;

(c)

għall-2030, EUR 10 100 000 000;

(d)

għall-2031, EUR 9 800 000 000;

(e)

għall-2032, EUR 9 000 000 000.

Meta d-dħul iġġenerat mill-irkantar imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jiġi stabbilit bħala riżorsa proprja f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE, l-Artikolu 10(8b) ta' din id-Direttiva, il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw.

5.   Il-kwantità totali tal-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu wara li jitnaqqsu l-kwantitajiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri u distribwiti bejniethom f'ishma li jkunu identiċi għas-sehem tal-emissjonijiet ta' referenza skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 għall-kategoriji ta' sorsi ta' emissjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu, il-punti (b), (c) u (d), tal-Anness III ta' din id-Direttiva għall-medja tal-perjodu mill-2016 sal-2018 tal-Istat Membru kkonċernat, kif rieżaminati b'mod komprensiv skont l-Artikolu 4(3) ta' dak ir-Regolament.

6.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, ħlief għad-dħul li jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jew id-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE u mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul tagħhom jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta' dak id-dħul għal wieħed jew aktar mill-finijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3) ta' din id-Direttiva, filwaqt li jagħtu prijorità lil attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet taħt dan il-Kapitolu, jew għal wieħed jew aktar mill-punti li ġejjin:

(a)

miżuri maħsuba biex jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-bini jew għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-bini, inkluża l-integrazzjoni ta' enerġiji rinnovabbli u miżuri relatati f’konformità mal-Artikolu 7(11) u l-Artikoli 12 u 20 tad-Direttiva 2012/27/UE, kif ukoll miżuri li jipprovdu appoġġ finanzjarju għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx f'bini bl-agħar rendiment;

(b)

miżuri maħsuba biex jaċċelleraw l-użu ta' vetturi b'emissjonijiet żero jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-introduzzjoni ta' infrastruttura kompletament interoperabbli tar-riforniment tal-fjuwil u tal-irriċarġjar għal vetturi b'emissjonijiet żero, jew miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu transizzjoni lejn it-trasport pubbliku u jtejbu l-multimodalità, jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali li jikkonċernaw l-utenti tat-trasport bi dħul baxx u medju;

(c)

biex jiffinanzjaw il-Pjan Soċjali għall-Klima tagħhom f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2023/955;

(d)

biex jipprovdu kumpens finanzjarju lill-konsumaturi finali tal-fjuwils f'każijiet li fihom ma kienx possibbli li jiġi evitat l-għadd doppju tal-emissjonijiet jew li fihom il-kwoti ġew ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu kif imsemmi fl-Artikolu 30f(5).

L-Istati Membri għandhom jitqiesu li ssodisfaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu jekk ikollhom fis-seħħ u jimplimentaw politiki ta' appoġġ fiskali jew finanzjarju jew politiki regolatorji li jimmassimizzaw l-appoġġ finanzjarju, stabbiliti għall-finijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u li jkollhom valur ekwivalenti għad-dħul imsemmi f'dak is-subparagrafu ġġenerat mill-irkantar tal-kwoti kif imsemmi f'dan il-Kapitolu.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-dħul u l-azzjonijiet meħuda skont dan il-paragrafu billi jinkludu din l-informazzjoni fir-rapporti tagħhom sottomessi skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

7.   L-Artikolu 10(4) u (5) għandhom japplikaw għall-kwoti maħruġa skont dan il-Kapitolu.

Artikolu 30e

It-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti

1.   L-Artikolu 12 għandu japplika għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 3 u 3a, il-paragrafu 4, it-tieni u t-tielet sentenza, u l-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu. Għal dak il-fini:

(a)

kwalunkwe referenza għal emissjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(b)

kwalunkwe referenza għal operaturi tal-installazzjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-entitajiet regolati koperti minn dan il-Kapitolu;

(c)

kwalunkwe referenza għal kwoti għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta' Mejju ta' kull sena, l-entità regolata ċċedi ammont ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali tal-entità regolata, li jikkorrispondu għall-kwantità ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum skont l-Anness III, matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikoli 15 u 30f, u li dawk il-kwoti sussegwentement jiġu kkanċellati.

3.   Sal-31 ta' Diċembru 2030, b'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, meta entità regolata stabbilita fi Stat Membru partikolari tkun soġġetta għal taxxa nazzjonali fuq il-karbonju fis-seħħ għas-snin 2027 sa 2030, li tkopri l-attività msemmija fl-Anness III, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista' teżenta lil dik l-entità regolata mill-obbligu li ċċedi l-kwoti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal sena ta' referenza partikolari, dment li:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dik it-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju, sal-31 ta' Diċembru 2023, u l-liġi nazzjonali li tistabbilixxi r-rati tat-taxxa applikabbli għas-snin 2027 sa 2030, sa dik id-data, tkun daħlet fis-seħħ; l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fit-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju;

(b)

għas-sena ta' referenza, it-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju tal-Istat Membru kkonċernat effettivament imħallsa minn dik l-entità regolata tkun ogħla mill-prezz medju mill-ikklerjar f'irkant tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet stabbilita skont dan il-Kapitolu;

(c)

l-entità regolata tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi skont l-Artikolu 30b dwar il-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-Artikolu 30f dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tagħha;

(d)

l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe eżenzjoni bħal din u l-ammont korrispondenti ta' kwoti li jridu jiġu kkanċellati f'konformità mal-punt (g) ta' dan is-subparagrafu u l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4), sal-31 ta' Mejju tas-sena wara s-sena ta' referenza;

(e)

il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni għall-applikazzjoni tad-deroga għar-raġuni li l-miżura nnotifikata ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, fi żmien tliet xhur minn notifika skont il-punt (a) ta' dan is-subparagrafu jew fi żmien xahar min-notifika għas-sena rilevanti skont il-punt (d) ta' dan is-subparagrafu;

(f)

l-Istat Membru kkonċernat ma jirkantax l-ammont ta' kwoti msemmija fl-Artikolu 30d(5) għal sena ta' referenza partikolari sakemm l-ammont ta' kwoti li trid tiġi kkanċellata skont dan il-paragrafu tiġi ddeterminata f'konformità mal-punt (g) ta' dan is-subparagrafu; l-Istat Membru kkonċernat ma għandu jirkanta l-ebda ammont addizzjonali ta' kwoti skont l-Artikolu 30d(2), l-ewwel subparagrafu;

