Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2881

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2881 tal-20 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għall-Arranġament bi Frekwenza Baxxa (LOFAR ERIC) (notifikata bid-dokument C(2023) 8904)

C/2023/8904

ĠU L, 2023/2881, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2881/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2881/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2881

22.12.2023

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2881

tal-20 ta’ Diċembru 2023

li tistabbilixxi l-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għall-Arranġament bi Frekwenza Baxxa (LOFAR ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2023) 8904)

(It-testi bil-Bulgaru, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Olandiż, bil-Pollakk u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands u l-Polonja ppreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 biex jistabbilixxu LOFAR ERIC (“l-applikazzjoni”).

(2)

L-applikanti qablu li n-Netherlands ikun l-Istat Membru ospitanti tal-LOFAR ERIC.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Matul il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kisbet il-fehmiet ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-impatti tal-astronomija tar-raġġi gamma, l-astrofiżika, il-fiżika tal-partiċelli, il-fiżika tal-plażma u l-fiżika fundamentali.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Jitwaqqaf il-Konsorzju għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għall-Arranġament bi Frekwenza Baxxa (LOFAR ERIC).

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC kif imsemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana, lir-Renju tan-Netherlands u lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Iliana IVANOVA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1 (kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1261/2013, ĠU L 326, 6.12.2013, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-LOFAR ERIC

1.   Il-forma ġuridika u l-isem

(l-Artikolu 1 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

Għandu jiġi stabbilit Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka. Dan il-Konsorzju għandu jkollu l-forma ġuridika ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) inkorporat skont id-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1261/2013 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament ERIC”) u jissejjaħ “LOFAR ERIC”.

2.   Sede statutorja

(l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

Il-LOFAR ERIC għandu jkollu s-sede statutorju fi Dwingeloo, in-Netherlands; minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Il-Pajjiż Ospitanti”.

3.   Kompiti u attivitajiet

(l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-kompitu prinċipali tal-LOFAR ERIC għandu jkun li jiżgura l-isfruttament ikkoordinat tal-infrastruttura tal-LOFAR, li jipproduċi riċerka xjentifika ta’ klassi dinjija u li jsegwi li jkun hemm aktar żvilupp, bl-għan li jimmassimizza l-produttività u l-impatt għall-Membri u għall-komunità xjentifika internazzjonali, u b’hekk il-LOFAR ERIC isir infrastruttura tar-riċerka distribwita minn ta’ quddiem fid-dinja b’perspettiva fit-tul, li tkun tinsab fil-pajjiżi Membri tal-LOFAR ERIC kif ukoll f’pajjiżi oħra fejn il-LOFAR ERIC iddeċieda li jillokalizza xi wħud mill-faċilitajiet tiegħu.

2.

Fit-twettiq tal-kompitu prinċipali tiegħu, il-LOFAR ERIC għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin:

a.

l-iżgurar ta’ operazzjoni koordinata u sfruttament xjentifiku tal-faċilitajiet tal-LOFAR bħala infrastruttura koeżiva, taħt strateġija komuni fit-tul u politiki komuni, biex jimmassimizza l-produzzjoni xjentifika u l-impatt għall-Membri u l-komunità internazzjonali;

b.

jipprovdi aċċess effettiv għas-servizzi tax-xjenza tal-LOFAR ERIC għall-komunità tal-utenti, filwaqt li jinkorpora l-prinċipji tal-evalwazzjoni bejn il-pari u l-prinċipji tax-xjenza miftuħa;

c.

l-operat ġenerali tal-LOFAR ERIC, li jkopri l-aspetti legali, ta’ governanza u finanzjarji;

d.

il-parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE, (multi) nazzjonali u oħrajn iffinanzjati minn partijiet terzi li huma konformi mal-għanijiet tal-LOFAR ERIC.

3.

Il-LOFAR ERIC jista’ jwettaq ukoll l-attivitajiet li ġejjin:

a.

l-insegwiment ta’ aktar żvilupp tal-infrastruttura LOFAR, u faċilitajiet u kapaċitajiet xjentifiċi relatati;

b.

it-twettiq ta’ djalogu strateġiku biex jiġi ottimizzat ir-rwol tal-LOFAR ERIC fil-komunità xjentifika globali;

c.

l-iżvilupp ta’ Sħubija u sħubijiet ġodda kif stabbilit fl-Artikoli 14 u 19;

d.

il-promozzjoni tal-interessi tal-LOFAR ERIC fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, Ewropej u internazzjonali;

e.

it-tfittxija ta’ aktar sorsi ta’ finanzjament, b’mod partikolari iżda mhux limitati għal aġġornamenti u estensjonijiet;

f.

it-trawwim tat-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali;

g.

it-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni relatata oħra meħtieġa biex jikseb il-kompitu tiegħu.

