Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2853

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2853 tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

    ST/15954/2023/INIT

    ĠU L, 2023/2853, 19.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2853/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2853/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2853

    19.12.2023

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2853

    tat-12 ta’ Diċembru 2023

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

    (2)

    In-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Sħab tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) (ir-Repubblika tal-Burundi, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Repubblika tar-Rwanda, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija u r-Repubblika tal-Uganda) għal FSE bejn l-UE u l-EAC ġew konklużi fl-14 ta’ Ottubru 2014 u l-FSE bejn l-UE u l-EAC ġie inizjalat fis-16 ta’ Ottubru 2014.

    (3)

    Ir-Repubblika tal-Kenja (“Kenja”) iffirmat u rratifikat l-FSE bejn l-UE u l-EAC fl-1 u fit-28 ta’ Settembru 2016, rispettivament. Biex l-FSE bejn l-UE u l-EAC jidħol fis-seħħ, il-membri kollha tal-EAC jeħtieġ li jiffirmawh u jirratifikawh. Sa din id-data, il-firma u r-ratifika tal-membri l-oħra tal-EAC għadhom pendenti, u b’hekk jipprevjeni li l-FSE bejn l-UE u l-EAC jidħol fis-seħħ.

    (4)

    Fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill aġġorna d-direttivi ta’ negozjar tal-Kummissjoni tal-2002 billi inkluda l-konklużjoni ta’ kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-FSE.

    (5)

    Fis-27 ta’ Frar 2021, is-Summit tal-EAC awtorizza lill-membri individwali tal-EAC biex jipproċedu bl-implimentazzjoni bilaterali tal-FSE bejn l-UE u l-EAC skont il-prinċipju ta’ “ġeometrija varjabbli”. Fl-4 ta’ Mejju 2021, il-Kenja nnotifikat lill-Kummissjoni bit-talba tagħha biex timxi ’l quddiem f’dak is-sens.

    (6)

    Fis-17 ta’ Frar 2022, l-Unjoni u l-Kenja iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta fil-marġini tas-Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana fejn qablu li javvanzaw in-negozjati dwar FSE bejn l-Unjoni u l-Kenja (“il-Ftehim”), li għandu jibqa’ miftuħ għall-adeżjoni minn Stati bi Sħab oħra tal-EAC.

    (7)

    Fl-24 ta’ Mejju 2023, in-negozjati għall-Ftehim ġew konklużi b’suċċess.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2853/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top