(g)

l-Istat Membru kkonċernat jikkanċella ammont ta' kwoti mill-kwantità totali ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minnu kif imsemmi fl-Artikolu 30d(5), għas-sena ta' referenza, li jkun ugwali għall-emissjonijiet ivverifikati ta' dik l-entità regolata skont dan il-Kapitolu għas-sena ta' referenza; meta l-ammont ta' kwoti li jkun għad irid jiġi rkantat fis-sena ta' referenza wara l-applikazzjoni tal-punt (f) ta' dan is-subparagrafu jkun inqas mill-ammont ta' kwoti li għandu jiġi kkanċellat skont dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li jikkanċella l-ammont ta' kwoti li jikkorrispondi għad-differenza sa tmiem is-sena ta' wara s-sena ta' referenza; u

(h)

l-Istat Membru kkonċernat jimpenja ruħu, fil-mument tal-ewwel notifika skont il-punt (a) ta' dan is-subparagrafu, li juża għal waħda jew aktar mill-miżuri elenkati jew imsemmija fl-Artikolu 30d(6), l-ewwel subparagrafu, ammont ekwivalenti għad-dħul li għalih kien japplika l-Artikolu 30d(6) fin-nuqqas ta' din id-deroga; l-Artikolu 30d(6), it-tieni u t-tielet subparagrafi, għandhom japplikaw u l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni li tirċievi skont dan tkun konformi mal-impenn meħud skont dan il-punt.

L-ammont ta' kwoti li jridu jiġu kkanċellati skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (g), ta' dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa d-dħul assenjat estern stabbilit skont l-Artikolu 30d(4) ta' din id-Direttiva jew, meta jkun stabbilit skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE, ir-riżorsi proprji tal-baġit tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (*21) mid-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti f’konformità mal-Artikolu 30d ta’ din id-Direttiva.

4.   L-isptarijiet li mhumiex koperti mill-Kapitolu III jistgħu jingħataw kumpens finanzjarju għall-kost li jiġi ttrasferit lilhom minħabba ċ-ċediment ta’ kwoti skont dan il-Kapitolu. Għal dak il-għan, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu applikabbli għal każijiet ta’ għadd doppju għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 30f

Il-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika tal-emissjonijiet u l-akkreditazzjoni

1.   L-Artikoli 14 u 15 għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu. Għal dak il-fini:

(a)

kwalunkwe referenza għal emissjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(b)

kwalunkwe referenza għal attività elenkata fl-Anness I għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-attività msemmija fl-Anness III;

(c)

kwalunkwe referenza għal operaturi għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-entitajiet regolati koperti minn dan il-Kapitolu;

(d)

kwalunkwe referenza għal kwoti għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu;

(e)

ir-referenza għad-data fl-Artikolu 15 għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għat-30 ta’ April.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull entità regolata timmonitorja, għal kull sena kalendarja mill-2025, l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum skont l-Anness III. Huma għandhom jiżguraw ukoll li kull entità regolata tirrapporta dawk l-emissjonijiet lill-awtorità kompetenti fis-sena ta’ wara, billi tibda mill-2026, f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1).

3.   Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April kull sena sal-2030, kull entità regolata tirrapporta s-sehem medju ta’ kostijiet relatati maċ-ċediment ta’ kwoti skont dan il-Kapitolu li tkun ttrasferiet lill-konsumaturi għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw ir-rekwiżiti u l-mudelli għal dawk ir-rapporti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2). Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rapporti sottomessi u tirrapporta s-sejbiet tagħha kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta’ l-Kummissjoni ssib li jeżistu prattiki mhux korretti fir-rigward tat-trasferiment tal-kostijiet tal-karbonju, ir-rapport, meta ikun xieraq, jista’ jkun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi bl-għan li jindirizzaw tali prattiki mhux korretti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull entità regolata li jkollha permess f’konformità mal-Artikolu 30b fl-1 ta’ Jannar 2025 tirrapporta l-emissjonijiet storiċi tagħha għas-sena 2024 sat-30 ta’ April 2025.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet regolati jkunu jistgħu jidentifikaw u jiddokumentaw b’mod affidabbli u eżatt, għal kull tip ta’ fjuwil, il-kwantitajiet preċiżi ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum, li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi msemmija fl-Anness III, u l-użu finali tal-fjuwils rilaxxati għall-konsum mill-entitajiet regolati. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jillimitaw ir-riskju ta’ għadd doppju tal-emissjonijiet koperti taħt dan il-Kapitolu u tal-emissjonijiet koperti taħt il-Kapitoli II u III, kif ukoll ir-riskju li l-kwoti jiġu ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw ir-regoli dettaljati għall-evitar tal-għadd doppju u l-kwoti li qed jiġu ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu, kif ukoll għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-konsumaturi finali tal-fjuwils f’każijiet li fihom tali għadd doppju jew ċediment ma jistax jiġi evitat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2). Il-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għall-konsumaturi finali tal-fjuwils għandu jkun ibbażat fuq prezz medju tal-kwoti fl-irkanti mwettqa f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4) fis-sena ta’ rapportar rilevanti.

6.   Il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu huma stabbiliti fil-Parti Ċ tal-Anness IV.

7.   Il-kriterji għall-verifika tal-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu huma stabbiliti fil-Parti Ċ tal-Anness V.

8.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu miżuri simplifikati ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika għall-entitajiet regolati li l-emissjonijiet annwali tagħhom li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum ikunu inqas minn 1 000 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2, f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1).

Artikolu 30g

Amministrazzjoni

L-Artikoli 13 u 15a, l-Artikolu 16(1), (2), (3), (4) u (12), u l-Artikoli 17, 18, 19, 20, 21, 22, 22a, 23 u 29 għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu. Għal dak il-fini:

(a)

kwalunkwe referenza għal emissjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(b)

kwalunkwe referenza għal operaturi għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-entitajiet regolati koperti minn dan il-Kapitolu;

(c)

kwalunkwe referenza għal kwoti għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu.