4.

Il-LOFAR-ERIC għandu jwettaq il-kompitu ewlieni tiegħu fuq bażi mhux ekonomika. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-LOFAR ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu ewlieni tiegħu u li ma jipperikolawx it-twettiq tiegħu.

5.

Il-LOFAR ERIC għandu jżomm rendikont tal-ispejjeż u l-introjtu tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, l-ispejjeż totali b’marġni raġonevoli.

4.   Id-durata u l-proċedura għall-istralċ

(l-Artikolu 4 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-LOFAR ERIC għandu jeżisti għal perjodu ta’ żmien indefinit, iżda jista’ jiġi stralċjat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi (2) sa (6).

2.

L-istralċ tal-LOFAR ERIC għandu jiġi deċiż mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 27(6)(d).

3.

Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien 10 ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi stralċat il-LOFAR ERIC, il-LOFAR ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

4.

L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-dejn tal-LOFAR ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri skont il-kontribuzzjoni annwali tagħhom lill-LOFAR-ERIC kif speċifikat fl-Artikolu 21.

5.

Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, il-LOFAR ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

6.

Il-LOFAR-ERIC ma għandux jibqa’ jeżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Responsabbiltà u assigurazzjoni

(l-Artikolu 5 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-LOFAR ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. Il-LOFAR ERIC ma għandux ikun responsabbli għal obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ Faċilitajiet LOFAR ta’ sjieda separata.

2.

Il-Membri ma għandhomx ikunu responsabbli b’mod konġunt għad-djun tal-LOFAR ERIC. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-LOFAR ERIC għandha tkun limitata għall-valur tal-kontribuzzjoni annwali rispettiva ta’ kull membru individwali maqbula fil-baġit annwali.

3.

Il-LOFAR ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u għall-operat tal-LOFAR ERIC.

6.   Politika ta’ aċċess għas-servizzi tal-LOFAR ERIC

(l-Artikolu 6 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-LOFAR ERIC għandu jipprovdi u jappoġġa opportunitajiet effettivi ta’ aċċess għall-utenti għas-servizzi tal-LOFAR ERIC għat-twettiq ta’ riċerka xjentifika. Dawn is-servizzi għandhom jinkludu, fost l-oħrajn: it-twettiq ta’ osservazzjonijiet, il-ġenerazzjoni ta’ prodotti ta’ data xjentifika, it-tmexxija ta’ arkivju ta’ data tax-xjenza aċċessibbli għall-pubbliku, l-appoġġ għall-utenti u t-taħriġ.

2.

Is-servizzi tal-LOFAR ERIC ipprovduti għandhom jitħabbru u jiġu ddokumentati pubblikament, flimkien mal-opportunitajiet ta’ aċċess, għall-proċeduri u għall-kriterji ta’ allokazzjoni għal dawn id-diversi servizzi.

3.

Il-politika ta’ Aċċess li tirregola s-servizzi kollha tal-LOFAR ERIC għar-riċerka xjentifika għandha tiġi stabbilita u miżmuma mill-Kunsill, bil-prinċipji tagħha deċiżi skont l-Artikolu 27(6)(b) u l-implimentazzjoni tagħha tiġi deċiża skont l-Artikolu 27(5)(e).

4.

Il-politika ta’ Aċċess tal-LOFAR ERIC għandha tissalvagwardja li, mill-ammont totali ta’ operazzjonijiet tal-baġit li jintefaq fuq il-forniment ta’ servizzi, il-maġġoranza tiġi diretta bħala appoġġ għar-riċerka mill-komunità globali. Meta jiġi offrut aċċess miftuħ fuq bażi kompetittiva, dan għandu jingħata permezz ta’ evalwazzjoni bejn il-pari xjentifika indipendenti.

5.

Il-politika ta’ Aċċess tal-LOFAR ERIC għandha tissalvagwardja wkoll l-eliġibbiltà għall-Membri kollha tal-LOFAR ERIC biex jibbenefikaw minn Aċċess Riżervat; dan se jirregola l-intitolament għal partijiet mill-opportunitajiet disponibbli għall-aċċess tal-utenti għas-servizzi tal-LOFAR ERIC.

