Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2788

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2788 tal-11 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

ST/15643/2023/INIT

ĠU L, 2023/2788, 11.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2788/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2788/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2788

11.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2788

tal-11 ta’ Diċembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1).

(2)

Fil-31 ta’ Jannar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bil-qawwa t-twaqqigħ tal-gvern tal-Myanmar elett demokratikament mill-forzi militari tal-Myanmar bi ksur sfaċċat tar-rieda tal-poplu kif espressa fl-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2020. Dak l-att illeġittimu reġġa’ lura t-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż u wassal għal konsegwenzi umanitarji, soċjali, ta’ sigurtà, ekonomiċi u tad-drittijiet tal-bniedem diżastrużi.

(3)

L-Unjoni tibqa’ mħassba ħafna dwar l-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza fil-Myanmar/Burma u l-evoluzzjoni lejn kunflitt fit-tul b’implikazzjonijiet reġjonali. L-Unjoni tikkundanna l-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi armati tal-Myanmar, inkluż it-tortura, il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, il-persekuzzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti, u l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, inkluż il-minoranzi etniċi u reliġjużi.

(4)

Fin-nuqqas ta’ progress rapidu fis-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma, l-Unjoni esprimiet diversi drabi li hija tinsab lesta tadotta miżuri restrittivi ulterjuri kontra dawk responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedemli qed iseħħu f’dak il-pajjiż.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi li qed tippersisti fil-Myanmar/Burma, jenħtieġ li jiżdiedu erba’ persuni u żewġ entitajiet fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta’ April 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista stabbilita fit-“Taqsima A (Persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikoli 5(1) u 6(1)):

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“100.

Nyo Saw

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Membru tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Istat (SAC) u Konsulent ta’ Min Aung Hlaing (President tas-SAC);

Grad: Logutenent Ġeneral;

Grad politiku: Ministru tal-Unjoni

F’Settembru 2023, il-Logutenent Ġeneral Nyo Saw inħatar membru tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Istat wara li nħatar konsulent għoli tal-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Istat (SAC), il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing (li ilu ddeżinjat mit-22.3.2021) fil-grad ta’ Ministru tal-Unjoni. Huwa wkoll kap ta’ kumitat li għandu l-kompitu li jimporta fjuwil mir-Russja, il-fornitur ewlieni tal-armi tar-reġim. Nyo Saw irtira mill-armata fl-2020 bħala ġeneral inkarigat mill-proviżjonijiet. Huwa jservi wkoll bħala membru tal-Kumitat ta’ Superviżjoni tal-Kambju Barrani (FESC) u bħala l-president tal-konglomerat militari Myanmar Economic Corporation (MEC), li t-tnejn li huma jiġġeneraw dħul għar-reġim. Huwa wkoll membru tal-grupp patrun ta’ Myanmar Economic Holdings Ltd (MEHL). Bħala membru tas-SAC u konsulent tal-President tas-SAC, Nyo Saw għandu rwol ewlieni fiż-żamma u l-orkestrazzjoni tad-dittatorjat militari fil-Myanmar li ħataf il-poter permezz ta’ kolp ta’ stat militari fl-2021, b’liema waqqa’ l-gvern elett demokratikament. Permezz tar-rwoli tiegħu fit-tmexxija ta’ intrapriżi bi sjieda militari u fil-ġestjoni tal-importazzjonijiet tal-fjuwil mir-Russja, inkluż għall-użu militari, huwa jipprovdi wkoll appoġġ ekonomiku u introjtu lir-reġim militari. Nyo Saw huwa assoċjat ma’ membri preċedenti u attwali tar-reġim tal-ġunta.

Nyo Saw huwa għaldaqstant persuna fiżika li l-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u li jinvolvi ruħu f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, Nyo Saw huwa assoċjat ma’ persuni ddeżinjati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013, b’mod partikolari l-Ġeneral Min Aung Hlaing.

11.12.2023

101.

Hla Moe

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Kmandant tal-Kmand tal-Lvant tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw);

Grad: Maġġur Ġeneral

Il-Maġġur Ġeneral Hla Moe huwa l-kmandant tal-Kmand tal-Lvant. Taħt il-kmand tiegħu, l-attakki mill-ajru b’mod partikolari fl-istat ta’ Kayah żdiedu drastikament, u fl-2021 u fl-2022 irduppjaw it-total ikkombinat. Dawn l-attakki mill-ajru għandhom fil-mira dejjem aktar il-persuni ċivili, u dan qed iwassal għal aktar vittmi ċivili u għadd dejjem akbar ta’ IDPs (żieda minn total ta’ 200 000 fl-2022 għal 250 000 s’issa fl-2023). Taħt il-kmand ta’ Hla Moe, l-unitajiet militari tal-Kmand tal-Lvant għadhom iwettqu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta’ persuni ċivili bħala tarki umani, qtil extraġudizzjarju u ħruq f‘ Southern Shan u fl-Istat ta’ Kayah. Minbarra li jwettqu dawn l-atti ta’ vjolenza, huma jostakolaw b’mod attiv il-fluss tal-provvista tal-ikel, il-mediċini u l-prodotti u s-servizzi essenzjali għall-popolazzjoni lokali u l-IDPs.