Artikolu 30h

Miżuri f’każ ta’ żieda eċċessiva tal-prezzijiet

1.   Meta, għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti fl-irkantijiet imwettqa f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva jkun aktar mid-doppju tal-prezz medju tal-kwoti matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti fl-irkantijiet għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu, 50 miljun kwota koperta minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

Għas-snin 2027 u 2028, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ssodisfati meta, għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti jkun aktar minn 1,5 darbiet il-prezz medju tal-kwoti matul il-perjodu ta’ referenza tas-sitt xhur konsekuttivi preċedenti.

2.   Meta l-prezz medju tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jaqbeż prezz ta’ EUR 45 għal perjodu ta’ xahrejn konsekuttivi, 20 miljun kwota koperta b’dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. L-indiċjar abbażi tal-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumaturi għall-2020 għandu japplika. Il-kwoti għandhom jiġu rilaxxati permezz tal-mekkaniżmu previst’ f’dan il-paragrafu sal-31 ta’ Diċembru 2029.

3.   Meta l-prezz medju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun aktar minn tliet darbiet il-prezz medju tal-kwota matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti,150 miljun kwota koperta minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

4.   Meta l-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tkun ġiet issodisfata fl-istess jum bħall-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew 3, kwoti addizzjonali għandhom jiġu rilaxxati biss skont il-paragrafu 1 jew 3.

5.   Qabel il-31 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih tivvaluta jekk il-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 2 kienx effettiv u jekk għandux jitkompla. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, għandha takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex temenda din id-Direttiva ħalli taġġusta dak il-mekkaniżmu.

6.   Meta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, 2 jew 3 ikunu ġew issodisfati u rriżultaw f’rilaxx ta’ kwoti, il-kwoti addizzjonali ma għandhomx jiġu rilaxxati skont dan l-Artikolu aktar kmieni minn 12-il xahar wara dan.

7.   Meta, fit-tieni nofs tal-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tkun reġgħet ġiet issodisfata, il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat, imwaqqaf bl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1999, għandha tivvaluta l-effettività tal-miżura u tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2) ta’ din id-Direttiva.

8.   Meta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, 2 jew 3 ikunu ġew issodisfati u l-paragrafu 6 ma jkunx applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-pront avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-data li fiha dik il-kundizzjoni jew dawk il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati.

9.   L-Istati Membri li jkunu soġġetti għall-obbligu li jipprovdu pjan ta' azzjoni korrettiv f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/842 għandhom iqisu debitament l-effetti ta’ rilaxx ta' kwoti addizzjonali skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu matul is-sentejn preċedenti meta jqisu azzjonijiet addizzjonali li jridu jiġu implimentati kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dak ir-Regolament sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-ambitu ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 30i

Rieżami ta' dan il-Kapitolu

Sal-1 ta' Jannar 2028, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu fir-rigward tal-effettività, l-amministrazzjoni u l-applikazzjoni prattika tagħhom, inkluż dwar l-applikazzjoni tar-regoli fl-ambitu tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex dan il-Kapitolu jiġi emendat. Sal-31 ta' Ottubru 2031, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-integrazzjoni tas-setturi koperti mill-Anness III ta' din id-Direttiva fl-EU ETS li tkopri s-setturi elenkati fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

Artikolu 30j

Proċeduri għall-estensjoni unilaterali tal-attività msemmija fl-Anness III għal setturi oħra mhux soġġetti għall-Kapitoli II u III

1.   Mill-2027, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-attività msemmija fl-Anness III għal setturi li mhumiex elenkati f'dak l-Anness u b'hekk japplikaw l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet f'konformità ma' dan il-Kapitolu f'tali setturi, b'kont meħud tal-kriterji rilevanti kollha, b'mod partikolari l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet stabbilita skont dan il-Kapitolu u l-affidabbiltà tas-sistema ta' monitoraġġ u rapportar ippjanata, dment li l-estensjoni tal-attività msemmija f’dak l-Anness tkun approvata mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva rigward l-approvazzjoni ta' estensjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorizzazzjoni għall-ħruġ ta' kwoti addizzjonali u l-awtorizzazzjoni ta' Stati Membri oħra biex jestendu l-attività msemmija fl-Anness III. Il-Kummissjoni, meta tadotta tali atti delegati, tista' wkoll tissupplementa l-estensjoni b'regoli ulterjuri li jirregolaw miżuri biex jiġu indirizzati każijiet possibbli ta' għadd doppju, inkluż għall-ħruġ ta' kwoti addizzjonali biex jikkumpensaw għal kwoti ċeduti għall-użu ta' fjuwils f'attivitajiet elenkati fl-Anness I. Kwalunkwe miżura finanzjarja mill-Istati Membri favur kumpaniji f'setturi u subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, minħabba kostijiet indiretti sinifikanti li jiġġarrbu mill-kostijiet tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mgħoddija fil-prezzijiet tal-fjuwil minħabba l-estensjoni unilaterali, għandhom ikunu f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u ma għandhomx jikkawżaw distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

2.   Kwoti addizzjonali maħruġa skont awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jiġu rkantati f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30d. Minkejja l-Artikolu 30d(1) sa (6), l-Istati Membri li jkunu estendew unilateralment l-attività msemmija fl-Anness III f'konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar ta' dawk il-kwoti addizzjonali.

Artikolu 30k

Posponiment tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali sal-2028 f'każ ta' prezzijiet tal-enerġija eċċezzjonalment għoljin

1.   Sal-15 ta' Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin, jew it-tnejn li huma, ġewx issodisfati:

(a)

il-prezz medju tal-gass TTF għas-sitt xhur kalendarji li jintemmu fit-30 ta' Ġunju 2026 kien ogħla mill-medja tal-prezz tal-gass TTF fi Frar u Marzu 2022;

(b)

il-prezz medju taż-żejt mhux raffinat Brent għas-sitt xhur kalendarji li jintemmu fit-30 ta' Ġunju 2026 kienu iktar minn darbtejn il-prezz medju taż-żejt mhux raffinat Brent matul il-ħames snin preċedenti; il-perjodu ta' referenza ta' ħames snin għandu jkun il-perjodu ta' ħames snin li jintemm qabel l-ewwel xahar tal-perjodu ta’ sitt xhur kalendarji.