7.   Politika tal-Evalwazzjoni Xjentifika

(l-Artikolu 7 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

L-attivitajiet tal-LOFAR ERIC se jiġu evalwati minn bord indipendenti ta’ esperti internazzjonali mill-inqas darba kull 5 snin. Il-Protokoll ta’ evalwazzjoni (inklużi l-għanijiet, it-termini ta’ referenza, il-kompożizzjoni tal-bord u l-proċedura ta’ nomina għall-membri tal-bord) għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill skont l-Artikolu 27(5)(j). Il-Bord jirrapporta lill-Kunsill.

8.   Politika dwar id-Disseminazzjoni

(l-Artikolu 8 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-LOFAR ERIC għandu jkun faċilitatur tar-riċerka u bħala regola ġenerali għandu jinkoraġġixxi l-prinċipji tax-xjenza miftuħa għad-data tar-riċerka.

2.

Il-LOFAR ERIC għandu jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati u d-data tagħhom disponibbli għall-pubbliku (aċċess miftuħ) ukoll permezz tal-LOFAR ERIC.

3.

Il-LOFAR ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, inkluż portal tal-Internet, workshops, preżenza f’konferenzi, artikli u l-midja tal-aħbarijiet.

4.

Id-data xjentifika ġġenerata permezz tas-servizzi tal-LOFAR ERIC, sa fejn ikun permess legalment, se tkun disponibbli u aċċessibbli b’mod miftuħ għal kwalunkwe riċerkaturi, istituzzjonijiet xjentifiċi u partijiet ikkonċernati oħra, skont il-politiki tal-Kunsill f’konformità mal-prinċipji tax-xjenza miftuħa u mal-politika tad-data kif preskritt fl-Artikolu 32.

9.   Politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali

(l-Artikolu 9 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

It-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.

2.

Il-LOFAR ERIC għandu jadotta l-politika tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (l-Artikolu 27(5)(h)). Il-LOFAR ERIC għandu jkun is-sid tal-Proprjetà Intellettwali kollha li tirriżulta mill-attivitajiet tiegħu skont dawn l-Istatuti inkluż, iżda mhux limitat għal, Proprjetà Intellettwali prodotta minn persunal impjegat minn LOFAR ERIC skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-LOFAR ERIC, ħlief fejn kopert minn ftehimiet kuntrattwali separati jew fejn il-leġiżlazzjoni obbligatorja jew dawn l-Istatuti jiddikjaraw mod ieħor.

3.

Il-Proprjetà Intellettwali ta’ sfond tal-membri jew tal-entitajiet rappreżentanti tagħhom għandha tibqa’ l-proprjetà tagħhom. Għandha tiġi liċenzjata lil-LOFAR ERIC jekk ikun meħtieġ u permezz ta’ ftehimiet speċifiċi.

4.

Il-membri li jikkontribwixxu għas-sehem tagħhom tal-ispejjeż għax-xogħol ta’ żvilupp magħmul minn Membru/i ieħor/oħra jistgħu jużaw il-proprjetà intellettwali li tirriżulta liberament għal skopijiet xjentifiċi biss. Jekk Membru tal-LOFAR ERIC jixtieq juża kwalunkwe proprjetà intellettwali għal gwadann kummerċjali, irid jinkiseb permess mill-Membru sid tal-proprjetà intellettwali.

10.   Politika dwar l-Impjiegi

(l-Artikolu 10 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-LOFAR ERIC jista’ jimpjega persunal. Il-politika dwar l-impjiegi tal-LOFAR ERIC għandha tkun regolata mil-liġijiet tal-pajjiż li fih ikun impjegat il-persunal.

2.

Il-proċeduri tal-għażla, ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-pożizzjonijiet tal-persunal tal-LOFAR ERIC għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, filwaqt li għandhom jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs. Il-pożizzjonijiet vakanti kollha fil-LOFAR ERIC għandhom jitħabbru pubblikament.

11.   Politika dwar l-Akkwist

(l-Artikolu 11 tal-Istatuti tal-LOFAR ERIC)

1.

Il-LOFAR ERIC għandu jittratta l-kandidati tal-akkwisti u lill-offerenti b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni, indipendentement minn jekk dawn ikunux ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika dwar l-akkwist tal-LOFAR ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni. Ir-regoli dettaljati u kriterji dwar il-proċeduri tal-akkwist għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

2.

L-akkwist minn Membri u minn Osservaturi li jikkonċerna l-attivitajiet tal-LOFAR ERIC għandu jsir b’tali mod li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-ħtiġijiet, lir-rekwiżiti tekniċi u lill-ispeċifikazzjonijiet tal-LOFAR ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2881/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top