Bħala kmandant tal-Kmand tal-Lvant, Hla Moe huwa membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, kif ukoll għall-ostakolar tal-għoti ta’ assistenza umanitarja lil persuni ċivili fil-bżonn. Barra minn hekk, l-azzjonijiet, il-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u huwa involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

11.12.2023

102.

Hmu Htan

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid:

Bejn l-1960 u l-1975;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC)

Hmu Htan ilu membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) mill-20 ta’ Frar 2023. Huwa wkoll membru tal-partit bi prokura militari Union Solidarity and Development Party (USDP).

Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit is-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma jitħalliex iwettaq il-mandat tiegħu.

Bħala membru tas-SAC, Hmu Htan kien u għadu direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet tal-istat, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, is-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tas-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ’l hawn, billi qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, illimitaw il-libertà ta’ għaqda u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Barra minn hekk, is-SAC impona l-liġi marzjali f’partijiet tal-pajjiż li tat lill-forzi militari l-awtorità sħiħa fuq iż-żona speċifikata, inkluż il-funzjonijiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi. Fiż-żoni taħt il-liġi marzjali, iċ-ċivili, inkluż ġurnalisti u dimostranti paċifiċi, jiġu mħarrka mill-qrati militari, ħaġa li effettivament iċċaħħadhom mid-dritt għal proċess ġust, inkluż id-dritt ta’ appell. L-azzjoni vjolenti mill-forzi militari u mill-pulizija li thedded il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà żdiedet b’mod sinifikanti f’żoni fejn ġiet iddikjarata l-liġi marzjali.

Minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala membru tas-SAC, Hmu Htan hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

11.12.2023

103.

Wunna Maung Lwin

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid:

30.5.1952;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC); eks Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-ġunta

Wunna Maung Lwin ilu membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) mill-20 ta’ Frar 2023. Huwa wkoll membru tal-partit bi prokura militari Union Solidarity and Development Party (USDP).

Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit is-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma jitħalliex iwettaq il-mandat tiegħu.

Bħala membru tas-SAC, Wunna Maung Lwin kien u għadu direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet tal-istat u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, is-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika.

Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tas-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ’l hawn, billi qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, illimitaw il-libertà ta’ għaqda u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Barra minn hekk, is-SAC impona l-liġi marzjali f’partijiet tal-pajjiż li tat lill-forzi militari l-awtorità sħiħa fuq iż-żona speċifikata, inkluż il-funzjonijiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi. Fiż-żoni taħt il-liġi marzjali, iċ-ċivili, inkluż ġurnalisti u dimostranti paċifiċi, jiġu mħarrka mill-qrati militari, ħaġa li effettivament iċċaħħadhom mid-dritt għal proċess ġust, inkluż id-dritt ta’ appell. L-azzjoni vjolenti mill-forzi militari u mill-pulizija li thedded il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà żdiedet b’mod sinifikanti f’żoni fejn ġiet iddikjarata l-liġi marzjali.

Minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala membru tas-SAC u eks Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-ġunta, Wunna Maung Lwin huwa direttament responsabbli għal deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għal azzjonijiet immirati biex jilleġittimizzawhom internazzjonalment.

11.12.2023”

(2)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista stabbilita fit-“Taqsima B (Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6(1)):

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“20.

Star Sapphire Group of Companies

Indirizz:

Room (201), Building (C), Tet Ka Tho Yeik Mon Housing,

New University Ave Rd, Yangon, Myanmar;

No.30 B room 701/702 Yadanar Inya Condo Than Lwin

Rd, Yangon, Yangon, Myanmar

Star Sapphire Group of Companies għandu rwol importanti fil-ġenerazzjoni ta’ introjtu għar-reġim militari u fil-forniment ta’ armi u tagħmir ieħor użat mill-forzi armati. Il-grupp ta’ kumpaniji huwa kkontrollat minn individwi marbuta mal-militar tal-Myanmar u kien involut f’firxa wiesgħa ta’ setturi tan-negozju, inkluż l-estrazzjoni, il-manifattura, id-difiża, każinos, l-enerġija, l-agrikoltura u l-kummerċ. Għalhekk, Star Sapphire Group of Companies jiġġenera dħul għall-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u jagħtihom appoġġ filwaqt li jgawdi minnhom.

11.12.2023

21.

Royal Shune Lei Company Limited

Indirizz:

No (37), Room (10), Bahosi Housing, Lanmadaw Township, Yangon, Myanmar

Royal Shune Lei Company Limited hija intrapriża privata li kkontribwiet għall-akkwist ta’ armi u tagħmir militari għall-benefiċċju tal-forzi armati tal-Myanmar. B’dan il-mod, hija appoġġat attivitajiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

11.12.2023”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2788/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top