2.   Meta waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew it tnejn li huma, jiġu ssodisfati, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

b'deroga mill-Artikolu 30c(1), l-ewwel sena li għaliha l-kwantità ta' kwoti fl-Unjoni kollha hija stabbilita għandha tkun l-2028; u, b'deroga mill-Artikolu 30c(3), l-ewwel sena li għaliha l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha tiġi aġġustata għandha tkun l-2029;

(b)

b'deroga mill-Artikolu 30d(1) u (2), il-bidu tal-irkantar tal-kwoti fl-ambitu ta' dan il-Kapitolu għandu jiġi pospost għall-2028;

(c)

b'deroga mill-Artikolu 30d(2), l-ammont addizzjonali ta' kwoti għall-ewwel sena ta' rkanti għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkanti għall-perjodu mill-2030 sal-2032 u l-parteċipazzjonijiet inizjali fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jinħolqu fl-2028;

(d)

b'deroga mill-Artikolu 30e(2), l-iskadenza għaċ-ċediment inizjali ta' kwoti għandha titressaq lura għall-31 ta’ Mejju 2029 għall-emissjonijiet totali fis-sena 2028;

(e)

b'deroga mill-Artikolu 30i, l-iskadenza għall-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha titressaq lura għall-1 ta' Jannar 2029.

(*20)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26)."

(*21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).";"

(30)

jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

"Kapitolu IVb

Parir Xjentifiku u Viżibilità tal-Finanzjament

Artikolu 30l

Parir xjentifiku

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (il-"Bord Konsultattiv") stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*22) jista', fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi parir xjentifiku u joħroġ rapporti rigward din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqis il-parir u r-rapporti rilevanti tal-Korp Konsultattiv, b'mod partikolari fir-rigward:

(a)

tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni biex tiġi żgurata konformità mal-objettivi u l-miri msemmija fl-Artikolu 30(3) ta' din id-Direttiva;

(b)

tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni fid-dawl ta' ftehimiet dwar miżuri globali fl-ICAO biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima tal-avjazzjoni, u tal-ambizzjoni u l-integrità ambjentali tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-OMI msemmija fl-Artikolu 3gg ta' din id-Direttiva.

Artikolu 30m

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament mid-dħul mill-irkantar tal-EU ETS imsemmi fl-Artikolu 10(8) billi:

(a)

tiżgura li l-benefiċjarji ta' tali finanzjament jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku; u

(b)

tiżgura li dawk li jirċievu tali finanzjament jużaw tikketta xierqa li tgħid "(ko)finanzjat mis-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (il-Fond għall-Innovazzjoni)", kif ukoll l-emblema tal-Unjoni u l-ammont tal-finanzjament; meta l-użu ta' dik it-tikketta ma jkunx fattibbli, il-Fond għall-Innovazzjoni għandu jissemma fl-attivitajiet kollha ta' komunikazzjoni, inkluż fuq avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.

Il-Kummissjoni, fl-att delegat imsemmi fl-Artikolu 10a(8), għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni, inkluż rekwiżit li dak il-Fond jissemma.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament mid-dħul mill-irkantar tal-EU ETS imsemmi fl-Artikolu 10d li jikkorrispondi għal dak imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ta' dan l-Artikolu, inkluż permezz ta’ rekwiżit li l-Fond għall-Modernizzazzjoni jissemma.

3.   Filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw il-viżibbiltà tas-sors tal-finanzjament ta' azzjonijiet jew proġetti ffinanzjati mid-dħul mill-irkantar tal-EU ETS li tagħhom jiddeterminaw l-użu f’konformità mal-Artikolu 3d(4), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30d(6).

(*22)  Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).";"

(31)

l-Annessi I, IIb, IV u V tad-Direttiva 2003/87/KE huma emendati f'konformità mal-Anness I ta' din id-Direttiva, u l-Annessi III u IIIa huma mdaħħlin fid-Direttiva 2003/87/KE kif stabbilit fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena sal-1 ta' Ġunju tas-sena sussegwenti. L-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni f'sena partikolari għandu jkun l-għadd kumulattiv ta' kwoti maħruġa fir-rigward tal-installazzjonijiet u l-kumpaniji tat-tbaħħir u mhux imqiegħda fir-riżerva fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008, inkluż l-għadd ta' kwoti maħruġa skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-verżjoni fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2018, f'dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet fl-ambitu tal-EU ETS, sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena partikolari, neqsin it-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet u mill-kumpaniji tat-tbaħħir fl-ambitu tal-EU ETS bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari, u kwalunkwe kwota kkanċellata f'konformità mal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Ma għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta' tliet snin li jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa fir-rigward ta' dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-15 ta' Mejju 2017."

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"4a.   Mill-2024, il-kalkolu tal-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fi kwalunkwe sena partikolari għandu jinkludi l-għadd kumulattiv ta' kwoti maħruġa fir-rigward tal-avjazzjoni u t-tunnellati kumulattivi ta' emissjonijiet verifikati mill-avjazzjoni fl-ambitu tal-EU ETS, li jeskludu l-emissjonijiet minn titjiriet fuq rotot koperti minn kumpens ikkalkulat skont l-Artikolu 12(6) tad-Direttiva 2003/87/KE, bejn l-1 ta' Jannar 2024 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari.

Il-kwoti kkanċellati skont l-Artikolu 3gb tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiesu bħala maħruġa għall-finijiet tal-kalkolu tal-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni."

;

(c)

il-paragrafi 5 u 5a huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"5.   Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun bejn 833 miljun u 1 096 miljun, għadd ta' kwoti ugwali għad-differenza bejn l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, u 833 miljun għandhom jitnaqqsu mill-kwantità ta' kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena. Jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun ogħla minn 1 096 miljun kwota, l-għadd ta' kwoti li jridu jitnaqqsu mill-kwantità ta' kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u li jridu jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena għandu jkun ugwali għal 12 % tal-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni. B'deroga mit-tieni sentenza ta’ dan is-subparagrafu, sal-31 ta' Diċembru 2030, il-persentaġġ msemmi f’dik is-sentenza għandu jiġi rduppjat.

Mingħajr preġudizzju għall-għadd totali ta' kwoti li jridu jitnaqqsu skont dan il-paragrafu, sal-31 ta' Diċembru 2030, il-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandhomx jitqiesu meta jiġu ddeterminati l-ishma tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għal dak l-ammont totali.

5a.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fl-ewwel rieżami mwettaq f'konformità mal-Artikolu 3, mill-2023 il-kwoti miżmuma fir-riżerva 'l fuq minn 400 miljun kwota ma għandhomx jibqgħu validi."

;

(d)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.   Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu ma jkunx applikabbli u tkun ġiet issodisfata l-kundizzjoni fl-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, 75 miljun kwota għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva u għandhom jiżdiedu mal-kwantità ta' kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) ta' dik id-Direttiva. Meta jkun hemm inqas minn 75 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jiġu rilaxxati skont dan il-paragrafu. Meta l-kundizzjoni fl-Artikolu 29a(1) ta' dik id-Direttiva tiġi ssodisfata, il-volumi li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva f'konformità ma' dak l-Artikolu għandhom jitqassmu b'mod ugwali matul perjodu ta' tliet xhur, li jibda mhux aktar tard minn xahrejn mid-data meta l-kundizzjoni fl-Artikolu 29a(1) ta' dik id-Direttiva tiġi ssodisfata kif innotifikat mill-Kummissjoni f'konformità mar-raba' subparagrafu tiegħu."

;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 1a

It-tħaddim tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali

1.   Il-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiegħdu fi u jiġu rilaxxati minn taqsima separata tar-riżerva stabbilita skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   It-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva skont dan l-Artikolu għandu jopera mill-1 ta' Settembru 2028. Il-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiegħdu u jinżammu fir-riżerva, u jiġu rilaxxati minnha, separatament mill-kwoti koperti mill-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Fl-2027, it-taqsima msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinħoloq f'konformità mal-Artikolu 30d(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE. Mill-1 ta' Jannar 2031, il-kwoti msemmija f'dak is-subparagrafu li ma jkunux ġew rilaxxati mir-riżerva ma għandhomx jibqgħu validi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE kull sena, sal-1 ta' Ġunju tas-sena sussegwenti, separatament mill-għadd ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni skont l-Artikolu 1(4) ta' din id-Deċiżjoni. L-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni skont dan l-Artikolu f'sena partikolari għandu jkun l-għadd kumulattiv ta' kwoti koperti minn dak il-Kapitolu maħruġa fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2027, neqsin it-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati koperti minn dak il-Kapitolu għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2027 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari u kwalunkwe kwota koperta minn dak il-Kapitolu kkanċellata f'konformità mal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-1 ta' Ġunju 2028.

5.   Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, ikun ogħla minn 440 miljun kwota, għandhom jitnaqqsu 100 miljun kwota mill-kwantità ta' kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 30d ta' dik id-Direttiva u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena.

6.   Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun inqas minn 210 miljuni, 100 miljun kwota koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva u jiżdiedu mal-kwantità ta' kwoti koperti minn dak il-Kapitolu li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 30d ta' dik id-Direttiva. Meta jkun hemm inqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jiġu rilaxxati skont dan il-paragrafu.

7.   Il-volumi li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva f'konformità mal-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiżdiedu mal-kwantità ta' kwoti koperti mill-Kapitolu IVa ta' dik id-Direttiva li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 30d ta' dik id-Direttiva. Il-volumi li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva għandhom jiġu distribwiti b'mod ugwali matul perjodu ta' tliet xhur, li jibda mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data li fiha l-kundizzjonijiet ġew issodisfati skont il-pubblikazzjoni f’dak ir-rigward f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30h(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.

8.   L-Artikolu 1(8) u l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.

9.   B'deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, meta waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30k(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, jew it-tnejn li huma, jiġu ssodisfati, it-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jopera mill-1 ta' Settembru 2029 u d-dati msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom jitressqu lura b'sena."

;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tar-riżerva fil-kuntest tar-rapport previst fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-effetti rilevanti fuq il-kompetittività, b'mod partikolari fis-settur industrijali, inkluż fir-rigward tal-PDG, tal-impjiegi u tal-indikaturi tal-investiment. Fi żmien tliet snin minn meta r-riżerva tibda topera, u f'intervalli ta' ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni, abbażi ta' analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju, għandha tirrieżamina r-riżerva u tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta dan ikun xieraq. Kull rieżami għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-perċentwal għad-determinazzjoni tal-għadd ta' kwoti li jridu jitqiegħdu fir-riżerva skont l-Artikolu 1(5) ta' din id-Deċiżjoni, il-valur numeriku tal-livell limitu għall-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, inkluż fid-dawl ta' aġġustament potenzjali ta' dak il-livell limitu f'konformità mal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva skont l-Artikolu 1(6) jew (7) ta' din id-Deċiżjoni. Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tanalizza wkoll l-impatt tar-riżerva fuq it-tkabbir, l-impjiegi, u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni u fuq ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.";

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2023. Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2024.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-artikoli li ġejjin sat-30 ta' Ġunju 2024:

(a)

l-Artikolu 1, il-punt (3), il-punti (ae) sa (ai), ta’ din id-Direttiva;

(b)

l-Artikolu 1, il-punt (29), ta' din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87/KE kif imdaħħal b'dak il-punt; u

(c)

l-Artikolu 1, il-punt (31), ta' din id-Direttiva rigward l-Annessi III u IIIa għad-Direttiva 2003/87/KE kif imdaħħal b'dak il-punt.

Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati f’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Meta jikkonformaw mal-obbligu tagħhom stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li tittrasponi l-Artikolu 3, il-punt (u), l-Artikolu 10a(3) u (4), l-Artikolu 10c(7) u l-Anness I, il-punti 1 u 3, tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl-4 ta’ Ġunju 2023, tkompli tapplika sal-31 ta' Diċembru 2025. B'deroga mill-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza, huma għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali tagħhom li jittrasponu l-emendi għal dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2026.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2024.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175.

(2)   ĠU C 301, 5.8.2022, p. 116.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2023.

(4)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(5)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26).

(9)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta' Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 59, 27.2.2019, p. 8).

(11)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (Ara paġna 52 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(18)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 3).

(19)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(22)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 tal-31 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba bidliet fil-livell tal-attività (ĠU L 282, 4.11.2019, p. 20).

(23)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82)

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(26)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(27)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta' Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(30)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(31)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(32)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(33)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

(1)

L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.

Installazzjonijiet jew partijiet minn installazzjonijiet użati għar-riċerka, l-iżvilupp u l-ittestjar ta' prodotti u proċessi ġodda mhumiex koperti minn din id-Direttiva. Installazzjonijiet meta matul il-perjodu ta' ħames snin rilevanti preċedenti msemmi fl-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, l-emissjonijiet mill-kombustjoni ta' bijomassa li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti skont l-Artikolu 14 jikkontribwixxu bħala medja għal aktar minn 95 % tal-emissjonijiet totali medji ta' gassijiet serra, mhumiex koperti minn din id-Direttiva.";

(b)

il-punt 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.

Meta l-input termiku nominali totali ta' installazzjoni jiġi kkalkulat sabiex jiġi deċiż jekk l-installazzjoni tiddaħħalx fl-EU ETS, l-inputs termiċi nominali tal-unitajiet tekniċi kollha li jagħmlu parti minnha u li fihom jinħarqu fjuwils fi ħdan l-installazzjoni, għandhom jingħaddu flimkien. Dawk l-unitajiet jistgħu jinkludu kull tip ta' bojlers, berners, turbini, ħiters, fran tal-funderiji, inċineraturi, kalkari tal-ġir, kalkari, fran, apparat għat-tnixxif, magni, ċelluli tal-fjuwil, unitajiet tal-kombustjoni "chemical looping", apparat tal-ivvampjar, u impjanti termiċi jew katalitiċi tal-post-kombustjoni. Unitajiet b'input termiku nominali ta' inqas minn 3 MW ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet ta' dan il-kalkolu.";

(c)

it-tabella hija emendata kif ġej:

(i)

l-ewwel ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“Kombustjoni ta' fjuwils f'installazzjonijiet b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW (ħlief f'installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni ta' skart perikoluż jew muniċipali)

Mill-1 ta' Jannar 2024, il-kombustjoni ta' fjuwils f'installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW, għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15.

Diossidu tal-karbonju”;

(ii)

it-tieni ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“Ir-raffinar taż-żejt, li fih jitħaddmu unitajiet tal-kombustjoni b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW

Diossidu tal-karbonju”;

(iii)

il-ħames ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“Produzzjoni tal-ħadid jew tal-azzar (fissjoni primarja jew sekondarja) inkluż l-ikkastjar kontinwu, b'kapaċità li taqbeż it-2,5 tunnellati fis-siegħa

Diossidu tal-karbonju”;

(iv)

is-seba' ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“Produzzjoni ta' aluminju primarju jew alumina

Diossidu tal-karbonju u perfluworokarburi”;

(v)

il-ħmistax-il ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“It-tnixxif jew il-kalċinazzjoni tal-ġipsum jew il-produzzjoni ta' twavel tal-ġibs u ta' prodotti oħra tal-ġipsum, b'kapaċità ta' produzzjoni ta' ġipsum kalċinat jew ġipsum sekondarju mnixxef li taqbeż total ta' 20 tunnellata kuljum

Diossidu tal-karbonju”;

(vi)

it-tmintax-il ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-produzzjoni tal-iswed tal-karbonju li tinvolvi l-karbonizzazzjoni ta' sustanzi organiċi bħal żjut, qatran, residwi tad-distillazzjoni u tal-fran tal-ikkrekkjar b'kapaċità ta' produzzjoni li taqbeż il-50 tunnellata kuljum

Diossidu tal-karbonju”;

(vii)

l-erbgħa u għoxrin ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-produzzjoni tal-idroġenu (H2) u ta' gass sintetiku b'kapaċità ta' produzzjoni li taqbeż il-5 tunnellati kuljum

Diossidu tal-karbonju”;

(viii)

is-sebgħa u għoxrin ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:

“It-trasport ta' gassijiet serra għal ħżin ġeoloġiku f'post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE, bl-esklużjoni ta' dawk l-emissjonijiet koperti minn attività oħra skont din id-Direttiva

Diossidu tal-karbonju”;

(ix)

ir-ringiela li ġejja tiżdied wara l-aħħar ringiela ġdida, b'linja ta' separazzjoni bejniethom:

“Trasport marittimu

L-attivitajiet tat-trasport marittimu koperti mir-Regolament (UE) 2015/757 bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu koperti mill-Artikolu 2(1a) u, sal-31 ta' Diċembru 2026, l-Artikolu 2(1b) ta' dak ir-Regolament

Diossidu tal-karbonju

Mill-1 ta' Jannar 2026, metan u ossidu nitruż”;

(2)

l-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS IIb

Parti A

ID-DISTRIBUZZJONI TAL-FONDI MILL-FOND GĦALL-MODERNIZZAZZJONI LI TIKKORRISPONDI GĦALL-ARTIKOLU 10(1), IT-TIELET SUBPARAGRAFU

 

Sehem

Il-Bulgarija

5,84  %

Iċ-Ċekja

15,59  %

L-Estonja

2,78  %

Il-Kroazja

3,14  %

Il-Latvja

1,44  %

Il-Litwanja

2,57  %

L-Ungerija

7,12  %

Il-Polonja

43,41  %

Ir-Rumanija

11,98  %

Is-Slovakkja

6,13  %

Parti B

ID-DISTRIBUZZJONI TAL-FONDI MILL-FOND GĦALL-MODERNIZZAZZJONI LI TIKKORRISPONDI GĦALL-ARTIKOLU 10(1), IR-RABA' SUBPARAGRAFU

 

Sehem

Il-Bulgarija

4,9  %

Iċ-Ċekja

12,6  %

L-Estonja

2,1  %

Il-Greċja

10,1  %

Il-Kroazja

2,3  %

Il-Latvja

1,0  %

Il-Litwanja

1,9  %

L-Ungerija

5,8  %

Il-Polonja

34,2  %

Il-Portugall

8,6  %

Ir-Rumanija

9,7  %

Is-Slovakkja

4,8  %

Is-Slovenja

2,0  %

”;

(3)

l-Annessi li ġejjin jiddaħħlu bħala l-Annessi III u IIIa tad-Direttiva 2003/87/KE:

"ANNESS III

ATTIVITÀ KOPERTA MILL-KAPITOLU IVa

Attività

Gassijiet serra

Ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u f'setturi addizzjonali. Din l-attività ma għandhiex tinkludi:

(a)

ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw fl-attivitajiet elenkati fl-Anness I, ħlief jekk jintużaw għall-kombustjoni fl-attivitajiet ta' trasport ta' gassijiet serra għall-ħżin ġeoloġiku kif stabbilit fit-tabbella (ringiela sebgħa u għoxrin ta’ dak l-Anness) jew jekk jintużaw għall-kombustjoni f'installazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27a;

(b)

ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li l-fattur tal-emissjoni tagħhom huwa żero;

(c)

ir-rilaxx għall-konsum ta' skart perikoluż jew muniċipali użat bħala fjuwil.

Is-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq għandhom jikkorrispondu għas-sorsi ta' emissjonijiet li ġejjin, definiti fil-Linji Gwida għall-Inventarju Nazzjonali tal-Gassijiet Serra tal-IPCC tal-2006, bil-modifiki meħtieġa għal dawk id-definizzjonijiet, kif ġej:

(a)

Ġenerazzjoni Kkombinata tas-Sħana u tal-Elettriku (CHP) (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A1a ii) u l-Impjanti tas-Sħana (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A1a iii), sakemm jipproduċu s-sħana għall-kategoriji taħt il-punti (c) u (d) ta' dan il-paragrafu, direttament jew permezz ta' networks tat-tisħin distrettwali;

Diossidu tal-karbonju

(b)

It-Trasport bit-Triq (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A3b), eskluż l-użu ta' vetturi agrikoli fuq toroq pavimentati;

(c)

Kummerċjali / Istituzzjonali (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4a);

(d)

Residenzjali (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4b).

Setturi addizzjonali għandhom jikkorrispondu għas-sorsi ta' emissjonijiet li ġejjin, definiti fil-Linji Gwida għall-Inventarju Nazzjonali tal-Gassijiet Serra tal-IPCC tal-2006:

(a)

Industriji tal-Enerġija (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A1), ħlief il-kategoriji definiti skont it-tieni paragrafu, il-punt (a), ta' dan l-Anness;

(b)

Industriji tal-Manifattura u tal-Kostruzzjoni (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A2).

 

ANNESS IIIa

AĠĠUSTAMENT TAL-FATTUR TA' TNAQQIS LINEARI F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 30c(2)

1.   

Jekk l-emissjonijiet medji rrapportati skont il-Kapitolu IVa għas-snin 2024 sa 2026 ikunu aktar minn 2 % ogħla meta mqabbla mal-valur tal-kwantità tal-2025 definita skont l-Artikolu 30c(1), u jekk dawk id-differenzi ma jkunux dovuti għad-differenza ta' inqas minn 5 % bejn l-emissjonijiet irrapportati skont il-Kapitolu IVa u d-data tal-inventarju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni tal-2025 mill-kategoriji tas-sorsi tal-UNFCCC għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa, il-fattur ta' tnaqqis lineari għandu jiġi kkalkulat billi jsir aġġustament tal-fattur ta' tnaqqis lineari msemmi fl-Artikolu 30c(1).

2.   

Il-fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat f'konformità mal-punt 1 għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

LRFaġġ = 100%* [MRV[2024-2026] – (ESR[2024] - 6* LRF[2024]* ESR[2024])]/ (5* MRV[2024-2026]), fejn,

LRFaġġ huwa l-fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat;

MRV[2024-2026] huwa l-medja tal-emissjonijiet verifikati skont il-Kapitolu IVa għas-snin 2024 sa 2026;

ESR[2024] huwa l-valur tal-emissjonijiet tal-2024 definit skont l-Artikolu 30c(1) għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa;

LRF[2024] huwa l-fattur ta' tnaqqis lineari msemmi fl-Artikolu 30c(1).

";

(4)

l-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti A, it-taqsima "Kalkolu" hija emendata kif ġej:

(i)

fit-tielet paragrafu, l-aħħar sentenza "Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa għandu jkun żero." hija sostitwita b'dan li ġej:

"Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa li jikkonforma mal-kriterji ta' sostenibbiltà u mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont din id-Direttiva, kif stabbilit fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttva, għandu jkun żero.";

(ii)

il-ħames paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Għandhom jintużaw fatturi ta' ossidazzjoni prestabbiliti żviluppati skont id-Direttiva 2010/75/UE, sakemm l-operatur ma jkunx jista' juri li l-fatturi speċifiċi għall-attivitajiet huma iktar eżatti.";

(b)

fil-Parti B, it-taqsima "Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju", ir-raba' paragrafu, l-aħħar sentenza "Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa għandu jkun żero." hija sostitwita b'dan li ġej:

"Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa li jikkonforma mal-kriterji ta' sostenibbiltà u mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont din id-Direttiva, kif stabbilit fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, għandu jkun żero.";

(c)

tiżdied il-parti li ġejja:

"PARTI C

Monitoraġġ u rapportar tal-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-attività msemmija fl-Anness III

Monitoraġġ tal-emissjonijiet

L-emissjonijiet għandhom jiġu mmonitorjati permezz ta' kalkolu.

Kalkolu

L-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati bl-użu tal-formula li ġejja:

Fjuwil rilaxxat għall-konsum × il-fattur tal-emissjoni

Il-fjuwil rilaxxat għall-konsum għandu jinkludi l-kwantità ta' fjuwil rilaxxat għall-konsum mill-entità regolata.

Għandhom jintużaw il-fatturi tal-emissjoni prestabbiliti tal-IPCC, meħudin mil-Linji Gwida tal-Inventarju tal-IPCC tal-2006 jew minn aġġornamenti sussegwenti ta' dawk il-Linji Gwida, sakemm ma jkunux aktar eżatti l-fatturi tal-emissjoni marbutin speċifikament mal-fjuwil identifikati minn laboratorji indipendenti akkreditati bl-użu ta' metodi ta' analiżi aċċettati.

Għandu jsir kalkolu separat għal kull entità regolata, u għal kull fjuwil.

Ir-rapportar tal-emissjonijiet

Kull entità regolata għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rapport tagħha:

A.

Data li tidentifika l-entità regolata, inklużi:

isem l-entità regolata;

l-indirizz tagħha, inklużi l-kodiċi postali u l-pajjiż;

it-tip ta' fjuwils li tirrilaxxa għall-konsum u l-attivitajiet tagħha li permezz tagħhom tirrilaxxa l-fjuwils għall-konsum, inkluż it-teknoloġija użata;

l-indirizz, in-numru tat-telefon u tal-faks u d-dettalji tal-posta elettronika għal persuna ta' kuntatt; u

isem is-sid tal-entità regolata, u ta' kwalunkwe kumpanija omm.

B.

Għal kull tip ta' fjuwil rilaxxat għall-konsum u li jintuża għall-kombustjoni fis-setturi msemmija fl-Anness III, li għalih huma kkalkulati l-emissjonijiet:

il-kwantità ta' fjuwil rilaxxat għall-konsum;

il-fatturi tal-emissjoni;

l-emissjonijiet totali;

l-użu/i finali tal-fjuwil rilaxxat għall-konsum; u

l-inċertezza.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkoordinaw il-ħtiġiet tar-rapportar ma' kull ħtieġa eżistenti tar-rapportar sabiex jimminimizzaw il-piż tar-rapportar fuq in-negozji.";

(5)

Fl-Anness V għad-Direttiva 2003/87/KE, tiżdied il-parti li ġejja:

"PARTI C

Verifika tal-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness III

Prinċipji Ġenerali

1.

L-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness III għandhom ikunu soġġetti għal verifika.

2.

Il-proċess tal-verifika għandu jinkludi l-konsiderazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 14(3), u tal-monitoraġġ matul is-sena ta' qabel. Għandu jindirizza l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-eżattezza tas-sistemi tal-monitoraġġ u d-data u l-informazzjoni irrapportati fejn jidħlu l-emissjonijiet, u b'mod partikolari:

(a)

il-fjuwils rrapportati rilaxxati għall-konsum u l-kalkoli relatati;

(b)

l-għażla u l-użu tal-fatturi tal-emissjoni;

(c)

il-kalkoli li jwasslu biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet ġenerali.

3.

L-emissjonijiet irrapportati jistgħu jiġu vvalidati biss jekk ikun hemm data u informazzjoni affidabbli u kredibbli li jippermettu li l-emissjonijiet jiġu determinati b'livell għoli ta' ċertezza. Livell għoli ta' ċertezza jirrikjedi li l-entità regolata turi li:

(a)

id-data rrapportata tkun ħielsa minn inkonsistenzi;

(b)

il-ġbir tad-data jkun twettaq f'konformità mal-istandards xjentifiċi applikabbli; u

(c)

ir-reġistri rilevanti tal-entità regolata jkunu kompleti u konsistenti.

4.

Il-verifikatur għandu jingħata aċċess għas-siti kollha u għall-informazzjoni kollha fir-rigward tas-suġġett tal-verifika.

5.

Il-verifikatur għandu jqis jekk l-entità regolata tkunx irreġistrata bħala parti mill-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali tal-Unjoni (EMAS).

Metodoloġija

Analiżi strateġika

6.

Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq analiżi strateġika tal-kwantitajiet kollha ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata. Dan jirrikjedi li l-verifikatur ikollu ħarsa ġenerali tal-attivitajiet kollha li permezz tagħhom l-entità regolata tkun qed tirrilaxxa l-fjuwils għall-konsum, u s-sinifikat tagħhom għall-emissjonijiet.

Analiżi tal-proċess

7.

Meta xieraq, il-verifika tad-data u tal-informazzjoni ppreżentati għandha titwettaq fuq is-sit tal-entità regolata. Il-verifikatur għandu juża kontrolli fuq il-post sabiex jiddetermina l-affidabbiltà tad-data u tal-informazzjoni rrapportati.

Analiżi tar-riskji

8.

Il-verifikatur għandu jissottometti l-mezzi kollha li permezz tagħhom il-fjuwils jiġu rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata għal evalwazzjoni fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet globali tal-entità regolata.

9.

Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-verifikatur għandu jidentifika b'mod espliċitu kwalunkwe element b'riskju għoli ta' żball u l-aspetti l-oħra tal-proċedura tal-monitoraġġ u r-rapportar li x'aktarx jikkontribwixxu għall-iżbalji meta jiġu determinati l-emissjonijiet ġenerali. Dan jinvolvi b'mod speċjali l-kalkoli meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-emissjonijiet minn sorsi individwali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-elementi b'riskju għoli ta' żball u lill-aspetti msemmija hawn fuq dwar il-proċedura tal-monitoraġġ.

10.

Il-verifikatur għandu jqis kwalunkwe metodu effettiv ta' kontroll tar-riskju applikat mill-entità regolata bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-livell ta' inċertezza.

Rapport

11.

Il-verifikatur għandu jħejji rapport dwar il-proċess tal-validazzjoni li jiddikjara jekk ir-rapport skont l-Artikolu 14(3) ikunx sodisfaċenti. Dan ir-rapport għandu jispeċifika l-kwistjonijiet kollha rilevanti għax-xogħol imwettaq. Tista' ssir dikjarazzjoni li r-rapport skont l-Artikolu 14(3) huwa sodisfaċenti jekk, fl-opinjoni tal-verifikatur, l-emissjonijiet totali ma jkunux iddikjarati b'dikjarazzjoni skorretta materjali.

Rekwiżit ta' kompetenza minima għall-verifikatur

12.

Il-verifikatur għandu jkun indipendenti mill-entità regolata, għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'mod professjonali, kompetenti u oġġettiv, u jifhem:

(a)

id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, kif ukoll l-istandards u l-gwida rilevanti adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(1);

(b)

ir-rekwiżiti leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi rilevanti għall-attivitajiet li jkunu qed jiġu vverifikati; u

(c)

il-ġenerazzjoni tal-informazzjoni kollha relatata mal-mezzi kollha li permezz tagħhom il-fjuwils jiġu rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata, b'mod partikolari dik relatata mal-ġbir, il-kejl, il-kalkolu u r-rapportar tad-data.".


Top